Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Marzu 2007 - Fabryka Samochodów Osobowych vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-88/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Fabryka Samochodów Osobowych S.A. (Varsavja, il-Polonja) (Rappreżentanti: W. Radzikowski, R. A. Kozlowski u G. Dźwigala, konsulenti legali)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwantu l-Artikolu 2(2) sa (4) jintroduċi miżuri kumpensatorji fil-forma ta' a) limitazzjoni tal-produzzjoni annwali ta' karozzi sa l-aħħar ta' Frar 2011 fil-konfront ta' FSO, tal-kumpanniji sussidjarji tagħha kollha, kemm dawk preżenti kif ukoll dawk futuri, u tal-kumpanniji kollha kkontrollati minn FSO bħala azzjonista, u b) projbizzjoni li jintalab it-tiġdid tal-permessi qabel l-aħħar ta' Frar 2011;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, inklużi dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ta' l-20 ta' Diċembru 2006, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C3/2005 [ex. N 592/2004 (ex. PL 51/2004)] li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-miżuri ta' għajnuna, li diġà ġew parzjalment introdotti fil-Polonja favur ir-rikorrenti, safejn din id-deċiżjoni timponi fuq ir-rikorrenti, benefiċjarja ta' l-għajnuna, l-obbligu li tillimita l-produzzjoni annwali kif ukoll il-bejgħ ta' karozzi fit-territorju ta' l-UE sa l-2011. Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tipprojbixxi wkoll lir-rikorrenti milli titlob it-tiġdid tal-permessi qabel l-aħħar ta' l-2011.

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni msemmija peress li tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE kif ukoll regoli essenzjali dwar l-applikazzjoni tiegħu. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem il-motivi segwenti:

meta ddikjarat li parti mill-għajnuna kienet diġà ngħatat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE kif ukoll l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/19991 u wettqet ukoll żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti;

meta ddeterminat il-portata tal-miżuri kumpensatorji, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità, il-prinċipju ta' l-eżerċizzju liberu ta' attività ekonomika, l-Artikolu 253 KE u l-punti 11, 32, 37, 39 u 54 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà 2, u wettqet ukoll żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti in kwistjoni, b'mod partikolari, minħabba l-punti segwenti: id-determinazzjoni, fil-fehma tar-rikorrenti, inkorretta, tal-valur ta' l-għajnuna pubblika minħabba s-sopravalutazzjoni tagħha, in-nuqqas li tittieħed in kunsiderazzjoni l-forma ta' l-għajnuna, id-definizzjoni inkorretta tas-suq rilevanti, id-determinazzjoni inkorretta tas-sehem mis-suq tar-rikorrenti, li hija l-benefiċjarja ta' l-għajnuna, in-nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni elementi importanti fid-determinazzjoni ta' l-effetti ta' l-għoti ta' l-għajnuna lir-rikorrenti, id-determinazzjoni ta' miżuri kumpensatorji li jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-kapaċità tar-rikorrenti li terġà tikseb l-effiċjenza fl-operat tagħha wara t-tmien tar-ristrutturar, u n-nuqqas li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienet topera f'reġjuni li jikkwalifikaw għal għajnuna reġjonali;

il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' ċertezza legali u l-Artikolu 253 KE meta, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni, adottat miżuri kumpensatorji addizzjonali li mhumiex stabbiliti fil-parti dispożittiva prinċipali tad-deċiżjoni stess;

il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE peress li ma pprovdietx spjegazzjonijiet suffiċjenti fuq in-natura u l-portata tal-miżuri kumpensatorji imposti u peress li m'għamlitx referenza għall-proposti kollha mressqa fuq dan il-punt.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1).

2 - ĠU C 288 tad-9 ta' Ottubru 1999, p. 2.