Language of document : ECLI:EU:C:2018:57

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-1 ta’ Frar 2018 (1)

Kawża C25/17

Tietosuojavaltuutettu

vs

Jehovan todistajat – uskonnollinen yhdyskunta

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-okeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ attività esklussivament personali jew domestika – Data miġbura u pproċessata mill-membri ta’ komunità reliġjuża bħala parti mill-attività tagħhom ta’ ppridkar bieb bieb – Libertà reliġjuża – L-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ sistema ta’ ħażna – Kunċett ta’ kontrollur ta’ data personali”






1.        Il-komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova għandha tkun suġġetta għall-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali minħabba li l-membri tagħha, waqt li jkunu qegħdin iwettqu l-attività tagħhom ta’ ppridkar bieb bieb, jistgħu jkollhom jieħdu noti dwar il-kontenut tal-konverżazzjoni tagħhom u, b’mod partikolari, dwar it-twemmin reliġjuż tal-persuni li jkunu żaru? Essenzjalment, din hija l-kwistjoni ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

2.        Jirriżulta mill-premessa 12 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2) li “l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom japplikaw għall-ipproċessar kollu ta’ data personali minn kull persuna li l-attivitajiet tagħha huma regolati bil-liġi tal-Komunità; billi m’għandux ikun magħdud l-ipproċessar ta’ data magħmul minn persuna naturali fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklussivament personali jew domestiċi, bħal ma hija korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi”.

3.        Skont it-termini tal-premessa 27 tad-Direttiva 95/46, “[i]l-protezzjoni ta’ individwi għandha tkun applikata kemm għal ipproċessar awtomatiku ta’ data u kemm għal ipproċessar manwali; […] l-iskop ta’ din il-protezzjoni m’għandux fil-fatt jiddependi mill-mezzi tekniċi użati, peress li dan jista’ joħloq riskju serju li dawn jistgħu jiġu skartati; […] madankollu, dwar ipproċessar manwali, din id-Direttiva għandha x’taqsam biss ma’ sistemi ta’ skedar, mhux files mingħajr struttura; […] b’mod partikolari, il-kontenut tas-sistema ta’ skedar għandu jkun strutturat skond kriterji speċifiċi dwar individwi b’mod li l-aċċess għal data personali jkun ħafif; […] skond id-definizzjoni fl-Artikolu 2(ċ), il-kriterji differenti biex ikunu stabbiliti l-elementi ta’ sett strutturat ta’ data personali, u l-kriterji differenti li jirregolaw l-aċċess għal sett bħal dan, jistgħu ikunu stabbiliti minn kull Stat Membru; […] sett jew settijiet ta’ files, kif ukoll il-qoxra tal-faċċata tagħhom, li ma jkunux strutturati skond kriterji speċifiċi, m’għandhomx jaqgħu, għal l-ebda raġuni, taħt din id-Direttiva”.

4.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

(ċ)      ‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ (‘sistema ta’ ħażna’) tfisser sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

(e)      ‘proċessur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur;

[…]”

5.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–        minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

6.        L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li “Stati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade-unjonistika, u l-ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali”. Il-paragrafu 2(d) ta’ dan l-istess artikolu jkompli jgħid li “[i]l-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn […] l-ipproċessar isir fil-kors ta’ l-attivitajiet legittimi tiegħu b’garanziji xierqa minn fondazzjoni, għaqda jew xi korp ieħor li ma jagħmilx profitt b’għanijiet politiċi, filosofiċi, reliġjużi jew trade-unjonistiċi u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun biss dwar il-membri tal-korp jew il-persuni li jkollhom kuntatt regulari miegħu b’rabta ma l-għanijiet tiegħu, u li d-data ma tkunx żvelata lil parti terza mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data […].”

B.      Id-dritt nazzjonali

7.        Id-Direttiva 95/46 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tal-henkilötietolaki 523/1999 (il-Liġi 523/1999 dwar id-data personali).

8.        L-Artikolu 3(3) tal-Liġi dwar id-data personali jiddefinixxi s-sistema ta’ ħażna ta’ data personali bħala “ġabra ta’ data personali li tikkostitwixxi informazzjoni miġbura skont l-għan intiż tagħhom, totalment jew parzjalment ipproċessata permezz ta’ proċess awtomatizzat, jew li hija organizzata permezz ta’ skedi, listi, jew kwalunkwe metodu ieħor simili li jippermetti li d-data dwar l-individwi tinstab faċilment u mingħajr spejjeż eċċessivi”.

9.        L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar id-data personali jipprojbixxi l-ipproċessar ta’ data sensittiva, li tinkludi t-twemmin reliġjuż. L-Artikolu 12 tal-Liġi dwar id-data personali jipprovdi, madankollu, li l-ipproċessar ta’ din id-data huwa possibbli meta, f’każ li d-data tirrigwarda t-twemmin reliġjuż, din tinġabar bħala parti mill-attività ta’ assoċjazzjonijiet jew ta’ entitajiet oħrajn li jħaddnu dan it-twemmin u jekk id-data tirrigwarda lill-membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet jew entitajiet jew persuni li għandhom kuntatti regolari magħhom minħabba l-għanijiet tagħhom u sakemm din id-data ma tiġix trażmessa lil terzi mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata.

10.      L-Artikolu 44 tal-Liġi dwar id-data personali jgħid li l-kummissjoni għall-protezzjoni tad-data tista’ tipprojbixxi l-ipproċessar ta’ data personali li jmur kontra din il-liġi jew kontra r-regoli u r-rekwiżiti stabbiliti fuqha fuq talba tal-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data, u tagħti skadenza lill-persuni kkonċernati biex jirrimedjaw l-illegalità jew in-negliġenza.

II.    Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      Fis-17 ta’ Settembru 2013, il-kummissjoni Finlandiża għall-protezzjoni tad-data (iktar ’il quddiem, “il-kummissjoni”), fuq talba tat-Tietosuojavaltuutettu (il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data, il-Finlandja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali), adottat deċiżjoni li tipprojbixxi lill-komunità reliġjuża tax-Xhieda ta’ Ġeħova (il-konvenuta fil-kawża prinċipali, iktar ’il quddiem, “il-komunità”) milli tiġbor jew milli tipproċessa data personali bħala parti mill-attività tagħha ta’ ppridkar bieb bieb mingħajr ma tikkonforma mal-kundizzjonijiet legali għall-ipproċessar ta’ data personali pprovduti mil-Liġi dwar id-data personali. B’hekk il-kummissjoni kkunsidrat li l-komunità u l-membri tagħha kienu responsabbli mill-ipproċessar ta’ data personali sensittiva, skont il-Liġi dwar id-data personali. Id-deċiżjoni stabbilixxiet li l-komunità kellha sitt xhur żmien biex tikkonforma ruħha.

12.      Il-komunità appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-ewwel istanza billi argumentat li dan kien ipproċessar ta’ data għal finijiet strettament individwali skont it-tifsira tal-Liġi dwar id-data personali. Permezz tas-sentenza mogħtija fit-18 ta’ Diċembru 2014, l-istess qorti annullat id-deċiżjoni tal-kummissjoni billi kkunsidrat li l-komunità ma kinitx responsabbli għal ipproċessar illegali ta’ data personali.

13.      Il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data ressaq appell quddiem il-qorti tar-rinviju fejn talab l-annullament tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014.

14.      Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-attività tal-komunità b’dan il-mod. Bħala parti mill-attività tagħhom ta’ ppridkar, dawn il-membri jmorru bieb bieb, jieħdu noti dwar il-laqgħat tagħhom ma’ nies li, fil-prinċipju, qatt ma ltaqgħu magħhom. Id-data tinġabar biex jiftakru l-informazzjoni utli f’każ ta’ żjara sussegwenti. Il-persuni li tkun saritilhom iż-żjara u li d-data tagħhom tinġabar fin-noti tal-membri ma jiġux informati dwar dan il-ġbir u lanqas dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. L-informazzjoni tinġabar jew fuq ktieb tan-noti jew fuq skedi. Id-data inkwistjoni hija l-isem, l-indirizz u s-suġġett tal-konverżazzjoni fil-qosor, li tirrigwarda, b’mod partikolari, it-twemmin reliġjuż u s-sitwazzjoni tal-familja. Skont il-qorti tar-rinviju, l-attività ta’ ppridkar hija organizzata mill-komunità sabiex din timmappja ż-żoni u tqassam is-setturi fost il-membri għall-finijiet tal-evanġelizzazzjoni. Il-parroċċi jżommu reġistri dwar il-predikaturi fejn jissemma n-numru ta’ pubblikazzjonijiet li jkunu qassmu u jingħadd il-ħin iddedikat minn kull membru għall-ippridkar.

15.      Il-komunità diġà użat pubblikazzjoni maħruġa minnha sabiex tgħaddi struzzjonijiet dwar kif jittieħdu n-noti (3). Għall-bidu d-data kienet tinġabar fuq formoli, iżda l-komunità waqfet tħeġġeġ l-użu tagħhom wara rakkomandazzjoni mill-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data. Barra minn hekk, il-parroċċi tal-komunità jżommu lista, imsejħa “lista tal-projbizzjonijiet”, tal-persuni li esprimew ix-xewqa li ma jibqgħux jirċievu żjarat mingħand il-membri ta’ din il-komunità. Skont il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data, din il-lista tidher li hija konformi mal-liġi dwar id-data personali.

16.      Il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data jsostni quddiem il-qorti tar-rinviju li d-data miġbura mill-membri tal-komunità waqt l-attività ta’ ppridkar tagħhom hija sistema ta’ ħażna peress li din se tmur għall-istess għan u se tiġi rreġistrata sabiex isservi bħala tfakkira waqt żjara sussegwenti. L-ipproċessar tad-data li jsir min-noti individwali huwa mmexxi u organizzat strettament mill-komunità nfisha, li teżerċita kontroll effettiv fuq il-ġbir u l-ipproċessar tad-data. Kemm il-komunità kif ukoll il-membri tagħha meta jieħdu n-noti individwali waqt l-attività ta’ ppridkar tagħhom għandhom jitqiesu flimkien bħala “kontrolluri” tad-data.

17.      Min-naħa tagħha l-komunità ssostni li l-attività ta’ ppridkar, li matulha jista’ jkun il-każ li l-membru jieħu xi noti, taqa’ taħt il-prattika individwali tar-reliġjon. B’hekk in-noti huma purament personali. It-teħid tan-noti u kwalunkwe pproċessar tad-data miġbura jsiru indipendentement mill-eżistenza tal-komunità, li ma għandha ebda kontroll minkejja li xorta waħda tirrikonoxxi li tagħmel rakkomandazzjonijiet u tagħti indikazzjonijiet spiritwali dwar id-dmir ta’ kull membru li jieħu sehem fl-attività ta’ evanġelizzazzjoni. Għalhekk in-noti tal-membri ma jintbagħtux lill-komunità, li ma għandhiex aċċess għalihom. Ma hemmx sistema fejn tinġabar id-data u li minnha jistgħu jsiru riċerki. Il-komunità ma tafx min minn fost il-membri tagħha jieħu noti wara ż-żjarat li jsiru. Il-ġbir tad-data jirrigwarda biss data aċċessibbli minn sorsi pubbliċi bħad-direttorju u din tinqered ladarba jirriżulta li ma tibqax utli. Id-data miġbura fuq inizjattiva individwali u personali tal-membri ma tikkostitwixxix sistema ta’ ħażna u l-komunità ma tistax titqies bħala kontrollur tad-data personali. Din hija wkoll l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Daniżi, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Norveġiżi li jqisu li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali la taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tirregola l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali u lanqas ma hija kuntrarja għal din il-liġi.

18.      Skont il-qorti tar-rinviju, jeħtieġ għalhekk li jiġi stabbilit, l-ewwel, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar il-protezzjoni tad-data li jikkorrispondi għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 (4). Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività ta’ ġbir u pproċessar ta’ data personali mwettqa fil-kuntest ta’ prattika reliġjuża bħall-attività ta’ ppridkar ma tidhirx li taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 iżda għadu mhux ċert jekk l-attività ta’ ppridkar tistax titqies bħala attività purament personali jew domestika fit-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett tal-informazzjoni li tinsab fil-premessa 12 tad-Direttiva 95/46 meta d-data miġbura tidher li tmur lil hinn minn dik normalment miġbura fi ktejjeb tal-indirizzi, speċjalment peress li tista’ tkun sensittiva u tirrigwarda persuni mhux magħrufa mal-membri, fid-dawl imbagħad tal-kjarifika pprovduta fil-premessa 18 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (5) u, fl-aħħar, tar-rwol li għandha l-komunità. Il-qorti tar-rinviju tassumi li d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 teħtieġ bilanċ bejn id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, minn naħa, u l-libertà mhux inqas fundamentali tar-reliġjon, min-naħa l-oħra, li forma ta’ espressjoni tagħha hija l-attività tal-ippridkar.

19.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kunċett ta’ “sistema ta’ ħażna” skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46, billi huwa mifhum li jekk l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-esklużjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, din ma għandhiex tapplika, fin-nuqqas ta’ pproċessar awtomatizzat tad-data kkonċernata, ħlief jekk din id-data tkun tagħmel parti minn “sistema ta’ ħażna”. F’dan il-kuntest din il-qorti tenfasizza l-iskop komuni tan-noti tal-membri, jiġifieri li jservu bħala tfakkira u jiffaċilitaw it-tfittxija tad-data dwar il-persuni f’każ ta’ żjara sussegwenti.

20.      Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-komunità, waħedha jew flimkien mal-membri tagħha, tistax titqies li hija “kontrollur” skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 meta din tidher li teżerċita kontroll effettiv fuq l-attività ta’ ġbir, għalkemm attwalment ma jeżistux ordnijiet jew struzzjonijiet bil-miktub mingħandha. Dan il-kunċett ta “kontrollur” jidher li huwa ddefinit b’mod wiesa’ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6) u l-qorti a quo tenfasizza b’mod partikolari, minkejja l-fatt li l-komunità jista’ ma jkollhiex aċċess għad-data miġbura, ir-rwol tagħha ta’ inkoraġġiment tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb kif ukoll il-fatt li fil-passat diġà tat struzzjonijiet dwar il-ġbir ta’ data lill-membri tagħha u setgħet tathom formoli għal dan il-għan.

21.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha, u permezz ta’ deċiżjoni ta’ rinviju li waslet fir-Reġistru fid-19 ta’ Jannar 2017, għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva [95/46] previsti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali li jwettqu l-membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb ma jaqgħux taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni? Għall-finijiet tal-eżami tal-applikabbiltà tad-Direttiva [95/46], x’importanza għandha tingħata, minn naħa, lill-fatt li huma l-komunità reliġjuża u l-parroċċi tagħha li jorganizzaw l-attività ta’ ppridkar li fil-kuntest tagħha d-data hija miġbura u, min-naħa l-oħra, lill-fatt li din fl-istess ħin hija huwa wkoll prattika reliġjuża individwali tal-membri tal-komunità reliġjuża?

2)      Id-definizzjoni ta’ ‘sistema ta’ ħażna’ msemmija fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva [95/46], ikkunsidrata fid-dawl tal-premessi 26 u 27 ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-data personali kollha (li tinkludi l-ismijiet u l-indirizzi kif ukoll data u kwalunkwe karatteristika oħra dwar persuna) miġbura b’mod mhux awtomatiku fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb deskritt preċedentement

a)      ma tikkostitwixxix sistema ta’ ħażna, peress li ma tirrigwardax sistemi ta’ ħażna jew listi speċifiċi jew sistema oħra ta’ riċerka komparabbli fis-sens tad-definizzjoni mogħtija mil-liġi Finlandiża dwar id-data personali; jew

b)      tikkostitwixxi sistema ta’ ħażna, peress li d-data neċessarja għal użu ulterjuri, fid-dawl tal-għan tagħhom, tista’ tkun is-suġġett ta’ tfittxija faċli fil-prattika u mingħajr spejjeż eċċessivi fis-sens tal-liġi Finlandiża dwar id-data personali?

3)      L-espressjoni ‘li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali’ li tinsab fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva [95/46] għandha tiġi interpretata fis-sens li komunità reliġjuża li torganizza attività li fil-kuntest tagħha hija miġbura data personali (b’mod partikolari billi jitqassam ir-raġġ ta’ azzjoni fost il-predikaturi differenti, billi jkun hemm segwitu tal-attività ta’ dawn il-predikaturi u biż-żamma ta’ reġistru ta’ persuni li ma jixtiqux li dawn jiġu f’darhom) tista’ tiġi kkunsidrata responsabbli mill-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-membri tagħha, anki jekk, skont din il-komunità reliġjuza, huma biss il-predikaturi li għandhom aċċess għad-data rilevanti [għad-data li huma jiġbru]?

4)      Dan l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva [95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex il-komunità reliġjuża tiġi kkunsidrata responsabbli mill-ipproċessar, għandu jkun hemm atti speċifiċi oħra adottati minnha, bħal ordnijiet jew istruzzjonijiet bil-miktub, li permezz tagħhom tmexxi l-ġbir tad-data, jew huwa biżżejjed li jista’ jiġi kkunsidrat li hija effettivament f’pożizzjoni li tmexxi l-attività tal-membri tagħha?”

22.      F’din il-kawża ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Finlandiż, mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

23.      Fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2017 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

III. Analiżi

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa kkaratterizzat minn kontestazzjoni qawwija tal-fatti, min-naħa tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, kif stabbiliti mill-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data u ppreżentati mill-qorti tar-rinviju. Il-komunità ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex taċċetta li twieġeb għad-domandi magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) billi tapplika s-sentenza Meilicke (7).

25.      Għandu jitfakkar li f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret “ir-regoli tal-logħba” tad-djalogu preliminari. Għalhekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, hija obbligata li tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali li waħedha biss taf direttament il-fatti tal-każ u hija għalhekk fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa l-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tagħti s-sentenza tagħha, xorta waħda din tista’ tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiżgura li d-deċiżjoni preliminari tagħha ser tikkontribwixxi b’mod effettiv mhux għall-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri. Għaldaqstant hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti tal-każ b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ jkollha għarfien tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jkunu importanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tintalab tagħti (8). Fis-sentenza Meilicke (9), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament qieset li kienet mitluba tiddeċiedi fuq problema ta’ natura ipotetika mingħajr ma kellha l-punti ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha u kkonkludiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

26.      Meta tinvoka din il-ġurisprudenza, il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija konxja li l-prinċipju jibqa’ dak ta’ preżunzjoni qawwija ta’ rilevanza tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju u li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tirrispondi għalihom (10). Madankollu, il-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, u b’mod partikolari, id-deċiżjoni tar-rinviju, ma fihomx lakuni tali li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed taqbeż il-limiti tal-funzjoni tagħha jekk tiddeċiedi li tagħti risposti għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju (11). Fi kwalunkwe każ hija r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar li tistabbilixxi l-fatti b’mod definittiv, jekk dan jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha (12). Il-fatti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, fi kwalunkwe każ, huma għal kollox suffiċjenti biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tieħu deċiżjoni informata (13).

B.      Fuq id-domandi preliminari

1.      Fuq l-ewwel domanda

27.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-attività tal-membri tal-komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova tistax tiġi eżentata mill-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 95/46 fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva l-ipproċessar ta’ data personali li jsir “minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika” (14). Madankollu, il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet ukoll li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-libertà tar-reliġjon u tal-espressjoni reliġjuża privata u paċifika, taqa’ taħt l-esklużjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien se nibda l-analiżi tiegħi bl-eżami ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

a)      L-attività ta’ ppridkar mhijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tagħha

28.      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li din id-direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali “fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali”. L-argument tal-konvenuta fil-kawża prinċipali huwa, sostanzjalment, li l-attività ta’ ppridkar, li fiha jsir il-ġbir u l-ipproċessar tad-data tal-persuni li jkunu rċevew żjara mill-membri tal-komunità, hija attività li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (15). Min-naħa tiegħu l-Gvern Taljan jibbaża l-argument tiegħu fuq l-Artikolu 17 TFUE, li jipprovdi għall-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri biex jirregolaw l-organizzazzjonijiet reliġjużi, biex jasal għall-istess konklużjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali.

29.      L-ewwel nett, ta’ min ifakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 95/46 tiddefinixxi “b’mod wiesa’ ħafna” il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, billi b’mod partikolari, ma tissuġġettax l-applikazzjoni tar-regoli ta’ protezzjoni għall-kwistjoni ta’ jekk l-ipproċessar jinvolvix rabta effettiva mal-moviment liberu bejn l-Istati Membri (16). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li d-direttiva ma tipprovdi ebda limitazzjoni ulterjuri tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dawk previsti fl-Artikolu 3 tagħha (17). Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 95/46 li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (18), din il-protezzjoni teħtieġ li “id-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju”(19). L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, bħal kwalunkwe klawżola ta’ deroga.

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “[l]-attivitajiet imsemmija bħala eżempji fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 […] huma, fil-każijiet kollha, attivitajiet li jappartjenu lill-Istati jew lill-awtoritajiet Statali u li mhumiex marbuta ma’ l-oqsma ta’ attività ta’ individwi” (20). Imbagħad speċifikat li l-attivitajiet imsemmija “huma intiżi sabiex jiddefinixxu l-portata ta’ l-eċċezzjoni prevista f’dan l-inċiż, b’tali mod li din l-eċċezzjoni tapplika biss għall-attivitajiet li jissemmew espressament f’dan l-inċiż jew li jistgħu jiġu kklassifikati fl-istess kategorija (ejusdem generis)” (21).

31.      Fuq kollox, f’kawża li kienet tikkonċerna l-attività ta’ katekista f’parroċċa fl-Isvezja u li kienet tikkonsisti fil-ħolqien ta’ paġna fuq l-Internet li tagħti informazzjoni lin-nies fil-parroċċa li kienu qed iħejju għall-griżma tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “attivitajiet karitatevoli jew reliġjużi, bħal dawk eżerċitati minn [dak iż-żmien ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali], ma jistgħux jiġu ekwiparati ma’ l-attivitajiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 u għalhekk mhumiex koperti minn din l-eċċezzjoni” (22). Għalkemm fil-konklużjonijiet tiegħu dwar dan il-każ l-Avukat Ġenerali Tizzano kien sostna l-kuntrarju, mhuwiex minħabba n-natura reliġjuża tal-kuntest li fih kienet qed issir l-attività tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda minħabba n-nuqqas ta’ skop ta’ qligħ, ta’ element transkonfinali u ta’ kwalunkwe relazzjoni ta’ impjieg, jiġifieri n-nuqqas ta’ kwalunkwe rabta ta’ dik l-attività mal-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (23). Permezz tas-sentenza Lindqvist (24), il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss iddeċidiet li, fid-dawl tal-għan essenzjali segwit mid-Direttiva 95/46, ma kienx hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk l-attività kkonċernata kinitx taffettwa direttament il-moviment liberu bejn l-Istati Membri, qabel tiġi applikata dik id-direttiva (25), iżda ammettiet ukoll, tal-inqas b’mod impliċitu, li l-attività tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li kienet parti mill-eżerċizzju sħiħ tal-libertà tar-reliġjon tagħha, kienet taqa’ iktar taħt il-“[qasam] ta’ attività ta’ individwi” milli taħt “attivitajiet li jappartjenu lill-Istati jew lill-awtoritajiet Statali u li mhumiex marbuta ma’ l-oqsma ta’ attività ta’ individwi” (26) li, huma biss jaqgħu taħt l-esklużjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

32.      L-inklużjoni tal-Artikolu 17 TFUE mit-Trattat ta’ Lisbona hija element ġdid li jista’ jaffettwa l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lindqvist tagħha? (27)

33.      Ma naħsibx li huwa hekk.

34.      F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat din is-sentenza, diġà kienet neċessarjament konxja li l-kawża prinċipali kienet tinvolvi attività reliġjuża. Kienet konxja wkoll mid-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-istatus tal-knejjes u ta’ organizzazzjonijiet nonkonfessjonali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (28) annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam, li permezz tagħha l-Unjoni kienet diġà impenjata li tosserva u li ma tippreġudikax l-istatus ipprovdut taħt id-dritt nazzjonali lill-Knejjes u lill-assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri. Huwa diffiċli li wieħed jargumenta li l-leġiżlatur ried jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 l-attivitajiet personali żviluppati b’rabta mal-libertà tar-reliġjon, abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2), meta ftit dispożizzjonijiet wara, huwa ddedika skema speċifika għall-ipproċessar tad-data minn organizzazzjoni reliġjuża (29). Wieħed jista’ madankollu joġġezzjona li d-Direttiva 95/46 ġiet qabel id-Dikjarazzjoni Nru 11 li hija annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam. Madankollu, minkejja l-inklużjoni tal-Artikolu 17 TFUE fit-Trattat, imfakkar fis-sustanza fil-premessa 165 tar-Regolament 2016/679, wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppersista f’din id-direzzjoni u ma ra ebda kontradizzjoni bejn ir-rikonoxximent tal-istatus tal-komunitajiet reliġjużi kif stabbilit mill-Istati Membri, minn naħa, u l-konferma tas-sottomissjoni tal-ipproċessar tad-data minn dawn l-istess komunitajiet għal skema partikolari, min-naħa l-oħra (30). Fi kwalunkwe każ, ma narax kif l-esklużjoni ta’ attivitajiet reliġjużi, tal-inqas attivitajiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, tista’ tkun ta’ xi theddida għall-“istatus” tal-komunitajiet reliġjużi kif iddefinit mill-Istati Membri (31).

35.      Għaldaqstant, l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-esklużjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

b)      L-attività ta’ ppridkar mhijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tagħha

36.      Minn perspettiva letterali, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali “minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika” (32).

37.      Qabel xejn, l-interpretazzjoni proposta fis-seduta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali li tgħid li l-karattru personali jew domestiku tal-attività msemmija minn din id-dispożizzjoni għandu jkun evalwat mill-perspettiva tas-suġġett tad-data, għandha tiġi rrifjutata. Billi l-predikaturi membri tal-komunità jmorru jżuru, fi djarhom, lill-“persuni li jkunu rċevew żjara”, l-attività inkwistjoni bilfors hija waħda domestika. Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma segwiet dan l-approċċ meta eżaminat jekk attività kinitx tabilħaqq “personali jew domestika” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, peress li l-perspettiva adottata dejjem kienet dik tal-persuna li tiġbor id-data jew li, b’mod usa’, tipproċessa d-data personali (33).

38.      Imbagħad, ta’ min ifakkar li l-konstatazzjoni magħmula aktar ’il fuq li d-deroga mill-kamp ta’ applikazzjoni fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 (34) għandha tiġi interpretata b’mod ristrett tapplika wkoll għall-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tiegħu.

39.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-portata tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 tista’ tkun iċċarata b’mod utli mill-premessa 12 tagħha, li ssemmi bħala eżempju ta’ pproċessar ta’ data magħmul minn persuna fiżika fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi, il-korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi (35). Għalhekk, “din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri biss l-attivitajiet li jagħmlu parti mill-kuntest tal-ħajja privata jew familjari ta’ l-individwi” (36), jiġifieri meta l-ipproċessar “[i]sir fl-isfera esklużivament personali jew domestika ta’ dak li jagħmel l-ipproċessar” (37). Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li evidentement dan mhuwiex il-każ tal-ipproċessar ta’ data personali “li jikkonsisti fil-pubblikazzjoni tagħha fuq l-internet b’tali mod li din id-data tkun aċċessibbli għal numru indefinit ta’ persuni” (38) jew “li l-għan [tiegħu huwa li jrendi] d-data miġbura aċċessibbli għal numru indefinit ta’ persuni” (39). Għalhekk, kull ma huwa “[dirett ’il] barra mill-isfera privata ta’ dak li jwettaq l-ipproċessar tad-data” ma jistax jitqies li jikkonsisti f’attività purament personali jew domestika skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 (40).

40.      Jirriżulta mill-fatti kif ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li l-attività ta’ ppridkar li matulha huwa meqjus li tinġabar data personali dwar il-persuni li jkunu rċevew żjara teċċedi mill-inqas l-isfera domestika ta’ dak li jipproċessa d-data, billi min-natura tagħha l-predikazzjoni hija ddefinita bħala dħul f’relazzjoni ma’ persuni fil-prinċipju mhux magħrufa u li ma jikkondividux it-twemmin tal-predikatur. B’differenza miż-żamma ta’ ktieb tal-indirizzi, pereżempju, l-attività tal-predikazzjoni bilfors teħtieġ “konfrontazzjoni” mal-isfera esterna għad-dar u għall-familja tal-persuna. In-natura tad-data miġbura – li tinkludi data li tgawdi minn protezzjoni msaħħa skont id-Direttiva 95/46 (41) – titlob ukoll distinzjoni ċara mill-eżempju msemmi fil-premessa 12 tad-Direttiva 95/46.

41.      Jirriżulta wkoll minn dawn l-istess fatti li r-rwol ta’ organizzazzjoni tal-attività ta’ ppridkar mogħti mill-kliem tal-ewwel domanda preliminari lill-komunità reliġjuża u lill-parroċċi tagħha, bilfors iwassal għall-konklużjoni li mhux biss ġiet maqbuża l-isfera domestika iżda wkoll l-isfera privata tal-persuni li jwettqu l-attività ta’ ppridkar.

42.      Minħabba d-dimensjoni komunitarja tal-attività ta’ ppridkar (42) u l-fatt li din timplika neċessarjament li l-persuna li tipproċessa d-data f’dan il-kuntest toħroġ mill-isfera privata u familjari tagħha biex tmur tiltaqa’ ma’ persuni li jagħmlux parti miċ-ċirku intimu tagħha fid-dar tagħhom, il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali li jsir mill-membri ta’ komunità reliġjuża bħala parti minn attività ta’ ppridkar bieb bieb ma jistgħux ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tagħha.

43.      Din l-interpretazzjoni tissodisfa għal kollox ir-rekwiżiti ta’ interpretazzjoni stretta tad-derogi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 u ta’ limitazzjoni tad-derogi għall-minimu meħtieġ u hija perfettament leali lejn l-għan imfittex minn din id-Direttiva li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (43).

44.      Madankollu, jonqos li jiġi vverifikat li tali interpretazzjoni ma tfixkilx id-drittijiet fundamentali l-oħrajn li magħhom trid tkun irrikonċiljata l-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali (44) u li twassal għal moderazzjoni bbilanċjata bejn din il-protezzjoni minn naħa, u l-libertà tar-reliġjon li l-korollarju tagħha huwa l-libertà tal-predikazzjoni, min-naħa l-oħra. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja s’issa iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 għandhom neċessarjament ikunu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (45) (iktar ’il quddiem il-“Karta”) b’referenza esklużiva għall-Artikoli 7 u 8 ta’ din tal-aħħar (46), il-konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Karta hija daqstant obbligatorja.

45.      B’hekk, l-Artikolu 10(1) tal-Karta jiddikjara li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà […] tar-reliġjon. Dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma’ oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti”. L-ispjegazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Karta (47) tispeċifika li dan id-dritt jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu l-istess tifsira u ambitu ta’ dan. Għaldaqstant, il-libertà tar-reliġjon tista’ tkun limitata biss fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) tal-KEDB, jiġifieri li kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun ipprovduta mil-liġi u għandha tkun miżura meħtieġa, f’soċjetà demokratika, għas-sigurtà pubblika, għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tas-saħħa jew tal-moralità pubbliċi jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

46.      L-ewwel tagħlima li nistgħu nieħdu mill-Artikolu 9(2) tal-KEDB hija li, għall-kuntrarju tar-riżultat li tasal għalih il-konvenuta fil-kawża prinċipali fi tmiem l-argument tagħha, il-libertà tar-reliġjon u l-libertà tal-predikazzjoni, li hija l-korollarju tagħha, huma kemm huma fundamentali mhumiex xi “meta-dritt fundamentali” ogħla mill-oħrajn kollha u li ma jistax jinkiser. Għaldaqstant, il-konċiljazzjoni tal-libertà tal-predikazzjoni mal-protezzjoni tal-ħajja privata mhux biss hija possibbli iżda wkoll meħtieġa “għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor” kif stipulat f’din id-dispożizzjoni.

47.      Rigward il-libertà tar-reliġjon, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-Qorti EDB”) iddeċidiet li għalkemm din “taqa’ l-aktar taħt il-kuxjenza individwali, timplika wkoll il-libertà li wieħed jesprimi r-reliġjon tiegħu individwalment u fil-privat, jew b’mod kollettiv, fil-pubbliku fiċ-ċirku ta’ dawk li jħaddnu l-istess fidi. Barra minn hekk, il-[Qorti EDB] diġà kellha l-okkażjoni li tistabbilixxi drittijiet negattivi abbażi tal-Artikolu 9 tal-[KEDB], fosthom il-libertà li ma tħaddanx reliġjon u li ma tipprattikahiex” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (48).

48.      Madankollu, l-attività ta’ ppridkar bieb bieb ma jidhirlix li thedded, b’mod strett, l-aspett negattiv tal-libertà tar-reliġjon kif iddefinita mill-Qorti EDB. Inżid li, fil-fehma tiegħi, ma jistax ikun hemm aspett negattiv għal-libertà tal-ippridkar, peress li din neċessarjament timplika li wieħed jipprova jikkonvinċi lil min ma jħaddanx l-istess fidi jew lil min ma jemmen f’xejn. Jekk nista’ ngħid hekk, il-libertà tal-ippridkar neċessarjament timplika l-eżistenza ta’ pubbliku “fil-mira” li ma nistgħux nirrikonoxxulu d-dritt negattiv li ma jiġix mgħallem, li ma jkunx l-oġġett ta’ tentattiv ta’ konverżjoni, mingħajr ma tinġieb fix-xejn is-sustanza tal-libertà inkwistjoni u l-konsegwenza potenzjali tagħha li hija l-libertà li tibdel ir-reliġjon, protetta wkoll kemm mill-Artikolu 9 tal-KEDB kif ukoll mill-Artikolu 10(1) tal-Karta (49).

49.      Lanqas ma jidhirli li l-attività ta’ ppridkar bieb bieb deskritta mill-qorti tar-rinviju tilħaq il-limiti stabbiliti mill-Qorti EDB, li tipprojbixxi biss il-konverżjoni abbużiva (50) jew qarrieqa (51).

50.      Biex l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 proposta fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet tinbidel abbażi tal-Artikolu 9 tal-KEDB u, allura, tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, ikun jeħtieġ li jiġi kkonstatat li s-sottomissjoni tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali għar-regoli ta’ dik id-direttiva tkun interferenza intollerabbli jew sproporzjonata fil-libertà tal-ippridkar. Madankollu, diffiċli li wieħed isib tali interferenza fil-każ preżenti, peress li t-teħid ta’ noti u t-tixrid tagħhom fil-komunità reliġjuża bl-ebda mod ma huma konsostanzjali għall-attività ta’ ppridkar. Madankollu, kieku kellna nassumu li tinstab tali interferenza, jifdal nivverifikaw li hija prevista mil-liġi u li hija meħtieġa, f’soċjetà demokratika, biex jintlaħaq l-għan leġittimu ta’ salvagwardja tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. Madankollu, l-interferenza allegata li suppost hija kkawżata mill-ħtieġa li jiġu osservati r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46 hija tabilħaqq prevista mil-liġi, minħabba li hija preċiżament prevista mid-Direttiva 95/46 u, għar-raġunijiet imsemmija qabel, hija meħtieġa f’soċjetà demokratika għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ ħaddieħor, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li jkunu rċevew żjara, drittijiet li jeħtieġu l-istess attenzjoni.

51.      Għaldaqstant, il-protezzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Karta mhijiex tali li tqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni li l-attività ta’ ppridkar bieb bieb tal-membri tal-komunità ma għandhiex karattru purament personali jew domestiku skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

52.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju hija li attività ta’ ppridkar bieb bieb bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex attività purament personali jew domestika skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

2.      Fuq it-tieni domanda

53.      It-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, din id-darba kkunsidrat mill-perspettiva tal-Artikolu 3(1) tagħha, li jgħid li d-direttiva “għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali […] li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”. Billi jidher li huwa stabbilit li l-ipproċessar tad-data miġbura mill-membri tal-komunità, mhux awtomatizzat, tal-anqas parzjalment, id-Direttiva 95/46 tapplika biss fil-preżenza ta’ sistema ta’ ħażna ddefinita mill-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46 bħala “sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika”. Il-qorti tar-rinviju targumenta li, skont it-tifsira tal-Liġi dwar id-data personali, in-nuqqas ta’ skedi jew listi speċifiċi jew ta’ xi sistema oħra ta’ tfittxija simili ma jippermettix li d-data pproċessata mill-membri tal-komunità tiġi kklassifikata bħala “sistema ta’ ħażna”. Madankollu, l-istess qorti tistaqsi dwar l-impatt, fuq tali klassifikazzjoni, tal-fatt li d-data tista’ tinstab b’mod daqstant faċli, biex tintuża aktar tard, u mingħajr spejjeż eċċessivi – li huma ż-żewġ kriterji msemmija fil-Liġi dwar id-data personali.

54.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali terġa’ tinsisti fuq il-karattru teoretiku ħafna ta’ din it-tieni domanda, minħabba li ma rriżultax li l-membri effettivament jieħdu noti waqt l-attività tagħhom ta’ ppridkar bieb bieb, kif jirriżulta mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Għal din il-kritika ripetuta, nirreferi għall-punti 25 u sussegwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont l-analiżi tal-qorti tar-rinviju, l-iżviluppi li ġejjin huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-membri tal-komunità jistgħu jieħdu noti waqt l-imsemmija attività.

55.      Huwa importanti li d-dibattitu jerġa’ jiġi ffokat fuq id-Direttiva 95/46 u d-definizzjoni li hija tagħti għall-kunċett ta’ sistema ta’ ħażna. L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46, li l-kliem tiegħu huwa pjuttost enigmatiku (52), irid jinqara mal-premessa 27 tal-istess direttiva li jindika, minn naħa, li l-iskop tal-protezzjoni tad-data m’għandux jiddependi mill-mezzi tekniċi użati, peress li dan jista’ joħloq riskju serju li dawn jistgħu jiġu skartati u, min-naħa l-oħra, dwar l-ipproċessar manwali, li d-direttiva għandha x’taqsam biss ma’ sistemi ta’ skedar li għandhom ikunu strutturati skont kriterji speċifiċi dwar individwi b’mod li l-aċċess għal data personali jkun ħafif. Barra minn hekk, il-kriterji differenti biex ikunu stabbiliti l-elementi ta’ sett strutturat ta’ data personali, u l-kriterji differenti li jirregolaw l-aċċess għal sett ta’ data bħal dan, jistgħu ikunu stabbiliti minn kull Stat Membru.

56.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxi b’mod wiesa’ ħafna l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (53). Għaldaqstant ma jeħtieġx li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li jhedded il-livell għoli ta’ protezzjoni mogħti mid-Direttiva 95/46.

57.      Jidhirli li, wara li dik tidher li hija deċentralizzazzjoni (54), in-noti li jieħdu l-membri tal-komunità fejn applikabbli jistgħu jikkostitwixxu “sistema ta’ ħażna” fit-tifsira tad-Direttiva 95/46. Wieħed mill-ewwel kriterji li jistrutturaw dan is-sett huwa l-kriterju ġeografiku. Sa ċertu punt, il-membru nnifsu jsir kriterju li jistruttura s-sett tad-data sa fejn il-komunità tqassam is-setturi b’mod ġeografiku. Din taf għalhekk li d-data dwar tali persuna li tgħix f’tali distrett setgħet inġabret minn tali membru. Jekk nassumu li l-komunità ma tindikax lill-membri tagħha għalfejn għandha tinġabar id-data, dan huwa de facto dedott mill-għan imfittex, jiġifieri t-tħejjija ta’ żjarat ulterjuri. Il-qorti tar-rinviju indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-data kkonċernata tirrigwarda l-isem, l-indirizz u l-kontenut tal-konverżazzjoni fil-qosor, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-twemmin reliġjuż u s-sitwazzjoni tal-familja. Struttura bħal din tippermetti aċċess faċli għad-data miġbura, anki jekk mhix partikolarment sofistikata. Barra minn hekk hija ttawwal il-memorja tal-attività ta’ ppridkar tal-komunità u faċilment wieħed jimmaġina li f’każ li xi membru jitlaq mil-lokal, dan jista’ faċilment jibgħat l-informazzjoni miġbura lill-membru l-ġdid li se jieħu postu fis-settur ġeografiku kkonċernat. Għaldaqstant il-kriterju tal-aċċessibbiltà tad-data jidher li huwa ssodisfatt (55).

58.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-liġi Finlandiża teħtieġ grad ogħla ta’ sofistikazzjoni minn dak meħtieġ mid-Direttiva 95/46 meta sempliċiment tikklassifika “sistemi ta’ ħażna” bħala karti, listi jew kwalunkwe sistema oħra ta’ tfittxija simili. Għalhekk mhux eskluż li l-Liġi dwar id-data personali tinkludi restrizzjoni oħra meta mqabbla ma’ dak li tipprovdi d-Direttiva 95/46. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma għamlitx din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk se tkun hi li se jkollha tislet il-konsegwenzi kollha, inkluż fir-rigward tad-dritt nazzjonali tagħha, mir-risposta tal-Qorti għal din it-tieni domanda.

59.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tal-istess direttiva, għandu jkun interpretat fis-sens li d-data personali kollha miġbura b’mod mhux awtomatizzat mill-membri ta’ komunità reliġjuża, fil-kuntest ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont tqassim ġeografiku speċifiku u li l-għan tagħha huwa t-tħejjija ta’ żjarat ulterjuri għand persuni li magħhom hemm djalogu spiritwali, tista’ tikkostitwixxi sistema ta’ ħażna.

3.      Fuq it-tielet u r-raba’ domanda preliminari kkunsidrati flimkien

60.      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi jekk l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 għandux ikun interpretat li jfisser li komunità reliġjuża li torganizza attività ta’ ppridkar li fil-kuntest tagħha tinġabar data personali aċċessibbli biss għall-predikaturi tista’ tiġi kkunsidrata bħala “kontrollur” fit-tifsira ta’ dik id-direttiva. Għall-finijiet ta’ din l-istess klassifikazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk għandux ikun hemm atti speċifiċi oħra adottati mill-komunità, bħal struzzjonijiet bil-miktub lill-membri tagħha, jew jekk huwiex biżżejjed li l-komunità tkun effettivament f’pożizzjoni li tmexxi l-attività tal-membri tagħha.

61.      Qabel nibda l-analiżi, nixtieq l-ewwel nett nagħmel rimarka. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ċaħdet, kemm fil-kummenti bil-miktub tagħha, kif ukoll waqt it-trattazzjoni tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija “kontrollur” tad-data miġbura mill-membri tagħha, fit-tifsira tad-Direttiva 95/46, u esprimiet ċerta irritazzjoni meta ntqal li l-membri tagħha jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet tagħha u mhux b’reazzjoni għal kmand divin. Madankollu, intenni li ma jistax jingħata kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak li hu lid-determinazzjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 f’dan il-każ, u lanqas lill-klassifikazzjoni eventwali tal-komunità bħala “kontrollur” fit-tifsira ta’ din id-direttiva. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li “kontrollur”, fit-tifsira tad-Direttiva 95/46 “għandu jiżgura, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu, li [l-attività tal-ipproċessar tad-data] tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46 b’tali mod li l-garanziji previsti minn din id-direttiva jkun jista’ jkollhom l-effetti kollha tagħhom u b’tali mod li tkun tista’ effettivament tinkiseb protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom” (56). Għaldaqstant, hija kwistjoni ta’ klassifikazzjoni ġuridika, u mhux ta’ kwalunkwe kontestazzjoni tar-rwol tal-komunità jew tal-bażi oriġinali tal-attività ta’ ppridkar.

62.      Ladarba dan ġie ċċarat, ngħaddu għall-analiżi.

63.      Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, il-“kontrollur” huwa l-“persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali […]”. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan il-kunċett għandu jkun iddefinit b’mod wiesa’ sabiex jissodisfa l-għan ta’ protezzjoni effikaċi u kompleta tad-Direttiva 95/46 (57) u minħabba r-rwol determinanti tal-kontrollur fis-sistema implementata mid-Direttiva 95/46 (58).

64.      Il-grupp ta’ ħidma “tal-Artikolu 29” dwar il-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem “il-Grupp ta’ Ħidma ‘tal-Artikolu 29’”) (59) jikkunsidra li d-determinazzjoni ta’ min għandu jkun responsabbli mill-ipproċessar skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 “hija bbażata […] fuq analiżi fattwali iktar milli fuq waħda formali” (60) u “tissarraf fid-determinazzjoni, rispettivament, tal-‘għaliex’ u tal-‘kif’ ta’ ċerti attivitajiet tal-ipproċessar” (61).

65.      Jeħtieġ għalhekk li jiġi stabbilit jekk il-komunità tiddeterminax il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data miġbura mill-membri tagħha. Għal dan il-għan, ta’ min ifakkar li jirriżulta mill-kliem tat-tielet domanda preliminari li l-komunità “torganizza” l-attività li fiha l-membri tagħha jiġbru d-data personali fis-sens li tqassam is-setturi tal-attività fost il-predikaturi, issegwi l-attività ta’ dawn il-predikaturi (62) u żżomm reġistru tal-persuni li ma jixtiqux li dawn jiġu f’darhom. Dawn l-elementi huma kollha sinjali ta’ ċentralizzazzjoni tal-attività ta’ ppridkar mill-komunità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa diffiċli li wieħed ikompli jsostni li din l-attività flimkien mal-ġbir ta’ data personali, meta jkun il-każ, jibqgħu purament individwali u għal kollox separati mill-komunità (63).

66.      Fil-fehma tiegħi hemm evidenza suffiċjenti – minħabba l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur” skont id-Direttiva 95/46 u l-ħtieġa ta’ livell għoli ta’ protezzjoni – biex nikkunsidra li l-komunità tiddetermina l-fini tal-ipproċessar tad-data personali miġbura mill-membri, jiġifieri li jkompli dejjem jiżdied in-numru ta’ fidili permezz ta’ attività ta’ ppridkar iktar effettiva bis-saħħa ta’ tħejjija mill-aqwa għaż-żjarat.

67.      F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-mezzi mill-komunità, jidhirli li din diffiċilment tista’ tiġi kkontestata għall-perjodu li matulu l-komunità kienet tipprovdi lill-membri tagħha u kienet tagħti struzzjonijiet speċifiċi ħafna dwar kif jittieħdu n-noti f’artikli ppubblikati fir-rivista tagħha. Għalkemm l-użu tal-formoli jidher li waqaf, ninnota li l-pubblikazzjonijiet għadhom disponibbli online u li reġgħu ngħataw linji gwida għat-teħid tan-noti, u dan wara d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali (64).

68.      Fi kwalunkwe każ, id-domanda preliminari hija bbażata fuq is-suppożizzjoni ta’ nuqqas ta’ struzzjonijiet bil-miktub. Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ “kontrollur” fit-tifsira tad-Direttiva 95/46, nasal biex nikkunsidra, bħall-Gvern Finlandiż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Taljan, li formaliżmu eċċessiv jippermetti faċilment li wieħed jevita d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 u li, għalhekk, jeħtieġ li nibbaża fuq analiżi iktar fattwali milli formali sabiex nevalwa jekk il-komunità għandhiex rwol effettiv fid-determinazzjoni tal-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar.

69.      Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkorroborata mit-test tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 li ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għal xi rekwiżit ta’ struzzjonijiet bil-miktub. Jidher ukoll li din hija wkoll it-tifsira mogħtija mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” lil din id-dispożizzjoni, li tgħid li influwenza fattwali hija biżżejjed biex tiddetermina l-kontrollur tad-data (65).

70.      Huwa ċar li l-konstatazzjoni ta’ influwenza fattwali mhijiex fil-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, huwa xieraq li din tal-aħħar iżżomm f’moħħha li l-kunċett ta’ “kontrollur” skont id-Direttiva 95/46 irid ikun iddefinit b’mod wiesa’. Għalkemm għadni kemm ikkonkludejt li wieħed ma jistax jeżiġi l-preżenza ta’ struzzjonijiet bil-miktub biex ma nillimitawx dak il-kunċett f’formaliżmu żejjed, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ influwenza fattwali għandha ssir skont standards raġonevolment verifikabbli. F’dan ir-rigward, nammetti li ma ninsabx konvint mill-pożizzjoni tal-kummissjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-ordni tal-komunità hija pperċepita mill-membri tagħha bħala “moralment suffiċjentement vinkolanti”.

71.      Rigward il-kwistjoni jekk il-kontrollur tad-data għandux neċessarjament ikollu aċċess għal dik id-data, mill-ġdid ninnota li d-definizzjoni mogħtija mid-Direttiva 95/46 ma tinkludix tali rekwiżit. Il-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” huwa wkoll konvint minn dan; dan jgħid li l-fatt li wieħed ma jkunx jista’ jissodisfa direttament l-obbligi kollha ta’ kontrollur, bħad-dritt ta’ aċċess, ma jeskludix il-possibbiltà li wieħed ikun kontrollur” (66). Huwa preċiżament għal dan it-tip ta’ konfigurazzjoni li d-Direttiva 95/46 tipprovdi b’mod espliċitu li l-kontroll jista’ jkun eżerċitat b’mod konġunt (67). Għaldaqstant hawnhekk naqbel kompletament mal-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Bot li “interpretazzjoni li tenfasizza l-eżistenza ta’ setgħa ta’ kontroll kompleta fuq l-aspetti kollha tal-ipproċessar hija suxxettibbli li tirriżulta f’diversi lakuni serji fir-rigward tal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali” (68).

72.      Għaldaqstant se ntemm l-analiżi billi nispeċifika li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, kwalunkwe konstatazzjoni eventwali tar-responsabbiltà tal-komunità bl-ebda mod ma teskludi l-konstatazzjoni parallela ta’ responsabbiltà konġunta tal-membri ta’ din il-komunità billi “[l]-evalwazzjoni ta’ dan il-kontroll konġunt għandha tirrifletti l-evalwazzjoni ta’ kontroll ‘uniku’, billi jittieħed approċċ konkret u funzjonali sabiex jiġi stabbilit jekk il-finijiet u l-elementi essenzjali tal-mezzi jiġux iddeterminati minn iktar minn parti waħda. Il-parteċipazzjoni tal-partijiet fid-determinazzjoni tal-finijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar fil-kuntest ta’ kontroll konġunt tista’ tieħu forom differenti u ma hijiex neċessarjament kondiviża b’mod indaqs” (69). Madankollu, jidher li jirriżulta mill-fatti kif ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li l-membri tal-komunità jistgħu jinfluwenzaw b’mod konkret il-mezzi tal-ipproċessar (billi jiffokaw fuq il-persuni li se jżuru, billi jiddeċiedu jekk jieħdux noti, billi jagħżlu kif jieħdu dawn in-noti, billi jiddeterminaw l-ammont ta’ data li jiġbru, eċċ.).

73.      Fid-dawl ta’ dan, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 għandu jkun interpretat fis-sens li komunità reliġjuża li torganizza attività ta’ ppridkar li matulha tinġabar data personali tista’ titqies bħala kontrollur tad-data minkejja l-fatt li ma għandhiex aċċess għad-data personali miġbura mill-membri tagħha. Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ “kontrollur” fis-sens tad-Direttiva 95/46, ma huwiex meħtieġ li l-istruzzjonijiet bil-miktub huma disponibbli, iżda għandu jiġi kkonstatat, fejn xieraq permezz ta’ sensiela ta’ indizji, li min hu responsabbli huwa f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza reali fuq l-attività tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data personali, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

IV.    Konklużjoni

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Finlandja), kif ġej:

1)      Attività ta’ ppridkar bieb bieb bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.

2)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tal-istess direttiva, għandu jkun interpretat fis-sens li d-data personali kollha miġbura b’mod mhux awtomatizzat mill-membri ta’ komunità reliġjuża, fil-kuntest ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont tqassim ġeografiku speċifiku u li l-għan tagħha huwa t-tħejjija ta’ żjarat ulterjuri għand persuni li magħhom hemm djalogu spiritwali, tista’ tikkostitwixxi sistema ta’ ħażna.

3)      L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 għandu jkun interpretat fis-sens li komunità reliġjuża li torganizza attività ta’ ppridkar li matulha tinġabar data personali tista’ titqies bħala kontrollur tad-data minkejja l-fatt li ma għandhiex aċċess għad-data personali miġbura mill-membri tagħha. Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ “kontrollur” fis-sens tad-Direttiva 95/46, ma huwiex meħtieġ li l-istruzzjonijiet bil-miktub huma disponibbli, iżda għandu jiġi kkonstatat, fejn xieraq permezz ta’ sensiela ta’ indizji, li min hu responsabbli huwa f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza reali fuq l-attività tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data personali, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


3      Il-qorti tar-rinviju hawnhekk issemmi żewġ artikli ppubblikati fir-rivista Is-servizz tas-Saltna f’Novembru 2011 u f’Ġunju 2012.


4      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596) u tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294).


5      ĠU 2016, L 119, p. 1. Skont din il-premessa, ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali minn persuna fiżika “matul attività purament personali jew fid-dar u għalhekk mingħajr ebda rabta ma’ attività professjonali jew kummerċjali”. Qabelxejn nippreċiża li r-Regolament 2016/679 se jibda japplika biss mill-25 ta’ Mejju 2018, kif jipprovdi l-Artikolu 99 tiegħu, u għalhekk din l-analiżi ser tiffoka fuq id-Direttiva 95/46, imsemmija b’mod espliċitu fid-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.


6      Hawnhekk il-qorti tar-rinviju ssemmi s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317).


7      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992 (C‑83/91, EU:C:1992:332).


8      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C-83/91, EU:C:1992:332, punt 26).


9      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992 (C-83/91, EU:C:1992:332).


10      Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France (C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 27); tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 44) kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 23).


11      Ara, għall-kuntrarju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 33).


12      Il-qorti tar-rinviju fil-fatt hija qorti suprema li l-istħarriġ tagħha tal-fatti kif stabbiliti mill-qorti tal-ewwel istanza jista’ jkun limitat.


13      F’dan ir-rigward, ma huwiex possibbli li jsir paragun, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-konvenuta fil-kawża prinċipali, bejn dan il-każ u l-każ li ta lok għas-sentenza Benedetti (sentenza tat-3 ta’ Frar 1977 (52/76, EU:C:1977:16)) li kien ikkaratterizzat minn nuqqas kroniku ta’ preċiżjoni u ta’ konstatazzjoni ddettaljata tal-fatti (ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 1977, Benedetti (52/76, EU:C:1977:16, punti 10, 14, 16, 19 u 22)) li ma kienx jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-kompitu tagħha b’mod xieraq u utli. Barra minn hekk, ma hemmx dubju li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tabilħaqq għandha l-istatus ta’ parti fil-kawża prinċipali u li hija setgħet tiġġustifika lilha nfisha peress li hija stess adixxiet lill-qorti tal-ewwel istanza, li – infakkar – laqgħet l-appell tagħha (għall-kuntrarju, ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 1977, Benedetti (52/76, EU:C:1977:16, punt 12)).


14      Korsiv miżjud minni.


15      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tibbaża fuq id-diċitura tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2016/679 biex tappoġġja l-prova li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 jeskludi mhux biss l-attivitajiet imsemmija fit-Titoli V u VI TUE iżda, b’mod aktar ġenerali, kwalunkwe attività li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, jidhirli li l-kjarifika li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament 2016/679 hija pjuttost superfluwa, ladarba fi kwalunkwe każ ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma tista’ tapplika barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


16      Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 43).


17      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 46).


18      Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 27) kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 37).


19      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 28). Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 92).


20      Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 43).


21      Sentenza tas-6 Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 44).


22      Sentenza tas-6 Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 45).


23      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2002:513, punti 36 et seq. u 44).


24      Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003 (C‑101/01, EU:C:2003:596).


25      Sentenza tas-6 Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 42).


26      Skont l-espressjonijiet użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596).


27      Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003 (C‑101/01, EU:C:2003:596).


28      ĠU 1997, C 340, p. 133.


29      Ara l-Artikolu 8(2)(d) tad-Direttiva 95/46.


30      Ara l-Artikolu 9(2)(d) tar-Regolament 2016/679 kif ukoll l-Artikolu 91 tal-istess regolament li jipprovdi b’mod espliċitu għas-sottomissjoni tal-assoċjazzjonijiet reliġjużi għas-superviżjoni ta’ awtorità superviżorja indipendenti f’dak li jirrigwarda l-konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.


31      Nixtieq nirrimarka hawnhekk li l-attività reliġjuża ma hijiex eżenti, fil-prinċipju u bħala tali, mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sew jekk dan tal-aħħar jaġixxi, pereżempju, fir-rigward tal-protezzjoni tal-libertà tat-twemmin u tal-espressjoni reliġjuża tal-individwi fuq il-post tax-xogħol tagħhom (ara s-sentenzi reċenti tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204) u tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203)) kif ukoll fir-rigward tas-sottomissjoni tal-attivitajiet tal-Knejjes għar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni meta l-attivitajiet imsemmija ma jkollhomx għan strettament reliġjuż (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 43)).


32      Korsiv miżjud minni.


33      Ara l-punti 31 u 33 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punti 31 u 33).


34      Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 46) kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 43).


36      Sentenza tas-6 Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 47).


37      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 31).


38      Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 47).


39      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 44).


40      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 33). Hawnhekk nixtieq nirrimarka d-dispjaċir tiegħi rigward il-konfużjoni li toħloq il-premessa 18 tar-Regolament 2016/679 meta jingħad li attività personali jew domestika hija “għalhekk mingħajr ebda rabta ma’ attività professjonali jew kummerċjali”, premessa li tista’ tagħti x’tifhem li, diment li attività la hija professjonali u lanqas kummerċjali, bilfors hija personali jew domestika u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament. Tali qari jipperikola b’mod ċar il-livell ta’ protezzjoni offrut mid-dritt tal-Unjoni billi jeskludi kwalunkwe attività, pereżempju volontarja, mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/679.


41      Ara l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46.


42      Nispeċifika li naqbel kompletament mal-pożizzjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali espressa waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-membri tal-komunità reliġjuża jippridkaw minn jeddhom, jekk meħtieġ bi tweġiba għal ordni divina li l-komunità u l-parroċċi, bħala tali, mhumiex responsabbli għaliha, tant li l-predikazzjoni tista’ effettivament issir mingħajr ma tkun teżisti struttura komunitarja. Madankollu, mhuwiex dak id-dibattitu ladarba, attwalment u preċiżament, tali struttura teżisti u għandha l-għan li tippromwovi, tħeġġeġ u torganizza l-attività ta’ ppridkar skont l-evalwazzjoni tal-fatti li għamlet il-qorti tar-rinviju.


      Barra minn hekk, biex nikklassifikaw l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali, nistgħu nieħdu idea mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-każ Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2002:513), fejn eskluda li l-attività ta’ katekista tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 b’mod partikolari minħabba li din l-attività kellha “konnotazzjoni soċjali qawwija” fil-komunità parrokkjali (ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Naqsam miegħu l-idea impliċita li l-komunità reliġjuża mhijiex estensjoni tal-isfera privata jew domestika tal-membri tagħha minkejja l-karattru ferm intimu ta’ kull għażla reliġjuża.


43      Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tad-9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 37).


44      B’analoġija, ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 53).


45      ĠU 2007, C 303, p. 1.


46      Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 29) u tad-9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 39). Għall-perijodu ta’ qabel il-Karta, ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C-465/00, C-138/01 u C-139/01, EU:C:2003:294, punt 68).


47      ĠU 2007, C 303, p. 17.


48      Qorti EDB, 21 ta’ Frar 2008, Alexandridis vs Il-Greċja, (CE:ECHR:2008:0221JUD001951606, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 1993, Kokkinakis vs Il-Greċja, (CE:ECHR:1993:0525JUD001430788, punt 31).


50      Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 1993, Kokkinakis vs Il-Greċja, (CE:ECHR:1993:0525JUD001430788, punt 48: “L-ewwel nett jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn li tkun xhud Nisrani u l-konverżjoni abbużiva. L-ewwel wieħed jikkorrispondi għall-envanġelizzazzjoni vera, li rapport imfassal fl-1956 taħt l-awspiċi tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, jiddeskrivi bħala ‘missjoni essenzjali’ u ‘responsabbiltà ta’ kull Nisrani u ta’ kull Knisja’. It-tieni waħda tirrappreżenta l-korruzzjoni jew id-deformazzjoni ta’ din il-missjoni. Tista’ tieħu s-sura ta’ ‘attivitajiet li joffru vantaġġi materjali jew soċjali biex jinkisbu membri ġodda għal Knisja jew li jeżerċitaw pressjoni abbużiva fuq persuni f’diffikultà jew fi bżonn’, skont l-istess rapport; saħansitra tista’ timplika l-użu tal-vjolenza jew ‘brainwashing’; b’mod iktar ġenerali, mhijiex kompatibbli mar-rispett li għandu jkun hemm għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon ta’ ħaddieħor […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


51      Qorti EDB, 24 ta’ Frar 1998, Larissis etvs Il-Greċja (CE:ECHR:1998:0224JUD002337294, punt 45): “Il-Qorti EDB tenfasizza mill-bidu nett li għalkemm il-libertà tar-reliġjon hija primarjament kwistjoni ta’ kuxjenza individwali, timplika wkoll, b’mod partikolari, il-libertà li ‘turi r-reliġjon tiegħek’, inkluż id-dritt li tipprova tikkonvinċi lill-qarib tiegħek, pereżempju permezz ta’ ‘tagħlim’ […]. Madankollu, l-Artikolu 9 ma jipproteġix kull att motivat jew ispirat minn reliġjon jew twemmin. Għaldaqstant, ma jipproteġix il-konverżjoni abbużiva, bħal xi attività li toffri vantaġġi materjali jew soċjali jew l-eżerċitar ta’ pressjoni abbużiva biex jinkisbu membri ġodda għal Knisja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


52      Ir-Regolament 2016/679 ma jipprovdi ebda kjarifika, u jirrepeti, mingħajr bidliet fis-sustanza, l-Artikoli 2(ċ) u 3(1) tad-Direttiva 95/46 (ara l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(6) tar-Regolament 2016/679).


53      Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 43).


54      Li, fi kwalunkwe każ, ma teskludix l-eżistenza ta’ sistema ta’ ħażna fit-tifsira tad-Direttiva 95/46.


55      Ara wkoll il-punt 6 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


56      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 38).


57      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 34).


58      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2017:796, punt 44).


59      Kif jissuġġerixxi ismu, dan huwa l-grupp stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46 biex jipproteġi lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, u l-opinjonijiet tiegħu huma biss ta’ natura konsultattiva (ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(1) ta’ dik id-Direttiva).


60      Opinjoni 1/2010 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “proċessur” adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fis-16 ta’ Frar 2010 (00264/10/MT, WP 169, p. 1).


61      Opinjoni 1/2010 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “proċessur” adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fis-16 ta’ Frar 2010 (00264/10/MT, WP 169, p. 14).


62      Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-komunità żżomm reġistri li juru n-numru ta’ pubblikazzjonijiet tal-komunità li membru jkun qassam u l-ħin li dan ikun iddedika għall-attività ta’ ppridkar.


63      Il-kummissjoni argumentat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, li l-parteċipazzjoni fl-attività ta’ ppridkar hija rekwiżit biex wieħed ikun jista’ jitgħammed.


64      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-fatti rilevanti f’dan il-każ, tfittxija ta’ malajr fuq is-sit tal-Internet tal-komunità, disponibbli f’diversi lingwi fosthom il-Finlandiż, u b’mod partikolari fl-arkivji tar-rivista tagħha, turi fil-fatt li l-komunità mhux biss torganizza l-attività ta’ ppridkar billi tipprovdi pariri għal dan il-għan iżda tinkoraġġixxi wkoll it-teħid ta’ noti waqt din l-attività: ara, pereżempju, fil-paġna 3 tal-ħarġa tax-xahar ta’ Jannar 2014 tar-rivista Il-Ministeru tas-Saltna, il-paragrafu intitolat “Saqqi ż-żrieragħ tal-verità”, (“Niżżel bil-miktub id-data ta’ kull żjara, il-letteratura li ħallejtlu, u s-suġġetti u l-iskritturi li ddiskutejtu”) (disponibbli bil-Malti fuq il-paġna https://www.jw.org/mt/pubblikazzjonijiet/ministeru-tas-saltna/u bil-Finlandiż fuq https://www.jw.org/fi/julkaisut/valtakunnan-palveluksemme/).


65      Opinjoni 1/2010 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “proċessur” adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fis-16 ta’ Frar 2010 (00264/10/MT, WP 169, p. 9). Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2017:796, punt 46).


66      Opinjoni 1/2010 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “proċessur” adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fis-16 ta’ Frar 2010 (00264/10/MT, WP 169, p. 23).


67      Ara l-Opinjoni 1/2010 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “proċessur” adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fis-16 ta’ Frar 2010 (00264/10/MT, WP 169, p. 23).


68      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2017:796, punt 62).


69      Opinjoni 1/2010 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “proċessur” adottata mill-Grupp ta’ Ħidma “tal-Artikolu 29” fis-16 ta’ Frar 2010 (00264/10/MT, WP 169, p. 35).