Language of document : ECLI:EU:T:2009:163

Kawża T‑89/07

VIP Car Solutions SARL

vs

Il-Parlament Ewropew

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja — Trasport tal-Membri tal-Parlament Ewropew bil-karozza u bil-minibus bix-xufier matul il-perijodi ta’ sessjoni fi Strasbourg — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Obbligu ta’ motivazzjoni — Rifjut ta’ komunikazzjoni tal-prezz propost mill-offerent magħżul — Rikors għad-danni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li offerta tiġi miċħuda

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(3))

3.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ))

4.      Proċedura — Rikors promotur — Suġġett tal-kawża

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

5.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni diretta lil istituzzjoni — Inammissibbiltà

(Artikoli 230 KE u 233 KE)

1.      Il-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt wara li tkun saret sejħa għal offerti. L-istħarriġ ġudizzjarju li jsir fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat, għalhekk, għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punt 56)

2.      Mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u mill-Artikolu 149(3) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-regolament finanzjarju, jirriżulta li l-istituzzjoni Komunitarja tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ offerta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jekk, l-ewwel nett, tikkomunika immedjatament lill-offerenti kollha mwarrba l-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom u tipprovdi, sussegwentement, lill-offerenti li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli u li jagħmlu talba speċifika, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ikun intgħażel f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata skont il-kalendarju li jibdew jiddekorru minn meta tkun irċevuta t-talba bil-miktub.

Meta istituzzjoni tal-Komunità tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tagħha. Huwa hekk biss li l-Qorti Komunitarja tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx sodisfatti.

Meta l-istituzzjoni kkonċernata tibgħat ittra, wara talba għal spjegazzjonijiet supplimentari min-naħa tar-rikorrent rigward deċiżjoni qabel ma jitressaq rikors, imma wara d-data stabbilita mill-Artikolu 149(3) tar-Regolament Nru 2342/2002, din l-ittra tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni f’dan il-każ kinitx biżżejjed. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont l-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrent kellu fil-mument ta’ meta ġie ppreżentat ir-rikors, filwaqt li, madankollu, l-istituzzjoni mhijiex awtorizzata tissostitwixxi b’motivazzjoni kompletament ġdida l-motivazzjoni tal-bidu.

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-istituzzjoni kkonċernata pprovdiet ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ offerta matul il-kawża ma jikkumpensax għan-nuqqas ta’ motivazzjoni inizjali ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-motivazzjoni tista’ tiġi espressa għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti, biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

(ara l-punti 59, 61, 73, 76)

3.      Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jkun fih espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun biżżejjed ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors jirriżultaw, għalkemm fil-qosor, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikorrenti stess.

F’dan il-kuntest, rikors intiż għal-kumpens tad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jkun fih l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa allegatament sostna kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu.

(ara l-punti 96, 103)

4.      Skont il-kliem tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha l-obbligu tispjega s-suġġett tal-kawża u tippreżenta t-talbiet tagħha fl-att promotur. Għalkemm l-Artikolu 48(2) tal-istess regolament jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, li jittressqu motivi ġodda matul il-kawża, din id-dispożizzjoni ma tista’, fl-ebda każ, tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lir-rikorrenti tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza talbiet ġodda u tibdel b’hekk is-suġġett tal-kawża.

(ara l-punt 110)

5.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, il-kompetenza tal-Qorti Komunitarja hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet Komunitarji. Fil-każ ta’ annullament tal-att ikkontestat, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu, skont l-Artikolu 233 KE, il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament.

(ara l-punt 112)