Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Latvja

(Kawża C-192/23)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes u I. Naglis, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Latvja

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(2) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi 1 , billi ma stabbilixxitx u ma applikatx pjanijiet ta’ azzjoni għat-toroq prijoritarji ta’ introduzzjoni ddefiniti, kif ukoll billi ma bagħtithomx mingħajr dewmien lill-Kummissjoni.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B’konformità mal-Artikolu 13(2) u (5) tar-Regolament Nru 1143/2014, ir-Repubblika tal-Latvja kellha terminu ta’ tliet snin, sa mill-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni, sabiex tistabbilixxi, tapplika u tibgħat lill-Kummissjoni serje ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għat-toroq prijoritarji mhux intenzjonali ta’ introduzzjoni u tixrid ta’ speċi aljeni invażivi li huma preokkupanti għall-Unjoni, iddefiniti skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1143/2014. Il-Kummissjoni adottat il-lista msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1143/2014 fit-13 ta’ Lulju 2016 jiġifieri t-terminu ta’ tliet snin skada fit-13 ta’ Lulju 2019.

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament, il-Latvja identifikat tal-inqas ħames toroq prijoritarji (toroq ortikoli, ta’ introduzzjoni sekondarja u akwarji, għall-pjanti, u toroq ta’ introduzzjoni sekondarja u ta’ ħarba minn faċilitajiet ikkonfinati, għall-annimali).

Barra minn hekk, il-Latvja stabbiliet u bagħtet lill-Kummissjoni pjanijiet ta’ azzjoni biss għal waħda minn dawn it-toroq prijoritarji ddefiniti.

____________

1 ĠU 2014, L 317, p. 35.