Language of document : ECLI:EU:T:2007:171

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali TWIST & POUR – Raġuni assoluta ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni – Trade mark li mhijiex ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑190/05,

The Sherwin-Williams Company, stabbilita fi Cleveland, Ohio (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri u A. Castán Pérez-Gómez, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Ó. Mondéjar, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-22 ta’ Frar 2005 (Każ R 755/2004‑2), dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjal TWIST & POUR bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Mejju 2005,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Awwissu 2005

wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2007

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-25 ta’ Frar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, fuq it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendata.

2        It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali TWIST & POUR.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 21 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Kontenituri tal-plastik bil-manku, mibjugħa bħala elementi li jifformaw parti minn proċess ta’ ħażna u ta’ applikazzjoni ta’ żebgħa likwida”.

4        B’ittra ta’ l-10 ta’ Marzu 2004, l-eżaminatur informa lir-rikorrenti li t-trade mark mitluba ma setgħatx tiġi rreġistrata minħabba li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa indika, b’mod partikolari, li din it-trade mark ma tiġix ipperċepita bħala indikatur ta’ oriġini. L-eżaminatur għalhekk stieden lir-rikorrenti sabiex tippreżentalu l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ xahrejn.

5        B’ittra ta’ l-10 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti rrispondiet, essenzjalment, li t-trade mark mitluba kienet oriġinali biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata u sabiex tissodisfa l-funzjoni ta’ trade mark, li hija kellha tiġi kkunsidrata kollha kemm hi u li diversi trade marks oħra li jinkludu l-kelma “twist” kienu preċedentement ġew irreġistrati mill-UASI.

6        B’deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2004, l-eżaminatur ċaħad din l-applikazzjoni minħabba li t-trade mark Komunitarja mitluba kienet taqa’ taħt ir-raġuni ta’ rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 peress li, l-ewwel nett, hija kienet komposta minn żewġ verbi bl-Ingliż li sempliċement jinformaw lill-konsumaturi bil-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni, it-tieni nett, il-messaġġ mogħti kien sempliċi, ċar u dirett, it-tielet nett, il-monopolju ta’ l-użu ta’ termini kurrenti jew adattamenti ta’ l-imsemmija termini li jidddeskrivu l-prodotti ma setax jingħata lil impriża waħda biss u, ir-raba’ nett, it-trade marks l-oħra invokati mir-rikorrenti ma kinux paragunabbli mat-trade mark li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

7        Fit-30 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur.

8        B’deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2005 (aktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata fit-28 ta’ Frar 2005, it-Tieni Bord ta’ Appell, essenzjalment, ikkunsidra li l-messaġġ mogħti mit-trade mark mitluba kien sempliċi, ċar u dirett, b’tali mod li s-sinjal verbali TWIST & POUR kien sempliċement jinforma lill-konsumaturi li, sabiex joħorġu ż-żebgħa mill-kontenitur, kull ma kellhom jagħmlu kien li jdawru l-għatu u jferrgħu l-kontenut. F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li qies li s-sinjal verbali TWIST & POUR kien jiddeskrivi l-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, il-Bord ta’ l-Appell ċaħad ir-rikors. Dan ta’ l-aħħar ippreċiża wkoll li l-argument tar-rikorrenti li l-eżaminatur kien imissu ħa in kunsiderazzjoni l-elementi rilevanti fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ), u mhux f’dak ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx fondat, peress li kien hemm sovrappożizzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, il-Bord ta’ l-Appell irrileva li, konformament mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie (C‑265/00, Ġabra. p. I‑1699), l-eżaminatur kellu dritt jikkunsidra li t-trade mark mitluba ma kellhiex karattru distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 peress li kienet tiddeskrivi ċerti karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni. Il-Bord ta’ l-Appell qies li l-fatt li l-eżaminatur ma semmiex espressament l-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ l-imsemmi regolament u li ma bbażax id-deċiżjoni tiegħu espressament fuq din id-dispożizzjoni kien mingħajr importanza kbira, peress li r-rikorrenti kienet ġiet infurmata perfettament dwar in-natura ta’ l-oġġezzjoni u li hija kienet f’pożizzjoni li tippreżenta l-argumenti tagħha fuq l-allegat karattru distintiv tat-trade mark mitluba. Rigward in-nuqqas ta’ koerenza ta’ l-UASI minħabba r-reġistrazzjoni ta’ trade marks jixtiebhu, il-Bord ta’ l-Appell fakkar li jeżistu proċeduri ta’ annullament għar-reġistrazzjonijiet mogħtija bi żball u li kien importanti li d-deċjoni tiegħu tkun koerenti.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannula d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

10      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

11      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti tfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 tirrigwarda s-sinjali li huma inadegwati sabiex jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li tidentifika l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, bħalma huma s-sinjali użati komunement għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jew servizzi identifikati bit-trade mark jew li jistgħu jkunu hekk [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, Norma Lebensmittelfilialbetrieb vs UASI (Mehr für Ihr Geld), T‑281/02, Ġabra p. II‑1915, punti 24 u 33]. Skond din il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark għandha ssir, minn naħa, fil-konfront tal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tagħha (sentenza Mehr für Ihr Geld, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

13      F’din il-kawża, peress li l-prodotti kkonċernati huma reċipjenti ta’ żebgħa likwida destinati għall-konsumaturi kollha, il-pubbliku rilevanti jkun il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Barra minn hekk, peress li s-sinjal verbali huwa kompost minn żewġ kelmiet bl-Ingliż, il-pubbliku rilevanti huwa kompost mill-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T‑219/00, Ġabra p. II‑753, punti 30 u 31].

14      Ir-rikorrenti tfakkar ukoll il-ġurisprudenza li tgħid, minn naħa, li kull motiv ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni huwa indipendenti mill-oħrajn u jeħtieġ eżami separat, hekk li l-imsemmija motivi ta’ rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-interess ġenerali li huwa l-bażi ta’ kull wieħed minnhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C‑329/02 P, Ġabra p. I‑8317). Min-naħa l-oħra, peress li s-sinjal huwa kompost minn trade mark kumplessa magħmula minn żewġ kelmiet, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha għandha ssir abbażi ta’ l-eżami tiegħu kollu kemm hu [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 2002, SAT.1 vs UASI (SAT.2), T‑323/00, Ġabra p. II‑2839].

15      Is-sinjal verbali TWIST & POUR huwa, skond ir-rikorrenti, distintiv, hekk li s-soluzzjoni mogħtija mill-Bord ta’ l-Appell, li kkonstata li dan is-sinjal huwa inadegwat sabiex jissodisfa funzjoni distintiva, hija insuffiċjenti, infondata u approssimattiva.

16      Ir-rikorrenti tirrileva, l-ewwel nett, li l-Bord ta’ l-Appell stabbilixxa n-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark mitluba minħabba l-allegat karattru deskrittiv tas-sinjal, peress li huwa indika, fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjal verbali TWIST & POUR sempliċement jinforma lill-konsumaturi bil-fatt li, sabiex tinħareġ iż-żebgħa mir-reċipjent, kull ma l-konsumaturi jridu jagħmlu huwa li jdawru l-għatu u jferrgħu l-kontenut. Barra minn hekk, din l-idea hija mfakkra fil-punt 12 ta’ l-imsemmija deċiżjoni fejn huwa indikat li t-trade mark mitluba tgħaddi informazzjoni fuq kif għandu jintuża l-prodott.

17      Issa, dan il-kriterju huwa rilevanti fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) iżda mhux f’dak ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell wettaq żball ta’ dritt li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fil-kuntest tas-sentenzi SAT.1 vs UASI, iċċitata fil-punt 14 aktar ’il fuq, u tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk (C‑64/02 P, Ġabra p. I‑10031).

18      It-tieni nett, huwa ineżatt li jiġi allegat li t-trade mark Komunitarja mitluba tidentifika karatteristika ta’ l-oġġett ikkonċernat, b’tali mod li tiġi kkunsidrata bħala trade mark deskrittiva. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn it-trade marks deskrittivi u dawk li jagħmlu biss allużjoni jew suġġestjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, għalkemm l-indikazzjonijiet deskrittivi ma jistgħux jiġu protetti bħala trade mark, dan mhuwiex il-każ għall-indikazzjonijiet jew sinjali li jagħmlu allużjoni jew suġġestjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Taurus-Film vs UASI (Cine Action), T‑135/99, Ġabra p. II‑379, u tad-9 ta’ Ottubru 2002, Dart Industries vs UASI (UltraPlus), T‑360/00, Ġabra p. II‑3867].

19      Skond ir-rikorrenti, ma jeżistix punt preċiż li lil hinn minnu kelma tgħaddi f’daqqa minn kategorija għall-oħra, iżda pjuttost skala flessibbli bejn żewġ estremitajiet – li tvarja mis-sinjali li mhumiex deskrittivi, li r-reġistrazzjoni tagħhom hija possibbli, sas-sinjali purament deskrittivi, li r-reġistrazzjoni tagħhom hija impossibbli – li fuqha jinsabu s-sinjali u l-karatteristiċi deskrittivi, li jagħmlu suġġestjoni u dawk li jagħmlu allużjoni skond il-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom. A priori, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tiddependi parzjalment mill-evalwazzjoni suġġettiva ta’ l-eżaminatur u, fil-kuntest ta’ l-appell, tal-Bord ta’ l-Appell.

20      Madankollu, l-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-punti 62 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħu qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley (C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, I‑12449), kien semma l-kriterji oġġettivi xierqa li jippermettu li t-trade marks deskrittivi jiġu distinti minn dawk li huma sempliċiment evokatriċi.

21      Skond ir-rikorrenti, jekk jiġu applikati dawn il-kriterji għas-sinjal verbali TWIST & POUR, jiġi kkonstatat li din it-trade mark hija mbiegħda mill-estremità ta’ l-iskala li fuqha jinsabu s-sinjali li huma deskrittivi.

22      Fl-ewwel lok, is-sinjal verbali TWIST & POUR jikkonsisti f’għaqda ta’ żewġ verbi li, individwalment jew flimkien, la jiddeskrivu l-prodotti identifikati u lanqas xi waħda mill-karatteristiċi tagħhom. Fil-fatt iż-żewġ verbi jirreferu għal azzjonijiet li mhumiex identifikabbli oġġettivament bħala marbuta ma’ reċipjenti tal-plastik għaż-żebgħa.

23      Fit-tieni lok, il-pubbliku kkonċernat ma jipperċepixxix is-sinjal verbali TWIST & POUR b’mod immedjat, dirett u mingħajr riflessjoni addizzjonali bħala indikazzjoni ta’ karatteristika tal-prodotti li jidentifika. Skond ir-rikorrenti, il-konsumatur ikkonċernat li jara s-sinjal ma jassoċjahx awtomatikament ma’ reċipjenti tal-plastik għaż-żebgħa.

24      Fit-aħħar lok, is-sinjal verbali TWIST & POUR lanqas ma jikkwalifika karatteristika essenzjali jew dominanti tal-prodott li jista’ jkollha, waqt l-għażla tal-prodott mill-konsumaturi ta’ dan it-tip ta’ oġġetti, importanza partikolari fir-rigward tal-prodotti offruti mill-kompetizzjoni. Ir-referenza għall-mod kif jinfetaħ il-prodott li tevoka t-trade mark mitluba ma żżid ebda valur sostanzjali lill-prodott identifikat minnha.

25      Kuntrarjament għal dak li jidher li jirriżulta mill-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tippreċiża li hija mhijiex titlob is-sinjal EASY-TO-OPEN jew EASY-TO-POUR, iżda t-trade mark TWIST & POUR. Minn dan isegwi li l-argument li l-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż jinterpretaw din it-trade mark bħala messaġġ li jfisser li “kull ma għandhom jagħmlu huwa li jdawru l-għatu u li jferrgħu l-kontenut” huwa fallaċi, peress li s-sinjal verbali huwa awtonomu u indipendenti mill-prodotti li jidentifika. Barra minn hekk, ikun ineżatt li jiġi allegat li s-sinjal ikkonċernat jgħaddi messaġġ dwar il-faċilità ta’ użu tal-prodott li jidentifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza UltraPlus, iċċitata f’punt 18 aktar ’il fuq, punt 52). Ir-rikorrenti tikkunsidra għalhekk li huwa probabbli ħafna li l-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż, meta kkonfrontat b’dan is-sinjal, jipperċepih bħala sinjal ta’ fantażija u ma jaħsibx awtomatikament u immedjatament f’reċipjenti ta’ żebgħa tal-plastik. Huwa biss aktar tard li l-imsemmi pubbliku jaħseb fil-funzjonalità tal-prodott identifikat, jiġifieri l-mod kif jinfetaħ. Madankollu, din il-funzjonalità ma’ tinftehimx minħabba perċezzjoni awtomatika, intuwittiva u immedjata, iżda grazzi għal proċess jew sforz intellettwali magħmul minn qabel mill-konsumatur li jagħmel l-imsemmija perċezzjoni waħda kkalkulata u indiretta u, għalhekk, mhux deskrittiva.

26      Għalhekk, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal li jirreferi, taħt forma indiretta jew taħt forma ta’ evokazzjoni jew ta’ suġġestjoni, għal karatteristika tal-prodott identifikat ma tistax tiġi rrifjutata, peress li dan ikun kontra kemm ir-rieda tal-leġiżlatur, kif espressa fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 18 aktar ’il fuq.

27      Barra minn dan, il-kriterju adottat fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li jiġi analizzat il-karattru distintiv tat-trade mark mitluba “a priori u irrispettivament minn kull użu effettiv tas-sinjal” [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2002, Mag Instrument vs UASI (Forma ta’ torċi), T‑88/00, Ġabra p. II‑467, punt 34]. Ir-rikorrenti tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kwistjoni dwar jekk, fil-konkret, il-mod li bih is-sinjal jintuża jew jiġi indikat fuq il-prodott, bħala trade mark jew għal użu ta’ tip ieħor, jistax ikollu bħala effett li l-konsumatur ma jipperċepix is-sinjal bħala sinjal distintiv ta’ l-oriġini, iżda bħala sempliċi dikjarazzjoni kummerċjali, ma tistax tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru reġistrabbli tiegħu (sentenza UltraPlus, iċċitata f’punt 18 aktar ’il fuq, punt 52).

28      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li s-sinjal verbali TWIST & POUR għandu l-kapaċità intrinsika minima sabiex il-pubbliku kkonċernat jipperċepih bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodotti identifikati, peress li huwa biżżejjed, għall-għanjiet ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jintwera l-karattru ftit distintiv tas-sinjal ikkonċernat sabiex tinkiseb ir-reġistrazzjoni tiegħu. Dan huwa l-każ tas-sinjal verbali in kwistjoni li, għall-pubbliku rilevanti, huwa konċiż, dirett u faċli li jiftakru.

29      Barra minn hekk, dan huwa sinjal verbali oriġinali magħmul minn żewġ kelmiet miktuba bl-Ingliż li l-karatteristika partikolari tagħhom hija l-effett maħluq mit-tqegħid ħdejn xulxin tal-verbi “twist” u “pour”. It-tlaqqigħ ta’ dawn iż-żewġ kelmiet fi ħdan sinjal wieħed jipproduċi ċertu effett ta’ sorpriża għall-konsumaturi, effett li jiġbed u jżomm l-attenzjoni jew, għall-inqas, li jista’ jżomm l-attenzjoni. Dan is-sinjal joħloq trade mark li hija differenti biżżejjed minn dik li tirriżulta mis-sempliċi għaqda taż-żewġ termini li minnhom hija komposta.

30      Ir-rikorrenti tfakkar li hija wriet, fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-UASI, li l-verb “twist” kien spiss użat fit-trade marks komposti u li l-konsumaturi kienu draw trade marks maħluqa abbażi ta’ dan il-verb. Barra minn hekk, sinjali oħra adegwati sabiex jiddistingwu l-prodotti ġew irreġistrati mill-UASI, b’mod partikolari TWIST & VAC, TWIST & DRINK, TWISTER TESTER, TWISTED TUBE u TWISTED DIPS. F’dan ir-rigward, mis-sentenza SAT.1 vs UASI, iċċitata fil-punt 14 aktar ’il fuq, ir-rikorrenti tiddeduċi li l-użu ta’ spiss ta’ trade marks b’elementi verbali u b’binjiet grammatikali li jikkoinċidu jindika li dan it-tip ta’ tlaqqigħ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala nieqes minn karattru distintiv.

31      Il-fatt li t-trade mark mitluba hija magħmula minn kelmiet kurrenti, li jinftiehmu mill-konsumaturi, ma jbiddilx il-karattru distintiv ta’ l-imsemmija trade mark. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li s-sempliċi fatt li kull wieħed mill-elementi li minnhom huwa kompost is-sinjal, meħuda separatament, ikun nieqes minn karattru distintiv ma jeskludix li t-tlaqqigħ tagħhom jista’ jkollu karattru distintiv. Għall-kuntrarju, huwa l-Bord ta’ l-Appell li għandu jistabbilixxi li s-sinjal in kwistjoni, ikkunsidrat kollu kemm hu, ma jippermettix lill-pubbliku kkonċernat sabiex jiddistingwi l-prodotti tar-rikorrent minn dawk ta’ oriġini kummerċjali oħra [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ April 2005, Celltech vs UASI (CELLTECH), T‑260/03, Ġabra p. II‑1215, punti 43 u 44]. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, mhuwiex neċessarju li s-sinjal mitlub jgħaddi informazzjoni preċiża dwar l-identità tal-kumpannija li tikkummerċjalizza l-prodott, iżda huwa biżżejjed li l-imsemmija trade mark tippermetti lill-pubbliku kkonċernat sabiex jiddistingwi l-prodott identifikat minnha minn dawk li għandhom orinġini kummerċjali oħra [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs UASI (Sfumatura ta’ oranġjo), T‑173/00, Ġabra p. II‑3843, punt 44].

32      L-UASI jfakkar l-ewwel nett li, skond il-ġurisprudenza, teżisti ċerta sovrappożizzjoni bejn ir-raġuni ta’ rifjut dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv u dik li tipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks purament deskrittivi. Fil-fatt, sinjal li sempliċement jiddeskrivi l-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi jkun, minħabba f’hekk, inkapaċi li jissodisfa l-funzjoni essenzjali tat-trade mark u għalhekk jaqa’, fl-istess ħin, taħt dawn iż-żewġ raġunijiet ta’ rifjut (sentenza Campina Melkunie, iċċitata fil-punt 8 aktar ’il fuq). It-tieni nett, is-sinjali li m’għandhomx karattru distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mhumiex kapaċi jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz (sentenza UltraPlus, iċċitata f’punt 18 aktar ’il fuq, punt 52). Fl-aħħar nett, it-trade marks imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b), huma dawk li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, jintużaw ta’ spiss, fil-kummerċ, għall-preżentazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jew li fir-rigward tagħhom jeżistu, għall-inqas, indizji konkreti li jippermettu li jiġi konkluż li jistgħu jintużaw b’dan il-mod.

33      Rigward din il-kawża, l-UASI jikkonstata li l-prodotti kkonċernati huma laned ta’ żebgħa likwida, b’tali mod li l-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. L-espressjoni TWIST & POUR, li tista’ tiġi tradotta bħala “dawwar u ferragħ”, hija espressjoni konċiża li s-sens tagħha jinftiehem malajr minn kullħadd. Din l-espressjoni m’għandha ebda karatteristika singolari. L-istruttura sintattika tagħha hija sempliċi u normali fil-lingwa Ingliża, b’mod partikolari meta tkun involuta t-trażmissjoni ta’ informazzjoni bl-aktar mod sempliċi u dirett li f’dan il-każ hija dwar żewġ azzjonijiet konsekuttivi li għandhom isiru sabiex jintlaħaq għan partikolari. Meta s-sinjal ikun assoċjat mal-prodotti kkonċernati, ir-reazzjoni immedjata tal-pubbliku rilevanti tkun li jipperċepixxi dan is-sinjal bħala messaġġ dwar il-mod ta’ użu ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, il-laned taż-żebgħa jridu jkunu miftuħa qabel ma wieħed ikun jista’ juża l-kontenut tagħhom. Jaf ikun meħtieġ li dak li jkun iħawwad jew jittrasferixxi l-kontenut ta’ dawn il-laned f’reċipjent ieħor sabiex ikun jista’ jużah. Finalment, mhuwiex rari li l-laned taż-żebgħa jkunu diffiċli sabiex jinfetħu u li għal dan il-għan ikun hemm bżonn li jintuża oġġett bħala lieva. Minn dan isegwi li l-unika reazzjoni li toħloq l-espressjoni TWIST & POUR fil-moħħ tal-konsumatur ikkonċernat hija l-evokazzjoni immedjata ta’ indikazzjoni dwar il-mod kif jintużaw dawn il-laned, u mhux l-impriża li pproduċiethom.

34      L-UASI jżid li din il-konklużjoni, kuntrarjament għal dak li ssotni r-rikorrenti, mhijiex ibbażata fuq evalwazzjoni ta’ l-użu effettiv tat-trade mark fuq is-suq. Aktar preċiżament, il-konklużjoni li huwa involut sinjal nieqes minn karattru distintiv mhijiex marbuta mal-parti preċiża tal-prodott li fuqha titqiegħed it-trade mark jew mad-daqs tal-karattri li bihom hija stampata fuq il-wiċċ tal-landa. Il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkunsidra, a priori, li l-espressjoni TWIST & POUR tkun ipperċepita [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2004, Frischpack vs UASI (Forma ta’ landa tal-ġobon), T‑360/03, Ġabra p. II‑4097, punt 29] bħala istruzzjonijiet dwar l-użu tal-prodotti, u mhux bħala sinjal li l-għan tiegħu huwa li jeżerċita l-funzjoni essenzjali tat-trade mark. Din l-analiżi tistrieħ fuq il-perċezzjoni li tista’ tiġi raġonevolment mistennija mill-konsumaturi, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-sinjal bħala tali u ta’ dawk tal-prodotti kkonċernati, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni dwar il-metodi ta’ użu effettiv ta’ din it-trade mark fuq is-suq.

35      L-UASI jallega li r-rikorrenti titlaq minn premessa żbaljata meta tikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball ta’ dritt meta ddeduċa n-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark mitluba mill-kartattru deskrittiv tagħha. Fil-fatt, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata li ma kienx kapaċi jsib ebda karatteristika distintiva fl-espressjoni TWIST & POUR, minħabba li l-konsumaturi rilevanti jipperċepixxu dan is-sinjal bħala istruzzjoni marbuta ma’ l-użu tal-prodotti, b’tali mod li mhuwiex possibbli li jiġi pperċepit ukoll bħala sinjal distintiv. Għalhekk, il-pubbliku kkonċernat jara għalhekk f’din l-espressjoni affermazzjoni ġenerika li tikkonċerna wħud mill-kwalitajiet ta’ dawn il-prodotti. Minħabba din il-premessa żbaljata, ir-rikorrenti twettaq l-iżball li sussegwentament tanaliżża l-karattru deskrittiv tas-sinjal fir-rigward tal-prodotti kkonċernati sabiex tikkonkludi, fin-nuqqas ta’ dan il-karattru deskrittiv, li dan huwa sinjal distintiv li għalhekk jista’ jiġi rreġistrat. F’dan ir-rigward, l-UASI indika li l-Bord ta’ l-Appell ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u li kkonstata li, għalkemm l-eżaminatur, fid-deċiżjoni tiegħu, ma iċċitax espressament l-Artikolu 7(1)(ċ), dan ma kienx importanti fid-dawl tal-fatt li r-raġunijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni kienu esposti b’mod ċar.

36      L-UASI jippreċiża li, f’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell ma ddikjarax in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark mitluba abbażi tal-karattru deskrittiv tagħha biss, iżda abbażi ta’ kunsiderazzjoni aktar wiesgħa, jiġifieri li s-sinjal verbali TWIST & POUR sempliċement jagħti informazzjoni fuq il-karatteristiċi tal-prodotti, b’tali mod li, għalhekk, mhuwiex possibbli li l-pubbliku kkonċernat jara fih sinjal distintiv. Għalhekk, hija l-interpretazzjoni magħquda ta’ dawn iż-żewġ argumenti li wasslet lill-Bord ta’ l-Appell sabiex jikkonkludi li t-trade mark mitluba kienet taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Peress li l-ewwel impressjoni li t-trade mark mitluba tħalli f’moħħ il-konsumaturi hija indikazzjoni tal-mod kif jintużaw il-prodotti, l-UASI ddeduċa, minn dan, li l-imsemmija konsumaturi ma jarawx f’dan is-sinjal il-mezz li bih tiġi identifikata l-oriġini ta’ dawn il-prodotti u li jiġu distinti minn prodotti oħra. Barra minn dan, l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Appell hija identika għal dik magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’diversi sentenzi li fihom irrikonoxxiet in-nuqqas ta’ karattru distintiv ta’ diversi espressjonijiet [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Rewe-Zentral vs UASI (LITE), T‑79/00, Ġabra p. II‑705, u tat-8 ta’ Lulju 2004, MLP Finanzdienstleistungen vs UASI (bestpartner), T‑270/02, Ġabra p. II‑2837].

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

37      Skond it-termini ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tat-“trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv” u, skond l-Artikolu 7(1)(ċ), tat-“trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”. Barra minn dan, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jippreċiża li “[i]l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità”.

38      Kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat. Barra minn hekk, dawn ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-interess ġenerali li huwa l-bażi ta’ kull waħda minnhom. L-interess ġenerali li jittieħed in kunsiderazzjoni fl-eżami ta’ kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għal rifjut jista’, jew aħjar għandu, jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti, skond ir-raġuni ta’ rifut in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punti 45 u 46; SAT.1 vs UASI, iċċitata fil-punt 14 iktar ’il fuq, punt 25, u tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C‑37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punt 59).

39      Madankollu, teżisti sovrappożizzjoni evidenti fil-kampjijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġuni msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punti 67 u 85, u Campina Melkunie, iċċitata fil-punt 8 aktar ’il fuq, punt 18). B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-trade mark verbali li tiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, hija, minħabba dan il-fatt, neċessarjament mingħajr karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) ta’ l-istess regolament. Trade mark tista’, madankollu, tkun mingħajr karattru distintiv għal raġunijiet oħra minbarra l-eventwali karattru deskrittiv tagħha [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Telepharmacy Solutions vs UASI (TELEPHARMACY SOLUTIONS), T‑289/02, Ġabra p. II‑2851, punt 24; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza bestpartner, iċċitata fil-punt 36 aktar ’il fuq, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi Koninklijke KPN Nederland, iċċitata aktar ’il fuq, punt 86, u Campina Melkunie, iċċitata fil-punt 8 aktar ’il fuq, punt 19].

40      F’każ bħal dak f’din il-kawża, fejn id-deċiżjoni kkontestata tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba minħabba li hemm raġuni assoluta ta’ rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-UASI pprovax li din it-trade mark ma kinitx ta’ karattru distintiv .

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-sinjali li m’għandhomx karattru distintiv imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ikunu kkunsidrati inkapaċi sabiex jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini tal-prodott jew servizz, sabiex b’hekk il-konsumatur li jakkwista l-prodott jew servizz identifikat mit-trade mark ikun jista’ jagħmel, waqt akkwist ulterjuri, l-istess għażla jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk din l-esperjenza tirriżulta negattiva (sentenza LITE, iċċitata fil-punt 36 aktar ’il fuq, punt 26). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ sinjali li huma komunement użati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 2003, Best Buy Concepts vs UASI (BEST BUY), T‑122/01, Ġabra p. II‑2235, punt 20, u Mehr für Ihr Geld, iċċitata f’punt 12 aktar ’il fuq, punt 24].

42      Għandu jiġi mfakkar, barra minn dan, li l-kunċett ta’ interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jikkoinċidi, b’mod evidenti, mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz identifikat mit-trademark, billi tippermettilhom li jiddistingwu mingħajr konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk ta’ oriġini oħra (sentenzi SAT.1 vs UASI, iċċitata fil-punt 14 aktar ’il fuq, punti 23 u 27, u BioID vs UASI, iċċitata fil-punt 38 aktar ’il fuq, punt 60).

43      Rigward trade mark magħmula minn kliem u minn sinjal tipografiku, bħal dik li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, eventwali karattru distintiv jista’ jiġi eżaminat, in parti, għal kull waħda mit-termini jew elementi tagħha, meħuda separatament, iżda għandu, fi kwalunkwe każ, jiddependi minn eżami ta’ l-impressjoni globali mogħtija minn dawn it-termini jew elementi. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li kull wieħed minn dawn l-elementi, meħuda separatament, ikun nieqes minn karattru distintiv ma jeskludix li t-tlaqqigħ tagħhom jista’ jkollu karattru distintiv (sentenza SAT.1 vs UASI, iċċitata fil-punt 14 aktar ’il fuq, punt 28; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi Campina Melkunie, iċċitata fil-punt 8 aktar ’il fuq, punti 40 u 41, u Koninklijke KPN Nederland, iċċitata fil-punt 39 aktar ’il fuq, punti 99 u 100).

44      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-karattru distintiv ta’ sinjal ma jistax jiġi evalwat ħlief, minn naħa, fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, u min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ dan is-sinjal (sentenzi LITE, iċċitata fil-punt 36 aktar ’il fuq, punt 27; BEST BUY, iċċitata fil-punt 41 aktar ’il fuq, punt 22, u Mehr für Ihr Geld, iċċitata fil-punt 12 aktar ’il fuq, punt 26).

45      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, kif irrileva l-Bord ta’ l-Appell mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, peress li l-prodotti identifikati mit-trade mark mitluba huma laned taż-żebgħa intiżi għall-konsumaturi kollha, il-pubbliku rilevanti huwa kkunsidrat bħala l-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti.

46      Barra minn dan, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-pubbliku rilevanti li fil-konfront tiegħu għandha tiġi evalwata r-raġuni assoluta ta’ rifjut huwa l-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż, peress li s-sinjal verbali in kwistjoni huwa kompost minn elementi ġejjin mil-lingwa Ingliża, fatt dan li barra minn hekk lanqas biss ġie kkontestat mir-rikorrenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ELLOS, iċċitata fil-punt 13 aktar ’il fuq, punt 31; tal-15 ta’ Ottubru 2003, Nordmilch vs UASI (OLDENBURGER), T‑295/01, Ġabra p. II‑4365, punt 35, u Mehr für Ihr Geld, iċċitata fil-punt 12 aktar ’il fuq, punt 27].

47      Fit-tieni lok, mill-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li s-sinjal li tiegħu ntalbet ir-reġistrazzjoni ma kellux karattru distintiv peress li, fis-suq ikkonċernat, dan is-sinjal seta’ jinftiehem biss bħala sempliċi indikazzjoni ta’ karatteristika partikolari tal-prodott, jiġifieri l-mod ta’ użu tiegħu, u mhux bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini ta’ l-imsemmi prodott. Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell essenzjalment ikkunsidra li s-sinjal verbali TWIST & POUR ma kienx distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 minħabba li jkun ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala deskrizzjoni tal-prodotti in kwistjoni.

48      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rabta stabbilita mill-Bord ta’ l-Appell bejn, minn naħa, il-kontenut semantiku tas-sinjal li ntalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-prodotti in kwistjoni hijiex konkreta jew diretta biżżejjed sabiex turi li dan is-sinjal jippermetti, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, identifikazzjoni immedjata ta’ dawn il-prodotti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth), T‑359/99, Ġabra p. II‑1645, punti 35 u 36].

49      Is-sinjal huwa kompost minn żewġ forom verbali tal-lingwa Ingliża, “twist” u “pour”, li jfissru, kif irrileva l-Bord ta’ l-Appell fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, “dawwar” u “ferragħ”, fatt dan li barra minn hekk ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti.

50      Barra minn dan, il-Bord ta’ l-Appell irrileva, fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li jintuża s-sinjal tipografiku “&”, li jfisser “u”, ma jbiddel xejn f’dak li jikkonċerna l-karattru distintiv tas-sinjal, peress li l-użu ta’ dan is-sinjal tipografiku huwa banali fil-lingwa Ingliża.

51      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, kif sostna l-UASI, l-istruttura sintattika tas-sinjal verbali TWIST & POUR hija sempliċi u normali fil-lingwa Ingliża. Minn dan isegwi li l-kompożizzjoni ta’ dan is-sinjal u l-fatt li dawn iż-żewġ termini huma magħquda permezz tas-sinjal tipografiku “&” ma joħolqu ebda varjazzjoni perċepibbli fil-binja tas-sinjal propost għar-reġistrazzjoni, ikkunsidrat b’mod globali, fil-konfront tat-terminoloġija użata fil-lingwa kurrenti tal-pubbliku rilevanti, liema varjazzjoni tista’ tagħtih karattru distintiv fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punt 40).

52      Huwa għalhekk ġustament li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li, ikkunsidrata kollha kemm hi, din l-espressjoni tfisser “twist and pour”, jiġifieri “dawwar u ferragħ”.

53      Fir-rigward tar-relazzjoni li hemm bejn il-kontenut semantiku tas-sinjal TWIST & POUR u l-prodotti kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkunsidra, fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan is-sinjal huwa kompost minn termini ġeneriċi li sempliċement jidentifikaw karatteristika tal-prodott, b’mod partikolari fir-rigward tal-mod kif għandu jintuża [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2000, DKV vs UASI (COMPANYLINE), T‑19/99, Ġabra p. II‑1, punti 26 u 27, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, u bestpartner, iċċitata fil-punt 36 aktar ’il fuq, punt 24].

54      Fil-fatt, ikkunsidrat kollu kemm hu, dan is-sinjal verbali jiddeskrivi direttament l-azzjoni li tiġi applikata b’mod partikolari għall-ftuħ ta’ reċipjent li għandu għatu li dak li jkun għandu jdawwar sabiex ikun jista’ jferragħ l-likwidu li jkun fih ir-reċipjent. Għalhekk, dawn it-termini magħquda flimkien sempliċement jiddeskrivu karatteristika tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-faċilità li bih jista’ jintuża, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna ż-żebgħa li normalment, qabel ma jintuża, ikun meħtieġ li titħallat minn qabel jew li r-reċipjent tagħha jiġi mċaqlaq qabel ma l-kontenut tiegħu jiġi mferragħ f’reċipjent ieħor. L-użu tat-termini “twist” u “pour” għalhekk, jenfasizza karatteristika partikolarment importanti tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-mod estremament sempliċi ta’ kif jintuża. Kif ikkonstata ġustament il-Bord ta’ l-Appell, “huwa diffiċli li wieħed jaħseb, sabiex jgħid lill-konsumaturi li huwa biżżejjed għalihom li jdawwru l-għatu u li jferrgħu l-kontenut, f’mezz aktar ċar u aktar dirett milli billi jistampa l-kliem TWIST & POUR fuq il-ġenb tal-landa”.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, is-sinjal verbali TWIST & POUR mhuwiex sempliċiment evokazzjoni jew allużjoni għal ċerti karatteristiċi tal-prodott, iżda, għall-kuntrarju, jiddeskrivi direttament karatteristika tal-prodott ikkonċernat. Fil-fatt, il-fatt li jinforma direttament lill-pubbliku rilevanti bil-faċilità ta’ użu tal-prodott joħloq relazzjoni suffiċjentement konkreta u diretta bejn it-trade mark mitluba u l-prodotti kkonċernati.

56      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li s-sinjal verbali TWIST & POUR jiddeskrivi biss karatteristika sekondarja tal-prodott imsemmi, b’tali mod li r-reġistrazzjoni tiegħu kien imissha ġiet awtorizzata.

57      Fuq dan il-punt huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li trade mark verbali li tiddeskrivi l-karattteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi hija, minħabba dan il-fatt, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv u li ma tagħmel l-ebda differenza jekk il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li jistgħu jiġu deskritti humiex essenzjali fuq il-livell kummerċjali jew sekondarji (ara, b’analoġija, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata fil-punt 39 aktar ’il fuq, punti 86 u 102).

58      Ir-rikorrenti tallega wkoll, l-ewwel nett, li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball meta ddeduċa n-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark mitluba mill-karattru deskrittiv tagħha.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li, għalkemm huwa minnu li kull waħda mir-raġunijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), hija indipendenti mill-oħrajn u teħtieġ eżami separat, teżisti, madankollu, kif ġie indikat fil-punt 39 aktar ’il fuq, sovrappożizzjoni evidenti tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġuniijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) sa (d) ta’ l-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat ukoll fil-punt 39 aktar ’il fuq, trade mark verbali li tiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi hija, minn dan il-fatt, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ l-istess prodotti jew servizzi.

60      It-tieni nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta’ l-Appell uża kriterju, jiġifieri l-għan ta’ interess ġenerali li s-sinjali jistgħu jintużaw liberament minn kullħadd, li huwa rilevanti fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ), iżda mhux f’dak ta’ l-Artikolu 7(1)(b).

61      Fuq dan il-punt, huwa ċertament eżatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 36 tas-sentenza SAT.1 vs UASI, iċċitata fil-punt 14 aktar ’il fuq, li l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 ma jsegwix l-għan ta’ interess ġenerali li s-sinjali għandhom ikunu jistgħu jintużaw minn kullħadd.

62      Fil-fatt, mill-punt 26 tas-sentenza SAT.1 vs UASI, iċċitata fil-punt 14 aktar ’il fuq, jirriżulta li l-interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, dispożizzjoni li l-portata tagħha hija identika għal dik ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, joħroġ mill-bżonn li ma tiġix limitata indebitament id-disponibbilità ta’ elementi li mhumiex ta’ karattru distintiv li jifformaw is-sinjal in kwistjoni għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi tat-tip ta’ dawk li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni.

63      Madanakollu, f’din il-kawża, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali TWIST & POUR ma tistax tiġi awtorizzata minħabba li kienet “tagħmel parti minn kategorija ta’ sinjali li d-disponibbiltà tagħhom għall-kummerċjanti l-oħra m’għandhiex tiġi limitata indebitament”.

64      Hemm lok għalhekk li jiġi kkonstatat li, meta ddeċieda hekk, il-Bord ta’ l-Appell uża l-kriterju rilevanti li fid-dawl tiegħu għandu jiġi interpretat l-Artikolu 7(1)(b) b’tali mod li, f’dan ir-rigward, ma jista’ jsir ebda lment fil-konfront tiegħu.

65      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikkorrenti li l-UASI kien irreġistra trade marks jixtiebhu bħal TWIST & VAC, TWIST & DRINK, TWISTER TESTER, TWISTED TUBE u TWISTED DIPS, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li dawn it-trade marks għandhom relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-prodotti li għalihom huma rreġistrati minn dawk li għandhom is-sinjal TWIST & POUR u l-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 40/94 timplika li dan is-sinjal għandu jiġi rreġistrat għall-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, id-deċiżjonijiet rigward ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja meħuda mill-Bordijiet ta’ l-Appell, taħt ir-Regolament Nru 40/94, joħorġu minn kompetenza ristretta u mhux minn setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-karattru reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja ma għandux jiġi evalwat jekk mhux fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, hekk kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi preċedenti tal-Bordijiet ta’ l-Appell [sentenza BioID vs UASI, iċċitata fil-punt 38 aktar ’il fuq, punt 47; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Glaverbel vs UASI (Wiċċ ta’ platt tal-ħġieġ), T‑36/01, Ġabra p. II‑3887, punt 35; ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Bosch vs UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T‑79/01 u T‑86/01, Ġabra p. II‑4881, punt 32, u ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 71].

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkunsidra li s-sinjal TWIST & POUR kien nieqes minn karattru distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, b’tali mod li l-motiv uniku ma jistax jintlaqa’.

67      Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta’ l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      The Sherwin-Williams Company hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Ġunju 2007.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.