Language of document : ECLI:EU:T:2005:401

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

17 ta' Novembru 2005 (*)

"Trademark Komunitarja – Proċediment ta' oppożizzjoni – Trademarks nazzjonali verbali preċedenti ARTEX – Applikazzjoni għal trademark Komunitarja verbali ALREX - Raġuni relattiva għar-rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-154/03,

Biofarma SA, stabbilita f'Neuilly-sur-Seine (Franza), irrappreżentata minn V. Gil Vega, A. Ruiz López u D. Gonzalez Maroto, Avukati,

rikorrenti,

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn W. Verburg u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Bausch & Lomb Pharmaceuticals, Inc., stabbilita f'Tampa, Florida (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn S. Klos, Avukat,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-5 ta' Frar 2003 (Każ R 370/2002-3), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Biofarma SA u Bausch & Lomb Pharmaceuticals, Inc.,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (l-Ewwel Awla),

komposta minn J.D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fil-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Mejju 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Diċembru 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Diċembru 2003,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' April 2004,

wara s-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-6 ta' April 1998, Bausch & Lomb Pharmaceuticals, Inc. (iktar 'il quddiem l-"intervenjenti") ippreżentat applikazzjoni għal trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hi s-sinjal verbali ALREX.

3       Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 5 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "prodotti farmaċewtiċi għall-għajnejn, jiġifieri qtar għall-għajnejn, soluzzjonijiet, ġell u ingwenti użati għat-trattament ta' l-infezzjonijiet u l-infjammazzjonijiet ta' l-għajn".

4       Fit-12 ta' Lulju 1999, Biofarma SA (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti"), li hija diġà proprjetarja tat-trademarks verbali ARTEX, irreġistrati fi Franza, fil-pajjiżi tal-Benelux u fil-Portugall, għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 5 ("speċjalità farmaċewtika maħsuba għall-qasam kardjovaskulari; prodotti farmaċewtiċi, veterinarji u sanitarji; materjal għall-mili tas-snien, xama' dentali"), ressqet oppożizzjoni kontra t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, billi sostniet li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks in kwistjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

5       Fit-18 ta' Jannar 2000, l-UASI nnotifika lir-rikorrenti b'emenda magħmula mill-intervenjenti lil-lista tal-prodotti koperti mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, li issa taqra kif ġej: "prodotti anti-allerġeniċi, sterojdi, prodotti għall-għajnejn, jiġifieri qtar għall-għajnejn, soluzzjonijiet, ġell u ingwenti użati għat-trattament ta' l-infezzjonijiet u l-infjammazzjonijiet ta' l-għajn". Permezz ta' l-istess ittra, l-UASI stieden lir-rikorrenti tgħarrfu jekk kinitx ser tissokta bl-oppożizzjoni tagħha, ħaġa li għamlet b'ittra ta' l-4 ta' Frar 2000.

6       B'deċiżjoni tat-28 ta' Frar 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni. Hi kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni, minħabba li s-sinjali ALREX u ARTEX jixxiebhu, hekk kif jixxiebhu l-prodotti koperti mit-trademarks in kwistjoni.

7       Fil-25 ta' April 2002, l-intervenjenti ressqet rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

8       B'deċiżjoni tal-5 ta' Frar 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrenti fl-4 ta' Marzu 2003, it-Tielet Bord ta' l-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni, partikolarment minħabba li, minkejja li l-prodotti in kwistjoni kienu jaqgħu taħt l-istess klassi, kien jeżisti biss livell ta' xebh pjuttost baxx bejniethom.

 It-talbiet tal-partijiet

9       It-trattazzjoni orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2005.

10     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata u "tiddikjara li effettivament teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks ARTEX u ALREX, li jkopru prodotti simili";

–       tordna li l-UASI jbati l-ispejjeż.

11     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

12     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

13     Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tissottometti, fis-sustanza, li l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

14     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-prodotti koperti mit-trademarks in kwistjoni jixxiebhu minħabba n-natura u l-iskop identiku tagħhom, jiġifieri t-trattament tal-problemi ta' saħħa umana, minħabba li huma prodotti mill-istess impriżi, fl-istess laboratorji, kif ukoll minħabba l-fatt li huma kkummerċjalizzati mill-istess kanali ta' distribuzzjoni, per eżempju aġenti bejjiegħa ta' prodotti farmaċewtiċi, li r-reklami tagħhom jidhru fl-istess rivisti speċjalizzati, li huma mibjugħa fl-istess stabbilimenti, jiġifieri spiżeriji, u li huma mogħtija fl-istess postijiet, jiġifieri sptarijiet, ċentri tas-saħħa, eċċ.

15     Ir-rikorrenti żżid li, minkejja li l-mediċina kontra l-pressjoni għolja koperta mit-trademarks preċedenti ARTEX tiġi f'forma ta' pilloli kompressati, 'il quddiem tista' faċilment tiġi f'forma galenika oħra sabiex tkun eħfef biex tingħata lil ċerti kategoriji ta' nies morda, per eżempju f'forma ta' qtar, jiġifieri fl-istess forma bħall-prodotti koperti mit-trademark ALREX li għaliha saret l-applikazzjoni.

16     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tgħid li s-sempliċi paragun viżwali tas-sinjali ARTEX u ALREX jippermetti li jiġi stabbilit il-livell ta' xebh tagħhom. Ix-xebh viżwali tagħhom jirriżulta mill-koinċidenza ċara ta' l-ewwel ittra tagħhom "a" u ta' l-aħħar żewġ ittri tagħhom "ex". Huma għandhom ukoll il-konsonanti tan-nofs "r" bħal xulxin. Dawn l-elementi kollha joħolqu effett viżwali li faċilment iwassal lil wieħed ifixkel isem ma' ieħor, fatt li għandu jkun prova biżżejjed ta' l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni. Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li l-qari ta' preskrizzjoni miktuba bil-ħeffa minn tabib tista' twassal għal żbalji b'konsegwenzi fatali minħabba li l-ismijiet taż-żewġ mediċini għandhom daqstant xebh bejniethom. Peress li l-uniċi differenzi jidhru fl-ittri tan-nofs tal-kliem, huma ma jistgħux jiġu osservati ma' l-ewwel daqqa t'għajn. Fil-fatt, id-differenzi jikkonsistu biss f'waħda mill-konsonanti tan-nofs (it-"t" minflok "l") u fil-pożizzjoni tagħha meta mqabbla mal-konsonanti l-oħra komuni għaż-żewġ ismijiet. Issa konsumatur normalment jiftakar l-ewwel u l-aħħar ittri u mhux l-ittri tan-nofs.

17     Il-probabbiltà ta' konfużjoni hija wkoll evidenti mill-aspett fonetiku, prinċipalment minħabba li l-vokali "a" u "e" jinsabu fl-istess post fiż-żewġ kelmiet. Barra minn hekk, peress li ż-żewġ sinjali huma magħmula biss minn żewġ sillabi, din il-koinċidenza għandha effett ikbar, minħabba li l-ħoss tal-vokali, u b'mod partikolari tal-vokali "a" u "e", huwa dak li wieħed jiftakar l-ewwel u l-aktar ċar. Barra minn hekk, il-fatt li l-vokali "a" hi l-ewwel ittra taż-żewġ sinjali jsaħħaħ il-ħoss tal-konsonanti li ssegwi. Ir-rikorrenti tispjega wkoll li, fi Franza, fil-Portugall u fil-pajjiżi tal-Benelux, fejn it-trademarks in kwistjoni jkollhom jeżistu flimkien jekk id-deċiżjoni kkontestata tkun ikkonfermata, it-tieni sillaba ta' dawn it-trademarks hija ppronunzjata b'mod sħiħ u b'aċċent toniku. Hi tispeċifika li, f'din is-sillaba, il-vokali "e" tikkoinċidi mal-konsonanti finali "x", b'mod li l-imsemmija sillaba hija ppronunzjata bil-Franċiż bħall-ittri "k" u "s" ippronunzjati wara xulxin. Flimkien mal-vokali "e", l-ittra "x" tifforma għaldaqstant ħoss b'saħħtu ħafna li jiddomina l-bqija. L-ewwel sillaba tibda fiż-żewġ każijiet bil-vokali "a", li għandha hi wkoll ħoss b'saħħtu ħafna u tendenza li ddgħajjef il-ħoss, diġà dgħajjef minnu nnifsu, tal-konsonanti li jmiss ("l" f'kelma waħda u "r" fl-oħra). Fl-aħħar nett ir-rikorrenti żżid li ż-żewġ ismijiet għandhom, fin-nofs tagħhom, l-ittra "r", li hija konsonanti frikattiva.

18     Ir-rikorrenti tisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-konsumatur rari għandu ċ-ċans li jqabbel direttament is-sinjali ALREX u ARTEX u jkollu jistrieħ fuq l-impressjoni imperfetta li jiftakar.

19     Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Institut national de la propriété intellectuelle, li quddiemu ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trademark ALREX fi Franza, indika fid-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' April 2000 li s-sinjal ALREX kien imitazzjoni tas-sinjal preċedenti u għaldaqstant ma setax igawdi minn protezzjoni fi Franza bħala trademark biex tkopri prodotti identiċi jew li jixxiebhu.

20     Rigward ir-rappreżentazzjoni ta' l-ippakkjar ipprovduta mill-intervenjenti, li tidher fil-punt 35 iktar 'il quddiem, ir-rikorrenti ssostni fir-replika tagħha li għandha biss tiġi kkunsidrata l-forma effettiva li taħtha t-trademarks ARTEX kienu ġew irreġistrati u tiġi mqabbla mal-forma effettiva tat-trademark ALREX li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni quddiem l-UASI. Issa f'dan il-każ hemm żewġ sinjali miktubin b'ittri kbar, li huma purament nominattivi, mingħajr elementi grafiċi, kuluri, ittri differenti jew karatteristiċi li jippermettu li wieħed jagħraf wieħed minn ieħor.

21     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tgħid li l-Bord ta' l-Appell donnu qed jippresupponi li l-konsumaturi huma professjonisti jew persunal speċjalizzat, li mhuwiex minnu. Il-konsumatur finali tal-prodotti in kwistjoni huwa dejjem persuna marida, jiġifieri persuna, adolexxenti jew anzjana, li għandha, jew m'għandhiex, ċerta edukazzjoni u li għandha, jew m'għandiex, ċerta kultura ġenerali. Barra minn hekk, infirmier jew persunal li jipprovdi kura fi sptar jistgħu wkoll ifixku dawn iż-żewġ mediċini, minħabba li l-ismijiet rispettivi tagħhom jixxiebhu ħafna.

22     Fl-aħħar nett, fir-raba' lok, ir-rikorrenti tispjega li t-trademark m'għandhiex biss l-iskop li tippermetti lill-konsumatur jevita li jemmen li prodotti jew servizzi jkunu ġejjin mill-istess impriża, imma wkoll li tiggarantixxi l-identifikazzjoni tal-prodotti fihom infushom fl-interess tal-konsumatur. Fil-każ ta' mediċina, il-konsumatur ikun jixtieq jikseb il-prodott ta' trademark partikolari, għaliex jkun qed jistenna minnu effetti ta' ġid għal saħħtu. Għaldaqstant, tali konsumatur ikollu interess partikolari li l-prodott ikun identifikat b'mod ċar u li ma jistax jiġi mfixkel ma' ieħor bir-riskju li jaffettwalu saħħtu.

23     Il-fatt li jeżistu istituzzjonijiet jew korpi uffiċjali oħra li huma responsabbli li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi ma jeżonerax lill-istituzzjoni li għandha r-responsabbilità li tawtorizza r-reġistrazzjoni milli tieħu din il-funzjoni tat-trademark in kunsiderazzjoni.

24     Ir-rikorrenti tikkonkludi miċ-ċifri ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tal-Ministeru tas-Saħħa u tal-Konsum Spanjol li mhuwiex rari li żewġ persuni li jbatu rispettivament minn pressjoni għolja ta' l-arterji, ikkurata bl-ARTEX, u minn konġuntivite li tirriżulta minn allerġiji ta' l-istaġun, li għaliha hija preskritta l-ALREX, ikunu jinsabu fl-istess ambjent familjari jew professjonali, jew li l-istess pazjent ibati minn dawn iż-żewġ patoloġiji, u li għaldaqstant mhuwiex rari li dawn iż-żewġ prodotti mediċinali jkunu jinsabu fl-istess post fl-istess ħin.

25     Ir-rikorrenti żżid f'dan ir-rigward li, bħalma juru dikjarazzjonijiet maħlufa jew xhieda ta' esperti li hi tista' ġġib, il-konfużjoni ta' mediċina ma' oħra tista' twassal għal konsegwenzi gravi, b'mod partikolari f'każ ta' użu estern, minħabba li l-ARTEX tista' 'il quddiem tiġi f'forma ta' qtar. Ir-riskji għas-saħħa f'każ ta' konfużjoni għandhom għaldaqstant jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

26     Rigward ix-xebh tal-prodotti, l-UASI, filwaqt li jibbaża ruħu fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon (C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 23), jammetti li, b'mod ġenerali, jeżisti xebh meta prodotti farmaċewtiċi jkunu mqabbla ma' prodotti farmaċewtiċi oħra. Minkejja dan, hu jqis li l-livell ta' xebh jista' jvarja, b'mod partikolari fil-każ ta' prodotti użati biex jiġu ttrattati problemi differenti tas-saħħa. Anke jekk l-iskop tal-prodotti farmaċewtiċi kollha hu identiku, jiġifieri li jittrattaw problemi tas-saħħa, in-natura ta' dawn il-problemi tista' tvarja sal-punt li jkun jeżisti biss livell dgħajjef ta' xebh, li jista' jwassal, fl-evalwazzjoni ta' l-elementi kollha rilevanti, għall-konklużjoni li ma teżistix probbabiltà ta' konfużjoni.

27     Issa l-infezzjonijiet ta' l-għajnejn u l-pressjoni għolja huma kkurati minn speċjalisti differenti, f'postijiet differenti, li jimplika wkoll l-eżistenza ta' kanali ta' distribuzzjoni differenti. Barra minn hekk, il-mod kif jiġu amministrati ż-żewġ prodotti huwa differenti wkoll. Jekk l-ARTEX tiġi f'forma ta' pilloli jew pilloli kompressati li jittieħdu mill-ħalq, l-ALREX huwa disponibbli f'forma ta' sustanzi ftit jew wisq likwidi li jiġu applikati fuq parti mill-ġisem uman. Is-suq tal-mediċini użati biex inaqqsu l-infezzjonijiet u l-infjammazzjonijiet ta' l-għajn hu għaldaqstant differenti mis-suq tal-mediċini maħsubin biex inaqqsu l-pressjoni għolja.

28     Fl-aħħar nett, jekk huwa possibli li 'l quddiem l-ARTEX ma jkunx prodott biss f'forma ta' pilloli jew pilloli kompressati, imma wkoll f'forma ta' qtar, dan mhuwiex il-każ illum. Issa l-paragun bejn prodotti ma jistax isir, skond l-UASI, fuq il-bażi ta' tibdil eventwali li jista' jsir 'il quddiem.

29     Dwar ix-xebh bejn is-sinjali, l-UASI josserva li l-Bord ta' l-Appel ikkonkluda li ż-żewġ sinjali ARTEX u ALREX huma ismijiet ordinarji ta' prodotti farmaċewtiċi magħmula minn sillabi standard, mingħajr ebda element li jolqot jew jissorprendi lil dak li jkun. Ir-reġistru tat-trademarks Komunitarji, fil-klassi 5, fil-fatt jinkludi 296 trademark irreġistrati li jispiċċaw bis-suffiss "ex".

30     L-UASI jirrikonoxxi li s-sinjali jixxiebhu, imma jqis li l-fatt jekk it-trademarks għandhomx xebh biżżejjed biex jiġi konkluż li teżisti probbabiltà ta' konfużjoni jiddependi minn fatturi oħra, li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni. Dawn il-fatturi huma, b'mod partikolari, il-fama tat-trademark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista' ssir bejn it-trademark u s-sinjal użat jew irreġistrat, il-livell ta' xebh bejn it-trademark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minnhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22). Waqt is-seduta, l-UASI żied jgħid, f'dan ir-rigward, li l-professjonisti se jikkorrelataw ARTEX mal-kelma Franċiża "artère".

31     Rigward il-pubbliku kkonċernat, l-UASI jinnota li l-Bord ta' l-Appell ikkonkluda fil-punt 11 tad-deċiżjoni tiegħu li, fid-dawl tal-fatt li l-mediċini maħsubin biex titnaqqas il-pressjoni għolja huma disponibbli biss fuq preskrizzjoni medika, dan il-pubbliku huwa magħmul minn esperti. L-UASI jżid li, fis-sentenza tiegħu tal-5 ta' Marzu 2003, Alcon vs l-UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS) (T-237/01, Ġabra p. II-411, punt 42), il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-pubbliku li għalih huma maħsuba l-preparazzjonijiet farmaċewtiċi għall-għajnejn u s-soluzzjonijiet sterili għall-kirurġija ta' l-għajnejn hu pubbliku speċjalizzat fil-qasam mediku, li jinkludi b'mod partikolari oftalmoloġi u kirurgi ta' l-għajnejn. Minħabba l-konoxxenzi tiegħu f'dan il-qasam, dan il-pubbliku jkun aktar attent mill-konsumatur medju, li huwa mistenni jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti.

32     L-UASI jindika wkoll li, minħabba li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jinkludi ebda referenza għall-mument meta l-konfużjoni tista' tqum, ma teżisti ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jassumi li l-mument tal-konfużjoni huwa ristrett għall-mument tax-xiri. Il-konfużjoni tista' tqum sakemm il-prodott, kopert mit-trademark, huwa fuq is-suq. Madankollu, jekk minn dan wieħed jikkonkludi li ma teżistix probbabiltà ta' konfużjoni fil-mument tax-xiri, ma jkun hemm ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jaħseb li jista' jkun mod ieħor f'xi mument ieħor, per eżempju fil-mument tat-teħid tal-mediċina, sakemm ma jkunux ikkonċernati kategoriji differenti tal-pubbliku li għandhom livelli differenti ta' attenzjoni. Issa f'dan il-każ m'hemmx kategoriji differenti tal-pubbliku.

33     L-UASI jirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' April 2003, Durferrit vs l-UASI – Kolene (NU-TRIDE) (T-224/01, Ġabra p. II-1589, punt 52), li kkonkludiet, wara li kkonstatat li l-pubbliku kien magħmul minn esperti, li l-livell ta' xebh bejn it-trademarks in kwistjoni ma kienx għoli biżżejjed sabiex jista' jitqies li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom. Din il-konklużjoni kienet ikkoroborata, skond l-UASI, mill-fatt li l-pubbliku rilevanti kien speċjalizzat sew fil-qasam tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati u, għaldaqstant, seta' jkollu livell għoli ta' attenzjoni waqt l-għażla ta' dawn il-prodotti u servizzi.

34     Fl-aħħar nett, l-UASI jqis li l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonkluda li riskju eventwali għas-saħħa ma kellux jaffettwa l-evalwazzjoni ta' probbabiltà ta' konfużjoni. L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħti ebda ħjiel f'dan is-sens. Dan l-Artikolu għandu biss bħala għan li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni tat-trademarks f'każ ta' probbabiltà ta' konfużjoni bejn it-trademark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u trademark oħra li tkun diġà rreġistrata.

35     L-intervenjenti, li essenzjalment taħsibha bħall-UASI, tinsisti b'mod partikolari fuq il-fatt li l-pilloli kompressati kkummerċjalizzati mir-rikorrenti huma ppakkjati f'ippakkjar tal-plastik trasparenti filwaqt li l-qtar għall-għajnejn mibjugħin mill-intervenjenti jiġu fi flixkun żgħir li t-tapp tiegħu jinkludi pipetta [Intervent punt 47], bħalma jidher mir-riproduzzjonijiet li ġejjin :

Image not foundImage not foundImage not foundImage not found

36     Anke li kieku l-prodotti in kwistjoni kellhom jiġu t-tnejn li huma fl-istess forma, il-fatturi li għandhom jitqiesu skond is-sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, biex jiġi evalwat il-livell ta' xebh tagħhom jindikaw b'mod ċar li huma ma jixxiebhux jew, ta' l-inqas, juru biss livell dgħajjef ħafna ta' xebh.

37     Waqt is-seduta, l-intervenjenti semmiet żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, mogħtija wara li ppreżentat is-sottomissjonijiet tagħha. Fis-sentenza ta' l-1 ta' Marzu 2005, Sergio Rossi vs l-UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI) (T-169/03, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-basktijiet tan-nisa u ż-żraben tan-nisa, minkejja li huma oġġetti tal-ġilda, ma setgħux jitqiesu bħala simili, għax ma kinux jissostitwixxu lil xulxin u ma kinux f'kompetizzjoni bejniethom. Fis-sentenza tal-15 ta' Frar 2005, Lidl Stiftung vs l-UASI – REWE-Zentral (LINDENHOF) (T-296/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-inbejjed frizzanti, min-naħa, u l-birer, il-cocktails u l-ilma minerali, mill-oħra, ma kinux simili, minħabba li l-konsumaturi kellhom id-drawwa li jikkonsmawhom f'ċirkustanzi u okkażjonijiet differenti.

38     Bil-kontra ta' l-UASI, l-intervenjenti ma tikkunsidrax li s-sinjali in kwistjoni huma simili. Hi tqis li, skond il-punt 25 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C-342/97, Ġabra p. I-3819), għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari l-elementi distintivi u dominanti tat-trademarks. Issa l-parti aħħarija "ex" tintuża ħafna għal kull tip ta' trademark u ta' prodott, b'mod partikolari fil-qasam farmaċewtiku. Għalkemm il-Bord ta' l-Appell irrikonoxxa "ċertu xebh" li jirriżulta min-numru ta' ittri identiċi, jiġifieri l-"a" tal-bidu u l-parti aħħarija "ex", hu enfasizza d-differenza viżwali li tinħoloq mill-pożizzjoni ta' l-ittra "t" f'nofs is-sinjal ARTEX u kkunsidra li din id-differenza kellha effett kbir fuq l-impressjoni viżwali tas-sinjali qosra, bħalma huma dawk fil-każ preżenti.

39     Fl-aħħar nett, l-intervenjenti tqis li l-liġi fuq it-trademarks m'għandhiex bħala għan li tħares il-pazjenti minn użu mhux korrett. Tali responsabbilità taqa' taħt il-kompetenza ta' korpi oħra u mhux l-UASI. Barra minn hekk, l-ipoteżi ta' l-intossikazzjoni ta' pazjent, li jkun ibati fl-istess waqt minn pressjoni għolja u minn infezzjoni jew infjammazzjoni ta' l-għajnejn u li jkun ġie preskritt iż-żewġ prodotti in kwistjoni hi assurda, għaliex tippresupponi li hu jfixkel qtar u pilloli kompressati għal tul ta' żmien. Issa wieħed għandu jistenna minn pazjenti li jbatu minn marda relattivament serja, bħall-pressjoni għolja, li joqogħdu partikolarment attenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-mediċini li jieħdu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

40     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta' trademark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark m'għandhiex tiġi milqugħa jekk, minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trademarks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trademarks, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trademark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trademark preċedenti. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, bi trademarks preċedenti wieħed għandu jifhem, b'mod partikolari, trademarks irreġistrati fi Stat Membru, b'data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark Komunitarja.

41     Skond ġurisprudenza stabbilita, probabbiltà ta' konfużjoni hija l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom, u din il-probabbiltà għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u billi jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha tal-każ in kwistjoni.

42     Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meqjusa, u, b'mod partikolari, ix-xebh bejn it-trademarks u dak bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minnhom. B'dan il-mod, livell dgħajjef ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trademarks jista' jiġi kkumpensat minn livell għoli ta' xebh bejn it-trademarks, u viċeversa (sentenzi Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19).

43     F'dan il-każ, it-trademarks preċedenti ARTEX huma rreġistrati fi Franza, fil-pajjiżi tal-Benelux u fil-Portugall, li jikkostitwixxu għalhekk it-territorju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

44     Rigward il-pubbliku rilevanti, l-UASI, bħall-intervenjenti, jsostni li l-mediċini in kwistjoni f'dan il-każ huma preskritti minn speċjalisti differenti. Għandu madankollu jiġi kkonstatat li dawn il-mediċini jintużaw ta' spiss biżżejjed sabiex ikunu preskritti wkoll minn tobba mhux speċjalisti.

45     Barra minn hekk, peress li l-pilloli kompressati tar-rikorrenti, bħall-qtar għall-għajnejn ta' l-intervenjenti, għandhom jittieħdu mill-pazjenti f'darhom, dawn ta' l-aħħar, bħala konsumaturi finali, jagħmlu wkoll parti mill-pubbliku rilevanti, l-istess bħall-ispiżjara, minħabba li l-imsemmija mediċini huma mibjugħa fl-ispiżeriji tagħhom.

46     Għaldaqstant, jagħmlu parti mill-pubbliku rilevanti kemm il-professjonisti fil-qasam mediku (tobba speċjalisti, tobba mhux speċjalisti u spiżjara) kif ukoll, kuntrarjament għall-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell, il-pazjenti.

47     Dwar il-paragun tal-prodotti, għandu jiġi mfakkar li, biex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha li jikkaraterrizaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom (sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

48     F'dan il-każ, bħalma ssostni ġustament ir-rikorrenti, il-prodotti in kwistjoni huma ta' l-istess natura (prodotti farmaċewtiċi), għandhom l-istess skop (trattament ta' problemi tas-saħħa umana), huma mmirati għall-istess konsumaturi (professjonisti fil-qasam mediku u pazjenti) u jużaw l-istess kanali ta' distribuzzjoni (bħala regola, l-ispiżeriji).

49     Madankollu, bħalma josservaw l-UASI u l-intervenjenti, dawn il-prodotti la huma komplementari u lanqas f'kompetizzjoni bejniethom. Meta jiġu meqjusa l-elementi ta' xebh li ssemmew iktar 'il fuq, din id-differenza bejn il-prodotti in kwistjoni madankollu mhijiex tali li, minnha nfisha, tirrendi l-probabbiltà ta' konfużjoni impossibbli.

50     Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument ta' l-intervenjenti li skontu l-prodotti ma jixxiebhux, minħabba li jiġu amministrati b'mod differenti. Fil-fatt, din id-differenza ma tistax tippredomina, f'dan il-każ, fuq in-natura u l-iskop komuni tal-prodotti kkonċernati.

51     F'dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba li l-elementi ta' xebh bejn il-prodotti jipprevalu fuq l-elementi ta' differenza, għandu jiġi konkluż li jeżisti, bħalma rrileva ġustament il-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, ċertu livell ta' xebh bejn il-prodotti in kwistjoni.

52     Rigward il-paragun bejn is-sinjali, għandu jiġi mfakkar, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi bbażata fuq l-impressjoni ġenerali li jagħtu dawn is-sinjali, billi jitqiesu, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

53     Hija biss l-intervenjenti li tqis li s-sinjali ALREX u ARTEX mhumiex simili. Hi tisħaq b'mod partikolari fuq il-fatt li l-parti aħħarija "ex" tintuża ta' spiss ħafna għal kull tip ta' trademark, partikolarment fil-qasam farmaċewtiku.

54     Madankollu, kif irrilevat id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, iż-żewġ sinjali huma magħmula minn kelma li fiha ħames ittri. L-unika differenza hi li wieħed jinkludi l-ittra "t" bejn l-ittri "r" u "e" u l-ieħor "l" bejn l-ittri "a" u "r". Minbarra din id-differenza, erba' mill-ħames ittri huma identiċi u jinsabu fl-istess ordni: "arex". Ix-xebh viżwali bejn is-sinjali huwa għalhekk għoli ħafna.

55     Bl-istess mod, fuq il-livell fonetiku, is-sinjali għandhom l-istess struttura, jiġifieri żewġ sillabi kull wieħed, l-ewwel sillaba b'żewġ ittri u t-tieni waħda bi tlieta. Kull sinjal jibda bl-ittra "a" u jispiċċa bis-suffiss "ex". Barra minn hekk, it-tieni u t-tielet ittra ta' kull sinjal huma konsonanti, b'waħda minnhom komuni (l-ittra "r").

56     Fl-aħħar nett, fuq il-livell kunċettwali, għalkemm l-UASI, waqt is-seduta, sostna li l-professjonisti se jikkorrelataw is-sinjali ARTEX mal-kelma Franċiża "artère", ħaġa li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma qisitx biżżejjed biex jiġi eskluż ix-xebh viżwali u fonetiku bejn is-sinjali, għandu jingħad bħala risposta, min-naħa, li, anke kieku hekk kellu jkun il-każ, il-professjonisti, kif ġie spjegat fil-punti 45 u 46 iktar 'il fuq, mhumiex l-uniku pubbliku rilevanti u, min-naħa l-oħra, li l-pubbliku tat-territorji kkonċernati, jiġifieri l-pajjiżi tal-Benelux, il-Portugall u Franza, ma jitkellmux biss bil-Franċiż.

57     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż, kuntrarjament għall-konklużjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li jeżisti livell għoli ta' xebh bejn iż-żewġ sinjali in kwistjoni.

58     Għaldaqstant, meta wieħed iqis, min-naħa, il-livell għoli ta' xebh bejn is-sinjali in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-livell ta' xebh bejn il-prodotti kkonċernati, id-differenzi bejniethom mhumiex biżżejjed biex tiġi eskluża l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti.

59     Fuq il-bażi ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li hemm probabbiltà li dan il-pubbliku jasal biex jaħseb li l-prodotti koperti mis-sinjali konfliġġenti ġejjin mill-istess impriża jew impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom.

60     Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta' din il-probabbiltà ta' konfużjoni hi wkoll imsaħħa mill-fatt li l-pubbliku rilevanti rari għandu l-possibilità li jagħmel paragun dirett tat-trademarks differenti, imma jkollu jistrieħ fuq l-impressjoni imperfetta tagħhom li jiftakar [sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2004, Samar vs l-UASI – Grotto (GAS STATION), T-115/03, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 37].

61     Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks ALREX u ARTEX, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

62     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti intiżi biex jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu milqugħa. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Dwar l-ispejjeż

63     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub minnha. Peress li r-rikorrenti ma talbitx li l-intervenjenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, hemm lok li l-intervenjenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI) tal-5 ta' Frar 2003 (Każ R 370/2002-3) hi annullata.

2)      L-UASI għandu jbati kemm l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrenti.

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Cooke

Garcia-Valdecasas

Trstenjak

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-17 ta' Novembru 2005.

Reġistratur

 

       il-President

E. Coulon

 

      García-Valdecasas


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.