Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea Hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (l-Isvezja) fil-21 ta’ Settembru 2023 – Mio AB, Mio e-handel AB, Mio Försäljning AB vs Galleri Mikael & Thomas Asplund Aktiebolag

(Kawża C-580/23, Mio et)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Svea Hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Mio AB, Mio e-handel AB, Mio Försäljning AB

Konvenut: Galleri Mikael & Thomas Asplund Aktiebolag

Domandi preliminari

Fl-evalwazzjoni dwar jekk oġġett tal-arti applikata jistħoqqlux il-protezzjoni estiża tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol fis-sens tal-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni 1 , kif għandu jitwettaq l-eżami – u liema fatturi għandhom jew ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni – fil-kwistjoni dwar jekk l-oġġett jirriflettix il-personalità tal-awtur billi jesprimi l-għażliet kreattivi u liberi tiegħu? F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari, l-eżami tal-oriġinalità għandux jiffoka fuq fatturi relatati mal-proċess kreattiv u fuq l-ispjegazzjoni tal-awtur dwar l-għażliet konkreti li huwa jkun għamel fil-ħolqien tal-oġġett jew fuq fatturi relatati mal-oġġett innifsu u mar-riżultat finali tal-proċess kreattiv u dwar jekk l-oġġett innifsu jesprimix effett artistiku.

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda u għall-kwistjoni dwar jekk oġġett tal-arti applikata jirriflettix il-personalità tal-awtur billi jesprimi l-għażliet liberi u kreattivi tiegħu, x’importanza għandu l-fatt li:

l-oġġett jikkonsisti f’elementi li jinsabu f’disinni komuni?

l-oġġett jibni fuq u jikkostitwixxi varjazzjoni ta’ disinn preċedenti magħruf jew ta’ tendenza attwali ta’ disinn?

(c)    oġġett identiku jew simili jkun inħoloq qabel jew – indipendentement u mingħajr għarfien tal-oġġett tal-arti applikata intiż li jiġi protett bħala xogħol – wara l-ħolqien tal-oġġett inkwistjoni?

Kif għandha titwettaq l-evalwazzjoni tax-xebh – u x’tip ta’ xebh huwa meħtieġ – fl-eżami dwar jekk oġġett tal-arti applikata allegatament kontrafatt huwiex kopert mill-kamp ta’ protezzjoni ta’ xogħol u jekk jiksirx id-dritt esklussiv għax-xogħol li, skont l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29/KE, għandu jingħata lill-awtur? F’dan ir-rigward, b’mod partikolari għandu jiġi ddeterminat jekk l-eżami għandux jiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk ix-xogħol jistax jiġi rrikonoxxut fl-oġġett allegatament kontrafatt jew jekk dan għandux jiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk l-oġġett allegatament kontrafatt joħloqx l-istess impressjoni globali bħax-xogħol, jew fuq xiex iktar għandu jiffoka l-eżami.

Sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda u għall-kwistjoni dwar jekk oġġett tal-arti applikata allegatament kontrafatt huwiex kopert mill-kamp ta’ protezzjoni ta’ xogħol u jekk jiksirx id-dritt esklussiv għax-xogħol, x’importanza għandu:

il-grad ta’ oriġinalità tax-xogħol għall-portata tal-protezzjoni tax-xogħol?

il-fatt li x-xogħol u l-oġġett tal-arti applikata allegatament kontrafatt jikkonsistu f’elementi li jinsabu f’disinni komuni jew jibnu fuq u jikkostitwixxu varjazzjonijiet ta’ disinni preċedenti magħrufa jew ta’ tendenza attwali ta’ disinn?

il-fatt li oġġett identiku jew simili ieħor ikun inħoloq qabel jew – indipendentement u mingħajr għarfien tax-xogħol – wara l-ħolqien tax-xogħol?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.