Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (l-Awstrija) fit-30 ta’ Marzu 2021 – DN vs Finanzamt Österreich

(Kawża C-199/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DN

Konvenut: Finanzamt Österreich

Domandi preliminari

L-ewwel domanda:

L-ewwel domanda, li qiegħda ssir flimkien mat-tieni domanda:

Il-frażi “l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni” fit-tieni sentenza tal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1 , fil-verżjoni emendata bir-Regolament (UE) Nru 465/2021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 2 , għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għall-Istat Membru li kien preċedentement responsabbli għall-benefiċċji tal-familja bħala l-Istat tal-impjieg u li issa huwa obbligat iħallas pensjoni tax-xjuħija, li d-dritt għaliha huwa bbażat fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju tiegħu?

It-tieni domanda:

Il-frażi “drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjonijiet” fl-Artikolu 68(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 883/2001 għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm lok għal dritt għall-benefiċċji tal-familja permezz ta’ riċezzjoni tal-pensjoni meta, l-ewwel, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jew tad-dritt nazzjonali dwar id-dritt għall-benefiċċji tal-familja jipprovdu r-riċezzjoni ta’ pensjonijiet bħala rekwiżit u, it-tieni, ir-rekwiżit ta’ riċezzjoni tal-pensjoni jiġi effettivament issodisfat, b’mod li “sempliċi riċezzjoni ta’ pensjoni” ma taqax taħt l-Artikolu 68(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 883/2001 u l-Istat Membru kkonċernat ma għandux jitqies bħala “Stat tal-pensjoni” taħt id-dritt tal-Unjoni?

It-tielet domanda, li qiegħda ssir sussidjarjament għall-ewwel u għat-tieni domanda, jekk sempliċi riċezzjoni ta’ pensjoni hija biżżejjed għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ Stat tal-pensjoni:

Fil-każ ta’ riċezzjoni ta’ pensjoni tax-xjuħija, li d-dritt għaliha ġie kweżit b’applikazzjoni tar-regoli dwar ħaddiema migranti u preċedentement permezz tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi Stat Membru matul perijodu li fih la l-Istat ta’ residenza waħdu u lanqas iż-żewġ Stati ma kienu pajjiżi membri tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-frażi “għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ” fit-tieni sentenza tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1980, Laterza (C-733/79, EU:C:1980:156), tinftiehem fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi benefiċċji tal-familja sa estent massimu possibbli anki fil-każ ta’ riċezzjoni ta’ pensjoni?

Ir-raba’ domanda:

It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali 3 , għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-Artikolu 2(5) tal-Familienlastenausgleichsgesetz 1967 (il-Liġi dwar il-Kumpens għall-Ispejjeż tal-Familja tal-1967) li jipprovdi li, fil-każ ta’ divorzju, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja u għall-kreditu fiskali għall-ulied ikun tal-ġenitur li jieħu ħsieb id-dar sakemm il-wild maġġur li jistudja jkun jappartjeni għal tali dar, iżda li ma jkunx ressaq talba la fl-Istat ta’ residenza u lanqas fl-Istat tal-pensjoni, b’mod li l-ġenitur l-ieħor, li jgħix bħala pensjonant fl-Awstrija u li jsostni effettivament l-ispejjeż kollha għas-sostenn tal-wild, jista’ jinvoka d-dritt għall-benefiċċji tal-familja u għall-kreditu fiskali għall-ulied quddiem l-istituzzjoni responsabbli tal-Istat Membru fejn id-dispożizzjonijiet legali għandhom japplikaw bi preċedenza, direttament abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009?

Il-ħames domanda, li qiegħda ssir flimkien mar-raba’ domanda.

It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha tiġi interpretata wkoll fis-sens li, sabiex il-ħaddiem tal-Unjoni jiġi stabbilit bħala parti fi proċeduri nazzjonali ta’ Stat Membru dwar benefiċċji tal-familja, huwa neċessarju li jsostni fil-biċċa l-kbira l-manteniment tal-wild fi-sens tal-Artikolu 1(i)(3) tar-Regoalment Nru 883/2004?

Is-sitt domanda

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ djalogu prevista fl-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali proċedura għandha titmexxa mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati mhux biss fil-każ ta’ għoti ta’ benefiċċji tal-familja, iżda wkoll fil-każ ta’ rkupru ta’ benefiċċji tal-familja?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72

2     ĠU 2012, L 149, p. 4

3 ĠU 2009, L 284, p. 1.