Language of document : ECLI:EU:T:2005:200

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Ġunju 2005 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Talba għal trade mark verbali Salvita – Trade mark verbali nazzjonali preċedenti SOLEVITA – Prova ta' l-użu tat-trade mark nazzjonali preċedenti – Ċaħda ta' l-oppożizzjoni”

Fil-kawża T-303/03

Lidl Stiftung & Co. KG, stabbilita f'Neckarsulm (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Groß, Avocat,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn U. Pfleghar u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

REWE-Zentral AG, stabbilita f'Kolonja (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn M. Kinkeldey, wara, minn M. Kinkeldey u C. Schmitt, avocats,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Awla tal-Bord ta' l-Appell ta’ l-UASI tat-30 ta' Ġunju 2003 (każ R 408/2002-1), dwar l-oppożizzjoni magħmula mill-propjetarju tat-trade mark nazzjonali SOLEVITA għar-reġistrazzjoni tat-trade mark komunitarja verbali Salvita.

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Settembru 2003

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta' Jannar 2004

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta' Jannar 2004

wara s-seduta tat-30 ta' Novembru 2004

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-14 ta' Awwissu 1997, REWE-Central AG, ippreżentat talba għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1),

2        It-trade mark li għaliha saret it-talba għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Salvita.

3        Il-prodotti li għalihom saret it-talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassijiet 5, 29, 30 u 32 tal-ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja :

–        Klassi 5 : " infużjonijiet erbali mediċi; chewing gum għal użu mediku; ikel għat-trabi; il-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq għall-bejgħ fil-ħwienet ta' l-ikel. "

–        Klassi 29 : "laħam, ħut, tjur, selvaġġina, molluski u krustaċji, dawn il-prodotti msajra; salami, laħmijiet, tiġieġ u ħut, kavjar; insalati tal-laħam, tal-ħut, tat-tjur u s-selvaġġina; patè tal-laħam, tat-tjur, tas-selvaġġina u tal-ħut, estratti tal-laħam; frott, ħaxix u frott niexef (msajra), purè tal-frott u tal-ħaxix; insalati gastronomiċi bbażati fuq insalati tal-ħaxix jew insalati ħodor; prodotti bbażati fuq il-patata, patata moqlija, kroketti, patata l-forn, patata kmieni patata ppreparata, purè tal-patata, pulpetti tal-patata, torti tal-patata moqlijin, waffles tal-patata, patata ċips, patata fil-forma ta' bsaten; semmelknödel (pulpetti bil-ħobż); platti nofs sajran jew imsajra, bħal sopop (inklużi sopop tal-pakkett), stuffat, platti mmerqin jew le, lesti biex ikunu servuti li jkunu magħmula min waħda jew iktar mill-ingredjenti li ġejjin; laħam, ħut, ħaxix, frott imsajjar, ġobon, għaġin, ross; ġelatina tal-laħam, tal-frott u tal-ħaxix, kunfettura; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib, b'mod speċjali ħalib għax-xorb, sour cream (ħalib aċidu), butter milk, yoghurt, yoghurt tal-frott, yoghurt taċ-ċikkulata jew miżjud il-kawkaw, xarbiet tal-ħalib mingħajr alkoħol, kefir, krema friska, ġobon abjad, ġobon abjad bil-frott jew bil-ħxejjex aromatiċi, diżerta ibbażati fuq il-ħalib u l-aromi li jkollhom il-ġelatina u/jew lamtu biex jaqqduhom, butir, xaħam, ġobon u oġġetti magħmula mill-ġobon; "ambrosia" (xorta ta' pudina tal-ġelatina); zlazi ta' l-insalta; żjut u xaħmijiet li jittieklu; pasti żgħar melħin, ċips taċ-ċereali, lewż kemm immellaħ kemm le u prodotti oħra tat-tnaqqir, li jaqgħu taħt il-klassi 29, il-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq (jekk neċessarju) kif ukoll prodotti alimentari dijetetiċi li mhumiex għal użu mediku; il-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq (sa fejn huwa possibli) anki ffriżati u preżervati, sterilizzati jew omoġenizzati.";

–        Klassi 30 : "zlazi, komposti, aġenti li jgħaqqdu għaz-zlazi, zlazi tat-trab, ketchup, rafan, kappar, kafè, tè, kawkaw, ċikkulata, prodotti magħmula miċ-ċikkulata, trab għall-preparazzjoni ta' xarbiet tal-kawkaw, xarbiet taċ-ċikkulata, marżipan, nuga, prodotti magħmula minn marżipan u nuga, pudini, diżerti magħmula minn pudini, taħlit li jindilek fuq il-ħobż, magħmulin l-iktar minn zokkor, kawkaw, nuga, ħalib u/jew xaħmijiet; ċikkulatini, anke dawk mimlijin, zokkor, ħlewwiet, zokkor tal-vanilla, ħelu, b'mod speċjali dawk karamellati, ħelu tal-menta, ħelu tal frott, ħelu artab li jintgħomod (gumms), lollipops, chewing gum mhux għal użu mediku; ross, tapioca, kafè artifiċjali; pizez, dqiq, prodotti magħmula miċ-ċereali u li huma tajbin għall-ikel, ċereali mħux maħduma u mingħajr qoxra, bħal ross, qamħ, ħafur, xgħir, segala, millieġ, qamħirrun u dqiq ismar, il-prodotti msemmija anke taħt għamla ta' taħlit jew preparati oħra, b'mod speċjali qamħ, qlub ġermitivi (nebbieta) ta-qamħ, dqiq tal-qamħirrun, dqiq ismar, kittien, muesli u blokki tal-muesli (prinċipalment magħmula min bċejjeċ taċ-ċereali, frott niexef, lewż); ċereali, popcorn; ħobż, ħobż żgħir, ħelu magħmul mill-għaġina u xogħol ieħor tad-dulċier, għaġin u għaġin magħmul minn ċereali mhux maħduma, b'mod speċjali t-taljatelli; għaġina tal-kejkijiet lesta għas sajran, ħwawar tat-tisjir, kisi tat-torti, silġ li jittiekel, ġelati; għasel, xropp tal-melissa, ħmira, trab tal-ħami; trab biex tagħmel il-pudini; melħ; mustarda; ħall; ħwawar, taħlitiet ta' ħwawar, torti żgħar melħin, ċips taċ-ċereali, lewż kemm immellaħ kemm le u prodotti oħra tat-tnaqqir, li jaqgħu taħt il-klassi 30; il-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq (jekk neċessarju) kif ukoll prodotti alimentari djetetiċi li mhumiex għal użu mediku; il-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq (sa fejn huwa possibli) anki ffriżati u preżervati, sterilizzati jew omoġenizzati."

–        Klassi 32 : Birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott, meraq tal-ħaxix; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet; xorb magħmul mill-ħalib (latticello); trabijiet għal xorb istantanju"

4        Fit-13 ta' Lulju 1998, it-talba ġiet ippublikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 50/98.

5        Fit-13 ta' Ottubru 1998, Lidl Stiftung & Co. KG ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret it-talba, fejn allegat probabbiltà ta' konfuzjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Din l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza tat-trade mark Ġermaniża preċedenti SOLEVITA, irreġistrata fis-27 ta' Ġunju 1983 għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 tal-ftehim ta' Nizza. L-oppożizzjoni ġiet magħmula kontra diversi prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30 u 32 u speċifikati fit-talba għat-trade mark Komunitarja.

6        Permezz ta’ ittra tas-27 ta' Ottubru 1999, l-intervenjent talbet lir-rikorrenti sabiex tressaq il-prova ta' l-użu tat-trade mark tagħha skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94.

7        Fit-18 ta' Jannar 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-UASI stiednet lir-rikorrenti sabiex tressaq tali prova fi żmien xahrejn.

8        Fl-14 ta' Frar 2000, ir-rikorrenti pprovdiet:

–        Dikjarazzjoni affermata mid-direttur tax-xiri internazzjonali, bid-data tas-27 ta' Jannar 2000, dwar il-fatturat magħmul fir-Reppublika Federali tal-Ġermanja, bejn l-1993 u l-1999, għal prodotti bit-trade mark SOLEVITA;

–        elenku ta' prodotti kummerċjalizzati taħt it-trade mark SOLEVITA bejn l-1993 u l-1999, imsemmi "Solevita bis 10-1999" (Solevita sa Ottubru 1999) u mmarkata "Stand : 23. März 1998 – 27.01.00" (aġġornat: it-23 ta' Marzu 1998 - 27.01.00) ;

–        kopji ta' mudelli ta' ppakkjar ta' diversi tipi ta' meraq tal-frott ikummerċjalizzati taħt it-trade mark SOLEVITA, kollha kemm huma bla data.

9        Fit-28 ta' Marzu 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni magħmula mir-rikorrenti. Bħala motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha hija spjegat, essenzjalment, li d-dokumenti mressqa mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi pprovat użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti. B'mod partikolari, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni osservat li l-mudelli ta' ppakkjar ma kellhomx data, li d-dikjarazzjoni affermata kellha biss valur probatorju relattiv peress li din saret minn impjegat tar-rikorrenti li għandu kariga ta' amministratur, u li barra minn dan, tali dikjarazzjoni kienet tikkostitwixxi biss indikazzjoni ta' l-użu tat-trade mark. Skond id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, ir-rikorrenti ma ppreżentat la fatturi u lanqas spjegazzjonijiet li kienu ġejjin minn terzi, sabiex issostni jew tikkonferma l-fatturat li hija ppreżentat, bir-riżultat li l-eżami tal-provi mressqa wassal għall-konkluzjoni li l-prova ta' użu ġenwin ma tressqitx. Barra minn dan, id-Divizjoni ta' l-Oppożizzjoni tippreċiza li setgħet tiċħad l-oppożizzjoni minħabba li ma kien hemm l-ebda xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti.

10      Fl-10 ta' Mejju 2002, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. B’mod partikolari, hija kkonstatat li l-prova ta' l-użu tat-trade mark kienet tressqet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti sostniet li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kisret id-dritt tagħha li tinstema’, minħabba l-fatt li hija ma setgħetx tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-evalwazzjoni ta' l-elementi li tressqu sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin tat-trade mark. Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kisret ukoll il-prinċipju li l-qorti għandha tiddeċiedi biss fuq it-talbiet magħmula lilha in kwantu l-użu tat-trade mark ma ġiex ikkontestat mill-intervenjenti.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 2003 (iktar ’il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata") l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell.

12      Essenzjalment, f’dak li jirrigwarda l-prova ta' l-użu tat-trade mark, il-Bord ta' l-Appell osserva li d-dikjarazzjoni affermata kienet dikjarazzjoni unilaterali, magħmula mill-parti kkonċernata jew minn xi wieħed mill-amministraturi ta' l-impriża tagħha u li tali dikjarazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġu pprovati fatti oġġettivi biss jekk tiġi kkorroborata minn provi addizzjonali bħal fatturi, li f’dan il-każ ma seħħx. Barra minn dan, peress li l-kopji tal-mudelli ta' ppakkjar ma jagħtu ebda indikazzjoni fuq it-tul ta' żmien tal-kummerċalizzazzjoni, il-Bord ta' l-Appell qies li dawn ma setgħux jikkonfermaw il-fatturat ippreżentat, bħal, wara kollox, il-provi l-oħra kollha li ġew imressqa. Il-Bord ta' l-Appell minn dan ikkonkluda li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet korretta meta kkonkludiet li d-dokumenti mressqa sabiex jipprovaw l-użu tat-trade mark għaż-żmien li kellu jittieħed in kunsiderazzjoni, ma kienux suffiċjenti.

13      F’dak li jirrigwarda d-dritt li wieħed jinstema' skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell osserva li, waqt l-eżami ta’ l-inkartament, l-UASI huwa awtorizzat li jagħmel użu mill-informazzjoni kollha mogħtija minn parti mingħajr ma jagħtiha minn qabel il-possibilità li tieħu pożizzjoni fuqha, peress li l-parti kkonċernata hija preżunta li taf dwar din l-informazzjoni. F’dak li jirrigwarda l-prinċipju li l-qorti għandha tiddeċiedi biss fuq it-talbiet magħmula lilha, il-Bord ta' l-Appell qies li l-kwistjoni ta' l-użu tat-trade mark ma tosservax dan il-prinċipju minħabba li l-applikant jista’ jirtira t-talba tiegħu f'kull mument. Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, għaldaqstant, ma kisritx l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI tbati l-ispejjeż.

15      L-UASI u l-intervenjent jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

16      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq tliet motivi. Permezz ta’ l-ewwel motiv tagħha, hija tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li, f’dan il-każ, il-prova ta' l-użu tat-trade mark ma tressqitx. Permezz tat-tieni u tat-tielet mottivi, ir-rikorrenti tallega ksur, rispettivament, tad-dritt li wieħed jinstema' u tal-prinċipju li l-qorti għandha tiddeċiedi biss fuq it-talbiet magħmula lilha.

 Fuq il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark

 L-argumenti tal-partijiet

17      L-ewwel motiv tar-rikorrenti huwa żviluppat f’ħames punti.

18      L-ewwel nett, filwaqt li tfakkar it-termini ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, u billi tirreferi għal diversi deċiżjonijiet mogħtija mill-Bord ta' l-Appell ta’ l-UASI, ir-rikorrenti tindika li b'użu "ġenwin" wieħed irid jifhem użu veru tat-trade mark preċedenti fis-suq bil-ħsieb li tinġibed l-attenzjoni ta' klijenti potenzjali għall-prodotti u s-servizzi offruti taħt dan is-sinjal. Għaldaqstant, l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 40/94, bil-kontra ta' dispożizzjonijiet oħrajn bħall-Artikolu 7(3) ta' l-istess Regolament, ma jeżiġix prova estensiva ta' l-użu tat-trade mark. Ikun suffiċjenti jekk jiġi pprovat li t-trade mark preċedenti effettivament intużat u li ma ntużatx fis-suq biss "bħala dritt fittizju"

19      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Bord ta' l-Appell għamel riferiment, fid-deċiżjoni tiegħu, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Marzu 2003, Ansul (C-40/01, Ġabra p. I-2439), u għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta' Marzu 2003, Goulbourn vs L-UASI – Redcats (Silk Cocoon) (T-174/01, Ġabra p. II-789). Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell jidher li huwa ta' l-idea li dawn iż-żewġ sentenzi jittrattaw il-kwistjoni dwar liema dokumenti kienu suffiċjenti sabiex jiġi pprovat użu ġenwin tat-trade mark. Issa, skond ir-rikorrenti dan mhuwiex il-każ peress li dawn iż-żewġ sentenzi m’għandhom l-ebda relazzjoni mas-suġġett ta’ dan ir-rikors.

20      It-tielet nett, filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 u għar-Regola 22(2) u (3), tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), ir-rikorrenti tikkontesta l-proċedura użata mill-Bord ta' l-Appell, li permezz tagħha ċerti dokumenti setgħu jkunu suffiċjenti sabiex jikkaratterizzaw użu kredibbli, skond il-liġi Ġermaniża, iżda ma jkunux dejjem suffiċjenti sabiex jipprovaw l-użu fis-sens tar-Regolament Nru 40/94. Din l-osservazzjoni tikkonċerna b'mod partikolari l-fatt li d-dikjarazzjoni affermata għandha tingħata valur probatorju inferjuri minn dak li normalment jiġi mogħti lilha fid-dritt Ġermaniż.

21      Ir-raba' nett, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tikkontradixxi d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta’ l-UASI mogħtija fil-11 ta' Lulju 2001 fil-kawża R 759/2000-3, Grafenwälder vs Grafenwalder. F'din il-kawża, min jopponi kien ipprovda dikjarazzjoni affermata, rendikont tal-fatturat mensili għall-perijodu kkonċernat, żewġ kopji ta' prodotti li għandhom it-trade mark tiegħu kif ukoll kartellun pubbliċitarju. Ir-rikorrenti tallega li l-fatt li l-Bord ta' l-Appell, filwaqt li annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, ippreċiża, b'mod partikolari fil-punt 22 tad-deċiżjoni tiegħu, li "l-materjal imressaq minn min jopponi huwa suffiċjenti, f'dan il-każ, sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, b'mod partikolari peress li r-Regola [22 tar-Regolament Nru 2868/95] ma teżiġix li l-elementi kollha ta' prova msemmija fiha jiġu ppreżentati flimkien." Skond ir-rikorrenti, din l-opinjoni ġuridika hija wkoll konformi mad-deċizjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell tat-8 ta' Novembru 2000 fil-kawża R 756/1999-2, DOCTORS vs DOC & TORS.

22      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti mdaħħla fl-inkartament, meħudin flimkien, ma jħallu l-ebda dubju dwar il-fatt li, ġewwa l-Ġermanja, l-Istat Membru li fih tali trade mark hija rreġistrata, it-trade mark preċedenti kienet, fir-rigward tal-prodott ikkonċernat u tal-perijodu li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, is-suġġett ta' użu ġenwin importanti ħafna. In sostenn ta’ l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għad-deċiżjoni mogħtija mill-Ewwel Bord ta' l-Appell ta’ l-UASI fis-6 ta' April 2001, fil-kawża R 129/2000-1, VISIO vs VISION. Hija minn dan tikkonkludi li, f'dan il każ, il-prova li t-trade mark kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin, skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, kienet tressqet.

23      L-UASI, min-naħa tiegħu, isostni li anki jekk fil-kuntest tal-proċedura ta' oppożizzjoni mhuwiex meħtieġ li min jopponi jipprova li t-trade mark tiegħu tikseb karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, kif jixhed l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, dan madankollu ma jeżentax lil min jopponi mill-oneru tal-prova.

24      Għall-kuntrarju, skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, min jopponi għandu jressaq il-provi li, matul il-perijodu rilevanti, is-sinjal kien is-suġġett ta' użu ġenwin.

25      Ċertament, ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95 ma teżiġix li l-provi kollha elenkati fiha għandhom jiġu ppreżentati flimkien. Il-provi mressqa minn min jopponi għandhom madankollu jippermettu li jiġi dedott b’mod ċar il-post, it-tul ta’ żmien, l-estensjoni u n-natura ta' l-użu tat-trade mark preċedenti, skond it-tieni paragrafu ta' l-istess Regola.

26      F'dan il-każ, l-UASI jagħraf li d-dokumenti mdaħħla fl-inkartament huma elementi ta' prova ammissibbli skond l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 40/95 u r-Regola 22(2) u (3) tar-Regolament Nru 2868/95. B'mod partikolari, huwa jippreċiża li "d-dikjarazzjoni affermata" ppreżentata minn min jopponi tikkostitwixxi prova ammissibbli.

27      L-UASI madankollu jsostni li l-valur probatorju ta' tali dikjarazzjoni għandu jiġi evalwat flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha mressqa, fid-dawl tal-kontenut tagħhom u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Dan l-eżami jwassal għall-konklużjoni li din id-dikjarazzjoni affermata, fiha nfisha jew fid-dawl tal-lista tal-prodotti annessa magħha, ma tkunx suffiċjenti sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin tad-dritt preċedenti.

28      F’dan ir-rigward, l-UASI jikkunsidra li l-lista annessa mad-dikjarazzjoni affermata tillimita ruħha li tirriproduċi ċ-ċifri msemmija fid-dikjarazzjoni, mingħajr madankollu ma tipprovahom. Dawn l-indikazzjonijiet, għaldaqstant, mhumiex suffiċjenti sabiex jiġi pprovat użu ġenwin minħabba li mhumiex ikkorraborati minn, per eżempju, fatturi, katalogi jew riklami. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda r-riproduzzjonijiet mingħajr data ta’ ppakkjar tal-prodotti, dawn jippermettu biss li jiġu stabbiliti sempliċi ipoteżi u li għaldaqstant ma jistgħux jikkorraboraw l-elementi l-oħra ta' prova u d-dikjarazzjonijiet.

29      L-intervenjenti, min-naħa tagħha, tirrikonoxxi wkoll li d-dikjarazzjoni affermata tikkostitwizzi element ta' prova ammissibbli, espressament previst fl-Artikolu 76 (1)(f), tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu huwa l-UASI, u iktar preċiżament il-Bordijiet ta' l-Appell tiegħu, li għandu jevalwa, b’mod ħieles u skond l-għarfien tiegħu, il-valur probatorju ta' din id-dikjarazzjoni affermata.

30      F’dan il-każ, l-indikazzjonijiet dwar l-unitajiet mibjugħa u l-allegat perijodu tal-bejgħ tal-prodotti jirriżultaw biss mid-dikjarazzjoni affermata tad-direttur tax-xiri internazzjonali ta' l-istess rikorrenti. Anke l-lista tal-prodotti tirriżulta mill-istess rikorrenti u ma hija sostnuta minn l-ebda element oġġettiv. Għaldaqstant ma ssaħħaħx il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni affermata. Din fil-verità hija sempliċi allegazzjoni miktuba minn parti, nieqsa minn kull valur probatorju. Fir-rigward tall-mudelli ta' ppakkjar, l-intervenjenti tqis li dawn huma l-uniċi elementi oġġettivi li r-rikorrenti ppreżentat. Madankollu dawn ma fihom l-ebda indikazzjoni tad-data ta' l-użu tagħhom jew tal-perijodu ta' referenza.

31      L-intervenjent tippreċiża wkoll li, anke fid-dritt Ġermaniż, id-dikjarazzjoni affermata mhijiex suffiċjenti sabiex turi li kien hemm użu veru u ġenwin sakemm din ma jkollhiex magħha u tkun sostnuta minn elementi oħra ta' prova. F'dan ir-rigward hija tirreferi għad-deċiżjoni ta’l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċċitata fir-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

32      L-Artikolu 43 (2) u (3), tar-Regolament Nru 40/94 jipprevedi li min jagħmel talba għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja jista’ jitlob il-prova li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin, fit-territorju li fih hija protetta, fil-ħames snin ta' qabel il-pubblikazzjoni tat-talba għal reġistrazzjoni tat-trade mark li kienet is-suġġett ta’ proċeduri ta' oppożizzjoni.

33      Skond ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, l-indikazzjonijiet u l-provi li jridu jiġu ppreżentati sabiex jiġi pprovat l-użu tat-trade mark jinkludu indikazzjonijiet fuq l-post, it-tul taż-żmien, l-estensjoni u n-natura ta' l-użu li sar mit-trade mark preċedenti għall-prodotti u s-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni. Skond din l-istess Regola, dawn l-indikazzjonijiet għandhom jiġu pprovduti bħala "provi ta’ sostenn".

34      F’dan ir-rigward, ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tippreċiża li l-provi ta' l-użu tat-trade mark huma ristretti "ġeneralment" għall-preżentazzjoni ta' dokumenti ta' sostenn "bħal" pakketti, tikketti, listi ta' prezzijiet, katalogi, fatturi, ritratti, riklami fil-gazzetti, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet bil-miktub kif imsemmi fl-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94, li jinkludu, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni affermata.

35      Barra minn hekk, għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta' użu ġenwin, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-ratio legis ta’ l-eżiġenza li tgħid li t-trade mark preċedenti kellha tkun is-suġġett ta' użu ġenwin sabiex tkun tista’ topponi talba għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-konflitti bejn żewġ trade marks, sakemm ma jkunx hemm raġuni ekonomika leġittima li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq (sentenza Silk Cocoon, punt 19 iktar ’il fuq, punt 38). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni la hija intiża sabiex tevalwa s-suċċess kummerċjali, la sabiex tistħarreġ l-istrateġija ekonomika ta' impriża, u lanqas sabiex tirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks biss għal dawk il-każijiet fejn l-isfruttamenti kummerċjali tagħhom ikun kwantitivament importanti [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, MFE Marienfelde vs L-UASI - Vétoquinol (HIPOVITON), T-334/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32].

36      Kif jirriżulta mis-sentenza Ansul, punt 19 iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 12(1) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1998, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), li l-kontenut normattiv tagħha huwa essenzjalment l-istess bħall dak ta' l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94, trade mark tkun is-suġġett ta' użu ġenwin meta tintuża, f’konformita mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija dik li tiggarantixxi l-identità ta' l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-esklużjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li jkun intiż biss sabiex jinżammu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (punt 43). F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-użu ġenwin tat-trade mark teżiġi li din, bl-istess mod kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tintuża pubblikament u lejn l-estern (sentenza Silk Cocoon, punt 19 iktar ’il fuq, punt 39; ara f'dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Ansul, punt 19 iktar ’il fuq, punt 37).

37      L-evalwazzjoni tal-karattru ġenwin ta' l-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu r-realtà ta' l-isfruttament kummerċjali tagħha, b’mod partikolari dawk l-użi meqjusa li huma ġġustifikati fis-settur ekonomiku rilevanti sabiex jinżammu jew jinħolqu kwoti tas-suq għall-prodotti jew servizzi mħarsa mit-trade mark, in-natura ta' dawn il-prodotti jew servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, id-dimensjoni u l-frekwenza ta' l-użu tat-trade mark (sentenza HIPOVITON, punt 35 iktar ’il fuq, punt 34; ara, f'dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Ansul, punt 19 iktar ’il fuq, punt 43).

38      Sabiex jiġi eżaminat il-karattru ġenwin ta' l-użu tat-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ in eżami (sentenza HIPOVITON, punt 35 iktar ’il fuq, punt 36). Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta' trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq elementi konkreti u oġġettivi li jipprovaw li t-trade mark kienet, effettivament u suffiċjentement, użata fis-suq rilevanti, [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs L-UASI - Harrison (HIWATT), T-39/01, Ġabra p. II-5233, punt 47].

39      F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni miktuba mid-direttur tax-xiri internazzjonali tar-rikorrenti kif ukoll il-lista, f’forma ta' tabella, tal-prodotti kkummerċjalizzati fiha indikazzjonijiet dwar l-użu tat-trade mark, li jirrigwardaw il-post (il-Ġermanja), il-perijodu (1993-1999), l-estensjoni (fatturat għal kull sena u għal kull prodott) u n-natura tal-prodotti indikati (b’mod partikolari l-meraq tal-frott).

40      F’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni bil-miktub tad-direttur tax-xiri internazzjonali tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94, li għaliħ tirreferi r-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, isemmi, bħala mezz intiż sabiex jipprova l-użu tat-trade mark, "l-istqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi ta' l-Istat fejn tinkiteb id-dikjarazzjoni". Minn dan jirriżulta li, fir-rigward ta’ l-effetti tad-dikjarazzjoni bil-miktub, il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi kkonsultata biss jekk tali dikjarazzjoni ma tkunx saret taħt ġurament jew ma tkunx affermata. F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-dikjarazzjoni bil-miktub tad-direttur tax-xiri internazzjonali tar-rikorrenti hija dikjarazzjoni affermata u li, bħala tali, ġiet iddikjarata amissibbli mill-Bord ta' l-Appell. Għaldaqstant, u mingħajr il-ħtieġa li ssir analiżi ta' l-effetti tagħha fid-dritt Ġermaniż, din id-dikjarazzjoni tagħmel parti mill-elementi ta' prova elenkati fl-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94, li għalih tirreferi r-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95.

41      Madankollu, għalkemm id-dikjarazzjoni affermata u l-lista, f’forma ta' tabella, tal-prodotti kkummerċjalizzati mir-rikorrenti jistgħu jitqiesu li huma elementi ta' prova amissibbli, hemm bżonn li ssir evalwazzjoni globali ta' l-elementi li ġew imdaħħla fl-inkartament, fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk tressqitx il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li skond ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, il-partijiet għandhom diversi mezzi sabiex jipprovaw l-użu tat-trade mark. Barra minn hekk, xejn fir-Regolament Nru 40/94 jew fir-Regolament Nru 2868/95 ma jwassal għall-konklużjoni li l-elementi intiżi sabiex jipprovaw l-użu tat-trade mark, meħuda flimkien jew separatament, għandhom bilfors iwasslu lill-UASI jikkonkludi li l-prova ta' l-użu ġenwin tressqet.

42      F’dan il-każ, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li d-dikjarazzjoni affermata u l-lista, f’forma ta' tabella, tal-prodotti kummerċjalizzati ġew stabbiliti mir-rikorrenti stess. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta' dokument, għandha, l-ewwel nett, tiġi vverifikata l-kredibbiltà ta' l-informazzjoni li hemm fih. Għalhekk għandhom jitqiesu, b'mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom ġie magħmul, lejn min huwa indirizzat, u jiġi mistoqsi jekk, abbazi tal-kontenut tiegħu, huwiex raġonevoli u affidabbli (ara, f'dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 1838; ara, ukoll, il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Léger fil-kawża C-57/02 P, Acerinox vs Il-Kummissjoni, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 202). Xejn fir-Regolament Nru 40/94 jew fir-Regolament 2868/95 ma jippermetti li jiġi konkluż li l-valur probatorju ta' l-elementi ta’ prova ta' l-użu tat-trade mark, inklużi d-dikjarazzjonijiet affermati, għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Stat Membru.

43      It-tieni nett, ir-rikorrenti fl-ebda waqt tal-proċeduri quddiem l-UASI ma ressqet elementi oħra li jippermettu l-korroborazzjoni, b'mod partikolari, taċ-ċifri mogħtija fid-dikjarazzjoni affermata tagħha kif ukoll fil-lista tal-prodotti kkummerċjalizzati.

44      L-uniċi elementi komplementari mdaħħla fl-inkartament kienu kopji ta' mudelli ta' ppakkjar għall-prodotti kkonċernati li ma kellhom ebda data. Anke li kieku dawn il-kopji setgħu jikkorroboraw in-"natura" (meraq tal-frott) u eventwalment il-"post" (peress li dawn il-mudelli ta' ppakkjar kienu bil-lingwa Ġermaniża) ta' l-użu tat-trade mark, dawn ma pprovdew l-ebda element li jippermetti l-korroborazzjoni tal-perijodu u ta’ l-estensjoni ta' dan l-użu.

45      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-elementi addizzjonali li setgħu jippermettu l-korroborazzjoni ta' l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni affermata – per eżempju, fatturi, katalogi jew riklami fil-gazzetti – mhumiex ta' natura tali li seta' kien diffiċli għar-rikorrenti li ssibhom. Dawn l-elementi setgħu, b'mod partikolari, jiġu ppreżentati quddiem il-Bord ta' l-Appell, iktar u iktar meta d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet digà ssemmi l-insuffiċjenza tal-provi ta' l-użu tat-trade mark.

46      Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti, għandu jiġi deċiż li l-Bord ta' l-Appell ma wettaq l-ebda żball meta qies li, f’dan il-każ, il-prova ta' l-użu tat-trade mark nazzjonali preċedenti ma tressqitx.

47      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti mhumiex ta’ natura li jikkontestaw din l-evalwazzjoni.

48      F’dak li jirrigwarda l-fatt li l-Bord ta' l-Appell fid-deċizjoni tiegħu rrefera għas-sentenzi Ansul u Silk Cocoon, punt 19 iktar ’il fuq, li f’dan il-każ mhumiex rilevanti, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ma indikax li dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ liema dokumenti kienu suffiċjenti sabiex jiġi pprovat użu ġenwin tat-trade mark. Il-Bord ta' l-Appell, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, irrefera għal dawn iż-żewġ sentenzi biss safejn dawn jiddefinixxu l-kunċett ta' "użu ġenwin" skond ir-regoli Komunitarji. Għaldaqstant dan l-argument għandu vizzju ta' fatt.

49      F’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Bord ta' l-Appell ta’ l-UASI huma f’kontradizzjoni mad-deċiżjoni kkontestata, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li l-leġittimità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretati mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta' deċiżjonijiet preċedenti ta’ dawn il-Bordijiet [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta' Ottubru 2002, Glaverbel vs L-UASI (wiċċ ta' plakka tal-ħġieġ), T-36/01, Ġabra p. II 3887, punt 35, u ta' l-20 ta' Novembru 2002, Bosch vs L-UASI (Kit pro u Kit Super Pro), T-79/01 et T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 32]. Għaldaqstant dan l-argument huwa bla effett.

50      Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar id-dritt li wieħed jinstema'

 L-argumenti tal-partijiet

51      Ir-rikorrenti ssostni li, safejn il-Bord ta' l-Appell ma tax x'jifhem li kellu dubji fuq il-kredibbiltà tad-dikjarazzjoni affermata u li kien jagħtiha biss valur probatorju limitat, huwa kellu jagħtiha minn qabel il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet skond it-tieni frażi ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti ppreċiżat li, fid-dawl ta’ deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell ieħor f'kawża oħra (sentenza Grafenwälder vs Grafenwalder, imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq), hija setgħet tissoponi li d-dokumenti ppreżentati quddiem l-UASI kienu suffiċjenti sabiex jipprovdu informazzjoni fuq il-post, it-tul taż-żmien, l-estensjoni u n-natura ta' l-użu tat-trade mark. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tindika li hija ma kellhiex raġuni għalfejn taħseb li l-Bord ta' l-Appell kien ser jagħti valur probatorju limitat lid-dikjarazzjoni affermata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li l-"qorti" kellha tinfurmaha dwar opinjoni ġuridika li hija ma kinitx taf dwarha u li fuqha kienet ser tkun ibbażata d-deċiżjoni ta' l-imsemmija "qorti". F'dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-każ jiddistingwi ruħu minn dak li wassal għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta' Ġunju 2002, Hershey Foods vs L-UASI (Kiss Device with plume) (T-198/00, Ġabra. p. II 2567), li għaliha tirreferi d-deċiżjoni kkontestata.

52      L-UASI min-naħa tiegħu jsostni li d-dritt li wieħed jinstema' huwa estiż għall-elementi kollha ta' fatt jew ta' dritt li jiffurmaw il-bażi ta' l-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni bi ħsiebha tadotta. F'dawn iċ-ċirkustanzi l-UASI jsostni li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma kisritx id-dritt li wieħed jinstema` u li, f'kull każ, id-deċiżjoni tagħha ma tistax tkun is-suġġett ta' appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

53      Jekk, madankollu, il-motiv invokat mir-rikorrenti jkollu jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell, l-UASI jqis li l-ilment ibbażat fuq iċ-ċaħda tad-dritt li wieħed jinstema' jkun inkomprensibbli in kwantu l-Bord ta' l-Appell ikun ċaħad l-oppożizzjoni għall-istess motiv adottat mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

54      L-intervenjenti, min-naħa tagħha, tgħid li l-UASI jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq dawk il-fatti li ż-żewġ partijiet kienu jafu dwarhom u li fuqhom setgħu jieħdu pożizzjoni. Il-fatt li jiġi evalwat safejn ċerti fatti ppreżentati huma suffiċjenti sabiex jiġi pprovat użu ġenwin tat-trade mark jikkostitwixxi kwistjoni ta' dritt. Dan bl-ebda mod ma jittratta konstatazzjoni ta' fatti, iżda dwar evalwazzjoni ġuridika tad-dokumenti mressqa, evalwazzjoni li l-UASI mhuwiex obbligat li jikkomunika minn qabel lill-partijiet. L-intervenjenti żżid li jkun kontra l-obbligu ta’ imparzjalità ta’ l-UASI jekk parti tiġi mħeġġa tressaq iktar provi ta' l-użu tat-trade mark.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

55      Preliminarjament, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kunċett tad-dritt li wieħed jinstema', ir-rikorrenti tallega fil-verità ksur tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, li jipprevedi li d-deċiżjonijiet ta’ l-UASI jistghu jkunu bbażati biss fuq motivi li fuqhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti indikat, waqt is-seduta, li dan il-motiv kien jikkonċerna kemm il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata.

57      F’dak li jirrigwarda l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, il-preżenti motiv ġie mqajjem, għall-ewwel darba, fl-istadju tal-proċedura orali.

58      Iżda, skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, mhuwiex permess li matul il-kawża jiġu ppreżentati raġunijiet ġodda sakemm dawn ir-raġunijiet ma jkunux ibbażati fuq elementi ta' dritt u ta' fatt li ħarġu waqt il-proċedura.

59      F'kull każ, skond l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikors quddiem il-qorti Komunitarja jista’ jsir biss kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta' rikors bħal dan, huma ammissibbli biss motivi indirizzati kontra d-deċiżjoni ta' l-istess Bord ta' l-Appell.

60      Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 għandu, safejn jirrigwarda d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, jiġi miċħud bħala inamissibbli.

61      Dwar id-deċiżjoni kkontestata, anke jekk jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti, fil-verità, tilmenta li l-Bord ta' l-Appell ma annullax id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni minkejja allegat vizzju ta' proċedura f’din id-deċiżjoni, għandu jiġi kkunsidrat li fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie ġustament iddikjarat li waqt l-eżami ta’ l-inkartament, l-UASI huwa awtorizzat juża l-indikazzjonijiet kollha mogħtija minn parti mingħajr ma jagħtiha minn qabel il-possibbiltà li tieħu pożizzjoni fuqhom. F'kull każ, il-Bord ta' l-Appell ma kienx obbligat jipproċedi għal annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għal dan il-motiv biss, fin-nuqqas ta' kull illegalità fir-rigward tal-mertu. Barra min dan, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ressqet rikors quddiem il-Bord ta' l-Appell b'mod partikolari sabiex tagħti l-opinjoni tagħha dwar ir-rilevanza ta' l-elementi mressqa sabiex jiġi pprovat l-użu serju tat-trade mark in eżami u li għalhekk hija nstemgħet f'dan ir-rigward.

62      F’dak li jirrigwarda d-dritt li wieħed jinstema' quddiem il-Bord ta' l-Appell stess, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni tal-fatti tifforma parti mill-att deċiżjonali. Issa, id-dritt li wieħed jinstema' huwa estiż għall-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt li jiffurmaw il-bażi ta' l-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni bi ħsieba tadotta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta' Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, T-129/95, T-2/96 u T-97/96, Ġabra p. II-17, punt 231) Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat, peress li r-rikorrenti stess ipproduċiet id-dokumenti in kwistjoni quddiem l-UASI, hija setgħet, evidentement, tagħti l-opinjoni tagħha fuqhom u fuq ir-rilevanza tagħhom. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord ta' l-Appell ma kienx marbut li jisma' lir-rikorrenti fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta' l-elementi ta' fatt li fuqhom huwa għażel li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu.

63      Għal dawn ir-raġunijiet, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni frażi ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud.

 Dwar il-ksur tal-prinċipju li l-Qorti għandha tiddeċiedi biss fuq it-talbiet magħmula lilha

 L-argumenti tal-partijiet

64      Skond ir-rikorrenti, il-prinċipju li l-Qorti għandha tiddeċiedi biss fuq it-talbiet magħmula lilha li jinsab fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, għandu bħala konsegwenza li, sakemm il-Bord ta' l-Appell ma kellux dubju fuq il-kredibbiltà ta' l-indikazzjonijiet mogħtija permezz tad-dikjarazzjoni affermata minħabba osservazzjoni ta' l-intervenjent jew indikazzjonijiet kontradittorji misjuba fid-dokument, huwa m’għandux id-dritt jikkontesta fuq inizjattiva tiegħu stess l-indikazzjonijiet u lanqas jagħti lid-dikjarazzjoni affermata valur probatorju inferjuri biss.

65      F’dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta qies li ma kienx hemm ksur ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Bord ta' l-Appell, fil-fatt, naqas milli jasal għal konklużjoni dwar in-nuqqas ta' kontestazzjoni, min-naħa ta' l-intervenjent, tal-provi pprovduti fir-rigward ta’ l-użu tat-trade mark. Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax il-fatt li n-natura u l-kontenut ta' dawn il-provi kienu ġew taċitament rikonoxxuti bħala probatorji, peress li l-intervenjenti limitat il-lista tal-prodotti tagħha u li, konsegwentement, anke matul il-proċedura ta' appell, din ta' l-aħħar esprimiet ruħha biss fuq il-kwistjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma kien hemm l-ebda raġuni li tiġi ddubitata l-eżattezza u l-verità tad-dokument ppreżentati. Skond ir-rikorrenti, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ghalhekk ma kellha l-ebda bażi ġuridika sabiex, l-ewwel nett, fuq inizjattiva tagħha stess, tqis li huma kienu s-suġġett ta’ kontestazzjoni, it-tieni nett, li tiddubita mill-kredibbiltà ta' l-indikazjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni affermata u, it-tielet nett, li tagħtihom valur probatorju inferjuri. Id-deċiżjoni kkontestata, għal din ir-raġuni biss, hija vvizzjata minn żball sostanzjali ta' proċedura.

66      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-prova ta' l-użu ġietx stabbilita peress li l-intervenjent ma kkontestatx iktar dan l-użu wara li r-rikorrenti ppreżentat id-dokumenti ta' sostenn f’dan ir-rigward, l-UASI indika li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet diġà ddeċidiet dwar din il-kwistjoni fis-sentenza tagħha tat-13 ta' Ġunju 2002, Chef Revival USA vs L-UASI – Massagué Marín (Chef) (T-232/00, Ġabra p. II-2749). Skond din is-sentenza, mill-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li huma l-partijiet li għandhom l-obbligu li jipprovdu l-provi in sostenn tat-talbiet tagħhom. Din is-sentenza ma ssemmi l-ebda eċċezzjoni għal dan il-prinċipju fil-każ ta' nuqqas ta' kontestazzjoni.

67      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk in-nuqqas ta' reazzjoni setax jiġi kkunsidrat bħala kunsens għall-fatti, l-UASI jenfasizza li la r-Regolament Nru 49/94 u lanqas ir-Regolament Nru 2868/95 ma jirreferu espliċitament għal prinċipju bħal dan. Jekk min jagħmel it-talba ma jagħmel l-ebda osservazzjoni, l-UASI jista’ jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni billi jibbaża ruħhu fuq il-provi li jkollu. L-UASI josserva wkoll li, anke fil-każ li min japplika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ma jirreaġixxix għall-oppożizzjoni, huwa jiddisponi mit-talba għar-reġistrazzjoni u, flimkien ma' l-oppożizzjoni, mill-bażi neċessarja sabiex jieħu deċiżjoni.

68      L-UASI tgħid ukoll li, skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, meta min japplika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikun għamel talba sabiex titressaq il-prova ta' l-użu tat-trade mark ta' min għamel l-oppożizzjoni, din l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda jekk din il-prova ma titressaqx.

69      Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, L-UASI jippreċiża li l-argument tar-rikorrenti li l-limitazzjoni tat-talba tikkostitwixxi rikonoxximent impliċitu ma jistax jiġi milqugħ. Skond l-UASI, tali limitazzjoni tista’ ssir f'kull mument u ma hija bl-ebda mod marbuta mal-proċedura ta' oppożizzjoni. Il-konklużjoni li għaliha tasal ir-rikorrenti f’dan ir-rigward mhijiex konvinċenti.

70      L-intervenjenti min-naħa tagħha tindika li skond l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżami tal-fatti mill-UASI huwa limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet magħmula mill-partijiet. Oppożizzjoni, għalhekk, ma tistax tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li min jopponi ma pprovax użu ġenwin, jekk min japplika għar-reġistrazzjoni ma kkontestax l-użu tat-trade mark li fuqha tkun ibbażata l-oppożizzjoni. Issa, dejjem skond l-intevenjenti, jekk l-użu tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni jiġi kkontestat f’kull mument tal-proċedura, il-kontestazzjoni tkun valida għall-proċedura kollha, inkluża l-proċedura eventwali ta' appell. Konsegwentement, mhuwiex neċessarju li tiġi mtennijja l-kontestazzjoni, peress li din ma tibqax effettiva biss jekk min ikun applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jirtiraha espressament jew jekk jirrikonoxxi espressament l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, li ma kienx il-każ f’din il-kawża.

71      L-intervenjenti tgħid ukoll li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell, hija għamlet osservazzjonijiet fuq in-nuqqas ta' l-użu tat-trade mark. Fir-rigward tal-fatt li, matul il-proċedura ta' oppożizzjoni, hija ressqet biss l-argument ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks, dan ma jfissirx li hija kienet irtirat il-motiv tagħha bbażat fuq nuqqas ta' użu ġenwin. Dan l-irtirar seta’ jsir biss espressament, li ma kienx il-każ f’din il-kawża.

72      F’dak li jirrigwarda l-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti msemmija fit-talba għar-reġistrazzjoni tagħha, l-intervenjenti tikkunsidra li din il-limitazzjoni ma tfissirx li hija rrinunzjat impliċitament għall-kontestazzjoni tagħha dwar l-użu tat-trade mark. Din il-kontestazzjoni setgħet tiġi rtirata biss permezz ta' dikjarazzjoni espressa lill-UASI. L-intervenjenti tgħid ukoll li l-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi kienet tikkonċerna fatti oħra u wasslet għal proċeduri ta' oppożizzjoni oħrajn.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

73      Preliminarjament, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju li l-qorti għandha tiddeċiedi biss fuq it-talbiet magħmula lilha, ir-rikorrenti fil-verità tallega ksur ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

74      Skond din id-dispożizzjoni, "fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta' fatti, ta' provi u ta' argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba". It-terminu "rimedji mitluba" jkopri, f’dan il-każ, it-talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kif ukoll l-oppożizzjoni li tkun saret f’dan ir-rigward. It-terminu "fatti, provi u argumenti" (motivi) ikopri, min-naħa tiegħu, l-elementi ta' dritt u ta' fatt ippreżentati mill-partijiet in sostenn tat-talbiet tagħhom.

75      F’dan il-każ, skond l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI kellu quddiemu żewġ talbiet. L-ewwel waħda mressqa mill-intervenjenti, intiża għar-registrazzjoni t-trade mark Salvita. It-tieni talba, imressqa mir-rikorrenti, kienet intiża li topponi din ir-reġistrazzjoni minħabba l-eżistenza tat-trade mark preċedenti SOLEVITA. Dawn iż-żewġ talbiet kienu sostnuti mill-motivi mressqa mill-partijiet.

76      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-kliem użat fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, fil-verzjoni Franċiża tiegħu, ma jsemmix espressament il-produzzjoni tal-provi mill-partijiet, madankollu minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li huma wkoll il-partijiet li għandhom l-oneru li jipprovdu l-provi in sostenn tat-talbiet tagħhom. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata permezz ta' analiżi ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra ta' l-istess Artikolu u, b'mod partikolari, tal- verżjoni Ingliża, li tipprovdi "the facts, evidence and arguments provided by the parties", ta’ dik Ġermaniża, li tgħid "das Vorbringen [...] der Beteiligten" u ta’ dik Taljana, li tirreferi "[ai] fatti, prove ed argomenti addotti [...] dalle parti" (sentenza Chef, punt 66 iktar ’il fuq, punt 45).

77      Barra minn hekk, skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, fuq talba ta' min japplika għar-reġistrazzjoni, il-propjetarju ta' trade mark preċedenti li jkun għamel oppożizzjoni jrid iressaq il-prova li din it-trade mark kienet is-suġġett ta' użu ġenwin jew li jeżistu raġunijiet validi għan-nuqqas ta' użu tagħha. Ghalhekk il-preżentata ta' din it-talba minn min japplika għar-reġistrazzjoni għandha l-effett li tqiegħed l-oneru tal-prova ta’ l-użu ġenwin (jew ta’ l-eżistenza ta’ raġunijiet validi għan-nuqqas ta' użu tagħha) fuq min jopponi, bil-konsegwenza taċ-ċaħda ta’ l-oppożizzjoni tiegħu. Sabiex dan effett jiġi prodott, it-talba għandha ssir espressament u fiż-żmien quddiem l-UASI. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta' prova ta' użu ġenwin jista’ jiġi ppenalizzat b'ċaħda ta' l-oppożizzjoni biss fil-każ fejn tali prova kienet ġiet mitluba, espressament u fiż-żmien, minn min japplika għar-reġistrazzjoni quddiem l-UASI [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta' Marzu 2004, El Corte Inglés vs L-UASI – González Cabello et Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR], T-183/02 u T-184/02, li għadha ma ġietx ippubblikat fil-Ġabra, punti 38 u 39).

78      F’dan il-każ, fis-27 ta' Ottubru 1999, l-intervenjenti talbet lir-rikorrenti tressaq il-prova ta' użu ġenwin tat-trade mark tagħha, skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa stabbilit li din it-talba ġiet ippreżentata espressament u fiż-żmien. Din għalhekk kellha l-effett li tgħaddi għal fuq ir-rikorrenti l-oneru li tipprova użu ġenwin tat-trade mark tagħha.

79      F'dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl il-fatt li t-talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Salvita ma ġietx irtirata mill-intervenjenti, li kienet ir-rikorrenti kellha tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark tagħha u li din il-prova, f’dan il-każ, ma tressqitx, għandu jiġi konkluż li l-UASI ġustament iddeċieda li jiċħad l-oppożizzjoni, u dan minkejja n-nuqqas ta' kontestazzjoni, min-naħa ta' l-intervenjenti, ta' l-elementi li r-rikorrenti ppreżentat in sostenn ta’ l-oppożizzjoni tagħha.

80      F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li peress li l-intervenjenti llimitat il-lista ta' prodotti msemmija fit-talba għar-reġistrazzjoni hija kienet impliċitament ikkunsidrat li l-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark kienet tressqet, għandu jiġi osservat li l-intervenjenti talbet li tiġi limitata biss il-lista tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 5 tat-talba għar-registrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-oppożizzjoni magħmula mir-rikorrenti kienet tirrigwarda biss prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30 u 32 tat-talba għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Minn dan isegwi li l-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti kkonċernati mit-talba għar-reġistrazzjoni, f’dan il-każ, ma tistax teffettwa l-oppożizzjoni tar-rikorrenti. F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li kienet ir-rikorrenti li kellha tressaq il-prova li t-trade mark in kwistjoni kienet is-suġġett ta' użu ġenwin. Fin-nuqqas ta' tali prova, u peress li t-talba ta' l-intervenjent għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja ma ġietx irtirata, l-UASI kien iġġustifikat li jiċħad l-oppożizzjoni tar-rikorrenti.

81      Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar ’il fuq, il-motiv bbażat fuq il-ksur tat-tieni frażi ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta’ l-UASI u ta' l-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-7 ta' Ġunju 2005

H. Jung

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.