Language of document : ECLI:EU:C:2012:445

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Lulju 2012 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Azzjoni għal ksur ta’ privattiva Ewropea — Ġurisdizzjoni speċjali u esklużiva — Artikolu 6(1) — Numru ta’ konvenuti — Artikolu 22(4) — Kontestazzjoni tal-validità tal-privattiva — Artikolu 31 — Miżuri provviżorji jew kawtelatorji”

Fil-Kawża C‑616/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Solvay SA

vs

Honeywell Fluorine Products Europe BV,

Honeywell Belgium NV,

Honeywell Europe NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Solvay SA, minn W. A. Hoyng u F. W. E. Eijsvogels, avukati,

–        għal Honeywell Fluorine Products Europe BV, Honeywell Belgium NV u Honeywell Europe NV, minn R. Ebbink u R. Hermans, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn S. Chala, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. -M. Rouchaud-Joët u R. Troosters, bħala aġenti.

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6(1), 22(4) u 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Solvay SA, stabbilita fil-Belġju (iktar ’il quddiem “Solvay”) u Honeywell Fluorine Products Europe BV, stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll Honeywell Belgium NV u Honeywell Europe NV, it-tnejn stabbiliti fil-Belġju, (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Honeywell”), dwar ksur allegat f’partijiet differenti ta’ privattiva Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-konvenzjoni ta’ München

3        Il-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata f’München fil-5 ta’ Ottubru 1973 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ München”), tistabbilixxi, kif jingħad fl-Artikolu 1 tagħha, “dritt komuni għall-Istati Kontraenti fil-qasam tal-għoti ta’ privattivi għal invenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Minbarra regoli komuni dwar l-għoti ta’ privattiva, privattiva Ewropea tibqa’ rregolata bil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati kontraenti li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat il-privattiva. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ München jipprovdi li:

“Il-privattiva Ewropea, f’kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat, għandha l-istess effetti u hija suġġetta għall-istess sistema bħal privattiva nazzjonali mogħtija f’dak l-Istat […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Fir-rigward tad-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju ta’ privattiva Ewropea, l-Artikolu 64(1) u (3) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi li:

“(1) […] il-privattiva Ewropea tagħti lill-proprjetarju tagħha, b’effett mill-jum tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-għoti tagħha u f’kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat, l-istess drittijiet li tikkonferixxilu privattiva nazzjonali mogħtija f’dan l-Istat.

[…]

(3) Kull ksur tal-privattiva Ewropea għandu jiġi ttrattat skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Il-premessi 11, 12, 15 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jgħidu:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]

[…]

(19)      Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-[Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-‛Konvenzjoni ta’ Brussell’)] u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Protokolli tal-1971 [dwar dan ix-xogħol ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif rivedut u emendat (ĠU 1998, C 27, p. 28)] għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.”

7        Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

2.      Persuni li mhumiex ċittadini ta’ l-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

8        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu 2 ta’ dan, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali” jipprevedi:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1)      meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

9        Skont l-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[…]

4)      fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti [privattivi], trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjon[al]i huwa meqjus li jkun seħħ.

Bla ħsara għal ġurisdizzjoni ta’ l-Uffiċju Ewropew tal-Patenti [Privattivi] skond il-Konvenzjoni [ta’ München], il-qrati ta’ kull Stat Membru għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju, fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ xi patent Ewopew mogħti [xi privativa Ewropea mogħtija] għal dak l-Istat”.

10      L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament jaqra kif ġej:

“Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment konċernata b’materja li dwarha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

11      Skont l-Artikolu 31 ta’ dan l-istess regolament:

“Tista’ ssir applikazzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi, skond kif jista’ jkun disponibbli permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat, permezz ta’ dan ir-Regolament, li qrati ta’ Stat Membru ieħor li jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja. [Tista’ ssir applikazzjoni għall-miżuri provviżorji jew kawtelatorji previsti bil-liġi ta’ Stat Membru, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, hija l-qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha l-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Solvay, proprjetarja tal-privattiva Ewropea EP 0_858_440, fis-6 ta’ Marzu 2009 ressqet quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage, azzjoni għal ksur tal-partijiet nazzjonali ta’ din il-privattiva kif fis-seħħ fid-Danimarka, fl-Irlanda, fil-Greċja, fil-Lussemburgu, fl-Awstrija, fil-Portugall, fil-Finlandja, fl-Isvezja, fil-Liechtenstein u fl-Isvizzera, kontra l-kumpanniji Honeywell talli kkummerċjalizzaw prodott, il-HFC‑245 fa, immanifatturat minn Honeywell International Inc. u identiku għal dak kopert mill-imsemmija privattiva.

13      Speċifikament, Solvay takkuża lil Honeywell Fluorine Products Europe BV u Honeywell Europe NV li jwettqu atti rriżervati fl-Ewropa kollha, u lil Honeywell Belgium NV li twettaq atti rriżervati fit-Tramuntana tal-Ewropa u fl-Ewropa ċentrali.

14      Fil-kuntest tal-azzjoni tagħha, fid-9 ta’ Diċembru 2009, Solvay xorta ressqet talba inċidentali kontra l-kumpanniji Honeywell, fejn talbet l-għoti ta’ miżura provviżorja li tipprojbixxi l-ksur transkonfinali sakemm il-kawża prinċipali tkun ġiet deċiża.

15      Il-kumpanniji Honeywell qajmu, fil-kuntest tal-proċedura inċidentali, l-invalidità tal-partijiet nazzjonali tal-privattiva inkwistjoni, mingħajr madankollu ma ressqu u lanqas ma qalu li riedu jressqu proċeduri intiżi għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-partijiet nazzjonali ta’ din il-privattiva, u lanqas ma riedu jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża adita biex tieħu konjizzjoni kemm tal-azzjoni prinċipali kif ukoll tal-azzjoni inċidentali.

16      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Rechtbank ’s-Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001:

1)      F’sitwazzjoni fejn żewġ kumpanniji jew iktar li joriġinaw minn Stati Membri differenti, huma akkużati, separatament, fi proċeduri pendenti quddiem qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri, bi ksur tal-istess parti nazzjonali ta’ privattiva Ewropea li hija fis-seħħ fi Stat Membru ieħor, minħabba l-atti riżervati tagħhom li jikkonċernaw l-istess prodott, hemm il-possibbiltà ta’ “ġudizzji irrikkonċiljabbli” jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Nru 44/2001]?

Fir-rigward tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001:

2)      L-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] huwa applikabbli għal proċeduri intiżi għall-kisba ta’ miżura provviżorja abbażi ta’ privattiva barranija (bħall-projbizzjoni provviżorja ta’ ksur transkonfinali) fil-każ fejn il-konvenut jinvoka, bħala difiża, in-nullità [l-invalidità] tal-privattiva invokata, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-qorti f’tali każ ma tagħtix deċiżjoni definittiva dwar il-validità tal-privattiva invokata, iżda tevalwa kif il-qorti li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 22(4) [ta’ dan i]r-Regolament ser tiddeċiedi f’dan ir-rigward, u li l-miżura provviżorja mitluba, fil-forma ta’ projbizzjoni ta’ ksur, tkun irrifjutata jekk il-qorti tqis li teżisti possibbiltà raġonevoli u mhux negliġibbli li l-privattiva invokata ser tiġi annullata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni?

3)      Għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] fil-kuntest ta’ proċeduri bħal dawk imsemmija fid-domanda preċedenti, l-eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità] hija suġġetta għal rekwiżiti proċedurali fis-sens li dan l-artikolu jkun japplika biss meta azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità [invalidità] tkun diġà tressqet jew tkun ser titressaq — f’terminu li għandu jiġi stabbilit mill-qorti — quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 22(4) [ta’ dan i]r-Regolament, jew minn tal-inqas, li jkun ġie jew ikun ser jiġi nnotifikat rikors lill-proprjetarju tal-privattiva, jew huwa biżżejjed li titqajjem eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità], u, skont il-każ, jeżistu rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut tal-eċċezzjoni invokata fis-sens li għandu jiġi sostnut suffiċjentement u/jew li l-fatt li tiġi invokata tali eċċezzjoni ma għandux jitqies li huwa abbuż proċedurali?

4)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għa[t-tieni] domanda, il-qorti jibqa’ jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-proċeduri ta’ ksur wara li tkun tqajmet eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità] fi proċeduri bħal dawk imsemmija [fit-tieni] domanda bil-konsegwenza li (jekk din tkun ir-rieda tar-rikorrent) il-proċeduri ta’ ksur għandhom jiġu sospiżi sakemm il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] tiddeċiedi dwar il-validità tal-parti nazzjonali tal-privattiva invokata, jew li t-talba għandha tiġi miċħuda peress li huwa impossibbli li tittieħed deċiżjoni dwar eċċezzjoni essenzjali għad-deċiżjoni, jew il-qorti titlef il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq proċeduri ta’ ksur wara li tkun tqajmet eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità]?

5)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għa[t-tieni] domanda, il-qorti nazzjonali tista’ tibbaża fuq l-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 44/2001] il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq azzjoni intiża għall-kisba ta’ miżura provviżorja bbażata fuq privattiva barranija (bħall-projbizzjoni ta’ ksur transkonfinali) u li kontra tagħha titqajjem eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità]ta’ privattiva invokata, jew (fis-sitwazzjoni fejn jiġi deċiż li l-applikabbiltà tal-Artikolu 22(4) [ta’ dan i]r-Regolament ma taffettwax il-ġurisdizzjoni tar-Rechtbank [’s-Gravenhage] li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ksur) il-ġurisdizzjoni tagħha li tiddeċiedi fuq eċċezzjoni dwar in-nullità [l-invalidità] tal-privattiva barranija invokata?

6)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għa[ll-ħames] domanda, liema huma l-fatti jew iċ-ċirkustanzi li huma neċessarji sabiex tiġi konkluża rabta vera, kif imsemmi fil-punt 40 tas-sentenza [tas-17 ta’ Novembru 1998], Van Uden [(C‑391/95, Ġabra p. I‑7091),] bejn is-suġġett tal-miżuri mitluba u l-ġurisdizzjoni territorjali tal-Istat kontraenti tal-qorti li quddiemha titressaq it-talba għal tali miżuri?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

17      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn żewġ kumpanniji jew iktar li joriġinaw minn Stati Membri differenti, huma akkużati, separatament, fi proċeduri pendenti quddiem qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri, bi ksur tal-istess parti nazzjonali ta’ privattiva Ewropea li hija fis-seħħ fi Stat Membru ieħor, minħabba atti riżervati tagħhom li jikkonċernaw l-istess prodott, tista’ twassal għal ġudizzji irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament skont din id-dispożizzjoni.

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati, meta jkun wieħed minn numru ta’ konvenuti, konvenut jista’ jiġi mfittex fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom ikun domiċiljat, jekk kemm-il darba t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun iktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien.

19      Fir-rigward tal-għan tagħha, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, tirrispondi, skont il-premessi 12 u 15 ta’ dan ir-regolament, għall-ħtieġa li tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġu evitati għalhekk sentenzi li kienu jkunu irrikonċiljabbli kieku l-kawżi kienu deċiżi separatament (ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, Ġabra p.I‑12533, punt 77).

20      Barra minn hekk, din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandha tiġi interpretata fir-rigward, minn naħa, tal-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001, li tgħid li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jitbassru minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u li din il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew l-awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur ta’ rabta li jkun differenti (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport, C‑98/06, Ġabra p. I‑8319, punt 36).

21      Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, sa fejn tidderoga mill-kompetenza tal-prinċipju tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, għandha, min-naħa oħra, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, u ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara s-sentenza Painer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Din l-istess regola ma tistax, barra minn hekk, tiġi interpretata bil-ħsieb li tiġi applikata b’mod tali li tippermetti lir-rikorrent iressaq talba kontra numru ta’ konvenuti bl-iskop waħdieni li jneħħi lil wieħed minn dawn il-konvenuti mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat fejn huwa ddomiċiljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis, 189/87, Ġabra p. 5565, punti 8 u 9 ; tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et , C‑51/97, Ġabra p. I-6511, punt 47, kif ukoll Painer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

23      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-eżistenza tar-rabta ta’ konnessjoni bejn id-diversi talbiet imressqa quddiemha, jiġifieri tar-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli f’każ li l-imsemmija talbiet jiġu deċiżi separatament, u, f’dan ir-rigward, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha neċessarji tal-proċess (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Freeport, punt 41, u Painer, punt 83).

24      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, f’dan ir-rigward, li sabiex sentenzi ikunu kkunsidrati bħala li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma huwiex biżżejjed li tkun teżisti diverġenza fis-soluzzjoni tal-kawża, iżda wkoll huwa meħtieġ li din id-diverġenza tkun taqa’ fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et, C‑539/03, Ġabra p. I-6535, punt 26; Freeport, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, kif ukoll Painer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

25      Rigward l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li wieħed ma jistax jikkonkludi li teżisti l-istess sitwazzjoni ta’ fatti minħabba li l-konvenuti huma differenti u minħabba li l-atti ta’ ksur li bihom huma jinsabu akkużati, imwettqa fi Stat Kontraenti differenti, ma humiex l-istess. Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li ma jistax jiġi konkluż li teżisti l-istess sitwazzjoni ta’ liġi meta diversi qrati ta’ Stati Kontraenti differenti jkollhom quddiemhom azzjonijiet dwar ksur ta’ privattiva Ewropea mogħtija f’kull wieħed minn dawn l-Istati, u meta dawn l-azzjonijiet huma mibdija kontra konvenuti ddomiċiljati f’dawn l-Istati fir-rigward ta’ fatti li allegatament seħħew fit-territorju tagħhom (ara s-sentenza Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 31).

26      Fil-fatt, privattiva Ewropea tibqa’ rregolata, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikoli 2(2) u 64(1) tal-Konvenzjoni ta’ München, bil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat. Konsegwentement, mill-Artikolu 64(3) tal-Konvenzjoni ta’ München jirriżulta li kull azzjoni għal ksur ta’ privattiva Ewropea għandha, f’kull wieħed mill-Istati li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat, tiġi ttrattata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola dan il-qasam li tkun fis-seħħ (sentenza Roche Nederland et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30).

27      Mill-pekuljaritajiet ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali jirriżulta li diverġenzi possibbli fis-soluzzjoni tal-kawża jistgħu jitniżżlu fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi, u għalhekk ma huwiex eskluż li dawn iwasslu għal ġudizzji irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jkunu ġew ikkunsidrati separatament.

28      Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ fejn l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jkunx japplika, żewġ qrati jkollhom jeżaminaw, kull waħda min-naħa tagħha, il-ksur irrapportat fid-dawl tad-drittijiet nazzjonali differenti li jirregolaw il-partijiet nazzjonali tal-privattiva Ewropea differenti li tagħhom qiegħed jiġi allegat ksur. Pereżempju, huma jintalbu jevalwaw skont l-istess dritt Finlandiż il-ksur min-naħa tal-kumpanniji Honeywell tal-parti Finlandiża tal-privattiva Ewropea minħabba l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott iffalsifikat identiku fit-territorju Finlandiż.

29      Sabiex tiġi evalwata, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżistenza tar-rabta ta’ konnessjoni bejn id-diversi talbiet mressqa quddiemha, u għaldaqstant l-eżistenza tar-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li kieku t-talbiet ġew deċiżi separatament, hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu kont, b’mod partikulari, taċ-ċirkustanza doppja li, minn naħa, il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma akkużati, kull waħda separatament, tal-istess atti ta’ ksur fir-rigward tal-istess prodotti u, min-naħa l-oħra, dawn l-atti ta’ ksur kienu mwettqa fl-istess Stati Membri, b’mod li jippreġudikaw l-istess partijiet nazzjonali tal-privattiva Ewropea inkwistjoni.

30      Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn tnejn jew iktar kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti huma akkużati, kull waħda separatament, fi proċeduri pendenti quddiem qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri, bi ksur tal-istess parti nazzjonali ta’ privattiva Ewropea, li hija fis-seħħ fi Stat Membru ieħor, minħabba atti riżervati li jikkonċernaw l-istess prodott, tista’ twassal għal soluzzjonijiet irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali riskju billi tieħu kont tal-provi kollha rilevanti tal-proċess.

 Fuq it-tieni domanda

31      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 huwiex applikabbli għal proċedura intiża għall-kisba ta’ miżura provviżorja abbażi ta’ privattiva barranija, bħal projbizzjoni provviżorja ta’ ksur transkonfinali, fil-każ fejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali jinvokaw, bħala difiża, in-nullità tal-privattiva invokata, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, il-qorti f’tali każ ma tagħtix deċiżjoni definittiva dwar il-validità tal-privattiva invokata, iżda tevalwa kif il-qorti li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament ser tiddeċiedi f’dan ir-rigward, u li l-miżura provviżorja mitluba, fil-forma ta’ projbizzjoni ta’ ksur, tkun irrifjutata jekk il-qorti tqis li teżisti possibbiltà raġonevoli u mhux negliġibbli li l-privattiva invokata ser tiġi annullata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

32      Issa, mill-kliem kemm tad-domanda preliminari u tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kwistjoni li tinsab fil-qalba tal-kawża prinċipali tirrigwarda proċedura intiża għall-adozzjoni ta’ miżura provviżorja rregolata mir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001.

33      Għalhekk, jeħtieġ li wieħed jifhem id-domanda magħmula bħala intiża sabiex wieħed isir jaf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament.

34      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru hija awtorizzata li tiddeċiedi fuq domanda ta’ miżura provviżorja jew kawtelatorja anki jekk, permezz ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha l-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja.

35      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 22(4) tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva li tgħid li, fir-rigward tar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi, għandhom ġurisdizzjoni biss il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew għar-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikun tqies li seħħ id-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, skont att tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjonali.

36      F’dak li jikkonċerna, qabel kollox, il-kliem tal-Artikoli 22(4) u 31 tar-Regolament Nru 44/2001, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jirregolamentaw sitwazzjonijiet differenti u kull waħda minnhom għandha kamp ta’ applikazzjoni distint. Għalhekk, filwaqt li l-Artikolu 22(4) huwa intiż li jagħti ġurisdizzjoni sabiex jingħataw sentenzi fuq il-mertu f’kawżi relatati ma’ qasam definit b’mod ċar, min-naħa l-oħra l-Artikolu 31 huwa maħsub li japplika irrispettivament minn kwalunkwe ġurisdizzjoni fuq il-mertu.

37      Barra minn hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jirreferux għal xulxin.

38      Fir-rigward, imbagħad, tat-tqassim tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi enfasizzat li dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu taħt il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolat “Ġurisdizzjoni” u jikkostitwixxu “disposizzjonijiet speċjali” meta mqabbla mad-“disposizzjonijiet ġenerali” li jaqgħu taħt is-Sezzjoni 1 ta’ dan l-istess kapitolu.

39      Madankollu xejn ma jindika li waħda mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni tista’ titqies bħala ġenerali jew speċjali meta mqabbla mal-oħra. Fil-fatt, dawn jaqgħu taħt żewġ sezzjonijiet differenti tal-istess Kapitolu II, jiġifieri, is-sezzjoni 6 u 10 rispettivament.

40      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu portata indipendenti minn dik tal-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 31 japplika meta qorti, minbarra dik li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu, tirċievi talba għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji, b’mod li l-Artikolu 22(4), li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni fil-mertu, ma jkunx jista’, fil-prinċipju, jiġi interpretat fis-sens li jista’ jidderoga mill-imsemmi Artikolu 31 u, għalhekk, ma jkunx jista’ jwarrab l-applikazzjoni tiegħu.

41      Għandu, madankollu, jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, twassalx għal konklużjoni differenti.

42      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi Komunitarji jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid‑Chemie, C‑189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 18 ; tal-10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen, C‑292/08, Ġabra p. I‑8421, punt 27, u tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, C‑406/09, Ġabra p. I-9773, punt 38).

43      Issa, l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, rilevanti fil-kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni, jirrifletti l-istess struttura bħal dik tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u juża, barra minn hekk, kważi l-istess kliem. Fid-dawl ta’ din l-ekwivalenza, għandha tiġi żgurata, b’mod konformi mal-premessa 19 tar-regolament, il-kontinwità fl-interpretazzjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et, C‑167/08, Ġabra p. I-3477, punt 20 ; tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C‑180/06, Ġabra p. I‑3961, punt 58, kif ukoll Zuid‑Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 24 tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT (C‑4/03, Ġabra p. I‑6509) wettqet interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 16(4), tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, sabiex tiġi żgurata l-effettività tiegħu. Fil-fatt, hija ddeċidiet li, f’dak li jirrigwarda l-pożizzjoni li din id-dispożizzjoni għandha fis-sistema ta’ din il-konvenzjoni u l-għan imfittex, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti f’din id-dispożizzjoni għandhom natura esklużiva u mandatorja li timponi ruħha b’mod speċifiku kemm fuq il-partijiet kif ukoll fuq il-qorti.

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-ġurisdizzjoni esklużiva prevista mill-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandha tiġi applikata jkun xi jkun il-kuntest proċedurali li fih titqajjem il-kwistjoni tal-validità ta’ privattiva, kemm jekk permezz ta’ azzjoni kif ukoll permezz ta’ eċċezzjoni, kemm jekk meta titressaq l-istanza kif ukoll jekk fi stadju iktar avvanzat ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza GAT, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

46      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, li kieku jiġu aċċettati, fis-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, deċiżjonijiet li permezz tagħhom qrati oħra, li ma jkunux dawk tal-Istat li jagħti l-privattiva, jiddeċiedu, b’mod inċidentali, fuq il-validità ta’ din il-privattiva, dan ikun ifisser ukoll żieda fir-riskju ta’ deċiżjonijiet kuntrastanti, ħaġa li l-konvenzjoni trid preċiżament tevita (ara s-sentenza GAT, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

47      Fir-rigward tal-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija, mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tar-riskji ta’ deċiżjonijiet konfliġġenti li din id-dispożizzjoni hija intiża li tevita, u, kont meħud tal-ekwivalenza tal-kontenut tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 u dak tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li ġiet ikkonstatata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 44/2001, li espressament jirreferi għall-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, u dik ta’ regoli oħra ta’ ġurisdizzjoni, bħal, b’mod partikolari, dawk previsti fl-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament, jistgħu jiġu affettwati mill-forza speċifika tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, hawn fuq imsemmi fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

48      Għandha, għalhekk, titqies id-domanda dwar jekk il-portata speċifika tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, taffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna azzjoni ta’ ksur li fil-kuntest tagħha tqajmet l-invalidità ta’ privattiva Ewropea, b’mod inċidentali, bħala eċċezzjoni kontra l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja intiża sabiex tipprojbixxi ksur transkonfinali.

49      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti li għandha l-kawża quddiemha b’mod inċidentali ma tagħtix deċiżjoni definittiva dwar il-validità tal-privattiva invokata, iżda tevalwa kif il-qorti li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 ser tiddeċiedi f’dan ir-rigward, u tirrifjuta li tadotta l-miżura provviżorja mitluba jekk hija tqis li teżisti possibbiltà raġonevoli u mhux negliġibbli li l-privattiva invokata ser tiġi annullata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li r-riskju ta’ deċiżjonijiet konfliġġenti msemmija fil-punt 47 tal-kawża preżenti ma jeżistix, minħabba li d-deċiżjoni provviżorja meħuda mill-qorti li għandha l-każ quddiemha b’titolu inċidentali b’ebda mod ma tippreġudika d-deċiżjoni li għandha tittieħed fuq il-mertu mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001. Għalhekk, ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja għal interpretazzjoni wiesgħa tal-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtiġux li, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament jiġi skartat.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq it-tielet sas-sitt domandi

52      Minħabba r-risposta li ngħatat għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet sas-sitt domandi.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn tnejn jew iktar kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti huma akkużati, kull waħda separatament, fi proċeduri pendenti quddiem qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri, bi ksur tal-istess parti nazzjonali ta’ privattiva Ewropea, li hija fis-seħħ fi Stat Membru ieħor, minħabba atti riżervati li jikkonċernaw l-istess prodott, tista’ twassal għal soluzzjonijiet irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali riskju billi tieħu kont tal-provi kollha rilevanti tal-proċess.

2)      L-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.