Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof - il-Ġermanja) – Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. vs Amazon EU Sàrl

(Kawża C-649/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(c) – Obbligi ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti mill-bogħod u l-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju – Obbligu tal-kummerċjant li jipprovdi n-numru tat-telefon u n-numru tal-faks tiegħu “fejn ikun disponibbli” – Portata)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

Konvenuta: Amazon EU Sàrl

Dispożittiv

L-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-kummerċjant, qabel il-konklużjoni ma’ konsumatur ta’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, kif imsemmi fl-Artikolu 2(7) u (8) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi, fi kwalunkwe każ, in-numru tat-telefon tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma timplikax obbligu għall-kummerċjant li jistabbilixxi linja tat-telefon, jew tal-faks, jew li jistabbilixxi indirizz tal-posta elettronika ġdid sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjawh u tobbliga l-komunikazzjoni ta’ dan in-numru jew dak tal-faks jew l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu biss fil-każijiet fejn il-kummerċjant diġà jkollu dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni mal-konsumaturi.

L-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għalkemm din id-dispożizzjoni tobbliga lill-kummerċjant li jipprovdi lill-konsumatur mezz ta’ komunikazzjoni li kapaċi jissodisfa l-kriterji ta’ komunikazzjoni diretta u effiċjenti, din ma tipprekludix li l-imsemmi kummerċjant jipprovdi mezzi ta’ komunikazzjoni oħra minbarra dawk elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex dawn il-kriterji jiġu ssodisfatti.

____________

1     ĠU C 112, 26.3.2018.