Language of document : ECLI:EU:T:2022:312

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

1 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Adozzjoni mis-SRB ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español – Dritt għal smigħ – Delega ta’ poteri – Dritt għall-proprjetà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikoli 18, 20 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014”

Fil-Kawża T‑510/17,

Antonio Del Valle Ruíz, li jirrisjedi f’Mexico (il-Messiku), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness (1), rappreżentati minn J. Pobjoy, barrister, B. Kennelly, QC, u S. Walker, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u A. Steiblytė, bħala aġenti,

u

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. King u M. Fernández Rupérez, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, S. Schelo, F. Fernández de Trocóniz Robles, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

minn

Il-Parlament Ewropew , irrappreżentat minn L. Visaggio, J. Etienne, M. Menegatti, M. Sammut, L. Stefani u M. Martínez Iglesias, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. de Gregorio Merino, J. Bauerschmidt, A. Westerhof Löfflerová u H. Marcos Fraile, bħala aġenti,

u minn

Banco Santander, SA, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata minn J. Rodríguez Cárcamo, A. Rodríguez Conde, D. Sarmiento Ramírez-Escudero, avukati, u G. Cahill, barrister,

partijiet intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB tas-7 ta’ Ġunju 2017 dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas-7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español (ĠU 2017, L 178, p. 15),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, M. Jaeger, V. Kreuschitz, G. De Baere (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, ġie deċiż li tinħoloq unjoni bankarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq ġabra unika ta’ regoli, sħiħa u dettaljata għas-servizzi finanzjarji, valida għas-suq intern kollu u li tinkludi fiha mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni, u oqfsa ġodda għall-garanzija tad-depożiti u r-riżoluzzjoni tal-fallimenti bankarji.

2        L-ewwel pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kien jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni (SSM) bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63). Skont il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, SSM għandu jiżgura li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi implimentata b’mod koerenti u effikaċi, li l-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji tiġi applikata bl-istess mod għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu suġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità, li ma tkunx ristretta minn kunsiderazzjonijiet oħra mhux prudenzjali. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1024/2013 jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kompiti speċifiċi relatati mal-politiki dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà u s-sodezza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

3        Sussegwentement, id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), ġiet adottata. Fil-premessa 1 hija tiddikjara dan li ġej:

“Il-kriżi finanzjarja wriet li hemm nuqqas sinifikanti ta’ għodod adegwati fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu ttrattati b’mod effettiv l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment [...] mhux sodi jew li qed ifallu. Dawn l-għodod huma meħtieġa, b’mod partikolari, sabiex jipprevjenu l-insolvenza jew sabiex meta sseħħ insolvenza jimminimizzaw ir-riperkussjonijiet negattivi billi jippreżervaw il-funzjonijiet sistemikament importanti tal-istituzzjoni konċernata. Matul il-kriżi, dawn l-isfidi kienu fattur ewlieni li ġiegħel lill-Istati Membri sabiex isalvaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu billi jużaw il-flus tal-kontribwenti. L-għan ta’ qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni kredibbli huwa li jbiegħed il-ħtieġa ta’ azzjoni bħal din kemm jista’ jkun.”

4        L-għan tad-Direttiva 2014/59 huwa li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-banek fl-Unjoni u tipprovdi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni dwar il-fallimenti ta’ banek transkonfinali. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2014/59 tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tagħha li kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità tar-riżoluzzjoni waħda jew, eċċezzjonalment, diversi awtoritajiet tar-riżoluzzjoni li jkollhom is-setgħa li japplikaw l-għodod tar-riżoluzzjoni u li jeżerċitaw is-setgħat tar-riżoluzzjoni.

5        Madankollu, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li d-Direttiva 2014/59 ma wasslitx għaċ-ċentralizzazzjoni tal-proċess deċiżjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li essenzjalment ipprovdiet għodod ta’ riżoluzzjoni komuni u setgħat ta’ riżoluzzjoni komuni disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u li ħalliet marġni ta’ diskrezzjoni għall-użu ta’ dawn l-għodod u l-użu ta’ arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali għar-riżoluzzjoni, u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva ma kinitx tipprekludi kompletament it-teħid ta’ deċiżjonijiet separati u potenzjalment diverġenti dwar ir-riżoluzzjoni ta’ gruppi transkonfinali mill-Istati Membri, ġie deċiż li jitwaqqaf mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM).

6        B’hekk, it-tieni pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kienet tikkonsisti fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

7        Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014 tiddikjara:

“L-iżgurar ta’ deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni effettivi għall-banek li qed ifallu fl-Unjoni, inkluż dwar l-użu ta’ finanzjament miġbur fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali għat-tlestija tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji. Fis-suq intern, il-falliment tal-banek fi Stat Membru wieħed jista’ jaffettwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni kollha kemm hi. L-iżgurar ta’ finanzjament fl-Istati Membri kollha huwa fl-aħjar interessi mhux biss tal-Istati Membri fejn joperaw il-banek, iżda wkoll tal-Istati Membri kollha inġenerali bħala mezz sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern. Is-sistemi bankarji fis-suq intern huma interkonnessi ħafna, il-gruppi bankarji huma internazzjonali u l-banek għandhom perċentwali kbir ta’ assi barranin. Fin-nuqqas tas-SRM, il-kriżijiet bankarji fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fs-SSM [MSU] jkollhom impatt sistemiku negattiv aktar b’saħħtu anki fi Stati Membri mhux parteċipanti. L-istabbiliment tas-SRM se jiżgura approċċ newtrali fit-trattament ma’ banek li qed ifallu u għalhekk iżid l-istabbiltà tal-banek tal-Istati Membri parteċipanti u jevita li l-kriżijiet jinxterdu fl-Istati Membri mhux parteċipanti u għalhekk se jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern kollu. Il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet stabbiliti kemm fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll f’dawk mhux parteċipanti għandhom ikunu ċari, u l-ebda Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri ma għandu jkun diskriminat, direttament jew indirettament, bħala post għas-servizzi finanzjarji.”

8        Ir-Regolament Nru 806/2014, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1, għandu l-għan li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet iddefiniti fl-Artikolu 2 li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, jiġifieri, l-banek li l-awtorità superviżorja tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini hija l-BĊE jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro li stabbilixxew kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1024/2013 (ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 806/2014).

9        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li dawn ir-regoli uniformi u din il-proċedura uniformi għandhom jiġu applikati mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), stabbilit mill-Artikolu 42 ta’ dan l-istess regolament, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, fil-kuntest tas-SRM maħluq minn dan l-istess regolament. Huwa wkoll previst li s-SRM ser jiddependi fuq Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF).

10      Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiddeċiedi dwar miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni finanzjarja stabbilita fi Stat Membru parteċipanti meta jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1) tal-istess regolament.

11      L-ewwel kundizzjoni teħtieġ li l-falliment tal-entità jkun seħħ jew x’aktarx ser iseħħ. L-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandha titwettaq mill-BĊE, wara konsultazzjoni mas-SRB, jew mis-SRB, u għandha titqies bħala ssodisfatta jekk l-entità tkun f’waħda jew iktar mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014.

12      It-tieni kundizzjoni tassumi li ma teżisti ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tal-entità fi żmien raġonevoli.

13      It-tielet kundizzjoni timplika li miżura ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa fl-interess pubbliku, jiġifieri li din hija neċessarja sabiex jintlaħaq għan wieħed jew iktar tar-riżoluzzjoni, filwaqt li likwidazzjoni tal-entità fi proċedimenti normali ta’ insolvenza ma tippermettix dan bl-istess mod.

14      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni bħala dawn li ġejjin: li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ funzjonijiet kritiċi; li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju; li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; li jiġu protetti d-depożitanti kif ukoll l-investituri u li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

15      L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li, qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel żvalutazzjoni jew li jikkonverti strumenti ta’ fondi proprji rilevanti, is-SRB għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità kkonċernata minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, u mill-entità kkonċernata.

16      Skont l-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji.

17      Meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni.

18      Meta jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-miżura ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont ċerti prinċipji elenkati fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 806/2014, u fosthom hemm il-prinċipju li l-azzjonisti tal-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni huma l-ewwel li jġarrbu t-telf kif ukoll il-prinċipju li l-ebda kreditur ma huwa ser iġarrab telf li huwa ikbar milli kien iġarrab kieku l-entità suġġetta għall-miżura ta’ riżoluzzjoni kellha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

19      Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB għandu jiddetermina l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jelenka d-diversi għodod ta’ riżoluzzjoni disponibbli, jiġifieri l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, ir-rikors għal istituzzjoni tranżitorja, u s-separazzjoni tal-assi u ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

20      Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jista’ wkoll jeżerċita s-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità kkonċernata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni tista’ tinvolvi wkoll l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew ir-rikors għas-SRF.

21      Skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, immedjatament wara l-adozzjoni tiegħu, is-SRB għandu jittrażmetti l-iskema ta’ riżoluzzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew toġġezzjona fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha, minbarra dawk previsti fit-tielet subparagrafu, jiġifieri l-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku jew bidla sinjifikattiv fl-ammont tas-SRF. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar aspetti diskrezzjonali, fi żmien tnax-il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema tar-riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill sabiex joħroġ oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB peress li ma tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku jew li japprova jew jirrifjuta bidla sinjifikattiva fl-ammont tas-SRF previst fl-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB. L-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien erba’ u għoxrin siegħa wara t-trażmissjoni tagħha mis-SRB.

22      L-Artikolu 18(9) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li s-SRB għandu jiżgura li jiġu adottati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni meħtieġa sabiex tiġi applikata l-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali rilevanti. Dawn tal-aħħar huma d-destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tatihom istruzzjoni sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jimplimentawha b’konformità mal-Artikolu 29 tal-isetess regolament, billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni.

23      Wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li ssir valutazzjoni minn persuna indipendenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet għaddiet minn proċedimenti normali ta’ insolvenza. Din il-valutazzjoni tista’ twassal, skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014, għal kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk ikunu ġarrbu iktar telf fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kieku kienu jġarrbu fi stralċ skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

24      Ir-rikorrenti, Antonio Del Valle Ruíz u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi l-oħra elenkati fl-Anness, kienu azzjonisti jew kellhom obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

 Fuq is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

25      Il-grupp Banco Popular, li l-kumpannija omm tiegħu kienet Banco Popular, fid-data tar-riżoluzzjoni, kien is-sitt grupp bankarju Spanjol.

26      Fl-2016, Banco Popular żied il-kapital ta’ b’EUR 2.5 biljun.

27      Fil-5 ta’ Diċembru 2016, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp Banco Popular (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016”). L-għodda ta’ riżoluzzjoni ppreferuta fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 kienet l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014.

28      Fit-3 ta’ Frar 2017, Banco Popular ippubblika r-rapport annwali tiegħu tal-2016, li fih ħabbar il-ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li jwasslu għal telf ikkonsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid.

29      Fl-10 ta’ Frar 2017, DBRS Ratings Limited (DBRS) (li saret DBRS Morningstar) baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular, bi prospetti negattivi, fid-dawl tal-pożizzjoni mdgħajfa tal-kapital ta’ Banco Popular bħala riżultat ta’ telf nett ikbar minn dak previst fir-rapport annwali tiegħu, imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-isforzi minn Banco Popular sabiex inaqqas l-istokk tiegħu li kien għadu għoli ta’ assi li ma jrendux.

30      Fit-3 ta’ April 2017, Banco Popular ħabbar ir-riżultati tal-awditi interni li jindikaw li jistgħu jkunu meħtieġa korrezzjonijiet għar-rapport annwali tal-2016. Dawn l-aġġustamenti twettqu fir-rapport finanzjarju ta’ Banco Popular għall-ewwel tliet xhur tal-2017.

31      Fl-10 ta’ April 2017, fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Banco Popular, il-President tal-Bord tad-Diretturi ħabbar li l-bank kien qiegħed jikkunsidra jew żieda fil-kapital, jew tranżazzjoni ta’ negozju minħabba s-sitwazzjoni tal-grupp f’termini ta’ fondi proprji u l-livell tiegħu ta’ assi li ma jrendux. Il-President-Direttur Ġenerali ta’ Banco Popular ġie sostitwit inqas minn sena wara li beda l-mandat tiegħu.

32      Wara t-tħabbira tat-3 ta’ April 2017 dwar il-ħtieġa li jiġu aġġustati r-riżultati finanzjarji tal-2016, DBRS, fis-6 ta’ April, baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular filwaqt li żammet il-perspettiva negattiva tagħha. Standard & Poor’s, fis-7 ta’ April, u Moody’s Investors service (iktar ’il quddiem “Moody’s”), fil-21 ta’ April 2017, ukoll baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular b’perspettiva negattiva.

33      F’April 2017, Banco Popular beda proċedura ta’ bejgħ privat bil-għan li jinbiegħ lil kompetitur b’saħħtu, li kellu jwassal sabiex jirrestawra s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Id-data ta’ skadenza għall-akkwirenti potenzjali interessati fl-akkwist ta’ Banco Popular sabiex jissottomettu l-offerta tagħhom kienet l-10 ta’ Ġunju 2017, u sussegwentement ġiet estiża sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2017.

34      Fil-5 ta’ Mejju 2017, Banco Popular ippreżenta r-rapport finanzjarju tiegħu għall-ewwel tliet xhur tal-2017, fejn ħabbar it-telf fl-ammont ta’ EUR 137 miljun.

35      Fit-12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità (Liquidity Coverage Requirement) ta’ Banco Popular waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit fl-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1).

36      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2017, Banco Santander, SA infurmat lil Banco Popular li ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta offerta definittiva fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

37      Fis-16 ta’ Mejju 2017, Banco Popular, f’komunikazzjoni ta’ fatt rilevanti għall-Comisión nacional del mercado de valores (CNMV, Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), iddikjarat li akkwirenti potenzjali kienu esprimew l-interess tagħhom fil-proċedura ta’ bejgħ privat, iżda li ma kienet ġiet riċevuta l-ebda offerta definittiva.

38      Fid-19 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija FITCH baxxiet il-klassifikazzjoni fit-tul ta’ Banco Popular.

39      Fit-23 ta’ Mejju 2017, il-Presidenta tas-SRB, Elke König, tat intervista lill-istazzjon televiżiv Bloomberg, li matulha ġiet mistoqsija, b’mod partikolari, dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular.

40      Matul ix-xahar ta’ Mejju 2017, diversi artikli mill-istampa rrappurtaw id-diffikultajiet ta’ Banco Popular. Pereżempju, għandu jissemma artiklu tal-11 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, intitolat “Saracho jordna l-bejgħ urġenti ta’ Popular lil JP Morgan u Lazard minħabba r-riskju ta’ falliment” (Saracho encarga la venta urgente del Popular a JP Morgan y Lazard por riesgo de quiebra). F’dan l-artikolu, huwa ddikjarat li l-President tal-bank kien ikkummissjona lil JP Morgan u Lazard sabiex jorganizzaw il-bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju ta’ falliment, dovut għall-ħarba massiva ta’ depożiti minn klijenti individwali u istituzzjonali u li kien iqis li l-uniku mod sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-bank kien il-bejgħ sħiħ u imminenti tal-grupp kollu. L-artiklu jgħid li, “minħabba l-persistenza tal-ħruġ ta’ depożiti u l-għeluq ta’ sorsi esterni ta’ finanzjament, il-bank huwa f’riskju serju ta’ falliment, u li [il-President tiegħu] għalhekk kien kostrett jattiva l-iktar miżura drastika u li progessivament jastjeni milli jbiegħ l-assi tiegħu sabiex itejjeb il-proporzjonijiet tal-fondi proprji u jissodisfa r-rekwiżiti tal-BĊE”.

41      Fil-15 ta’ Mejju 2017, artiklu ppubblikat fuq is-sit tal-internet elconfidencial.com, bit-titolu “Il-BĊE jispezzjona lil Banco Popular għal xahrejn f’nofs il-proċess sħiħ tal-bejgħ” (El BCE inspecciona a Banco Popular durante dos meses en pleno proceso de venta), jirrapporta li l-pjan tal-bejgħ ta’ Banco Popular, implimentat mill-President tiegħu, sar wara l-ispezzjoni tal-BĊE, li kien ikkonferma d-defiċit ta’ provvedimenti. Skont dan l-artiklu, l-ispetturi tal-BĊE kienu kkonkludew li d-diffikultajiet ta’ Banco Popular huma marbuta mad-defiċit ta’ provvedimenti tiegħu sabiex ikopri l-espożizzjoni immobbli tiegħu, u li kien meħtieġ li jiġi evitat il-ħruġ okkażjonali ta’ depożiti. Dawn l-ispetturi esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-2016.

42      Fil-31 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija Reuters ippubblikat artiklu bit-titolu “L-UE, imwissija bir-riskju ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular” (EU warned of wind-down risk for Spain’s Banco Popular). B’mod partikolari dan l-artiklu jsemmi li, skont uffiċjal għoli tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular kien jista’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jkunx jista’ jsib akkwirent. Skont dan l-artiklu, dan l-uffiċjal indika wkoll li l-Presidenta tas-SRB kienet reċentement ħarġet “twissija bikrija,” u ddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (ta’ Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli.

43      Fl-istess jum, is-SRB ippubblika stqarrija għall-istampa intiża sabiex tikkontesta l-kontenut ta’ dan l-artiklu.

44      Fl-ewwel jiem ta’ Ġunju tal-2017, Banco Popular affaċċja ġbid massiv ta’ likwidità.

45      Fil-5 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular ippreżenta, filgħodu, l-ewwel talba għall-għoti urġenti ta’ likwidità lil Banco de España (il-Bank ta’ Spanja), sussegwentement, it-tieni talba, waranofsinhar, li kien fiha estensjoni tal-ammont mitlub, minħabba movimenti kbar ta’ likwidità. Fuq il-bażi ta’ talba mill-Bank ta’ Spanja u wara l-evalwazzjoni tal-BĊE fl-istess jum tat-talba ta’ Banco Popular għall-għoti urġenti ta’ likwidità, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma qajjem l-ebda oġġezzjoni għall-għoti urġenti ta’ likwidità lil Banco Popular għall-perijodu sat-8 ta’ Ġunju 2017. Banco Popular irċieva parti minn dan l-għoti urġenti ta’ likwidità, u sussegwentement il-Bank ta’ Spanja indika li ma kienx f’pożizzjoni jipprovdi għoti urġenti ta’ likwidità supplementari lil Banco Popular.

46      Fis-6 ta’ Ġunju 2017, DBRS u Moody’s baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular.

 Fuq fatti oħra qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

47      Fit-23 ta’ Mejju 2017, is-SRB inkariga lil Deloitte, bħala espert indipendenti, sabiex twettaq il-valutazzjoni ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014.

48      Fl-24 ta’ Mejju 2017, is-SRB talab mingħand Banco Popular, abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 806/2014, l-informazzjoni meħtieġa bil-ħsieb li titwettaq il-valutazzjoni tiegħu. Fit-2 ta’ Ġunju 2017, huwa talab ukoll lil Banco Popular sabiex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess tal-bejgħ privat u sabiex jipprovdi aċċess għall-kamra virtwali sikura tad-data li dan tal-aħħar kien stabbilixxa fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

49      Fit-3 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/06, indirizzata lill-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ ristrutturazzjoni ordnata tal-istituzzjonijiet bankarji, Spanja), dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ Banco Popular. Is-SRB approva l-bidu immedjat tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular mill-FROB u indika lil dan tal-aħħar ir-rekwiżiti tal-bejgħ skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Is-SRB indika b’mod partikolari li l-FROB kellu jikkuntattja lill-ħames akkwirenti potenzjali li kienu mistiedna jissottomettu offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

50      Fost il-ħames akkwirenti potenzjali, tnejn iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ bejgħ u wieħed ġie eskluż mill-BĊE għal raġunijiet prudenzjali.

51      Fl-4 ta’ Ġunju 2017, iż-żewġ akkwirenti potenzjali li kienu ddeċidew li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ, Banco Santander u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA (BBVA), iffirmaw ftehim ta’ nuqqas ta’ żvelar u, fil-5 ta’ Ġunju 2017, kellhom aċċess għall-kamra virtwali tad-data.

52      Fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 1”) skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

53      Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq valutazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta lis-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

54      F’din il-valutazzjoni, il-BĊE indika li, matul ix-xhur preċedenti, Banco Popular kien ġarrab deterjorament sinjifikattiv fis-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu dovut prinċipalment għal eżawriment sinjifikattiv tal-bażi tad-depożiti tiegħu. Banco Popular esperjenza ħruġ sinjifikanti ta’ flus fis-segmenti kollha tal-klijentela tiegħu. Il-BĊE elenka l-avvenimenti li wasslu għall-problemi ta’ likwidità li kellu jaffaċċja Banco Popular.

55      F’dan ir-rigward, huwa rrileva li, fi Frar tal-2017, matul il-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tagħha, Banco Popular kien żvela ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li wasslu għal telf ta’ EUR 3.485 biljun fl-2016, kif ukoll is-sostituzzjoni tal-President tiegħu li kien ilu f’din il-kariga għal żmien twil, li wettaq reviżjoni tal-istrateġija tal-bank. It-tħabbira ta’ provvedimenti addizzjonali u ta’ telf fi tmiem is-sena finanzjarja kienet wasslet għal tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn DBRS fl-10 ta’ Frar 2017 u kienet qajmet tħassib serju min-naħa tal-klijenti ta’ Banco Popular, li rriżulta fi ġbid kbir u mhux mistenni ta’ depożiti u fi frekwenza għolja ta’ żjarat tal-klijenti fil-fergħat tal-banek.

56      Il-BĊE ddikjara wkoll li l-pubblikazzjoni minn Banco Popular, fit-3 ta’ April 2017, ta’ dikjarazzjoni pubblika ad hoc li tħabbar l-eżitu ta’ diversi awditi interni li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-istati finanzjarji tal-istituzzjoni, kif ukoll il-konferma li l-President-Direttur Ġenerali tal-istituzzjoni kien ser jiġi ssostitwit inqas minn sena wara d-dħul fil-kariga tiegħu, kienu wasslu għal mewġa oħra ta’ ġbid ta’ depożiti. Il-BĊE rrileva li din il-mewġa ta’ ġbid ta’ depożiti kienet ukoll xprunata minn:

–        tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Standard & Poor’s fis-7 ta’ April 2017;

–        it-tħabbira minn Banco Popular, fl-10 ta’ April 2017, li ma kinitx ser tħallas dividendi u li żieda fil-kapital jew tranżazzjoni korporattiva tista’ tkun meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni ristretta fil-kapital tagħha u l-allinjament meħtieġ fuq il-pari tagħha tal-kopertura ta’ assi li ma jrendux;

–        tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Moody’s fil-21 ta’ April 2017;

–        l-iżvelar tar-riżultati tal-ewwel tliet xhur tal-2017 li kienu agħar minn dawk previsti;

–        il-kopertura negattiva u kontinwa tal-media, bħall-artikli tal-11 u tal-15 ta’ Mejju 2017 imsemmija fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, jissuġġerixxu li l-President ta’ Banco Popular kien ordna bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju imminenti ta’ falliment jew nuqqas ta’ likwidità, u li l-bank kellu jaffaċċja ħtieġa addizzjonali sinjifikattiva għal provvedimenti li jirriżultaw minn spezzjoni fuq il-post mis-superviżur.

57      Il-BĊE kkonstata wkoll li d-depożiti li ntilfu mill-31 ta’ Mejju 2017 kienu partikolarment rilevanti, wara l-iżvelar fil-media li l-bank seta’ jiġi stralċjat jekk il-proċess ta’ bejgħ kurrenti ma jirnexxix fi żmien qasir ħafna.

58      Barra minn hekk, il-BĊE rrileva li, għalkemm Banco Popular kien żviluppa diversi miżuri li jiġġeneraw likwidità addizzjonali fil-ġimgħat preċedenti u beda jimplimentahom, id-daqs tal-influssi mwettqa u li kienu għadhom mistennija ma kienx biżżejjed sabiex jirrimedja l-eżawriment tal-pożizzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular fid-data tal-valutazzjoni. Huwa indika wkoll li, anki bl-użu tal-provvista urġenti ta’ likwidità li għaliha l-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma kienx qajjem oġġezzjonijiet fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-sitwazzjoni tal-likwidità f’dik id-data ma kinitx biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ Banco Popular li tissodisfa l-impenji tiegħu sa mhux iktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2017.

59      Il-BĊE qies li l-miżuri diġà adottati minn Banco Popular ma kinux suffiċjentement effettivi sabiex ireġġgħu lura d-deterjorament tal-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu. Il-Kummissjoni tinnota li, bħala miżura alternattiva sabiex jiżgura l-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-impenji tiegħu li kienu waslu biex jimmaturaw, il-Banco Popular kien qiegħed jipprova jimplimenta tranżazzjoni ta’ negozju, jiġifieri l-bejgħ tiegħu lil kompetitur iktar b’saħħtu. Madankollu, il-BĊE qies li, fid-dawl tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular, l-assenza ta’ prova tal-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jreġġa’ lura s-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu fil-futur qrib u tal-fatt li n-negozjati sa dak iż-żmien ma wasslux għal riżultat pożittiv, il-konferma ta’ tranżazzjoni privata bħal din ma kinitx prevedibbli f’terminu ta’ żmien li kien jippermetti lil Banco Popular li jkun jista’ jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

60      Il-BĊE kkonstata li, fl-istess ħin, ma kienet teżisti l-ebda miżura ta’ sorveljanza jew ta’ intervent bikri disponibbli li tippermetti li tiġi rrestawrata b’mod immedjat is-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular u li tiżguralu żmien biżżejjed sabiex jimplimenta tranżazzjoni kummerċjali jew soluzzjoni oħra. Il-miżuri għad-dispożizzjoni tal-BĊE bħala awtorità kompetenti, bis-saħħa tat-traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338), u l-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 jew l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, ma setgħux jiżguraw li Banco Popular ikun f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, minħabba l-portata u r-ritmu tad-deterjorament fil-likwidità osservata.

61      Bħala konklużjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, qies li kien hemm elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni, fil-futur qarib, li jħallas id-djun tiegħu jew l-impenji l-oħra tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li x’aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

62      Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

63      Fl-istess jum, il-FROB adotta ittra li tinkludi l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ bejgħ u li tiffissa t-termini għas-sottomissjoni tal-offerti f’nofsillejl tas-6 ta’ Ġunju 2017.

64      Fl-istess jum, il-BBVA, wieħed miż-żewġ akkwirenti potenzjali ta’ Banco Popular, infurmat lill-FROB li ma kienx ser jagħmel offerta.

65      Ukoll fis-6 ta’ Ġunju 2017, Deloitte bagħtet lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), redatta skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat. B’mod partikolari, din il-valutazzjoni stmat il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fl-ammont ta’ EUR 1.3 biljun fl-aħjar xenarju, tal-anqas EUR 8.2 biljun fl-agħar xenarju possibbli, u tal-anqas EUR 2 biljun fl-aħjar stima.

66      Fis-7 ta’ Ġunju 2017, Banco Santander issottometta offerta definittiva.

67      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2017, il-FROB informa lis-SRB li Banco Santander kien issottometta offerta fis-7 ta’ Ġunju fit-3:12 a.m., u li l-prezz offrut minn Banco Santander għall-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular kien ta’ EUR 1. Il-FROB iddikjara li l-bord ta’ tmexxija tiegħu għażel lil Banco Santander bħala l-offerent rebbieħ fil-proċedura ta’ bejgħ kompetittiv ta’ Banco Popular u ddeċieda li jipproponi lis-SRB li jaħtar lil Banco Santander bħala l-akkwirent fid-deċiżjoni tas-SRB dwar l-adozzjoni ta’ dispożittiv ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular.

 Fuq l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tas-7 ta’ Ġunju 2017

68      Fis-7 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 dwar skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular abbażi (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”), abbażi tar-Regolament Nru 806/2014.

69      Skont l-Artikolu 1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, billi kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti, iddeċieda li jissottometti lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni mid-data tar-riżoluzzjoni.

70      Għalhekk, is-SRB qies, fl-ewwel lok, li Banco Popular kien qiegħed f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u, fit-tielet lok, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ għodda ta’ bejgħ ta’ operat ta’ Banco Popular kienet neċessarja fl-interess pubbliku. F’dan ir-rigward, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħqu żewġ għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-bank u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja.

71      Fl-Artikolu 5.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda kif ġej:

“L-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata għal Banco Popular se jikkonsisti f’bejgħ ta’ operat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 bit-trasferiment tal-azzjonijiet lil akkwirent. L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ser jitwettqu immedjatament qabel l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat.”

72      L-Artikolu 6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jikkonċerna l-iżvalutazzjoni tal-fondi proprji u l-għodda tal-bejgħ ta’ operat. Fl-Artikolu 6.1, is-SRB indika l-miżuri li kien adotta b’applikazzjoni tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014.

73      Għalhekk, fl-Artikolu 6.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda:

–        qabelxejn, li jiżvaluta l-ammont nominali tal-kapital azzjonarju [ta’] Banco Popular bl-ammont ta’ EUR 2 098 429 046, fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular;

–        sussegwentement, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda I”;

–        sussegwentement, li jiżvaluta għal żero l-valur nominali tal-“azzjonijiet ġodda I” fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % ta’ dawn l-“azzjonijiet ġodda I”;

–        fl-aħħar, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda II”.

74      L-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jipprovdi li dawn il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni huma bbażati fuq il-valutazzjoni 2, ikkorroborati mir-riżultati ta’ proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-FROB.

75      Fl-Artikolu 6.5 tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li huwa kien qiegħed jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ bejgħ ta’ operat u li kien qiegħed jordna li l-“azzjonijiet ġodda II” jiġu ttrasferiti lil Banco Santander, liberi u mingħajr ebda dritt jew privileġġ favur terz, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 1. Ġie ppreċiżat li l-akkwirent kien diġà ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment.

76      Is-SRB indika wkoll li t-trasferiment tal-“azzjonijiet ġodda II” kellu jsir abbażi tal-offerta vinkolanti tal-akkwirent tas-7 ta’ Ġunju 2017 u kellu jiġi implimentat mill-FROB b’applikazzjoni tal-Ley 11/2015 de recuperación y resolución de entidades de credito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tas-servizzi ta’ investiment) tat-18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146, tad-19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797).

77      L-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni fis-7 ta’ Ġunju 2017 fil-5:13 a.m.

78      Fis-7 ta’ Ġunju 2017 fis-6:30 a.m., il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular (ĠU 2017, L 178, p. 15), u nnotifikatha lis-SRB. Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni daħal fis-seħħ fl-istess ġurnata.

79      Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246 jirriżulta dan li ġej:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.”

80      Fl-istess jum, il-FROB adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 806/2014. F’dan il-kuntest, il-FROB ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-azzjonijiet ġodda ta’ Banco Popular li rriżultaw mill-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprjii tal-kategorija 2 (l-“azzjonijiet ġodda II”) lil Banco Santander.

 Fuq il-fatti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni

81      Fl-14 ta’ Ġunju 2018, Deloitte bagħtet lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-Banco Popular kien ġie suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”). Fil-31 ta’ Lulju 2018, Deloitte bagħtet addendum lis-SRB għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali.

82      Fit-28 ta’ Settembru 2018, wara fużjoni permezz ta’ akkwiżizzjoni, Banco Santander sar is-suċċessur b’titolu universali ta’ Banco Popular.

83      Fis-17 ta’ Marzu 2020, is-SRB adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk kellux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl-20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2). F’din id-deċiżjoni, is-SRB qies li l-azzjonisti u l-kredituri li kienu ġew affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma kellhomx id-dritt għal kumpens għad-danni mis-SRF skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

84      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

85      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fil-31 ta’ Ottubru 2017, is-SRB talab lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex tordna miżuri istruttorji dwar il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti msemmija fl-anness. B’deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax din it-talba għal miżuri istruttorji f’dan l-istadju tal-proċedura.

86      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-6 u fil-21 ta’ Novembru u fil-5 u fit-13 ta’ Diċembru 2017 rispettivament, il-Kunsill, ir-Renju ta’ Spanja u l-Parlament Ewropew talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tas-SRB. Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ April 2019, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ppermetta l-intervent ta’ Banco Santander u, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ April 2019, ippermetta l-interventi tal-Kunsill, tar-Renju ta’ Spanja u tal-Parlament. Ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament, il-Kunsill u Banco Santander ressqu s-sottomissjonijiet tagħhom u r-rikorrenti u s-SRB ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwarhom fit-termini stabbiliti.

87      Fit-13 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lis-SRB jiddepożita l-aħħar verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 2, ippubblikati fuq is-sit internet tiegħu. Is-SRB ippreżenta d-dokumenti fit-terminu stabbilit.

88      Fis-6 ta’ Lulju 2018, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Ir-rikorrenti u s-SRB wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

89      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni u lis-SRB, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fuq il-bażi tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, li jipproduċu għadd ta’ dokumenti elenkati fl-anness għat-talba. Il-Kummissjoni u s-SRB ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba fit-terminu stabbilit.

90      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat it-Tielet Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

91      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament u l-Kunsill ressqu osservazzjonijiet dwar din il-prova ġdida fil-limitu taż-żmien stabbilit.

92      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

93      Fil-15 ta’ Marzu 2021, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni u lis-SRB sabiex jipproduċu diversi dokumenti. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2021, is-SRB wieġeb li d-dokumenti mitluba kienu parzjalment kunfidenzjali u setgħu jiġu prodotti jekk il-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni wieġbet li ma kellhiex id-dokument mitlub u għalhekk ma setgħetx tipproduċih.

94      Fil-15 ta’ April 2021, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lis-SRB sabiex jipproduċi dokument. Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2021, is-SRB indika li d-dokument mitlub kien parzjalment kunfidenzjali u seta’ jiġi prodott jekk il-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja.

95      B’digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB, fuq il-bażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(3), kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli ta’ Proċedura, sabiex jipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2, tal-evalwazzjoni tal-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, tal-ittra mill-Banco Popular lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, inkluż l-anness tagħha, u tal-ittra mill-BĊE lil Banco Popular tat-18 ta’ Mejju 2017. Il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB jipproduċi wkoll il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-ittra ta’ Banco Popular lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, inkluż l-anness tagħha, u tal-ittra tal-BĊE lil Banco Popular tat-18 ta’ Mejju 2017.

96      B’digriet tas-16 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali sfilzat mill-fajl il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mis-SRB skont id-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021 u bagħtet lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni, lir-Renju ta’ Spanja, lill-Parlament, lill-Kunsill, u lil Banco Santander l-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2017 minn Banco Popular lill-BĊE mingħajr l-anness tagħha.

97      Minħabba impediment ta’ żewġ membri tat-Tielet Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompleta l-awla.

98      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2021.

99      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-iskema ta’ riżoluzzjoni u d-Deċiżjoni 2017/1246 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);

–        tikkundanna lis-SRB u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

100    Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

101    Banco Santander, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

102    Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors sa fejn dan huwa bbażat fuq l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

103    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser id-dritt għal smigħ u d-dritt għal rimedju effettiv sanċiti fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens li l-Artikoli 18 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru l-prinċipji ta’ delega tas-setgħa.

104    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-limitu tal-kontroll eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), sabiex isostnu li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita kontroll sħiħ u, b’mod partikolari, li tivverifika l-preċiżjoni materjali tal-fatti allegati fid-dawl tal-informazzjoni u l-provi rilevanti u li tivvaluta l-valur probatorju tagħhom fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-osservazzjonijiet imressqa mill-persuna kkonċernata. Dan ir-rekwiżit għandu jissaħħaħ fejn, bħal fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ma nstemgħux matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

105    Is-SRB isostni li l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali hija dik adottata mill-ġurisprudenza applikabbli għal att legali bbażat fuq dispożizzjonijiet li jagħtu setgħa diskrezzjonali lill-awtorità kkonċernata u relatati ma’ kwistjonijiet ekonomiċi u partikolarment tekniċi.

106    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi vverifikat li l-ġurisprudenza ddemarkat il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kemm f’sitwazzjonijiet fejn l-att ikkontestat huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ħafna kif ukoll f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

107    Minn naħa, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’tali kuntest, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika għal dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, T‑93/10, EU:T:2013:106, il-punt 76; ara, ukoll, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l‑evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni, dan huwa stħarriġ limitat li neċessarjament jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, għalhekk il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 34); tal-10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Jannar 2020, Iberpotash vs Il-Kummissjoni, T‑257/18, EU:T:2020:1, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Peress li d-deċiżjonijiet li s-SRB huwa meħtieġ li jadotta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 107 u 108 iktar ’il fuq japplikaw għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba li teżerċita.

110    Madankollu, għalkemm huwa rrikonoxxut li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa mis-SRB, ta’ data ta’ natura ekonomika li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każ ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi stabbilit li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex irendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa f’din l-iskema (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il-Kunsill, C‑223/17 P, mhux ippubblikati, EU:C:2018:442, punt 39; tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, T‑167/13, EU:T:2018:940, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma fl-ewwel u fid-disa’ motiv, u sussegwentement, it-tieni, it-tielet, is-seba’ u t-tmien motiv.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser id-dritt għal smigħ u d-dritt għal rimedju effettiv sanċiti fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità

113    Ir-rikorrenti jqajmu l-illegalità tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, fuq il-bażi tal-Artikolu 277 TFUE. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati fuq il-fatt li l-proċedura prevista f’dan l-artikolu tikser, fl-ewwel lok, id-dritt għal smigħ sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, fit-tieni lok, id-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta u, fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

114    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiggarantixxi li kull parti jkollha d-dritt li tikkontesta, bil-ħsieb li tikseb l-annullament ta’ att li jikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li tagħhom hija b’hekk tbati l-konsegwenzi mingħajr ma kellha l-possibbiltà li titlob l-annullament tagħhom (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, BP vs FRA, C‑601/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1048, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Peress li l-Artikolu 277 TFUE ma huwiex intiż li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Għalhekk, fl-okkażjoni ta’ rikors għal annullament imressaq kontra deċiżjonijiet individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi għal deċiżjonijiet bħal dawn jew li jżommu rabta legali diretta ma’ dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu suġġetti b’mod validu għal eċċezzjoni ta’ illegalità. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija inammissibbli eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra att ta’ portata ġenerali li d-deċiżjoni individwali tiegħu ma tikkostitwixxix miżura ta’ applikazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u l-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser id-dritt għal smigħ

117    Ir-rikorrenti jsostnu li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma tirrispettax id-dritt għal smigħ sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, billi ma tipprovdix għall-possibbiltà għall-azzjonisti u l-kredituri tal-entità, li d-drittijiet tagħhom ġew affettwati, li jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel ma tiġi adottata r-riżoluzzjoni.

118    Is-SRB u l-Parlament isostnu li, fil-każ li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni għandhom id-dritt li jinstemgħu sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, dan id-dritt huwa rrikonoxxut anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita fir-Regolament Nru 806/2014. In-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 li tipprovdi għal smigħ tal-azzjonisti ma jirriżultax fl-illegalità ta’ dak ir-regolament, sa fejn l-ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi tali smigħ.

119    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kontrihom miżura individwali li tolqothom b’mod sfavorevoli.

120    Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi speċifikat li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż b’mod partikolari li jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-importanza tad-dritt għal smigħ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika fil-proċeduri kollha li x’aktarx iwasslu għal att li jikkawża preġudizzju. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat anki meta r-regoli applikabbli ma jipprovdux espressament għal tali formalità (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 85 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il-Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Peress li, fid-dawl tan-natura tiegħu ta’ prinċipju fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża ma tista la tiġi eskluża u lanqas tiġi limitata minn dispożizzjoni leġiżlattiva u l-osservanza tiegħu għandha għaldaqstant tiġi żgurata kemm fl-assenza totali ta’ leġiżlazzjoni speċifika kif ukoll meta jkun hemm leġiżlazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni hi stess l-imsemmi prinċipju (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ, inkwantu prinċipju u dritt fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa wiesa’ meta l-amministrazzjoni jkollha l-ħsieb li tadotta att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri att li jista’ jaffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tal-individwu jew tal-Istat Membru kkonċernat, peress li l-applikazzjoni tiegħu ma tiddependix mill-eżistenza ta’ regola espressa għal dan il-għan prevista mid-dritt sekondarju (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 64).

124    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont il-premessa 121, ir-Regolament Nru 806/2014 jirrispetta d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, inklużi d-drittijiet tad-difiża, u għandhom jiġu implimentati skont dawn id-drittijiet u dawn il-prinċipji. Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament Nru 806/2014 ma teskludi jew tirrestrinġi b’mod espliċitu d-dritt għal smigħ tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

125    Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, l-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 li tipprovdi għal smigħ tal-azzjonisti tal-entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma tistax tiġi interpretata bħala ċaħda assoluta tad-dritt għal smigħ fi kwalunkwe ċirkustanza, li jkun jikser il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt. Ir-rikorrenti jargumentaw b’mod żbaljat li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jippermetti li jiġi eskluż id-dritt għal smigħ fil-każijiet kollha, u mhux biss f’każijiet ta’ urġenza.

126    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat, bħalma jagħmlu l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, li miżura ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB fi tmiem il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 għandha bħala l-għan tagħha r-riżoluzzjoni ta’ entità. L-entità suġġetta għar-riżoluzzjoni għandha titqies bħala l-persuna li fir-rigward tagħha tiġi adottata miżura individwali u li fir-rigward tagħha d-dritt għas-smigħ huwa ggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

127    Għalhekk, għandu jitqies il-fatt li l-azzjonisti u l-kredituri ta’ din l-entità ma humiex destinatarji ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, li ma hijiex deċiżjoni individwali meħuda kontrihom.

128    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB jista’ jeżerċita s-setgħa li jevalwa b’mod negattiv jew li jikkonverti l-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità koperta minn miżura ta’ riżoluzzjoni billi jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 ta’ dak ir-regolament.

129    Għalhekk, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tar-regolament, anki jekk ma tikkostitwixxix proċedura individwali miftuħa kontra l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata, tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom.

130    Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 121 iktar ’il fuq, adottat interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal smigħ bħala ggarantit lil kwalunkwe persuna matul il-proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-azzjonisti ta’ stabbiliment suġġett għal miżura ta’ riżoluzzjoni jistgħu jipprevalixxu ruħhom mid-dritt għal smigħ fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

131    Madankollu, l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta li skontha:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

132    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-assenza, fir-Regolament Nru 806/2014, ta’ dispożizzjoni li tipprovdi b’mod espliċitu għal smigħ tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 18 ta’ dak ir-regolament tikkostitwixxix limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ li huwa konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

133    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jikkostitwixxux prerogattiva assoluta, iżda jistgħu jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Prequ’Italia, C‑276/16, EU:C:2017:1010, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    F’dan ir-rigward, is-SRB, kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-azzjonisti hija ġġustifikata, minn naħa waħda, mill-għan intiż li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u, min-naħa l-oħra, min-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni, li għandhom jiġu adottati malajr.

135    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-premessi 12, 58 u 61, jindikaw li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji hija waħda mill-għanijiet segwiti mill-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni implimentati minn dak ir-regolament.

136    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja sabiex jintlaħaq, b’mezzi proporzjonati, ta’ għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, meta stralċ tal-entità skont proċedura normali ta’ insolvenza ma jippermettix dan sal-istess punt. Fost l-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 hemm, b’mod partikolari, dak li “jiġu evitati effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi tinżamm id-dixxiplina tas-suq” kif ukoll li “jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja”.

137    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-banek u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma sors essenzjali ta’ finanzjament għal impriżi attivi fid-diversi swieq. Barra minn hekk, il-banek ħafna drabi jkunu interkonnessi u wħud minnhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq livell internazzjonali. Huwa għalhekk li l-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jirriskja li jkollu effetti fi żmien qasir fuq il-banek l-oħra fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħra. Dan min-naħa tiegħu jirriskja li jipproduċi effetti sekondarji negattivi f’setturi oħra tal-ekonomija (sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 50; tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 72, u tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

138    Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-għan li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li tiġi evitata nefqa pubblika eċċessiva u li jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi interess pubbliku ogħla (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 69).

139    Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ikkunsidrat, fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799, punt 6), li f’oqsma ekonomikament sensittivi bħall-istabbiltà tas-sistema bankarja, l-Istati kellhom marġni diskrezzjonali wiesa’ u li, għalhekk, l-impossibbiltà ta’ azzjonist li jipparteċipa fil-proċedura li twassal għall-bejgħ tal-bank ma kinitx sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet leġittimi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-kredituri u l-preservazzjoni tal-amministrazzjoni xierqa tal-istat ta’ insolvenza tal-bank.

140    Jeħtieġ li tissemma wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et (C‑41/15, EU:C:2016:836), mogħtija fl-okkażjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru tal-1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens [tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8). Dik il-kawża kienet tikkonċerna miżura eċċezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali intiża sabiex jiġi evitat, permezz ta’ żieda fil-kapital, il-falliment ta’ kumpannija li, skont il-qorti tar-rinviju, kienet thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-protezzjoni li t-Tieni Direttiva 77/91 tagħti lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fir-rigward tal-kapital azzjonarju tagħha, ma tkoprix tali miżura nazzjonali adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil gravi tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u li tkun intiża li tilqa’ għal theddida sistematika għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li tirriżulta min-natura insuffiċjenti tal-fondi proprji tal-kumpannija kkonċernata (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 50). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li għaldaqstant id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva 77/91 ma jipprekludux miżura eċċezzjonali li tikkonċerna l-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw, f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru, mingħajr l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija u bil-għan li jiġi evitat riskju sistematiku u li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw, b’analoġija, għas-sitwazzjoni ta’ azzjonisti preċedenti ta’ bank li kien suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni skont ir-Regolament Nru 806/2014.

142    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li għan ieħor tar-riżoluzzjoni, imsemmi fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità koperta minn miżura ta’ riżoluzzjoni, jikkontribwixxi wkoll għall-għan ta’ interess ġenerali li tiġi protetta l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

143    Skont il-punt 35 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-funzjonijiet kritiċi ta’ istituzzjoni huma ddefiniti bħala “attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet li t-twaqqif tagħhom fi Stat Membru wieħed jew aktar, iwassal għal tħarbit tas-servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali jew għal tħarbit tal-istabbiltà finanzjarja minħabba d-daqs, is-sehem tas-suq, l-interkonnettività esterna u interna, il-kumplessità jew l-attivitajiet transfruntieri ta’ istituzzjoni jew grupp, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sostitwibbiltà ta’ dawk l-attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet”.

144    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/778 tat-2 ta’ Frar 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taċ-ċirkustanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista’ jkun parzjalment jew kompletament differit, u l-kriterji għad-determinazzjoni tal-attivitajiet, is-servizzi u l-operazzjonijiet fir-rigward ta’ funzjonijiet kritiċi, u għad-determinazzjoni tal-linji ta’ negozju u servizzi assoċjati fir-rigward tal-linji tan-negozju ewlenin (ĠU 2016, L 131, p 41), jipprevedi l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi. Din hija funzjoni li titwettaq minn istituzzjoni għal partijiet terzi li ma humiex affiljati mal-istituzzjoni jew mal-grupp u li t-tfixkil f’daqqa tagħhom x’aktarx ikollu impatt materjali negattiv fuq dawk il-partijiet terzi, li tkun kontaġġjuża jew iddgħajjef il-fiduċja ġenerali tal-parteċipanti fis-suq, minħabba l-importanza sistemika tal-funzjoni għal partijiet terzi u l-importanza sistemika tal-istituzzjoni jew grupp fl-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni.

145    L-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità kkonċernata minn miżura ta’ riżoluzzjoni, prevista fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa li tiġi evitata interruzzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet li tista’ tikkawża perturbazzjonijiet, mhux biss fis-suq ikkonċernat, iżda wkoll għall-istabbiltà finanzjarja ġenerali tal-Unjoni.

146    Għalhekk, miżura ta’ riżoluzzjoni, peress li għandha l-għan li tippreserva jew treġġa’ lura l-pożizzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, b’mod partikolari billi tikkostitwixxi alternattiva għall-istralċ tagħha, għandha titqies bħala li tissodisfa effettivament għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

147    Minn dan ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni, stabbilita bir-Regolament Nru 806/2014 u deskritta fl-Artikolu 18 tagħha għandha għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, fatt li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għad-dritt għal smigħ.

148    Fit-tieni lok, diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014 jimplikaw li, meta miżura ta’ riżoluzzjoni ssir neċessarja, din għandha tiġi adottata malajr. Dawn huma, b’mod partikolari, il-premessi 26, 31, 53 u, b’mod partikolari, il-premessa 56 ta’ dak ir-regolament, li tipprevedi li, sabiex jiġu limitati l-perturbazzjonijiet imġarrba mis-swieq finanzjarji u l-ekonomija, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni għandha titwettaq f’perijodu ta’ żmien qasir.

149    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-Regolament Nru 806/2014 għandu l-għan li jistabbilixxi, f’konformità mal-premessa 8 tiegħu, mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni iktar effikaċi, li għandhom jikkostitwixxu għodda essenzjali sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi dannużi tal-fallimenti tal-banek fil-passat, u li tali għan jippreżumi teħid ta’ deċiżjoni rapida, kif juru t-termini qosra previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, sabiex l-istabbiltà finanzjarja ma titpoġġiex f’periklu (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 55).

150    Għalhekk, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika b’mod partikolari li, meta l-BĊE jqis li entità tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huwa għandu jikkomunika l-evalwazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SRB mingħajr dewmien. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, meta s-SRB nnifsu jwettaq evalwazzjoni, din għandha tiġi kkkomunikata lill-BĊE mingħajr dewmien. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni, li, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħha. Il-Kummissjoni mbagħad għandha terminu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa sabiex tapprova skema ta’ riżoluzzjoni jew tqajjem oġġezzjonijiet.

151    Minn dan jirriżulta li, ladarba l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri, fl-ewwel lok, li tkun entità f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma teżisti l-ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tagħha fi żmien raġonevoli u, fit-tielet lok, li r-riżoluzzjoni tagħha hija meħtieġa sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, l-Artikolu 18 tal-istess regolament jipprovdi li deċiżjoni għandha tiġi adottata f’perijodu ta’ żmien qasir ħafna.

152    Dan it-teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet huwa maħsub, b’mod partikolari, sabiex jiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità kkonċernata u sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ falliment tal-entità fuq l-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, il-ħeffa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tikkostitwixxi kundizzjoni tal-effettività tagħha.

153    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-urġenza li titlob azzjoni immedjata mill-awtorità kompetenti kienet tiġġustifika limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-persuni kkonċernati minn miżuri adottati fil-qasam tar-responsabbiltà ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 67) u fil-qasam tal-agrikoltura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 76).

154    Barra minn hekk, fil-qasam tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-komunikazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, qabel din l-inklużjoni, hija ta’ natura li tipperikola l-effettività tal-miżuri għall-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi imposti mid-dritt tal-Unjoni. Sabiex jintlaħaq l-għan segwit mir-Regolament applikabbli, tali miżuri għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 338 sa 340; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61, u tat-12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il-Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 51).

155    Għal raġunijiet li jqisu wkoll l-għan segwit mid-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-miżuri previsti minnu, l-awtoritajiet tal-Unjoni lanqas ma kienu meħtieġa jipproċedu bis-smigħ tar-rikorrenti qabel l-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tagħhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 341, u tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il-Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 103).

156    Dan huwa iktar u iktar minnu f’każijiet fejn il-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ ma tikkonċernax l-entità suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni, iżda l-azzjonisti jew il-kredituri tagħha.

157    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799), il-Qorti EDB ikkonstatat li l-bejgħ tal-bank fallut bħala impriża operattiva sar sabiex tinkiseb l-adempjenza rapida u iktar ċerta tal-kredituri tagħha, li kienu ilhom jistennew snin sabiex jirċievu d-dejn dovut lilhom, u t-tlestija rapida tal-proċedura ta’ falliment. Għalhekk, il-ħtieġa għas-sempliċità u l-ħeffa fil-proċedura li wasslet għall-bejgħ tal-bank kienet ta’ importanza kbira. Kieku l-liġi kienet ipprovdiet li l-qorti tal-falliment kienet meħtieġa tikkonsulta mal-azzjonisti u l-kredituri kollha tal-bank, dan kien jikkawża tnaqqis sinjifikattiv fil-ħeffa tal-proċedura u, għalhekk, iktar dewmien fil-ħlas ta’ ammonti dovuti lill-kredituri u fit-tlestija tal-proċedura tal-falliment.

158    Fis-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2005:1124JUD004942999, il-punt 136), il-Qorti EDB ddeċidiet li, f’qasam ekonomikament sensittiv bħall-istabbiltà tas-sistema bankarja u f’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun hemm ħtieġa imperattiva li tittieħed azzjoni bl-ikbar diliġenza u mingħajr avviż minn qabel, sabiex tiġi evitata ħsara irreparabbli lill-bank, id-depożitanti tiegħu u kredituri oħra, jew lis-sistema bankarja u finanzjarja kollha kemm hi.

159    Barra minn hekk, il-fatt li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ twassal għal interferenza fid-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità kkonċernata ma jistax jiġġustifika obbligu li jingħataw dritt li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija skema.

160    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà enfasizzat, fil-punt 282 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et (T‑680/13, EU:T:2018:486), li l-proċeduri applikabbli għandhom joffru opportunità xierqa lill-persuna kkonċernata sabiex tressaq il-każ tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, li jikkostitwixxi rekwiżit inerenti għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), hemm lok li l-proċeduri applikabbli jiġu kkunsidrati mill-perspettiva ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 368 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il‑Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 119, u l-Qorti EDB, tal-20 ta’ Lulju 2004, Bäck vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2004:0720JUD003759897, punt 56). Għalhekk, l-imsemmi rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-persuna interessata għandha, fiċ-ċirkustanzi kollha, tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri li jippreġudikaw id-dritt tagħha għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tad-19 ta’ Settembru 2006, Maupas et vs Franza, CE:ECHR:2006:0919JUD001384402, punti 20 u 21).

161    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan kien, b’mod partikolari, il-każ fejn, bħal fil-każ ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu sanzjoni u ġew adottati fil-kuntest ta’ urġenza partikolari. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan kien każ ta’ prevenzjoni ta’ riskju imminenti ta’ kollass tal-banek milquta sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u, b’hekk, jiġi evitat kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro. Issa, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel, fil-kuntest fejn eluf ta’ depożitanti u azzjonisti tal-banek milquta setgħu effettivament sostnew l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dannużi, kienet inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni tal-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ tali kollass. Il-kisba tal-għan li tiġi ppreservata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ dak l-Istat Membru u b’hekk jiġi evitat il-kontaġju fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro kienet tkun esposta għal riskji sinjifikattivi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il-Kunsill et, T‑680/13, UE:T:2018:486, punt 282 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Din l-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li qieset li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament appoġġat ir-raġunament tagħha fuq is-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD006306614), li turi li r-rekwiżit li kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà għandha tkun prevista mil-liġi ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li l-persuni kkonċernati kellhom jiġu kkonsultati qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, b’mod partikolari, fejn tali konsultazzjoni minn qabel bħal din inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni ta’ miżuri intiżi li jipprevjenu l-kollass tal-banek ikkonċernati (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 159).

163    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-neċessità li tittieħed azzjoni minnufih mingħajr ma jiġu infurmati l-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità dwar l-imminenza ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tikkonċernaha hija maħsuba sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni ta’ dik l-entità tmur għall-agħar u dan jaffettwa b’mod negattiv l-effettività tal-miżura ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, li l-azzjonisti jew id-detenturi ta’ obbligi tal-bank jiġu informati li dan tal-aħħar jista’ jkun suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, u għalhekk li kien ikkunsidrat li huwa f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, dan jista’ jinċentivahom sabiex ibigħu t-titoli tagħhom fuq is-swieq u wkoll iwassal għall-irtirar fuq skala kbira tad-depożiti, fatt li jkollu l-konsegwenza li jaggrava s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank u li jirrendi iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-adozzjoni ta’ soluzzjoni li tista’ tipprekludi l-istralċ tiegħu.

164    F’dan ir-rigward, kif dan jirriżulta mill-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, il-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tiġi adottata, kemm dwar jekk il-kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex issodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe miżura adottata matul il-proċedura, jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni.

165    Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li l-introduzzjoni fir-Regolament Nru 806/2014, ta’ konsultazzjoni tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, twassal għal tnaqqis sostanzjali fil-ħeffa tal-proċedura, li jista’ jipperikola kemm li jintlaħqu l-għanijiet tal-miżura kif ukoll l-effettività tagħha.

166    Barra minn hekk, is-SRB jargumenta li għajdut dwar l-istituzzjonijiet jew is-swieq finanzjarji jista’ jkollu konsegwenzi kbar u għalhekk għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tal-proċeduri. Sal-punt li s-smigħ ta’ persuni potenzjalment affettwati mir-riżoluzzjoni jirriżulta fl-iżvelar ta’ informazzjoni dwar miżuri futuri, ikunu mistennija implikazzjonijiet negattivi ta’ stabbiltà finanzjarja, minħabba l-importanza sistemika ta’ tali informazzjoni.

167    Id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li t-tieni għan ta’ interess ġenerali invokat mis-SRB huwa l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tirriżulta minn nuqqas ta’ fehim tal-argument tas-SRB. Fil-fatt, b’dan l-argument, is-SRB jargumenta li l-kunfidenzjalità tal-proċedura hija mezz neċessarju għall-protezzjoni tal-interess ġenerali, jiġifieri li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

168    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jargumentaw li kwalunkwe tħassib dwar l-iżvelar jista’ jiġi eliminat permezz ta’ regoli stretti dwar il-kunfidenzjalità.

169    Dan l-argument jirriżulta minn nuqqas ta’ fehim tal-għan li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-proċedura. Fil-fatt, l-informazzjoni li ma għandhiex tiġi żvelata, b’mod partikolari lill-azzjonisti, tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni. L-għan huwa li jittieħed kont tar-riskju li l-azzjonisti, infurmati b’din il-proċedura qabel ma tittieħed deċiżjoni, jistgħu jiġu mħajjra li jċedu l-azzjonijiet tagħhom, fatt li konsegwentement iwassal sabiex tiġi aggravata s-sitwazzjoni tal-entità u għal riskju ta’ falliment u, fil-każ ta’ banek ta’ importanza sistematika, sabiex jinħoloq riskju ta’ kontaġju fis-suq kollu.

170    Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, peress li l-identità tal-azzjonisti tal-entità ma hijiex magħrufa, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tagħmel appell pubbliku sabiex jippreżentaw l-opinjoni tagħhom, fatt li jwassal għal riskju ta’ paniku bankarju. Fil-fatt, kif jirrileva wkoll il-Kunsill, peress li l-azzjonijiet u l-obbligi huma nnegozjati kontinwament fis-swieq, fil-prattika huwa impossibbli li wieħed ikun jaf liema investituri partikolari u istituzzjonali għandhom jiġu kkuntattjati.

171    Għalhekk, l-impenji ta’ kunfidenzjalità tal-azzjonisti, jekk jiġi preżunt li huma identifikabbli, ma jistgħux jagħmlu tajjeb għar-riskju għall-istabbiltà finanzjarja ppreżentat mid-disseminazzjoni tal-informazzjoni li skontha entità hija suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni.

172    Ir-rikorrenti argumentaw, waqt is-seduta, li smigħ tal-azzjonisti matul il-fażi preparatorja tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, qabel ma l-entità tiġi kkunsidrata li tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huwa prevedibbli peress li din il-fażi ma kinitx forzata mill-urġenza.

173    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 tibda ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti u ladarba l-fażijiet tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni ma jaqgħux taħt dik il-proċedura. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma jistax ipoġġi f’dubju l-legalità tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014. Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 169 u 170 iktar ’il fuq jipprekludu l-konsultazzjoni tal-azzjonisti tal-entità kkonċernata mhux biss ladarba tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, iżda wkoll matul il-fażi preparatorja tal-miżura.

174    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il quddiem jirriżulta li smigħ tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni, qabel l-adozzjoni ta’ dik il-miżura, jikkomprometti l-għan tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ ħeffa u ta’ effiċjenza tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

175    Għaldaqstant, l-assenza ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għal smigħ tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 tikkostitwixxi limitazzjoni fuq id-dritt għal smigħ li hija ġġustifikata u neċessarja sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

176    Din il-konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

177    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq id-dokument ta’ ħidma SWD/2012/166 final tad-dipartimenti tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2012 intitolat “valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja d-dokument Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE u 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010” (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni tal-impatt”), li fih il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-azzjonisti għandhom id-dritt “li l-oġġezzjonijiet tagħhom jinstemgħu kontra l-miżuri ta’ ristrutturar”.

178    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif għamel is-SRB, li l-estratt mill-analiżi tal-impatt iċċitat mir-rikorrenti huwa marbut espliċitament mad-dritt għal proċess ġust u mad-dritt għal rimedju effettiv, kif sanċit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. Dan l-estratt għalhekk huwa relatat mad-dritt tal-azzjonisti għal rimedju effettiv kontra miżura li diġà ġiet adottata, iżda ma jistax jiġi interpretat li qiegħed jirreferi għal dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

179    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenza tal-Qorti EDB tal-24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2005:1124JUD004942999). Huma jargumentaw li, f’dak il-każ, awtorità nazzjonali kienet irtirat liċenzja bankarja fil-konfront ta’ bank mingħajr avviż minn qabel u mingħajr ma tatha l-possibbiltà li tappella. Il-Qorti EDB ikkonkludiet li, fid-dawl tal-post prominenti li d-dritt għal proċess ġust jokkupa f’soċjetà demokratika, id-deċiżjoni tal-qorti Bulgara li tillimita ruħha għad-deċiżjoni tal-bank nazzjonali tal-Bulgarija mingħajr ma tissuġġettaha għal xi kritika jew diskussjoni, flimkien man-nuqqas ta’ kwalunkwe mezz ta’ skrutinju metikoluż ta’ din id-deċiżjoni fi proċedura ta’ stħarriġ dirett, ma kinitx iġġustifikata.

180    Kif jindikaw ir-rikorrenti stess, l-element fundamentali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja EDB tal-24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2005:1124JUD004942999), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti EDB tad-19 ta’ Ġunju 2008, Ismeta Bačić vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2008:0619JUD004359506), hija d-dikjarazzjoni li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB japplika għal proċedura ta’ falliment.

181    Għalhekk, kif tirrileva l-Kummissjoni u s-SRB, is-sentenza tal-Qorti EDB tal-24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2005:1124JUD004942999), kienet tikkonċerna ksur tad-dritt għal proċess ġust sanċit fl-Artikolu 6(1) KEDB fin-nuqqas ta’ rimedju ġudizzjarju previst fil-liġi Bulgara kontra deċiżjoni tal-bank nazzjonali tal-Bulgarija li tirrevoka liċenzja ta’ bank u kienet tikkonċerna biss id-drittijiet proċedurali tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata u mhux id-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri. Dik is-sentenza ma kinitx tikkonċerna d-dritt ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni u għaldaqstant ma hijiex rilevanti.

182    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-leġiżlazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri li jagħtu lill-kredituri u lill-azzjonisti l-opportunità li jissottomettu osservazzjonijiet matul il-proċedimenti ta’ insolvenza.

183    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma jagħmel is-SRB, li l-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza ma humiex paragunabbli mal-proċedura ta’ riżoluzzjoni skont ir-Regolament Nru 806/2014. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-livell nazzjonali, il-kredituri jinstemgħu ladarba tinbeda l-proċedura ta’ insolvenza. Għalhekk, kif jinnota s-SRB, bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, il-ħsara lill-azzjonisti u l-kredituri tkun diġà seħħet u l-iżvelar tal-insolvenza ma jistax jaggravaha. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-iżvelar ta’ informazzjoni lill-kredituri tal-entità kkonċernata dwar riżoluzzjoni potenzjali jista’ jkollha effetti negattivi serji.

184    Barra minn hekk, kif jirrileva s-SRB, fid-deċiżjoni tiegħu tal-1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799), il-Qorti EDB sostniet li obbligu li jiġu kkonsultati l-azzjonisti u l-kredituri fi proċedura ta’ falliment iwassal għal dewmien fil-proċedura u li l-impossibbiltà tal-azzjonist maġġoritarju li jipparteċipa fil-proċedura ma kinitx sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet leġittimi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-kredituri tal-bank u tal-preservazzjoni tal-amministrazzjoni korretta tal-assi tal-falliment tal-bank.

185    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, sa fejn il-proċedura stabbilita minnu tikser id-dritt għal smigħ billi ma tipprovdix għal seduta tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità kkonċernata, għandha tiġi miċħuda.

186    Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser id-dritt għal rimedju effettiv

187    Ir-rikorrenti jsostnu li l-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma tirrispettax id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, peress li ma jeżisti l-ebda stħarriġ ġudizzjarju ta’ dik il-proċedura. L-eżistenza ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ma tistax tirrimedja l-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, peress li ma jkollhiex il-ġurisdizzjoni li tordna lill-istituzzjoni kkonċernata tieħu miżuri sabiex tirrevoka atti li jimplimentaw ir-riżoluzzjoni.

188    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser id-dritt għal rimedju effettiv sa fejn li ma jipprovdix għall-intervent ta’ qorti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

189    Barra minn hekk, l-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi dikjarazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jeżiġi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull persuna li tkun ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ Stat tad-dritt (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tad-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, l-Artikolu 47 tal-Karta jiggarantixxi dritt għal rimedju effettiv kontra att li jikkawża preġudizzju u mhux qabel l-adozzjoni tiegħu.

191    Wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv huwa ggarantit mill-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra d-deċiżjonijiet adottati mis-SRB skont l-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 806/2014, u kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, kif ukoll mill-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għad-danni.

192    Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra miżura ta’ riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina l-konformità tal-proċedura segwita mis-SRB b’mod konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014. Ir-rikorrenti għalhekk ma jistgħux jargumentaw b’mod validu li l-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma hija suġġetta għal ebda stħarriġ ġudizzjarju.

193    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-eżistenza ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ma tistax tirrimedja l-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, sa fejn din tal-aħħar ma hijiex kompetenti sabiex tordna lill-istituzzjoni kkonċernata tadotta miżuri intiżi sabiex jiġu rrevokati atti li jimplimentaw ir-riżoluzzjoni.

194    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex maħsub sabiex jimmodifika s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista fit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dak l-Artikolu 47, li għandhom, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u l-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Frar 2021, VodafoneZiggo Group vs Il-Kummissjoni, C‑689/19 P, EU:C:2021:142, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195    Huwa biżżejjed li jitfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Unjoni ma għandhiex setgħa ta’ ordni fil-konfront tas-SRB, dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 86(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 266 TFUE, huwa obbligat jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

196    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix għal intervent tas-setgħa ġudizzjarja waqt proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.

197    Minn naħa, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza fil-qasam tal-miżuri restrittivi, li skonthom l-osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni hija neċessarja sabiex id-destinatarji ta’ tali miżuri jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet u sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

198    Fil-fatt, b’differenza mill-miżuri restrittivi li bihom persuna tiġi imposta fuqha miżura individwali ta’ sanzjoni ekonomika u finanzjarja (iffriżar ta’ fondi), l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tikkostitwixxix miżura individwali adottata kontra l-azzjonisti ta’ tal-entità kkonċernata. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti li skontha l-persuna affettwata minn miżura restrittiva, bħala d-destinatarju ta’ tali deċiżjoni, għandha tingħata r-raġunijiet għaliha, ma hijiex applikabbli għal dan il-każ.

199    Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, fis-sens li jikser id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità

200    Ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn, għar-raġunijiet stabbiliti fl-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma tirrispettax id-dritt għal smigħ u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-premessa 122 tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri “l-istabbiliment ta’ qafas Ewropew uniku għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet u li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tar-riżoluzzjoni”.

201    Huwa biżżejjed li jitfakkar, minn naħa, li fl-ewwel parti, ġie konkluż li l-assenza ta’ smigħ tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet iġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali u neċessarju, b’osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità, b’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Min-naħa l-oħra, mill-analiżi tat-tieni parti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 tikser id-dritt għal rimedju effettiv.

202    Għaldaqstant, peress li l-ewwel żewġ partijiet ġew miċħuda, it-tielet parti għandha wkoll tiġi miċħuda.

203    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, imqajma fl-ewwel motiv, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 18 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru l-prinċipji relatati mad-delega tas-setgħa

204    Ir-rikorrenti jqajmu l-illegalità tal-Artikoli 18 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014, fuq il-bażi tal-Artikolu 277 TFUE, għar-raġunijiet li dawk l-artikoli jiksru l-prinċipji dwar id-delega tas-setgħa stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Aworità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

205    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tas-SRB, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 humiex issodisfatti, timplika setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Is-SRB jagħmel evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u, b’hekk, jipparteċipa fl-implimentazzjoni ta’ politika ekonomika ġenwina. Is-SRB ikollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi dwar l-istrument ta’ riżoluzzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikoli 18(6) u 22 tar-Regolament Nru 806/2014. Huma jsostnu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, li skonthom il-Kummissjoni tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fi żmien 24 siegħa, jikkostitwixxu evażjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Fid-dawl tat-terminu stabbilit, is-SRB għandu jiddeċiedi dwar il-politika ta’ riżoluzzjoni u l-Kummissjoni sempliċement teżerċita funzjoni ta’ approvazzjoni.

206    Il-Kummissjoni, is-SRB, il-Kunsill u l-Parlament isostnu, essenzjalment, li l-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 806/2014 hija konformi mas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddelegax setgħat diskrezzjonali lis-SRB, sa fejn l-iskema ta’ riżoluzzjoni tas-SRB tipproduċi biss effetti legali vinkolanti jekk tiġi approvata mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. Peress li s-setgħa li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jimplikaw evalwazzjonijiet diskrezzjonarji hija riżervata għall-Kummissjoni jew għall-Kunsill, dawn tal-aħħar b’hekk jassumu r-responsabbiltà legali u politika għad-determinazzjoni tal-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni.

207    Għandu jiġi rrilevat li t-Trattati ma fihom l-ebda dispożizzjoni li tipprovdi għall-għoti ta’ kompetenzi lil korp jew lil aġenzija tal-Unjoni. Għaldaqstant, la l-Artikolu 290 TFUE, li jipprevedi d-delega tas-setgħat regolatorji lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-atti leġislattivi, u lanqas l-Artikolu 291 TFUE, li jagħti l-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, lill-Kunsill, ma jsemmu l-aġenziji (il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2013:562, punt 75).

208    Għaldaqstant hija l-ġurisprudenza, u b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li stabbilixxiet il-prinċipji dwar id-delega tas-setgħat. Sussegwentement, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), applikat dawk il-prinċipji f’każijiet fejn setgħat awtonomi ġew ikkonferiti lil aġenzija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

209    Fil-punt 41 tas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), hija enfasizzat, essenzjalment, li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tirrigwardax, minn naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni ddelimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega, jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta skont l-użu li jsir minnha, f’politika ekonomika reali”.

210    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li kienet indikat ukoll, fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li delega tal-ewwel tip ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li jwassal għalihom l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità ddelegata flok dawk tal-awtorità li tiddelega, topera “spostament reali ta’ responsabbiltà” (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 42).

211    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proċedura għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni introdotti mil-leġiżlatur fir-Regolament Nru 806/2014 segwiet l-osservazzjonijiet magħmula mis-servizz legali tal-Kunsill f’opinjoni tas-7 ta’ Ottubru 2013, dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament, li l-għan tagħha kien li tevalwa l-kompatibbiltà tal-proċedura inizjalment prevista fil-proposta għal regolament mal-prinċipji dwar id-delega tas-setgħat, kif interpretati fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

212    Oriġinarjament, fil-proposta għal regolament eżaminata f’din l-opinjoni, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u s-SRB kien differenti minn dak adottat finalment fir-Regolament Nru 806/2014. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha s-setgħa li tissuġġetta entità għal riżoluzzjoni, li tistabbilixxi qafas għall-użu tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u li tiddeċiedi jekk għandhomx jintużaw u kif għandhom jintużaw is-setgħat ta’ żvalutazzjoni u konverżjoni tal-istrumenti kapitali u s-SRB, skont il-qafas stabbilit mill-Kummissjoni, kien kompetenti sabiex jadotta deċiżjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni.

213    Fl-opinjoni tiegħu, is-servizz legali tal-Kunsill innota li xi miżuri li s-SRB jista’ jinkludi f’deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma kinux iddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti. Is-servizz legali tal-Kunsill qies li l-istruttura ġenerali u l-istruttura tal-proposta għal regolament, li fihom il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni bażika ta’ riżoluzzjoni u s-SRB huwa meħtieġ jaġixxu fil-kuntest ta’ kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni, kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni kif interpretata fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Madankollu, huwa qies li s-setgħat tas-SRB sabiex jimplimenta l-għodod ta’ riżoluzzjoni u d-deċiżjonijiet dehru sa ċertu punt, diskrezzjonali fin-natura tagħhom u marru lil hinn mill-eżerċizzju ta’ setgħat purament tekniċi. Huwa kkonkluda li, għaldaqstant, jista’ jkun neċessarju jew li fir-Regolament jiġu inklużi dispożizzjonijiet oħra sabiex tiġi rregolata kif xieraq l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, jew li fl-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat tiġi implikata istituzzjoni tal-Unjoni b’kompetenzi ta’ eżekuzzjoni.

214    Il-leġiżlatur tal-Unjoni, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni din l-opinjoni tas-servizz legali tal-Kunsill, immodifika l-mekkaniżmu għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni. Peress li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni timplika marġni ta’ diskrezzjoni, il-leġiżlatur irriżerva din il-kompetenza lil istituzzjoni u mhux lis-SRB.

215    Dan jidher, b’mod partikolari, mill-premessi 24 u 26 tar-Regolament Nru 806/2014 li jipprovdu għal:

“(24)       Billi huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jistabbilixxu l-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni u billi jibqa’ marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ kull skema ta’ riżoluzzjoni speċifika, huwa neċessarju li jiġi previst l-involviment adegwat tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bħala l-istituzzjonijiet li jistgħu jeżerċitaw setgħat ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE [...]. Il-valutazzjoni tal-aspetti diskrezzjonarji tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni meħuda mill-Bord għandha tkun eżerċitata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-impatt konsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni bħala tali, kif ukoll fuq is-sovranità fiskali tal-Istati Membri, huwa importanti li l-Kunsill jingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni li jieħu ċerti deċiżjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni. Għaldaqstant għandu jkun il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jeżerċita kontroll effettiv fuq il-valutazzjoni mill-Bord tal-eżistenza ta’ interess pubbliku u li jivvaluta kwalunkwe bidla materjali tal-ammont tal-Fond li għandu jintuża f’azzjoni speċifika ta’ riżoluzzjoni. […]

(26)      Il-Bord, jekk iqis li l-kriterji kollha relatati mal-iskattar tar-riżoluzzjonijiet huma ssodisfati, għandu jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Il-proċedura relatata mal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, issaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tal-Bord filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ delega ta’ setgħat lill-aġenziji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […] Għaldaqstant, dan ir-Regolament jiddisponi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord tidħol fis-seħħ biss jekk, fi żmien 24 siegħa wara l-adozzjoni tagħha mill-Bord, ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni tkun approvata mill-Kummissjoni. Ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kunsill huwa permess li joġġezzjona, fuq proposta tal-Kummissjoni, fil-konfront tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tal-Bord għandhom ikunu limitati strettament għall-eżistenza ta’ interess pubbliku u għal modifiki materjali min-naħa tal-Kummissjoni tal-ammont tal-użu tal-Fond kif propost mill-Bord. […] Fil-kwalità tagħha ta’ osservatur fil-laqgħat tal-Bord, il-Kummissjoni għandha, fuq bażi regolari, tivverifika li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord hija konformi totalment ma’ dan ir-Regolament, tibbilanċja b’mod xieraq id-diversi objettivi u interessi involuti, tirrispetta l-interess pubbliku u tippreserva dik l-integrità tas-suq intern. Fid-dawl tal-fatt li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni teħtieġ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rapidu ħafna, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u l-Kunsill ma għandux jirriproduċi x-xogħol preparatorju li jkun diġà sar mill-Kummissjoni [...]”

216    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ir-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-premessa 26 tiegħu, ma tirrikonoxxix li l-attribuzzjoni tas-setgħat lis-SRB tqajjem problemi fil-qasam tad-delega tas-setgħat. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni li entità tiġi suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni adottata abbażi tar-Regolament Nru 806/2014 timplika l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali li timplika għażla ta’ politika ekonomika, il-leġiżlatur ipprovda għal mekkaniżmu ta’ adozzjoni speċifiku fl-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament.

217    B’hekk, fir-rigward tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, jew inkella toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonali tagħha u li skema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk il-Kunsill jew il-Kummissjoni ma jkunux oġġezzjonaw fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tagħha mis-SRB.

218    Għaldaqstant, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa meħtieġ li istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni jew il-Kunsill, tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fl-aspetti diskrezzjonali tagħha sabiex din tal-aħħar tipproduċi effetti legali. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk inkariga lil istituzzjoni b’responsabbiltà legali u politika sabiex tiddetermina l-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni, sabiex b’hekk jevita “spostament reali ta’ responsabbiltà” skont it-tifsira tas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

219    Kif isostnu l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, il-leġiżlatur Ewropew, billi stabbilixxa l-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni prevista fir-Regolament Nru 806/2014 u billi espressament jirriżervaw id-deċiżjoni dwar l-aspetti diskrezzjonali ta’ tali miżura għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma ddelegax setgħa awtonoma lis-SRB.

220    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kompetenzi mogħtija lis-SRB mill-Artikoli 18 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014.

221    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontha riżoluzzjoni għandha tkun meħtieġa fl-interess pubbliku, tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lis-SRB, peress li din il-kundizzjoni teżiġi li s-SRB jarbitra l-kunflitti bejn diversi interessi pubbliċi u jwettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u li, meta jagħmel dan, jipparteċipa fl-implimentazzjoni ta’ politika ekonomika ġenwina.

222    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi espressament li l-Kummissjoni tista’ toġġezzjona għall-iskema ta’ riżoluzzjoni jekk din tal-aħħar ma tissodisfax il-kriterju ta’ interess pubbliku.

223    L-osservanza tal-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 tikkundizzjona d-deċiżjoni li istituzzjoni tiġi suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u l-kontroll tan-neċessità tal-miżura fid-dawl tal-interess pubbliku timplika l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali li timplika marġini ta’ diskrezzjoni wiesa’. Għal din ir-raġuni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonferixxa espressament lill-Kummissjoni, u possibbilment lill-Kunsill, il-kontroll tal-osservanza ta’ din il-kundizzjoni.

224    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, skont l-Artikolu 18(6) u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi dwar l-għodda ta’ riżoluzzjoni li għandha tiġi adottata. Is-SRB huwa ggwidat mill-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, li jinkludu fihom kriterji suġġettivi.

225    Hemm lok li jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku stabbilit fil-paragrafu 1(c) ta’ dak l-artikolu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 18(5) tar-Regolament 806/2014 jipprovdi li “[g]ħall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta’ objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt”.

226    Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi li:

“Meta jaġixxu skont il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill, u l-Kummissjoni u fejn rilevanti l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kont tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni, u jagħżlu l-għodod ta’ riżoluzzjoni u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni li, fil-fehma tagħhom, jilħqu l-aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni li huma rilevanti fiċ-ċirkostanzi tal-każ.”

227    B’hekk, l-objettivi msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 ma humiex imposti biss fuq is-SRB iżda wkoll fuq il-Kummissjoni, meta jkollha tapprova l-għażla tal-istrument ta’ riżoluzzjoni. Minn dan jirriżulta wkoll li huwa l-kompitu tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku, li tevalwa jekk l-għażla tal-istrument ta’ riżoluzzjoni hijiex adatta u proporzjonata għall-għanijiet tar-riżoluzzjoni.

228    Għaldaqstant, is-SRB ma għandux kompetenza awtonoma sabiex jiddeċiedi jekk jissuġġettax entità għal miżura ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, u lanqas sabiex jiddeċiedi liema strument ta’ riżoluzzjoni għandu jiġi applikat skont l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn id-dispożizzjonijiet ma jwasslux għal delega ta’ setgħat diskrezzjonali lis-SRB.

229    Ir-rikorrenti jsostnu ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, li skonthom il-Kummissjoni tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fi żmien 24 siegħa, jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Fid-dawl tat-terminu stabbilit, is-SRB għandu jiddeċiedi dwar il-politika ta’ riżoluzzjoni u l-Kummissjoni sempliċement teżerċita funzjoni ta’ approvazzjoni.

230    Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura li huwa jadotta sabiex iħejji riżoluzzjoni, li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib, b’mod partikolari matul il-fażijiet ta’ ppjanar tar-riżoluzzjoni, ta’ intervent bikri u ta’ riżoluzzjoni, u li dawn għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant awtorizzat li jipparteċipa fil-laqgħat tas-SRB, f’sessjoni eżekuttiva u f’sessjoni plenarja, bħala osservatur permanenti u li r-rappreżentant tagħha għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fid-diskussjonijiet u li jkollu aċċess għad-dokumenti kollha.

231    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni tiġi infurmata u involuta fil-fażijiet preparatorji għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tiskoprix l-iskema ta’ riżoluzzjoni biss ladarba tiġi adottata mis-SRB, iżda għandha biżżejjed żmien, matul it-tħejjija tagħha, sabiex tevalwa l-aspetti diskrezzjonali tagħha.

232    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-fatt li l-Kummissjoni għandha biss 24 siegħa sabiex tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jwassalha għal validazzjoni sempliċi ta’ din tal-aħħar. L-istatus tagħha ta’ osservatur jippermettilha li ssegwi x-xogħolijiet matul id-diversi fażijiet ta’ qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’tali mod li l-approvazzjoni tagħha ma hijiex ridotta għal sempliċi formalità.

233    Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ preżenti msemmija mir-rikorrenti ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 806/2014.

234    Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 18 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014, imqajma fid-disa’ motiv, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

235    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fir-replika, ir-rikorrenti jżidu argumenti intiżi sabiex jiġi kkonstatat, b’mod sussidjarju, li anki jekk jiġi preżunt li r-Regolament Nru 806/2014 huwa konformi mal-prinċipji dwar id-delega tas-setgħat stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja tat-13 ta’ Ġunju 1958 (9/56, EU:C:1958:7), dan il-prinċipju ma ġiex osservat f’dan il-każ. Huma jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma adottax id-Deċiżjoni 2017/1246 b’konoxxenza tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li, fl-assenza ta’ approvazzjoni legali, l-iskema ta’ riżoluzzjoni tkun ibbażata fuq żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni.

236    Il-Kummissjoni u s-SRB isostnu li, permezz ta’ dawn l-argumenti mqajma għall-ewwel darba fir-replika, ir-rikorrenti jqajmu argument ġdid li huwa inammissibbli.

237    Matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li dan l-argument kien jikkostitwixxi motiv ġdid.

238    Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

239    Sabiex jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ dawn l-argumenti ġodda fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti jsostnu li jirriżulta mid-dokumenti prodotti “sa minn dik id-data” li l-Kummissjoni sempliċement approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni mingħajr diskussjoni. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri l-fatt li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Ġunju 2017 fl-5:13 a.m., u li l-Kummissjoni approvatha fis-6:30 a.m. fl-istess jum, 77 minuta wara. Huma jsostnu li minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx twettaq l-evalwazzjoni rikjesta mill-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014.

240    F’dan ir-rigward, qabelxejn jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jsemmux liema hums dawn id-dokumenti l-ġodda u ma jispeċifikawx sa minn liema data kienu sejrin jiġu prodotti. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Kummissjoni, li ċ-ċirkustanzi fattwali invokati kienu magħrufa mir-rikorrenti sa minn meta ġie ppreżentat ir-rikors u li huma msemmija fir-rikors. Għalhekk, minn naħa, fir-rigward tat-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni lill-Kummissjoni fil-5:13 a.m., fis-7 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-anness tar-rikors. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li l-iskema ta’ riżoluzzjoni daħlet fis-seħħ fis-6:30 a.m., fl-istess jum, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-element kien inkluż fil-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni annessa mar-rikors.

241    Minn dan jirriżulta li dan il-motiv il-ġdid ma huwiex ibbażat fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li ġew irrivelati matul il-proċedura u li għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

242    Fi kwalunkwe każ, kif jidher mill-punti 230 sa 232 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, f’konformità mal-obbligi tagħha skont ir-Regolament Nru 806/2014 u minħabba l-istatus tagħha ta’ osservatur, kienet involuta fil-fażijiet preparatorji għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-intervent tal-Kummissjoni kien limitat għall-intervall ta’ bejn it-trażmissjoni mis-SRB tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fis-7 ta’ Ġunju 2017 fil-5:13 a.m., u l-approvazzjoni tagħha.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014

243    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB u l-Kummissjoni kisru l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014 billi naqsu milli jiżguraw li d-deċiżjonijiet ikkontestati jkunu ppreċeduti minn valutazzjoni provviżorja indipendenti, “ġusta, prudenti u realistika” u billi naqsu milli jiżguraw li titwettaq valutazzjoni definittiva ex post. Huma jibbażaw ruħhom fuq il-verżjonijiet tal-valwazzjonijiet 1 u 2 ippubblikati mis-SRB fuq is-sit internet tiegħu fil-31 ta’ Ottubru 2018.

244    L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi:

“Qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel valwazzjoni negattiva jew jikkonverti strumenti kapitali rilevanti, il-Bord għandu jiżgura li titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż il-Bord u l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, u mill-entità konċernata.”

245    Dan il-motiv huwa maqsum, essenzjalment, fi tliet ilmenti, marbutin mal-valwazzjoni 1, mal-valwazzjoni 2 u man-nuqqas ta’ valutazzjoni definittiva ex post.

246    Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-valwazzzjoni ta’ Banco Popular, imwettqa qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tinkludi żewġ rapporti li huma annessi mal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

247    Il-valutazzjoni 1, datata l-5 ta’ Ġunju 2017, ġiet redatta mis-SRB skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 u kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

248    Il-valutazzjoni 2, datata s-6 ta’ Ġunju 2017, tfasslet minn Deloitte, bħala espert indipendenti skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

249    L-iskema ta’ riżoluzzjoni tindika li, fid-dawl tal-urġenza, il-valutazzjoni 2, imwettqa f’konformità mal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB jiddetermina dak li jikkostitwixxu kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

250    Fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet ibbażat ruħha fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014) u fuq il-Kapitolu 3 tal-abbozz finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) Nru 2017/05 u Nru 2017/06, tat-23 ta’ Mejju 2017, fuq il-valwazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni u fuq valutazzjoni maħsuba sabiex tiġi ddeterminata d-differenza fit-trattament wara r-riżoluzzjoni prevista fid-Direttiva 2014/59 (iktar ’il quddiem “l-istandards tekniċi tal-EBA”).

251    L-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59 jawtorizza lill-EBA sabiex tfassal abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji intiżi li jispeċifikaw il-kriterji li abbażi tagħhom għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet imwettqa fi proċedura ta’ riżoluzzjoni.

252    Il-Kapitolu 3 tal-istandards tekniċi tal-EBA huwa relatat mal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji Nru 2017/05 dwar il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“istandards tekniċi regolatorji”) u jinkludi, b’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59, abbozz ta’ regolament delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59 bi standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji tal-metodu li għandu jintuża sabiex jiġi evalwat il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet jew ta’ entitajiet.

253    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-istandards tekniċi regolatorji ma kinux vinkolanti, sa fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu suġġetti għall-istandards tekniċi regolatorji u ta’ infurzar vinkolanti mfassla mill-EBA meta jiġu adottati mill-Kummissjoni. Dawn l-istandards tekniċi regolatorji ġew inkorporati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/345 tal-14 ta’ Novembru 2017, li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet (ĠU 2018, L 67, p. 8).

254    Fl-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li, meta kien qiegħed jiddeċiedi dwar l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, huwa bbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2, kif issupplimentata u kkorroborata mir-riżultati tal-proċedura ta’ bejgħ immexxija mill-FROB.

255    Peress li l-valutazzjoni 2 tinkludi evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi, jeħtieġ li s-SRB tiġilu rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kunsiderazzjoni li l-valutazzjoni 2 kienet tikkostitwixxi bażi valida għad-deċiżjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni.

256    Għaldaqstant, fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 sa 111 iktar ’il fuq, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa stħarriġ ristrett li huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-SRB meta kkunsidra li l-valutazzjoni 2 kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014. Huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu provi suffiċjenti sabiex iċaħħdu l-valutazzjoni 2 minn kull plawżibbiltà.

 Fuq l-ewwel ilment, dwar il-valutazzjoni 1

257    Ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni 1 ma twettqitx minn persuna indipendenti, kif mitlub mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Anki jekk l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li tali valutazzjoni tista’ titwettaq mis-SRB, dan huwa permess biss meta ma tkunx possibbli valutazzjoni indipendenti. Peress li Deloitte ġiet fdata bit-tħejjija tal-valutazzjoni 2 fit-23 ta’ Mejju 2017, hija setgħet għalhekk twettaq il-valutazzjoni 1. Is-SRB ma weriex li urġenza suffiċjenti kienet tiġġustifika n-natura provviżorja tal-valutazzjoni 1.

258    Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li dan l-ilment huwa inammissibbli sa fejn jikkostitwixxi motiv ġdid, invokat għall-ewwel darba fir-replika, filwaqt li huwa bbażat fuq elementi li kienu disponibbli waqt il-preżentata tar-rikors. Il-fatt li s-SRB innifsu wettaq il-valutazzjoni 1 jirriżulta mill-iskema ta’ riżoluzzjoni stabbilita li hija annessa mar-rikors.

259    Ċertament, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

260    Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Barra minn hekk, l-argumenti li s-sustanza tagħhom hija relatata mill-qrib ma’ motiv stabbilit fir-rikors promotur ma jistgħux jitqiesu bħala motivi ġodda u l-preżentazzjoni tagħhom hija ammissibbli fl-istadju tar-replika jew tas-seduta (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavryskyi vs Il‑Kunsill, T‑242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Novembru 2018, “Pro NGO!” vs Il‑Kummissjoni, T‑454/17, EU:T:2018:755, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ ilment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment esposti fir-rikors, rabta suffiċjentement mill-qrib sabiex jista’ jitqies bħala li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2020, VQ vs BĊE, T‑203/18, EU:T:2020:313, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

261    Madankollu, fir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu, għalkemm fil-qosor, li s-SRB u l-Kummissjoni ma kinux wettqu valutazzjoni indipendenti. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa marbut mill-qrib mal-ilment invokat fir-rikors u ma huwiex motiv ġdid.

262    Madankollu, kif ġustament isostni s-SRB, l-argumenti tar-rikorrenti maħsuba sabiex ipoġġu f’dubju l-validità tal-valutazzjoni 1 għandhom jitqiesu bħala ineffettivi.

263    Fil-fatt, il-valutazzjoni 1, intiża li tiddetermina, skont ir-regoli tekniċi tal-leġiżlazzjoni, jekk Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, sabiex tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jew ta’ żvalutazzjoni jew tal-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji ġewx issodisfatti, ma baqgħetx tintuża wara l-evalwazzjoni mwettqa mill-BĊE fis-6 ta’ Ġunju 2017, dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular.

264    Fil-valutazzjoni 1, is-SRB indika li, fid-data ta’ riferiment tal-valutazzjoni tiegħu, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2017, Banco Popular kien solventi. Madankollu, għandu jitfakkar li l-BĊE bbaża ruħu fuq il-ġbid kbir ta’ depożiti ta’ Banco Popular minn April sa Mejju 2017 u fuq l-inkapaċità ta’ dan tal-aħħar li jiġġenera likwidità ġdida, sabiex jikkonkludi li fis-6 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Għalhekk, il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 1 ma kinux iktar rilevanti fid-data tar-riżoluzzjoni.

265    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti li jikkritikaw lis-SRB talli wettaq huwa stess il-valutazzjoni 1, kif ukoll l-argumenti mqajma fir-replika intiżi li jsostnu, sussidjarjament, li l-valutazzjoni 1 ma fihiex evalwazzjoni “ġusta, prudenti u realistika” tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet Popular tal-Banco qabel ir-riżoluzzjoni, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettiv.

266    Fi kwalunkwe każ, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti nnifishom, skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-paragrafu 10 ta’ dak l-artikolu, fil-każ li valutazzjoni indipendenti skont il-paragrafu 1 ma tkunx possibbli, minħabba l-urġenza, is-SRB jista’ jagħmel valutazzjoni provviżorja tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità.

267    Hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, is-SRB iġġustifika, fil-valutazzjoni 1, ir-raġunijiet għaliex din il-valutazzjoni kellha titwettaq b’urġenza. B’mod partikolari, huwa indika li, minħabba d-deterjorament rapidu fil-proporzjonijiet ta’ likwidità tal-Banco Popular minħabba l-ġbid kbir ta’ depożiti fil-jiem ta’ qabel, iddeċieda, b’konsultazzjoni mal-BĊE, li jwettaq valutazzjoni provviżorja ta’ emerġenza fuq il-bażi tal-informazzjoni pubblika u tal-kontroll disponibbli.

268    Madankollu, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li r-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument sabiex jikkontestaw dawn l-evalwazzjonijiet.

269    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tieni ilment, dwar il-valutazzjoni 2

270    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni 2 kellu jkollha l-għan li tiggwida lis-SRB fir-rigward tal-għażla tal-miżura ta’ riżoluzzjoni li għandha tiġi adottata. Madankollu, is-SRB kien diġà għażel il-miżura ta’ riżoluzzjoni xierqa u għalhekk kien inkariga lil Deloitte sabiex tipproduċi rapport li jwassal għal din il-konklużjoni. Il-valutazzjoni 2 għandha difett fundamentali billi kienet ibbażata fuq is-suppożizzjoni li miżura ta’ riżoluzzjoni kienet neċessarja u li s-SRB uża l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Il-valutazzjoni 2 ma hijiex konformi mal-Artikolu 20(5)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 u mal-istandards tekniċi regolatorji. Deloitte allegatament naqset milli tqis il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 u ma kkunsidrat l-ebda miżura ta’ riżoluzzjoni ħlief l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Dan jinjora r-rekwiżit li jiġu ppreżentati valutazzjonijiet separati li jirriflettu firxa diversifikata ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni.

271    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014, għandha ssir valutazzjoni provviżorja għall-finijiet tar-riżoluzzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jargumentaw b’mod validu li l-fatt li l-valutazzjoni 2 hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li miżura ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa jikkostitwixxi difett fundamentali tal-valutazzjoni 2.

272    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li Deloitte, fil-valutazzjoni 2, ma pprevediet l-ebda miżura ta’ riżoluzzjoni oħra ħlief l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, li tmur kontra l-Artikolu 20(5)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-istandards tekniċi regolatorji.

273    Hemm lok li jitfakkar li Deloitte indikat li, wara konsultazzjoni mas-SRB, il-valutazzjoni 2 għandha titwettaq b’kunsiderazzjoni tal-fatt li sejra tiġi applikata l-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

274    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, bħalma għamlu l-Kummissjoni u s-SRB, li d-deċiżjoni dwar l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li għandha tiġi applikata għandha tittieħed mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u mhux mill-valutatur indipendenti. F’dan ir-rigward, is-SRB spjega, fl-Artikolu 5.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ir-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni ta’ għodod oħra ta’ riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jissodisfawx l-għanijiet tar-riżoluzzjoni sal-istess punt.

275    L-Artikolu 20(5)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdi li, jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jiġu ssodisfatti, il-valutazzjoni tkun intiża sabiex tipprovdi l-elementi li jippermettu d-deċiżjoni dwar miżuri ta’ riżoluzzjoni xierqa li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valutazzjoni għandha tipprovdi lis-SRB l-elementi tekniċi u ekonomiċi li jippermettu l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni magħżula minn dan tal-aħħar.

276    Minn din id-dispożizzjoni ma jidhirx li huwa l-valutatur li għandu jiddefinixxi huwa stess liema għandha tkun l-iktar għodda ta’ riżoluzzjoni xierqa.

277    Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tal-valutazzjoni skont l-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata. B’mod partikolari, l-Artikolu 20(5)(f) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tal-valutazzjoni fil-każ li tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ tal-operat, li huma differenti mill-għanijiet previsti fl-Artikolu 20(5)(d) u (e) tal-istess regolament, marbuta ma’ każijiet fejn tiġi applikata jew l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna jew l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja jew ta’ separazzjoni tal-assi.

278    Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jikkontempla b’mod espliċitu l-każ fejn il-valutazzjoni ssir bil-ħsieb tal-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni definita.

279    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-metodu li għandu jintuża fil-valutazzjoni, il-premessa 6 tal-istandards tekniċi regolatorji tipprevedi li l-għażla tal-iktar bażi xierqa ta’ evalwazzjoni (valur ta’ żamma jew valur tal-bejgħ) għandha ssir skont il-miżuri speċifiċi ta’ riżoluzzjoni previsti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 11(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, kif stipulat fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Delegat 2018/345, jispeċifika l-metodu ta’ evalwazzjoni li għandu jintuża mill-valutatur fir-rigward tal-għodda ta’ riżoluzzjoni prevista.

280    Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq estratt mill-istandards tekniċi tal-EBA, li jinsab fil-parti introduttorja intitolata “kuntest u ġustifikazzjoni”, skont liema “il-kriterji fl-istandards tekniċi regolatorji huma maħsuba sabiex jiggwidaw valutazzjonijiet separati li jirriflettu l-impatt fuq il-flussi ta’ likwidità mistennija, li jirriżultaw minn firxa suffiċjentement varjata ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, inkluż, iżda mhux limitat għal, kwalunkwe strateġija ta’ riżoluzzjoni deskritta fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-entità”.

281    Dan l-estratt ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, f’kull każ, il-valutazzjoni għandha tipprevedi diversi ipoteżijiet ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni. Huwa jindika biss li l-għan tal-istandards tekniċi regolatorji huwa li jiġu stabbiliti l-elementi u l-fatturi li għandhom jitqiesu mill-valutatur fil-valutazzjoni skont il-miżuri ta’ riżoluzzjoni previsti mill-awtorità.

282    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 10(1) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament delegat 2018/345, jirriżulta li l-valutatur jevalwa l-effett fuq il-valutazzjoni ta’ kull miżura ta’ riżoluzzjoni li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tadotta, sabiex tiċċara d-deċiżjonijiet u li, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-valutatur, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tista’ tikkonsulta lill-valutatur sabiex tiddetermina l-firxa tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni li qiegħda tipprevedi. Skont l-Artikolu 10(2) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Delegat 2018/345, il-valutatur għandu jippreżenta valutazzjonijiet separati li jirriflettu l-effett ta’ firxa suffiċjentement varjata ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni biss fejn xieraq u f’konsultazzjoni mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

283    B’hekk, fl-applikazzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji, Deloitte setgħet tikkunsidra, wara konsultazzjoni mas-SRB, li l-valutazzjoni 2 setgħet titwettaq filwaqt li titqies l-għodda ta’ riżoluzzjoni previst mis-SRB, jiġifieri l-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

284    Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-valutazzjoni 2 għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni minbarra dik prevista mis-SRB.

285    Barra minn hekk, il-fatt li s-SRB qies li l-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet l-aħjar għodda sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni u li ta mandat lil Deloitte sabiex twettaq valutazzjoni li tissodisfa l-għanijiet ta’ dik l-għodda ma jistax jitqies li jippreġudika l-indipendenza ta’ Deloitte.

286    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li Deloitte naqset milli tqis il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-premessi 44 sa 46 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika r-raġunijiet għaliex is-soluzzjoni prevista fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 ma kinitx applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni. Is-SRB irrileva li dan il-pjan kien ibbażat fuq l-ipoteżi li l-falliment ta’ Banco Popular kien ibbażat fuq deterjorament fil-pożizzjoni tal-kapital tiegħu u li, minħabba li l-falliment ta’ Banco Popular irriżulta minn deterjorament fil-pożizzjoni ta’ likwidità tagħha, l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna prevista fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 ma kinitx tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid din is-sitwazzjoni u b’hekk li tiġi stabbilita mill-ġdid is-solidità finanzjarja u l-vijabbiltà fit-tul tiegħu.

287    Billi l-valutazzjoni 2 twettqet fid-dawl tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat, ma kienx għalhekk meħtieġ li jitqies il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016, li kien ibbażat fuq l-ipoteżi tal-applikazzjoni ta’ għodda oħra ta’ riżoluzzjoni.

288    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-valutazzjoni 2 kienet konformi mal-Artikolu 20(5)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll mar-regoli tekniċi regolatorji.

289    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li, fi kwalunkwe każ, anki kieku l-valutazzjoni 2 setgħet tillimita l-evalwazzjoni tagħha għal għodda ta’ riżoluzzjoni unika, din ma tkunx “ġusta, prudenti u realistika” skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kienet tinkludi diversi riżervi dwar iż-żmien u l-informazzjoni disponibbli.

290    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-ittra li takkumpanja l-komunikazzjoni tal-valutazzjoni 2 lis-SRB, Deloitte indikat li, minħabba l-pożizzjoni diffiċli ta’ likwidità ta’ Banco Popular, kienet ġiet mistiedna twettaq il-valutazzjoni tagħha fi żmien qasir ħafna. Ix-xogħol ewlieni kien limitat għal tnax-il jum mill-jum li fih hija kellha aċċess għad-dokumentazzjoni, meta tali proġett kellu normalment jieħu sitt ġimgħat. Deloitte rrilevat li kien hemm għadd ta’ lakuni u inkonsistenzi fost l-informazzjoni disponibbli. Hija semmiet li l-valutazzjoni kellha titqies bħala inċerta u provviżorja ħafna skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 u li ġie inkluż ilqugħ għal telf addizzjonali fil-valutazzjoni skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59, li jikkorrispondi għall-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

291    Ir-rikorrenti jsostnu li mill-provi ma jirriżultax li kien hemm urġenza suffiċjenti li tiġġustifika t-twettiq ta’ valutazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

292    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-urġenza hija ġġustifikata, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari mid-deterjorament rapidu tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet tas-SRB.

293    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li s-SRB ikkuntattja lil Deloitte fit-23 ta’ Mejju 2017 sabiex twettaq il-valutazzjoni 2 ma jfissirx li Deloitte kellha żmien suffiċjenti sabiex twettaq valutazzjoni definittiva ta’ Banco Popular. Hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi Banco Popular ġie ddikjarat mill-BĊE li jinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-6 ta’ Ġunju 2017, Deloitte kellha biss 12-il jum sabiex twettaq il-valutazzjoni 2. Issa, minn naħa, jeħtieġ li jittieħed kont tad-daqs u tal-importanza ta’ Banco Popular. Kif jindika s-SRB, Banco Popular kellu karta ta’ bilanċ totali ta’ EUR 130 biljun u kellu għadd kbir ta’ assi li kien diffiċli li jiġu vvalutati, bħal assi li ma jrendux jew assi fiskali jew mhux tanġibbli. Min-naħa l-oħra, ċerta informazzjoni ma kinitx disponibbli fit-terminu meħtieġ.

294    L-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi espressament għall-ipoteżi li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 7 u 9 ta’ dak l-artikolu, jiġifieri b’mod partikolari l-każ fejn ma jkunx possibbli li titlesta l-valutazzjoni permezz ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fil-kotba u r-reġistri tal-kontabbiltà. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ inċertezzi inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja billi tipprovdi, fit-tieni paragrafu tagħha, li din tal-aħħar tinkludi lqugħ għal telf addizzjonali.

295    Barra minn hekk, mill-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, is-SRB seta’ jibbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2, magħmula skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 sabiex jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

296    B’hekk, f’konformità mal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, Deloitte sempliċement iddikjarat li, minħabba ż-żmien limitat disponibbli sabiex issir il-valutazzjoni, kellha tiddependi fuq informazzjoni mhux kompluta u speċifikat li l-valutazzjoni li kienet wettqet għandha titqies bħala valutazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59.

297    Għalhekk, il-fatt li Deloitte kkonstatat li, minħabba ż-żmien disponibbli, ċerta informazzjoni kienet nieqsa, ma huwiex suffiċjenti sabiex ipoġġi f’dubju l-possibbiltà li l-valutazzjoni 2 tintuża bħala bażi għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

298    Barra minn hekk, l-inċertezzi inerenti fil-valutazzjoni 2 huma enfasizzati fl-istandards tekniċi regolatorji, li minnhom jirriżulta li, meta jwettaq l-istima u l-attwalizzazzjoni tal-flussi ta’ likwidità li l-entità tista’ tistenna mill-assi u mill-obbligazzjonijiet eżistenti, il-valutatur għandu jibbaża ruħu fuq ipoteżijiet ġusti, prudenti u realistiċi u jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi u ċirkustanzi differenti.

299    B’mod partikolari, fir-rigward tal-istimi tal-valur tal-bejgħ, l-Artikolu 12(5) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament Delegat 2018/345, jipprovdi:

“Il-valur ta’ disponiment għandu jiġi ddeterminat mill-valwatur fuq il-bażi tal-flussi ta’ flus, il-valur nett tal-ispejjeż tad-disponiment u l-valur nett tal-valur mistenni ta’ kull garanzija mogħtija, li l-entità tista’ tistenna b’mod raġonevoli fil-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti attwalment permezz ta’ bejgħ jew trasferiment b’mod ordinat ta’ assi jew obbligazzjonijiet. Jekk ikun xieraq, wara li jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet li jridu jittieħdu taħt l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-valutatur jista’ jiddetermina l-valur ta’ disponiment billi japplika tnaqqis potenzjali ta’ bejgħ aċċellerat lill-prezz tas-suq osservabbli ta’ dan il-bejgħ jew trasferiment. Biex jiġi ddeterminat il-valur ta’ disponiment ta’ assi li ma għandhomx suq likwidu, il-valutatur għandu jikkunsidra prezzijiet osservabbli fis-swieq fejn assi simili huma nnegozjati jew mudelli ta’ kalkoli bl-użu ta’ parametri osservabbli tas-suq, bi tnaqqis għal nuqqas ta’ likwidità rifless kif xieraq.”

300    L-Artikolu 12(6) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament Delegat 2018/345, jindika diversi fatturi, li l-valutatur għandu jieħu inkunsiderazzjoni, li jistgħu jinċidu fuq il-valuri tal-bejgħ u t-termini tal-bejgħ.

301    Minn dan jirriżulta li l-valutazzjoni 2 kienet ibbażata fuq ipoteżijiet u kienet tiddependi minn fatturi multipli. B’hekk, skont l-istandards tekniċi regolatorji, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, Deloitte, fil-valutazzjoni 2, ibbażat ruħha fuq stimi u evalwazzjonijiet prospettivi u ppreżentat ir-riżultat tagħha fil-forma ta’ firxa ta’ valuri.

302    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-limitazzjonijiet ta’ żmien u l-informazzjoni disponibbli, ċerti inċertezzi u approssimazzjonijiet huma inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja mwettqa skont l-Artikolu 20(10), tar-Regolament Nru 806/2014 u li r-riżervi fformulati minn Deloitte ma jistgħux ifissru li l-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

303    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-daqs tal-firxa bejn l-agħar xenarju u l-aħjar xenarju fil-valutazzjoni 2 kellu jservi ta’ allert għas-SRB dwar il-fatt li din l-evalwazzjoni ma kinitx wisq affidabbli. Fil-31 ta’ Marzu 2017, l-assi netti ta’ Banco Popular kienu ta’ EUR 10.78 biljun, li kien diffiċilment rikonċiljabbli ma’ din il-firxa.

304    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fil-valutazzjoni 2, Deloitte rrilevat li r-riżultat tal-evalwazzjoni tagħha kien jinsab fil-firxa ta’ bejn EUR 1.3 biljun u inqas minn EUR 8.2 biljun, bl-aħjar stima f’din il-firxa ta’ inqas minn EUR 2 biljun.

305    Fl-ewwel lok, ta’ min jinnota li r-rikorrenti sempliċement jikkontestaw l-affidabbiltà ta’ din il-firxa mingħajr ma jqajmu argumenti speċifiċi intiżi sabiex jikkontestaw il-metodi ta’ kalkolu jew sabiex jistabbilixxu liema żbalji twettqu fl-evalwazzjoni ta’ kull kategorija ta’ assi.

306    Il-paragun imwettaq mir-rikorrenti mas-sitwazzjoni tal-assi netti ta’ Banco Popular fil-31 ta’ Marzu 2017 ma huwiex rilevanti, peress li jikkorrispondi għall-valur kontabbli ta’ Banco Popular f’data qabel ir-riżoluzzjoni. Għalhekk, minn naħa, dan il-valur ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet iddeterjorat b’mod sinjifikattiv wara dik id-data. Min-naħa l-oħra, dan jirrifletti l-valur kontabbli ta’ Banco Popular u mhux il-valur tal-bejgħ tiegħu, li jikkorrispondi mal-valur ekonomiku ta’ Banco Popular għal xerrej potenzjali, li kellu jiġi evalwat fil-valutazzjoni 2.

307    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-portata tal-firxa hija ġġustifikata mill-metodu użat fil-valutazzjoni 2.

308    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet adottat approċċ kategorija b’kategorija, billi aġġustat il-valuri kontabbli ta’ kull klassi ta’ assi u obbligazzjonijiet sabiex jiġi stmat it-telf u l-profitt u aġġustamenti oħra li kwalunkwe akkwirent japplika għall-valur. Hija pproduċiet firxa ta’ evalwazzjoni għal kull klassi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet.

309    Dan il-metodu huwa konformi mal-Artikolu 2(3) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat 2018/345, li skontu:

“Il-valwatur għandu jipprovdi l-aħjar stima tal-punt tal-valur ta’ assi partikoli [partikolari], obbligazzjoni partikolari, jew kombinazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ elementi. Jekk ikun xieraq, ir-riżultati tal-valwazzjoni għandhom jiġu pprovduti wkoll fil-forma ta’ firxa ta’ valuri.”

310    B’hekk, iż-żieda tal-valuri l-iktar baxxi għal kull klassi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet ipprovdiet l-istima baxxa tal-firxa u ż-żieda tal-ogħla valuri pprovdiet l-istima għolja tal-firxa. Għaldaqstant, dan il-metodu jispjega l-portata tal-firxa adottata fil-valutazzjoni 2.

311    Barra minn hekk, kif jenfasizza s-SRB, fid-dawl tal-portata tal-karta tal-bilanċ totali ta’ Banco Popular, b’ċifra totali li taqbeż EUR 130 biljun, id-differenza bejn iż-żewġ valuri fil-firxa tirrappreżenta biss madwar 7 % tal-karta tal-bilanċ. B’hekk din id-differenza tirrifletti l-grad ta’ inċertezza inerenti fil-proċess ta’ valutazzjoni.

312    Minn dan li ntqal jirriżulta li s-SRB ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-valutazzjoni 2 kienet “ġusta, prudenti u realistika”, f’konformità mal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

313    Għaldaqstant, it-tieni ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, dwar l-assenza ta’ valutazzjoni definittiva ex post

314    Ir-rikorrenti jallegaw li s-SRB ma wettaqx valutazzjoni definittiva ex post “hekk malli jkun prattikabbli”, bi ksur tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, meta ma kien hemm l-ebda valutazzjoni 1 indipendenti, meta l-valutazzjonijiet 1 u 2 kienu provviżorji, meta dawn ma kinux wisq affidabbli u meta huwa ddikjarat espressament li huma ser jiġu segwiti minn valutazzjonijiet definittivi ex post. Ir-rikorrenti jindikaw li ġew infurmati bil-fatt li ma kienet ser issir l-ebda valutazzjoni definittiva ex post permezz tat-tweġiba tas-SRB għall-mistoqsija mressqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

315    Fil-fatt, fit-30 ta’ Lulju 2018, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-qafas ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, is-SRB indika li l-valutazzjoni 2 ma kinitx ser tiġi segwita minn valutazzjoni definittiva ex post. Is-SRB ikkunsidra li, minħabba l-pekuljaritajiet tal-każ preżenti, kien wasal għall-konklużjoni li valutazzjoni definittiva ex post ma kienet ser isservi l-ebda għan prattiku fil-kuntest tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, u lanqas ma kienet ser twassal għal deċiżjoni ta’ kumpens skont l-Artikolu 20(12), tal-istess regolament.

316    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-valutazzjoni definittiva ex post prevista fl-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 hija, skont id-definizzjoni, sussegwenti għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

317    Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 295 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014, valutazzjoni provviżorja bħall-valutazzjoni 2 tikkostitwixxi bażi valida għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

318    Huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C‑398/13 P, UE:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta’ meta l-att tal-Unjoni ġie adottat (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il-Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

319    Minn dan jirriżulta li l-fatt li ssir jew le valutazzjoni definittiva ex post, li tkun manifestament wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax jaffettwa l-validità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

320    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1)(a) (b) tar-Regolament Nru 806/2014

321    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB u l-Kummissjoni kisru l-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014 minħabba li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet ġew issodisfatti.

322    L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li s-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni biss jekk iqis li l-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfatti:

“(a)      l-entità qed tfalli jew x’aktarx li tfalli;

(b)      b’kont meħud taż-żmien u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, jew azzjoni ta’ superviżjoni, inklużi miżuri ta’ intervent bikri jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21, meħuda fir-rigward tal-entità, jistgħu jimpedixxu l-falliment tagħha f’limitu ta’ żmien raġonevoli;

ċ)      hija meħtieġa azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.”

323    Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li jikkorrispondu għaż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014

324    Ir-rikorrenti jsostnu li l-elementi li jinsabu fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ma humiex suffiċjenti sabiex juru li kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014. Huma jsostnu li, fid-data tar-riżoluzzjoni, Banco Popular kien qiegħed jesperjenza problema temporanja ta’ likwidità, ikkawżata mill-ġbid ta’ depożiti, u mhux problema ta’ solvenza. Mill-iskema ta’ riżoluzzjoni jirriżulta li l-konklużjoni tal-BĊE li skontha din il-kundizzjoni kienet issodisfatta kienet ibbażata fuq il-fatt li s-sitwazzjoni f’termini ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienet marret għall-agħar malajr. Skont l-espert iċċitat mir-rikorrenti, kriżi ta’ likwidità temporanja ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

325    Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta s-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014. F’din l-evalwazzjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, ikkunsidra li kienu jeżistu elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni, fil-futur qarib, li jħallas id-djun tiegħu jew l-impenji l-oħra tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li x’aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

326    F’dan ir-rigward, l-estratt mill-ittra tal-President tal-Kunsill ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE tal-25 ta’ Lulju 2017, indirizzata lil Membru tal-Parlament, iċċitat mir-rikorrenti fir-rikors, ikompli jikkonferma li l-BĊE kkonstata s-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular minħabba l-pożizzjoni ta’ likwidità tiegħu u mhux minħabba l-insolvenza tiegħu fuq il-karta tal-bilanċ. F’din l-ittra, hemm spjegat li:

“Id-deċiżjoni tal-BĊE li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ittieħdet fuq il-bażi ta’ likwidità insuffiċjenti. F’dik id-data, l-elementi oġġettivi ma kinux suffiċjenti sabiex il-BĊE jiddetermina li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħi fuq il-bażi tal-pożizzjoni kapitali tiegħu. Naturalment, il-BĊE ssorvelja mill-qrib, mhux biss il-pożizzjoni ta’ likwidità, iżda wkoll il-pożizzjoni tal-kapital tal-bank. Il-problemi strutturali tiegħu (livell għoli ta’ assi li ma jrendux, kopertura baxxa u profitabbiltà baxxa) huma riflessi fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji korrispondenti stabbiliti mill-BĊE.”

327    Fit-tieni lok, b’ittra tas-6 ta’ Ġunju 2017, il-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

328    Fl-ittra tiegħu lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular jirreferi għan-notifika magħmula lill-BĊE skont l-Artikolu 414 tar-Regolament Nru 575/2013 dwar il-ksur tar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-kopertura tal-ħtiġijiet ta’ likwidità u tirreferi għall-valutazzjoni mwettqa mill-Bord tad-Diretturi tiegħu, li tinsab fl-anness, li skontha Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment, u għall-informazzjoni u l-analiżi li din tal-aħħar kienet ibbażat ruħha fuqhom sabiex tasal għal dik il-konklużjoni.

329    F’din l-ittra, hemm indikat:

“Skont l-Artikolu 21.4 tal-Liġi Spanjola 11/2015 u l-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament Delegat [(UE) 2016/1075 tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1)], Banco Popular innotifika bil-preżenti li l-Bord tad-Diretturi tiegħu evalwa li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.”

330    Fit-tielet lok, fl-Artikolu 2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB fakkar il-konklużjoni tal-evalwazzjoni tal-BĊE u kkonkluda, fl-Artikolu 2.2 li, wara l-evalwazzjoni tal-BĊE, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta.

331    Għalhekk, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular ġiet ikkonstatata fuq il-bażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontha, għall-finijiet tal-paragrafu 1(a) tal-istess artikolu, il-falliment ta’ entità jitqies bħala li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ jekk issib ruħha fis-sitwazzjoni li ġejja:

“L-entità hija, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li dik l-entità se tkun, fil-futur qrib, f’pożizzjoni li ma tistax tħallas id-dejn tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn malli jsiru dovuti”.

332    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li la l-BĊE u lanqas s-SRB ma bbażaw ruħhom fuq is-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, skont liema l-falliment ta’ entità jitqies bħala li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ meta “l-assi tal-entità huma, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-assi tal-entità se jkunu, fil-futur qrib, inqas mill-obbligazzjonijiet tagħha”.

333    Għaldaqstant, l-insolvenza tal-entità ma hijiex kundizzjoni għall-konstatazzjoni tal-falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ abbażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 u, għalhekk, ma hijiex kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ iskema ta’ riżoluzzjoni.

334    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessa 57 tar-Regolament Nru 806/2014 li:

“Id-deċiżjoni li entità tiddaħħal fi proċess ta’ riżoluzzjoni għandha tittieħed qabel ma entità finanzjarja ssir insolventi skont il-karta tal-bilanċ u qabel tispiċċa fix-xejn l-ekwità kollha. Riżoluzzjoni għandha tinbeda wara li jiġi determinat li entità qed tfalli jew x’aktarx li se tfalli u li l-ebda miżura alternattiva tas-settur privat mhi se tipprevjeni tali falliment f’qafas ta’ żmien raġonevoli.”

335    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-insolvenza ta’ Banco Popular ma kinitx tikkostitwixxi kundizzjoni sabiex din tal-aħħar titqies f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-fatt, il-fatt li entità hija solventi fuq il-karta tal-bilanċ tagħha ma jimplikax li għandha likwidità suffiċjenti, jiġifieri, fondi disponibbli sabiex tħallas id-djun tagħha jew obbligi oħra li ser jilħqu l-maturità tagħhom.

336    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-premessa 23 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, filwaqt li għamel riferiment għall-evalwazzjoni mwettqa mill-BĊE, ikkonstata li s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienet iddeterjorat b’mod sinjifikattiv minn Ottubru 2016, minħabba ġbid ta’ depożiti fis-segmenti kollha tal-klijenti. Minn dan huwa ddeduċa li l-bank ma kellux opzjonijiet suffiċjenti sabiex jirrestawra l-pożizzjoni ta’ likwidità tiegħu bil-għan li jiżgura li jkun f’pożizzjoni stabbli sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

337    Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB elenka d-diversi avvenimenti li wasslu, minn Frar 2017, għal deterjorament rapidu tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Is-SRB jirreferi b’mod partikolari għall-pubblikazzjoni, fi Frar 2017, tar-rapport annwali tal-2016 ta’ Banco Popular li ħabbar telf ikkonsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, ħtieġa għal provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun u l-ħatra ta’ president ġdid, kif ukoll għall-pubblikazzjoni f’Mejju tal-2017, tar‑rapport finanzjarju għall‑ewwel trimestru tal‑2017 li jħabbar ir-riżultati inqas tajbin minn dawk mistennija mis‑suq. Is-SRB rrefera għat-tnaqqis fil-grad ta’ Banco Popular minn diversi aġenziji tal-klassifikazzjoni fi Frar, f’April u f’Ġunju tal-2017. Huwa rrileva wkoll li l-kopertura kontinwa negattiva tal-media dwar ir-riżultati finanzjarji u dwar ir-riskju allegatament imminenti ta’ falliment jew ta’ nuqqas ta’ likwidità wasslu għal żieda fil-ħruġ tad-depożiti.

338    Barra minn hekk, is-SRB indika, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, li, fit-12 ta’ Mejju 2017, il-kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular kien waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit mill-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament Nru 575/2013 u li Banco Popular ma kienx irnexxilu jirrestawra l-konformità tiegħu ma’ dan il-limitu fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

339    L-Artikolu 412(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jiddefinixxi r-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġijiet tal-likwidità kif ġej:

“L-istituzzjonijiet għandu jkollhom assi likwidi, li s-somma tal-valuri tagħhom tkopri l-ħruġ ta’ likwidità imnaqqas mid-dħul tal-likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet iżommu livelli ta’ riżervi ta’ likwidità li jkunu adegwati sabiex jiffaċċjaw kwalunkwe żbilanċ possibbli bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress kbir fuq perijodu ta’ tletin ġurnata. Waqt żmien ta’ stress, l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw l-assi likwidi tagħhom sabiex ikopru l-flussi ‘l barra netti ta’ likwidità tagħhom.”

340    Minn dawn l-elementi jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-problema tal-likwidità ta’ Banco Popular ma setgħetx titqies bħala temporanja biss fid-data tal-valutazzjoni mwettqa mill-BĊE. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li, f’dik l-istess data, il-bank innifsu informa lill-BĊE li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment minħabba problemi ta’ likwidità.

341    Kif jirrileva s-SRB, dawn l-elementi differenti jinsabu fil-linji gwida tal-EBA, tas-6 ta’ Awwissu 2015 dwar l-interpretazzjoni tas-sitwazzjonijiet differenti li fihom il-falliment ta’ istituzzjoni jitqies bħala attwali jew prevedibbli skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59 (EBA/GL/2015/07) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-EBA”).

342    Dawn il-Linji Gwida, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2016, għandhom l-għan li jipprovdu ġabra ta’ elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk entità tkunx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, skont iċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 32(4)(a) sa (c) tad-Direttiva 2014/59. Il-kliem tal-Artikolu 32(4)(c) tad-Direttiva 2014/59 huwa identiku għal dak tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

343    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw mal-linji gwida u mar-rakkomandazzjonijiet tal-EBA relatati mal-kompiti li jistgħu jitwettqu minn dawn il-korpi.

344    Skont il-Linji Gwida tal-EBA, istituzzjoni għandha titqies f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 32(4)(c) tad-Direttiva 2014/59, jekk tikser ir-rekwiżiti regolatorji tal-likwidità, jekk ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew obbligi oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom jew jekk ikunu jeżistu elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li dan ser iseħħ fil-futur qarib.

345    Fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Linji Gwida tal-EBA jsemmu, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, kull avveniment sfavorevoli sinjifikattiv li jaffettwa l-iżvilupp tal-pożizzjoni ta’ likwidità tal-istituzzjoni u l-vijabbiltà tal-profil tal-finanzjament tagħha kif ukoll il-kapaċità tagħha li tosserva r-rekwiżiti minimi tal-likwidità previsti fir-Regolament Nru 575/2013 u r-rekwiżiti addizzjonali imposti skont l-Artikolu 105 ta’ dan ir-regolament jew kwalunkwe rekwiżit minimu nazzjonali ta’ likwidità; fit-tieni lok, kull żvilupp sfavorevoli sinjifikattiv fl-obbligi attwali u futuri tal-istituzzjoni, li l-evalwazzjoni tagħhom għandha tqis, fejn xieraq, il-ħruġ ta’ likwidità mistenni u eċċezzjonali, inkluż kwalunkwe sinjal ta’ ġbid massiv ta’ flus potenzjali mill-banek; fit-tielet lok, kull avveniment li jista’ jkun ta’ ħsara serja għar-reputazzjoni tal-istituzzjoni, b’mod partikolari, kwalunkwe tnaqqis sinjifikattiv fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħha minn aġenzija tal-klassifikazzjoni waħda jew iktar li jirriżulta fi ħruġ sinjifikattiv ta’ kapital jew fl-inkapaċità li jiġġeddu l-finanzjament jew l-attivazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali abbażi ta’ kwalifiki esterni.

346    L-elementi varji kkunsidrati mill-BĊE u mis-SRB u, skont il-Linji Gwida tal-EBA, li barra minn hekk ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, ippermettew li jiġi konkluż li Banco Popular kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

347    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li r-rifjut tas-SRB u tal-Kummissjoni li jagħtuhom aċċess għad-dokumenti li fuqhom huma bbażaw ruħhom ma ppermettiex li jqajmu b’mod utli l-argumenti intiżi li jikkontestaw li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta.

348    Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-riferiment għall-evalwazzjoni tal-BĊE fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, u b’mod partikolari r-riferiment għall-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, jinsabu fil-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni annessa mar-rikors. Barra minn hekk, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-evalwazzjoni tal-BĊE kienet disponibbli fuq is-sit internet ta’ dan tal-aħħar fl-14 ta’ Awwissu 2017, jiġifieri qabel ma ġiet ippreżentata r-replika.

349    Għalhekk, kif ġie rrilevat mis-SRB, l-elementi oġġettivi, li fuqhom kienu bbażati l-evalwazzjonijiet li jistabbilixxu li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ minħabba s-sitwazzjoni ta’ likwidità tiegħu, kienu jinsabu fl-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-evalwazzjoni tal-BĊE, li kienu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti, tal-inqas qabel ma ġiet ippreżentata r-replika.

350    Barra minn hekk, kif isostni s-SRB u kif indikat minn Banco Santander matul is-seduta, wieħed mir-rikorrenti, bħala membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular, kellu aċċess dirett għall-informazzjoni dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular.

351    Minn dan isegwi li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta.

352    Għaldaqstant l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014

353    Ir-rikorrenti jsostnu li l-elementi li jinsabu fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ma humiex suffiċjenti sabiex juru li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet issodisfatta. Fil-fehma tagħhom, kien hemm miżuri ta’ natura privata jew prudenzjali, minbarra r-riżoluzzjoni, li s-SRB u l-Kummissjoni kellhom jeżaminaw.

354    Fl-Artikolu 3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-BĊE, ikkonkluda li ma kienet teżisti l-ebda miżura alternattiva li tista’ tipprekludi l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet issodisfatta.

355    B’mod iktar partikolari, fl-Artikolu 3.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri privati oħra setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular. L-assenza ta’ tali miżuri setgħet tiġi dedotta, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

–        il-bank innifsu kien irrikonoxxa f’ittra indirizzata lill-BĊE fis-6 ta’ Ġunju 2017 li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ;

–        il-proċedura ta’ bejgħ privat ma kinitx wasslet għal riżultat pożittiv f’terminu li kien jippermetti lill-bank iħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom;

–        ma kienx wisq probabbli li l-bank ikun f’pożizzjoni li jimmobilizza likwidità addizzjonali suffiċjenti permezz ta’ tranżazzjonijiet tas-suq jew operazzjonijiet tal-bank ċentrali, jew permezz ta’ miżuri previsti fil-fond ta’ riżerva tiegħu u l-pjanijiet tiegħu ta’ stimolu fit-termini neċessarji;

–        assistenza ta’ likwidità b’urġenza kienet tkun insuffiċjenti fid-dawl tad-deterjorament rapidu tal-pożizzjoni ta’ likwidità.

356    Fl-Artikolu 3.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri prudenzjali, inklużi miżuri ta’ intervent bikri, jistgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular. Is-SRB rrileva li, fl-evalwazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, il-BĊE kien ikkonferma li ma kien hemm l-ebda miżura prudenzjali jew ta’ intervent bikri disponibbli li setgħet tirrestawra immedjatament il-pożizzjoni ta’ likwidità tal-bank u li setgħet tippermettilu żmien suffiċjenti sabiex jimplimenta tranżazzjoni ta’ negozju jew soluzzjoni oħra. Il-miżuri disponibbli għall-BĊE bħala awtorità kompetenti, skont it-traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36, tal-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 jew skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, ma setgħux jiggarantixxu li l-bank ikun f’pożizzjoni li jissoddisfa l-obbligi u d-djun l-oħra tiegħu meta jilħqu l-maturità tagħhom, b’kunsiderazzjoni tal-firxa u tar-ritmu tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità osservata.

357    Fl-Artikolu 3.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, jipprekludi l-falliment ta’ Banco Popular fi żmien raġonevoli. B’mod partikolari, is-SRB kkunsidra li, peress li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ minħabba l-pożizzjoni ta’ likwidità tagħha, l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ fondi proprji ma kinux ikunu suffiċjenti sabiex tiġi restawrata s-sitwazzjoni ta’ likwidità tal-bank.

358    Fir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li l-elementi li jinsabu fil-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ppubblikata mis-SRB, b’mod partikolari l-Artikoli 3.1 sa 3.4, huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ridotti u għalhekk ma humiex suffiċjenti sabiex juru li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 hija ssodisfatta.

359    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-verżjonijiet inqas ridotti ppubblikati mis-SRB fuq is-siti internet tiegħu wara t-2 ta’ Frar u l-31 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri qabel il-preżentata tar-replika, dawn il-punti jidhru fl-intier tagħhom.

360    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li r-rifjut tas-SRB u tal-Kummissjoni li jagħtuhom aċċess għad-dokumenti li kienu bbażaw ruħhom fuqhom ma jippermettix li huma jwieġbu għall-argumenti invokati fir-risposta. Madankollu, ir-rikorrenti ma jispeċifikawx liema argumenti ma humiex f’pożizzjoni li jwieġbu għalihom.

361    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-assenza ta’ kwalunkwe miżura ta’ natura privata oħra kienet tkun sempliċement “dedotta” minn ċerti fatturi mis-SRB, fatt li ma huwiex suffiċjenti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014. L-ewwel fattur huwa l-ittra mibgħuta minn Banco Popular lill-BĊE fis-6 ta’ Ġunju 2017, li skontha huea kien iqis li l-falliment tiegħu kien prevedibbli. Din l-ittra ma tistax tiġi invokata sabiex issostni l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014. It-tieni fattur huwa d-dikjarazzjoni li l-proċedura ta’ bejgħ privat ma kinitx titlesta f’perijodu ta’ żmien li jippermetti lil Banco Popular li jħallas id-djun tiegħu u obbligazzjonijiet oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Madankollu, din il-proċedura ma rnexxietx minħabba s-SRB, li d-dikjarazzjonijiet mill-Presidenta tiegħu kienu kkontribwew għall-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

362    Fir-rigward tal-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2017 ta’ Banco Popular lill-BĊE, iċċitata fil-paragrafi 328 u 329 hawn fuq, fid-deskrizzjoni tagħhom tal-kontenut ta’ dik l-ittra fit-tweġiba tagħhom għan-noti ta’ intervent, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien qiegħed jaffaċċja problemi serji ta’ likwidità u li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

363    Hemm lok li jitqies li, meta informa lill-BĊE li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ, il-Bord tad-Diretturi neċessarjament aċċetta li ma kienet għadha teżisti l-ebda soluzzjoni oħra li tippermetti li tiġi evitata din is-sitwazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kontenut ta’ dik l-ittra huwa għalhekk rilevanti sabiex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 kinitx issodisfatta.

364    Fir-rigward tal-konstatazzjoni fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li l-proċedura ta’ bejgħ privat ma kinitx ipproduċiet riżultat pożittiv f’terminu li kien jippermetti lill-bank li jonora d-djun tiegħu jew obbligi oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, dan huwa wkoll element fattwali rilevanti li ppermetta lis-SRB jikkonkludi li dan il-bejgħ ma kienx jikkostitwixxi miżura ta’ natura privata li tista’ tipprekludi l-falliment ta’ Banco Popular fis-sens tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014.

365    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li dan il-bejgħ privat ma kienx irnexxa minħabba s-SRB, u b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq sempliċi allegazzjoni mhux sostnuta u li huwa, fi kwalunkwe każ, ineffettiv. Fil-fatt, skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB kellu jikkonstata l-assenza ta’ soluzzjonijiet ta’ natura privata alternattivi għar-riżoluzzjoni u rrileva, b’mod oġġettiv, li l-proċedura ta’ bejgħ privat mibdija minn Banco Popular ma kinitx ta’ suċċess. F’dan ir-rigward, ir-raġunijiet għaliex din is-soluzzjoni ta’ natura privata ma kinitx fattibbli ma kinux rilevanti.

366    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-Artikoli 3.1 sa 3.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jirriżulta li s-SRB ma bbażax ruħu biss fuq dawn iż-żewġ elementi sabiex jikkonkludi favur l-assenza ta’ possibbiltà tal-użu ta’ kwalunkwe miżura oħra ta’ natura privata. Is-SRB ikkonstata wkoll ma kienx probabbli wisq li l-bank kien sejjer ikun kapaċi jimmobilizza likwidità addizzjonali suffiċjenti permezz ta’ tranżazzjonijiet tas-suq jew operazzjonijiet tal-bank ċentrali u lanqas permezz ta’ miżuri previsti fil-fond ta’ riżerva tiegħu u l-pjanijiet tiegħu ta’ stimolu fit-termini neċessarji u li assistenza ta’ likwidità b’urġenza kienet insuffiċjenti fid-dawl tal-ħeffa tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità.

367    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB ma pprovda l-ebda prova insostenn tad-dikjarazzjoni li tinsab fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri prudenzjali, inklużi miżuri ta’ intervent bikri, jistgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular. Is-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza, li kienet tipprovdi biżżejjed żmien sabiex titlesta l-proċedura ta’ bejgħ privat jew sabiex tiżgura li ma kien hemm l-ebda miżura privata oħra, bħall-bejgħ tal-assi jew żieda fil-kapital. Skont ir-rapport tal-espert anness mar-rikors, Banco Popular kellu biżżejjed garanziji sabiex jiġġustifika l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza u r-riżoluzzjoni urġenti ta’ likwidità setgħet tiġi evitata.

368    Ir-rikorrenti jsostnu li minn żewġ ittri mill-Bank ta’ Spanja lill-BĊE tal-5 ta’ Ġunju 2017 jirriżulta li ngħatat garanzija minn Banco Popular li tiġġustifika l-għoti tal-ammont sħiħ tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza mitluba. Jidher li l-Bank ta’ Spanja indika li din l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza kienet tkun biżżejjed sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular fuq medda qasira ta’ żmien. Il-BĊE kien japprova l-provvista tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza mitluba u l-ammont kien jippermetti lil Banco Popular li jlesti l-proċedura ta’ bejgħ jew il-programm ta’ żieda kapitali tiegħu. Ir-rikorrenti jindikaw li ma jafux għaliex l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza, li kienet ġiet approvata mill-Bank ta’ Spanja u mill-BĊE, ma ngħatatx. Huma jinnotaw li kien biss wara li l-BĊE ddikjara li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ li l-Bank ta’ Spanja rtira l-approvazzjoni tiegħu sabiex jagħti din l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza.

369    Hemm lok li jiġi rrilevat li, fis-6 ta’ Ġunju 2017, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, il-BĊE rrileva li, filwaqt li l-Banco Popular kien żviluppa diversi miżuri li jiġġeneraw likwidità addizzjonali matul dawn l-aħħar ġimgħat preċedenti u bdiet timplimentahom, il-portata tal-influssi ta’ dħul imwettqa u li għadhom mistennija ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi rrimedjat id-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità Popular ta’ Banco Popular fid-data ta’ din l-evalwazzjoni. Il-BĊE indika li, anki bl-użu tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza li għaliha l-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma oġġezzjonax fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-sitwazzjoni tal-likwidità f’dik id-data ma kinitx suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ Banco Popular li tissodisfa l-obbligi tagħha sa mhux iktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2017.

370    Fil-premessa 26(c) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB kkonstata li Banco Popular kien irċieva assistenza ta’ likwidità b’urġenza fil-5 ta’ Ġunju 2017, wara l-assenza ta’ oġġezzjoni mill-BĊE, iżda l-Bank ta’ Spanja ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdilu assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali.

371    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li, f’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2017, il-Bank ta’ Spanja talab lill-BĊE sabiex jaqbel li jagħti assistenza ta’ likwidità b’urġenza lil Banco Popular, sabiex jaffaċċja l-kriżi severa ta’ likwidità li kien qiegħed ibati minnha. Madankollu, fl-istess jum, il-Bank ta’ Spanja bagħat ittra ġdida lill-BĊE li tinkludi talba għal estensjoni tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza favur Banco Popular, wara li dan tal-aħħar kien informah bil-movimenti ta’ likwidità estremament kbar. Dawn iż-żewġ ittri mibgħuta lill-BĊE fl-istess jum juru l-ħeffa li biha ddeterjorat is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

372    B’hekk, is-SRB ikkonstata, fl-Artikolu 3.2(d) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li assistenza ta’ likwidità b’urġenza kienet tkun insuffiċjenti fid-dawl tal-ħeffa tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

373    Hemm lok li jiġi rrilevat li, l-għada ta’ din l-ewwel assistenza ta’ likwidità b’urġenza, jiġifieri fis-6 ta’ Ġunju 2017, minħabba l-portata u l-ħeffa tal-ġbid tal-likwidità, il-BĊE u l-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular kkonkludew li l-bank ma kienx għadu f’pożizzjoni li jonora d-djun tiegħu jew obbligi oħra fl-iskadenza tas-7 ta’ Ġunju 2017. B’hekk, ladarba ġie kkonstatat il-falliment ta’ Banco Popular, ma kinitx iktar prevedibbli assistenza ta’ likwidità b’urġenza.

374    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li s-SRB ma għandu l-ebda rwol fl-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza li taqa’ taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali.

375    Għaldaqstant, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB seta’ biss jikkonstata, minn naħa, li l-BĊE, fl-evalwazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, kien qies li l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza li kien approva ma kinitx ippermettiet li tissolva l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, li l-Bank ta’ Spanja ma kien ipprovda l-ebda assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali lil Banco Popular.

376    Is-SRB għalhekk ma setax iqis soluzzjoni li kienet barra mill-kompetenza tiegħu u li ma kinitx iktar fattibbli ladarba l-BĊE u Banco Popular nnifsu kienu qiesu li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

377    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li s-SRB naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza, li kienet tipprovdi żmien suffiċjenti sabiex tiġi adottata miżura ta’ natura privata, sabiex titlesta l-proċedura ta’ bejgħ privat jew sabiex jiġi żgurat li ma kienx hemm miżuri oħra ta’ natura privata.

378    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li ma kinux jafu r-raġuni għaliex il-Bank ta’ Spanja ma kienx ta assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan huwa ineffettiv. Fil-fatt, peress li s-SRB seta’ biss jieħu nota tar-rifjut tal-Bank ta’ Spanja li jagħti assistenza ta’ likwidità b’urġenza lil Banco Popular, ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut ma humiex rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

379    Minn dan jirriżulta li lanqas ma huwa rilevanti r-rapport tal-esperti tat-3 ta’ Awwissu 2017, anness mar-rikors, li jinkludi analiżi tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, sa fejn jistabbilixxi, skont ir-rikorrenti, li Banco Popular kellu biżżejjed garanziji sabiex jibbenefika minn assistenza ta’ likwidità b’urġenza.

380    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, assistenza ta’ likwidità b’urġenza ma kinitx tikkostitwixxi miżura alternattiva għar-riżoluzzjoni.

381    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li kienu jeżistu soluzzjonijiet ta’ natura privata li setgħu jsolvu l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u li jistgħu jiġu implimentati f’terminu raġonevoli. Huma jelenkaw għadd ta’ miżuri u jiddikjaraw li setgħu ġew implimentati kieku l-Bank ta’ Spanja kien awtorizzat li jagħti l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza sħiħa kif mitluba.

382    Kif jenfasizza Banco Santander, dawn is-soluzzjonijiet huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li Banco Popular seta’ jibbenefika minn assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali fis-6 ta’ Ġunju 2017.

383    Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn ġie kkonstatat li s-SRB seta’ biss jieħu nota, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-fatt li l-Bank ta’ Spanja ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali lil Banco Popular, ir-rikorrenti ma wrewx il-fattibbiltà tas-soluzzjonijiet ta’ natura privata invokati minnhom.

384    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-soluzzjonijiet invokati minnhom setgħu jiġu implimentati f’terminu suffiċjentement qasir sabiex jippermetti lil Banco Popular isolvi l-problema ta’ likwidità tiegħu u li ma jiġix iddikjarata bħala f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-6 ta’ Ġunju 2017.

385    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-azzjonisti ta’ Banco Popular approvaw, fil-laqgħa annwali tal-10 ta’ April 2017, delega favur il-Bord tad-Diretturi sabiex tiġi awtorizzata żieda fil-kapital ta’ 50 % tal-kapital azzjonarju tal-bank. Huma jibbażaw ruħhom ukoll fuq id-dokumenti inklużi fl-anness tar-rikors, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet ta’ tnejn minnhom, Del Valle Ruiz u Ruiz Sacristán, li skonthom partijiet interessati sinjifikattivi kienu lesti li jinjettaw ammonti sinjifikanti ta’ kapital sabiex jgħinu lil Banco Popular jegħleb il-problemi ta’ likwidità tiegħu fuq medda qasira ta’ żmien. Din l-injezzjoni ta’ kapital kienet terġa’ tagħti l-fiduċja lill-bank u kienet tagħti iktar żmien sabiex titwettaq il-proċedura ta’ bejgħ privat.

386    Huma jindikaw ukoll li, f’Mejju 2017, Deutsche Bank stima li Banco Popular kellu bżonn injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 4 biljun u li Del Valle Ruiz u investituri oħra kienu lesti jipparteċipaw sa 50 % ta’ dan l-ammont, li fit-3 ta’ Ġunju 2017, Barclays Bank allegatament offra lil Banco Popular li jipparteċipa f’din iż-żieda tal-kapital u li fil-5 ta’ Ġunju 2017 Deutsche Bank informa lil Banco Popular li kien interessat jipparteċipa f’din iż-żieda tal-kapital fl-ammont ta’ EUR 2 biljun. Barra minn hekk, fl-aħħar ta’ Mejju 2017, Pacific Investment Management Company LLC (PIMCO) impenjat ruħha li tipprovdi sa EUR 300 miljun f’każ ta’ żieda fil-kapital.

387    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mid-dikjarazzjonijiet ta’ Del Valle Ruiz u Ruiz Sacristán li jinsabu fl-anness tar-rikors jirriżulta li ż-żieda proposta tal-kapital mill-azzjonisti ta’ Banco Popular kienet biss fi stadju preparatorju fid-data tar-riżoluzzjoni. B’hekk, fir-rikors, ir-rikorrenti jirreferu għal estratt mid-dikjarazzjoni ta’ Del Valle Ruiz li fih iddikjara li huwa u investitur ieħor iddiskutew, fit-2 ta’ Ġunju 2017, l-organizzazzjoni ta’ laqgħa ma’ bank ta’ investiment dwar l-aħjar mod kif tiġi strutturata ż-żieda fil-kapital u li din il-laqgħa kienet prevista li ssir fil-5 ta’ Ġunju 2017.

388    Fir-rigward tal-ittri tal-Barclays Bank u ta’ Deutsche Bank, dawn ma fihom l-ebda impenn definittiv minn dawn il-banek sabiex jiżdied il-kapital ta’ Banco Popular, iżda pjuttost jirriflettu diskussjonijiet sempliċi dwar żieda potenzjali tal-kapital fil-futur. Dawn l-ittri jirrilevaw li, fid-data meta ntbagħtu, il-proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ Banco Popular kien għadu biss fi stadju ta’ żvilupp bikri ħafna.

389    B’hekk, fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Ġunju 2017 lil Banco Popular, li estratt minnha huwa anness mar-replika, Barclays Bank jagħmel riferiment biss għal diskussjonijiet riċenti dwar żieda fil-kapital li l-għan tagħha kien, għal Banco Popular, li jkopri l-ħtiġijiet tiegħu ta’ proviżjonament addizzjonali u li jilħaq livelli ta’ kapital sinjifikattivament ogħla, sabiex jittaffew l-isfidi li jirriżultaw minn skopertura partikolari għall-proprjetà immobbli u assi oħra mhux produttivi li kellha taffaċċja. B’hekk, fl-estratt minn din l-ittra, minn naħa, xejn ma jindika li Barclays Bank kien dispost jipparteċipa f’din iż-żieda fil-kapital u, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar ma jsemmix il-kriżi ta’ likwidità li kien affaċċjat biha Banco Popular u ma jipproponi l-ebda soluzzjoni intiża li tirrimedjaha.

390    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti pproduċew bħala prova ġdida, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, verżjoni sħiħa ta’ din l-ittra.

391    Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, f’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

392    Fl-ittra tagħhom tas-7 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti jiġġustifikaw il-produzzjoni tardiva ta’ dan id-dokument bil-fatt li dan ġie żvelat fil-media u issa jinsab fid-dominju pubbliku, iżda dan kien għadu mhux il-każ meta ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent fit-30 ta’ Settembru 2019.

393    Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispeċifikawx id-data li fiha dan id-dokument kien ġie żvelat fil-media. F’dan ir-rigward, is-SRB, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar din il-produzzjoni ta’ prova ġdida, indika li verżjoni mhux ridotta ta’ din l-ittra ġiet ippubblikata fuq is-sit internet ta’ Diario16 fid-9 ta’ April 2019.

394    Minn dan kollu jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, verżjoni mhux ridotta tal-ittra tal-Barclays Bank kienet fid-dominju pubbliku qabel ma ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma ġġustifikawx il-produzzjoni tardiva ta’ dan id-dokument u li dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli mingħajr in-neċessità li jiġi eżaminat il-valur probatorju tiegħu.

395    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kontenut ta’ din l-ittra ma jappoġġjax l-argument tar-rikorrenti li żieda fil-kapital kienet alternattiva vijabbli u ma jistabbilixxix li Barclays Bank kellu l-ħsieb li jipparteċipa finanzjarjament f’żieda futura fil-kapital ta’ Banco Popular. Fil-fatt, f’din l-ittra, Barclays Bank jiddikjara mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal Banco Popular u indika li kien f’pożizzjoni li jassistih f’din it-tranżazzjoni importanti. Barclays Bank esprima l-interess tiegħu li jissottoskrivi bħala koordinatur globali jew persuna responsabbli mill-kontabbiltà għal 50 % tat-tranżazzjoni skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Hija żiedet riżervi legali, ikkonfermati mill-ittra ta’ kopertura, fejn ġie indikat li “kwalunkwe impenn jew offerta b’konnessjoni ma’ sottoskrizzjoni ta’ dan it-tip tirriżulta fi ftehim jew ftehimiet separati li għandhom jiġu konklużi bejn Banco Popular u [hu], sakemm il-kundizzjonijiet tas-suq ikunu sodisfaċenti, id-diliġenza dovuta tkun irnexxiet, il-partijiet ikunu qablu dwar il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet sa dik id-data […] u li l-awtorizzazzjonijiet interni kollha meħtieġa jkunu nkisbu”. Fl-aħħar lok, Barclays Bank enfasizza li din l-ittra ma kinitx tikkostitwixxi offerta li jissottoskrivi għat-tranżazzjoni jew kwalunkwe finanzjament u ma kinitx maħsuba sabiex toħloq relazzjoni legali bejnu u Banco Popular.

396    Fl-ittra tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2017 lil Banco Popular annessa mar-replika, Deutsche Bank jagħmel riferiment biss għall-interess tiegħu li jiżgura 50 % ta’ żieda possibbli fil-kapital ta’ EUR 4 biljun. L-ittra tindika biss li “ovvjament hemm ċerti kundizzjonijiet, iżda l-ittra hija bbażata fuq il-konvinzjoni tagħna li f’ċirkustanzi li naħsbu li jistgħu realistikament jiġu soddisfatti, tista’ tinkiseb żieda [fil-kapital] li tistabbilizza l-bank”. Għalhekk, din l-ittra ma tistax tiġi interpretata bħala li fiha impenn definittiv mingħand Deutsche Bank u ma tikkonċernax soluzzjoni għall-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

397    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti rigward il-parteċipazzjoni ta’ PIMCO f’żieda fil-kapital, hija tibbaża ruħha fuq kwotazzjoni minn artiklu ta’ El Mundo tal-11 ta’ Diċembru 2017. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Kummissjoni, li, f’dan l-artiklu huwa indikat ukoll li PIMCO ma kkonfermatx l-attivitajiet tagħha rigward Banco Popular.

398    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li Banco Popular lesta ruħu wkoll sabiex ibiegħ assi mhux strateġiċi.

399    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din is-sempliċi dikjarazzjoni fir-rikors ma hija bbażata fuq l-ebda prova, peress li d-dokumenti annessi mar-replika li jirreferu għalihom ir-rikorrenti ma jikkonċernawx il-pjanijiet għall-bejgħ tal-assi. Fi kwalunkwe każ, kif jindikaw ir-rikorrenti, dawn kienu proġetti sempliċi. B’hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li tali bejgħ ta’ assi, li kien biss fi stadju preparatorju, seta’ ġie konkluż qabel diversi ġimgħat u seta’ intervjena f’terminu suffiċjenti sabiex jippermetti lil Banco Popular isib likwidità suffiċjenti sabiex jaffaċċja l-impenji tiegħu fis-7 ta’ Ġunju 2017.

400    Fit-tielet lok, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li BBVA xtaq jagħmel offerta ta’ akkwist ta’ Banco Popular, iżda li s-SRB u l-FROB ma tawhx żmien suffiċjenti sabiex jippreżenta offerta kompetittiva, u li d-deċiżjonijiet ikkontestati pprekludew bejgħ kompetittiv.

401    Dan l-argument huwa irrilevanti, peress li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular imsemmija mir-rikorrenti ma tikkonċernax soluzzjoni alternattiva għar-riżoluzzjoni, iżda l-proċedura ta’ bejgħ organizzata mill-FROB fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

402    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jargumentaw li, kieku l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza mitluba ngħatat kollha kemm hi, kienet tiġi proposta offerta aħjar għall-akkwist ta’ Banco Popular u li Banco Santander kien lest iħallas EUR 200 miljun, iżda huwa rtira l-offerta tiegħu meta sar jaf li kien l-uniku offerent.

403    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li kieku kienet tingħata assistenza ta’ likwidita b’urġenza addizzjonali lil Banco Popular. Barra minn hekk, din hija allegazzjoni mhux sostanzjata li Banco Santander kienet tkun lesta li tagħmel offerta ogħla u li kienet infurmata li kienet l-uniku offerenti qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ bejgħ organizzata mill-FROB.

404    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-miżuri alternattivi li kienu invokati minnhom setgħu jiġu implimentati bil-ħeffa u li setgħu jippermettu lil Banco Popular jistabbilixxi mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu ta’ likwidità f’terminu suffiċjentement qasir u li għalhekk ma wrewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li ma kinux jeżistu miżuri alternattivi għar-riżoluzzjoni li jistgħu jipprekludu s-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular fis-6 ta’ Ġunju 2017.

405    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li s-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni l-miżuri invokati minnhom. Fil-fatt, kif jirrilevaw il-Kummissjoni u s-SRB, dan tal-aħħar seta’, ġustament, jillimita l-evalwazzjoni tiegħu għal miżuri li setgħu effettivament jiġu implimentati fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti u tat-termini stabbiliti.

406    B’hekk, is-SRB ma kienx obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni miżuri li ma kinux jippermettu li tissolva l-problema urġenti marbuta mad-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular li kienet is-sors tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tal-bank.

407    Minn dak li ntqal jirriżulta li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidraw li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet issodisfatta.

408    Konsegwentement, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda, u għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014

409    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB u l-Kummissjoni kisru l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014 minħabba li l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji rilevanti ġew issodisfatti. Ir-rikorrenti jirreferu għall-argumenti tagħhom invokati fil-ħames motiv.

410    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif għamlu l-Kummissjoni, is-SRB u r-Renju ta’ Spanja, li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti sempliċement jirreferu għall-argumenti tagħhom invokati fil-ħames motiv u ma jqajmu l-ebda argument ġdid intiż speċifikament sabiex jistabbilixxi ksur tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

411    Għaldaqstant, billi l-ħames motiv ġie miċħud, is-sitt motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta

412    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru, fl-ewwel lok, id-dritt għal smigħ u, fit-tieni lok, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sanċit fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta.

 Fuq l-ewwel ilment, marbut mad-dritt għal smigħ

413    Ir-rikorrenti jargumentaw li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux innotifikati lilhom u li ma kellhomx l-opportunità li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tagħhom. Issa, id-deċiżjonijiet ikkontestati jċaħħduhom mid-dritt għall-proprjetà tagħhom u kellhom l-opportunità li jissottomettu osservazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ miżuri prudenzjali jew ta’ natura privata li huma alternattivi għar-riżoluzzjoni. Huma jżidu li, kieku ngħataw l-opportunità li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura, huwa probabbli is-SRB u l-Kummissjoni kienu jadottaw perspettiva differenti rigward il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni kinux issodisfatti u dwar il-valutazzjoni ta’ Banco Popular.

414    Preliminarjament, mill-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv jirriżulta li l-fatt li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix għas-smigħ tal-azzjonisti tal-entità koperta minn miżura ta’ riżoluzzjoni jikkostitwixxi limitazzjoni fuq id-dritt għal smigħ, minn naħa, li hija ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, li fih jipparteċipa wkoll l-għan intiż li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità, kif ukoll min-neċessità li tiġi adottata deċiżjoni malajr ladarba l-kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni jkunu ġew issodisfatti u, min-naħa l-oħra, li tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

415    Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 121 u 122 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rispett tad-dritt għal smigħ għandu japplika għal kwalunkwe proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju anki fejn ir-regoli applikabbli ma jipprovdux b’mod espliċitu għal tali formalità.

416    Qabelxejn, hemm lok li jitfakkar li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB fi tmiem il-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 għandha bħala l-għan tagħha r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha destinatarja unika li hija l-FROB u Banco Popular għandha titqies bħala l-persuna li fir-rigward tagħha ġiet adottata miżura individwali u li fir-rigward tagħha d-dritt għas-smigħ huwa ggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

417    Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti, bħala azzjonisti jew detenturi tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, ma humiex destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li ma hijiex deċiżjoni individwali adottatha kontrihom, u lanqas tad-Deċiżjoni 2017/1246 li tapprova din l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

418    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB eżerċita s-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular.

419    Għaldaqstant, il-proċedura segwita mis-SRB fl-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, anki jekk ma tikkostitwixxix proċedura individwali miftuħa kontra r-rikorrenti, tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom bħala azzjonisti jew detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular.

420    Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 121 iktar ’il fuq, adottat interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal smigħ bħala li huwa ggarantit lil kwalunkwe persuna matul il-proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju.

421    Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, iċċitat fil-punt 131 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 132 iktar ’il fuq, fil-każ li r-rikorrenti jkunu jistgħu jagħmlu użu mid-dritt li jinstemgħu sanċit fil-Karta fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, dak id-dritt jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet. B’mod partikolari, l-assenza ta’ smigħ tar-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta’ azzjonisti jew ta’ detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, kemm jekk mis-SRB jew mill-Kummissjoni, jista’ seta’ jiġi ġġustifikat.

422    F’dan il-każ, fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħqu żewġ għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja u tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular.

423    F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 4.4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB spjega li kien ikkonkluda li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet qiegħda twassal għal riskju dejjem ikbar ta’ effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Spanja, filwaqt li bbaża ruħu fuq diversi elementi. Fost dawn l-elementi kien hemm, fl-ewwel lok, id-daqs u l-importanza ta’ Banco Popular, li kien jikkostitwixxi l-kumpannija omm tas-sitt grupp bankarju ta’ Spanja, b’ammont totali ta’ assi ta’ EUR 147 biljun, u li ġiet indikata fl-2017 mill-Bank ta’ Spanja bħala istituzzjoni ta’ importanza sistematika. Is-SRB irrileva b’mod partikolari li Banco Popular kien wieħed mill-atturi prinċipali tas-suq fi Spanja, b’sehem sinjifikattiv mis-suq fis-segment tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u li kellu sehem relattivament għoli mis-suq tad-depożiti (kważi 6 %) u għadd kbir ta’ klijenti konsumaturi (madwar 1.4 miljun) madwar Spanja kollha. Fit-tieni lok, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni n-natura tal-operat ta’ Banco Popular, li kien imsejjes fuq attivitajiet bankarji kummerċjali u kien jiffoka prinċipalment fuq l-offerta tal-finanzjament, il-ġestjoni tat-tfaddil u s-servizzi lill-individwi, lill-familji u lill-impriżi (b’mod partikolari s-SMEs). Skont is-SRB, ix-xebh tal-mudell kummerċjali ta’ Banco Popular ma’ dak ta’ banek kummerċjali Spanjoli oħra jista’ jikkontribwixxi għall-potenzjal ta’ kontaġju indirett għal dawn il-banek, li jista’ jitqies li qiegħed jaffaċċja l-istess diffikultajiet.

424    Fl-Artikolu 4.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB identifika tliet funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2016/778, jiġifieri l-ġbir ta’ depożiti minn unitajiet domestiċi u korporazzjonijiet mhux finanzjarji, is-self lis-SMEs u s-servizzi ta’ ħlas bi flus kontanti.

425    Hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-ħames motiv, ir-rikorrenti sostnew ksur tal-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014, iżda ma kkontestawx li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet neċessarja fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 18(1)(c) ta’ dan ir-regolament.

426    Issa, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2004, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha titqies bħala li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba, b’mezzi proporzjonati, ta’ għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar previsti fl-Artikolu 14 ta’ dan l-istess regolament, meta stralċ tal-entità skont proċedura normali ta’ insolvenza ma jkunx jippermetti din il-kisba sal-istess punt.

427    Għalhekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet meħtieġa u proporzjonata sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikanti tal-falliment Popular tal-Banco fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tiegħu.

428    Għaldaqstant, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet issegwi l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji li, skont l-analiżi mwettqa fir-rigward tal-ewwel ilment tal-ewwel motiv, jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika limitazzjoni fuq id-dritt tar-rikorrenti li jinstemgħu, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

429    Barra minn hekk, mill-analiżi tal-ewwel motiv jirriżulta wkoll li, meta entità tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li għandha tiġi adottata deċiżjoni f’perijodu ta’ żmien qasir ħafna.

430    B’hekk, f’dan il-każ, mill-mument li l-BĊE kkonstata li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u s-SRB qies li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, il-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni kellu jiġi adottat mill-iktar fis possibbli.

431    Dan it-teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet kien iġġustifikat min-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular u sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fuq is-swieq finanzjarji, b’mod partikolari billi jiġu evitati riskji ta’ kontaġju. F’dan il-każ, minħabba li l-falliment ta’ Banco Popular seħħ matul il-ġimgħa, kien neċessarju li tintemm il-proċedura u li tiġi adottata d-deċiżjoni qabel il-ftuħ tas-swieq fl-għodwa tas-7 ta’ Ġunju 2017.

432    Kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:16), il-ħeffa li biha għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dawn l-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni sabiex jiġi evitat l-impatt negattiv tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni bankarja fuq is-swieq finanzjarji u din il-ħeffa, barra minn hekk, tobbligahom de facto li jkunu “ppreparaw” id-deċiżjoni qabel ma jniedu l-proċedura sabiex japprofittaw mill-għeluq tas-swieq tat-titoli.

433    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux sempliċement jiddikjaraw li s-SRB u l-Kummissjoni ma ġġustifikawx l-għaġla li biha adottaw id-deċiżjonijiet ikkontestati.

434    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li smigħ minn qabel tar-rikorrenti, li jinfurmahom bl-eżistenza ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni imminenti, kien iwassal għal riskju li huma jadottaw aġir fis-suq li jiggrava s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular. Tali smigħ għalhekk kien seta’ jdgħajjef l-effettività tal-miżura ta’ riżoluzzjoni prevista.

435    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-smigħ tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/1246 kien iwassal għal tnaqqis sostanzjali fil-ħeffa tal-proċedura u, konsegwentement, kien jipperikola kemm il-kisba tal-għanijiet segwiti mir-riżoluzzjoni kif ukoll l-effettività tagħha.

436    Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ smigħ tar-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ikkostitwixxa limitazzjoni fuq id-dritt għal smigħ li kienet iġġustifikata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja u li jkun osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

437    Madankollu, f’dan il-każ, mill-analiżi tal-ħames motiv jirriżulta li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidraw li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, jiġifieri li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tiegħu fi żmien raġonevoli. Mill-analiżi tat-tieni parti tal-ħames motiv jirriżulta b’mod partikolari li r-rikorrenti ma wrewx li hemm miżuri alternattivi li jistgħu jirrimedjaw il-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u b’hekk li jipprekludu r-riżoluzzjoni tagħha.

438    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li, kieku ngħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ miżuri prudenzjali jew ta’ natura privata matul il-proċedura, l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx tiġi adottata.

439    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li kellhom jinstemgħu sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jċaħħduhom mid-drittijiet tagħhom għall-proprjetà tagħhom, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 160 sa 162 iktar ’il fuq jirriżulta li limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata ma tistax tiġġustifika obbligu li jagħtihom dritt li jinstemgħu.

440    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni ilment, dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

441    Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tat-termini għall-preżentata ta’ rikors previsti fl-Artikolu 263 TFUE, kienu obbligati li jippreżentaw rikors mingħajr ma kienu rċevew il-provi li jifformaw il-bażi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fatt li jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fir-replika, huma indikaw li s-SRB u l-Kummissjoni ser ikomplu jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti li fuqhom dawn tal-aħħar ibbażaw ruħhom fid-deċiżjonijiet ikkontestati u fir-risposti tagħhom, fatt li ma jippermettix lilhom jeżerċitaw ir-rikors tagħhom kif suppost u lanqas lil Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

442    Hemm lok li jitfakkar li, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull persuna li ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha li huma ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit minn din id-dispożizzjoni teżiġi, b’mod partikolari, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni b’azzjoni diretta kontra entità partikolari (ara, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ Stat tad-dritt (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

443    Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha minn awtorità amministrattiva jew mill-qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Frar 2021, Ramazani Shadary vs Il‑Kunsill, T‑122/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:61, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

444    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tas-SRB fil-11 ta’ Lulju 2017 u li d-Deċiżjoni 2017/1246 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta’ Lulju 2017. Billi r-rikorrenti kellhom aċċess għal dawn tal-aħħar, dawn setgħu jikkontestawhom quddiem il-Qorti Ġenerali permezz tar-rikors odjern, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li jistabbilixxi l-eżistenza tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

445    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu fit-2 ta’ Frar u fil-31 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri qabel ma ġiet ippreżentata r-replika , il-valutazzjoni 1 u l-verżjonijiet inqas ridotti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2. Dawn il-pubblikazzjonijiet kienu intiża sabiex jagħtu lill-pubbliku aċċess usa’ għal dawn id-dokumenti li oriġinarjament kienu kkunsidrati kunfidenzjali. Ir-rikorrenti għalhekk kellhom l-opportunità li jikkompletaw l-argumenti tagħhom fid-dawl tal-informazzjoni l-ġdida li tirriżulta minn dawn il-pubblikazzjonijiet.

446    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li s-SRB ma tahom l-ebda aċċess għall-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2.

447    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti ma humiex destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li hija indirizzata lill-FROB. Ir-rikorrenti għandhom jitqiesu bħala partijiet terzi u għalhekk ma għandhomx dritt li tiġi kkomunikata lilhom l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

448    Skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jippubblika fuq is-sit internet uffiċjali tiegħu jew kopja tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew inkella komunikazzjoni li tipprovdi sunt tal-effetti tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, u b’mod partikolari l-effetti fuq il-klijenti fil-livell tal-konsumatur.

449    F’dan il-każ, fis-7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu komunikazzjoni li tħabbar l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, akkumpanjata minn dokument li jiġbor fil-qosor l-effetti tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-11 ta’ Lulju 2017, is-SRB, barra minn hekk, ippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB ippubblika wkoll fuq is-sit tal-internet tiegħu, fit-2 ta’ Frar 2018 u sussegwentement fil-31 ta’ Ottubru 2018, verżjonijiet mhux kunfidenzjali inqas ridotti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2.

450    Barra minn hekk, l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi kif ġej:

“Qabel ma tiġi żvelata kwalunkwe informazzjoni, il-Bord għandu jiżgura li ma jkunx fiha informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari, billi jkunu valutati l-effetti li l-iżvelar jista’ jkollu fuq l-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, fuq l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq investigazzjonijiet u fuq l-awditi. Il-proċedura tal-verifika tal-effetti tal-iżvelar tal-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta’ kwalunkwe żvelar tal-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni kif jingħad fl-Artikoli 8 u 9, tar-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 10 jew tal-iskema ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18.”

451    Din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament għall-obbligu tas-SRB li jiżgura, qabel il-pubblikazzjoni jew il-komunikazzjoni lil parti terza tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li din ma tkunx tinkludi informazzjoni kunfidenzjali. Dan l-obbligu japplika wkoll għall-valutazzjoni 2 li tikkostitwixxi anness għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u li tifforma parti integrali minnha skont l-Artikolu 12.2 tal-imsemmija riżoluzzjoni.

452    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma hemm l-ebda għajnuna mill-Istat iddenunzjata minn lanjant tista’, fid-dawl tal-obbligu tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-kawżi, tkun suffiċjentement motivata mingħajr ma jiġu inklużi elementi figurattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-raġunament ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 108 sa 111). Għaldaqstant, verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjoni, meta din turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-imsemmija istituzzjoni kif ukoll il-metodoloġija użata minnha b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tagħhom, hija suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-istess istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 55).

453    Barra minn hekk, fir-rigward tal-elementi ekonomiċi użati minn Deloitte fil-valutazzjoni 2 u meħuda inkunsiderazzjoni mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax jiġi kkontestat li dawn jaqgħu fl-ambitu ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi. Ġaladarba l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet turi b’mod ċar ir-raġunament segwit mis-SRB sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata ulterjorment il-fondatezza tagħha quddiem il-qorti kompetenti, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi jew għal kull wieħed mill-elementi figurattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-raġunament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

454    Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjoni 2 jinkludu informazzjoni kunfidenzjali li s-SRB għandu obbligu li jipproteġi. Min-naħa l-oħra, huma ma speċifikawx sa liema punt id-data ekonomika li baqgħet moħbija fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2 kienet neċessarja sabiex tinftiehem l-iskema ta’ riżoluzzjoni u għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

455    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw dritt li jirċievu komunikazzjoni tal-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2.

456    Fit-tieni lok, billi jikkontestaw l-assenza ta’ komunikazzjoni, mis-SRB u l-Kummissjoni, tad-dokumenti li fuqhom huma bbażaw ruħhom għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, qabel l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet, ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

457    L-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba, jipprovdi li dan id-dritt jinkludi d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tal-kawżi.

458    Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa previst fl-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 li jipprovdi li:

“Il-persuni li jkunu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Bord għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Bord, suġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-ħarsien tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux ikun estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-Bord.”

459    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-aċċess għall-fajl, fil-każijiet tal-kompetizzjoni, huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jiksbu konjizzjoni tal-provi li jkunu fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli fuq il-konklużjonijiet li tkun waslet għalihom din tal-aħħar fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn il-provi. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża ta’ din l-impriża. Dawn jinkludu kemm provi favur kif ukoll dawk kontra, bl-eċċezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il-Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punti 261 u 262 u l-ġurisprudenza ċċitata).

460    Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura segwita quddiem il-Kummissjoni li jkollha l-għan li timponi multa fuq impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jeħtieġ li l-impriża fil-mira titqiegħed f’pożizzjoni li tgħarraf b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza tal-ksur. Dawn id-drittijiet huma msemmija fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni, C‑591/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1026, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

461    Fit-tielet lok, fir-rigward b’mod iktar ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif sanċiti fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, dan jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl b’osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2020, Kalai vs Il-Kunsill, T‑178/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:580, punt 73).

462    Fir-raba’ lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni x’aktarx, bħala prinċipju, jwassal għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni meta jkun ippreġudika d-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, il-punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Lulju 2015, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑47/10, EU:T:2015:506, punt 349 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

463    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 459 sa 462 iktar ’il fuq jirriżulta li kemm id-dritt ta’ aċċess għall-fajl sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, l-aċċess għall-fajl fil-kawżi tal-kompetizzjoni huma marbuta ma’ persuni jew impriżi suġġetti għal proċeduri miftuħa jew deċiżjonijiet meħuda kontrihom.

464    Issa, f’ din il-kawża, mill-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl jikkonċerna l-entità suġġetta għall-iskema ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri Banco Popular, u mhux l-azzjonisti jew il-kredituri tagħha. Min-naħa l-oħra, jidher mill-eżami tal-ewwel ilment li r-rikorrenti ma kellhomx id-dritt li jinstemgħu fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

465    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw id-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

466    Barra minn hekk, kemm l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdu li ċerta data tista’ tiġi protetta jekk din tkun kunfidenzjali.

467    Għaldaqstant ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-assenza ta’ komunikazzjoni mis-SRB u mill-Kummissjoni tad-dokumenti li fuqhom huma bbażaw ruħhom, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

468    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li ma setgħux jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ rimedju effettiv peress li ma kellhomx aċċess għad-dokumenti li fuqhom is-SRB u l-Kummissjoni bbażaw ruħhom fid-deċiżjonijiet ikkontestati, wara l-adozzjoni tagħhom. Huma jallegaw li s-SRB u l-Kummissjoni ma hemżux dawn id-dokumenti mad-difiża tagħhom u li ma spjegawhomx għaliex dawn id-dokumenti kienu kunfidenzjali. Huma jqisu li, anki jekk dawn id-dokumenti jkun fihom data kunfidenzjali, ir-rappreżentanti tagħhom jista’ jkollhom aċċess għalihom fil-proċedimenti preżenti.

469    Għandu jiġi rrilevat li ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tiggarantixxi lir-rikorrenti d-dritt ta’ aċċess għal verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2 jew għal dokumenti oħra li fuqhom is-SRB ikun ibbaża ruħu fl-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, peress li dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li jipproteġu l-kunfidenzjalità ta’ ċerta data.

470    Fil-fatt, is-SRB u l-Kummissjoni għandhom obbligu li jipproteġu d-data kunfidenzjali tal-entitajiet kollha, inklużi s-sigrieti kummerċjali, skont l-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta u l-Artikolu 88(1) u (3) tar-Regolament Nru 806/2014.

471    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU 2004, L 145, p. 1), li l-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment, ibbażata fuq sorveljanza eżerċitata fi ħdan Stat Membru u fuq l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ diversi Stati Membri, hekk kif deskritt fil-qosor fil-punti preċedenti, jeħtieġ li kemm l-impriżi ssorveljati kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta żżomm bħala regola n-natura kunfidenzjali tagħha (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

472    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-assenza ta’ tali fiduċja hija ta’ natura li tikkomprometti t-trasferiment mingħajr problemi tal-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ sorveljanza. Huwa għalhekk sabiex jiġu protetti mhux biss l-interessi speċifiċi tal-impriżi direttament ikkonċernati, iżda wkoll l-interess ġenerali marbut mal-funzjonament normali tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni, li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jimponi, bħala regola ġenerali, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

473    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar ir-rekwiżiti tas-sigriet professjonali tal-membri tas-SRB, fih dispożizzjoni ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39.

474    Barra minn hekk, mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament, is-SRB jista’, permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jew direttament wara li jinfurmahom, jagħmel użu sħiħ mill-informazzjoni kollha disponibbli lill-BĊE jew lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jitlob b’mod partikolari lill-entitajiet previsti minn miżura ta’ riżoluzzjoni sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq il-kompiti konferiti lilu minn dan ir-Regolament. Il-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu jispeċifika li r-rekwiżiti tas-sigriet professjonali ma jeżentawx lil dawk l-entitajiet mill-obbligu li jipprovdu tali informazzjoni. L-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB għandu jkun jista’ jikseb, inkluż fuq bażi kontinwa kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skont dan ir-regolament, b’mod partikolari dwar il-fondi proprji, il-likwidità, l-assi u l-obbligazzjonijiet li jikkonċernaw kwalunkwe istituzzjoni suġġetta għas-setgħat tiegħu ta’ riżoluzzjoni.

475    Madankollu, id-dokumenti li bbaża ruħu fuqhom is-SRB fl-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari d-dokumenti relatati mas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular, mat-talba tiegħu għal assistenza ta’ likwidità b’urġenza u mal-evalwazzjoni tal-BĊE tas-sitwazzjoni tiegħu ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tiegħu, jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari sigrieti tan-negozju, li s-SRB għandu l-obbligu li jipproteġi.

476    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma kellhomx dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kollha li fuqhom is-SRB u l-Kummissjoni bbażaw ruħhom għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li dawk id-dokumenti jista’ jkun fihom data kunfidenzjali, fatt li huma ma jikkontestawx. Ir-rikorrenti għalhekk ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq dan ir-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti sabiex isostnu ksur tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tagħhom.

477    Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti li jikkostitwixxu, skont ir-rikorrenti, il-bażi tad-deċiżjonijiet ikkontestati u r-risposti, dawn tal-aħħar jirreferu fl-anness tar-rikors, għad-diversi talbiet tagħhom għal aċċess għad-dokumenti trażmessi lill-Kummissjoni, lis-SRB u lill-BĊE, fuq il-bażi b’mod partikolari tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Fir-replika, huma jirreferu għar-rifjut tas-SRB u tal-Kummissjoni li jagħtuhom aċċess għad-dokumenti li talbu fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri.

478    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-risposti għal dawk it-talbiet għall-aċċess huma s-suġġett ta’ rikors separat quddiem il-Qorti Ġenerali.

479    Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għat-talba tagħhom għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fuq il-bażi tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, imressqa quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ottubru 2018, intiża sabiex is-SRB u l-Kummissjoni jiġu ordnati jipproduċu għadd ta’ dokumenti, li l-lista tagħhom hija mehmuża mar-rikors.

480    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għandha l-fakultà li titlob lis-SRB jipproduċi kwalunkwe dokument li hija tqis rilevanti sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew permezz ta’ miżura istruttorja, skont l-Artikoli 91(b) u 92(3), tar-Regoli tal-Proċedura. Madankollu, skont l-Artikolu 103(1) tal-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tqis li ċerta informazzjoni inkluża f’dawn id-dokumenti hija kunfidenzjali u b’hekk tiddeċiedi li ma tiġix ikkomunikata lill-partijiet l-oħra, b’mod partikolari lir-rikorrenti.

481    Minn dan jirriżulta li deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tordna l-produzzjoni tad-dokumenti ma tiggarantixxix aċċess lir-rikorrenti għall-kontenut sħiħ ta’ dawn id-dokumenti jekk il-Qorti Ġenerali tqis li dawn jinkludu data kunfidenzjali.

482    Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fit-12 ta’ Mejju 2021, permezz ta’ digriet ta’ miżuri istruttorji, talbet lis-SRB sabiex jipproduċi ċerti dokumenti, inklużi verżjonijiet kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2 u tal-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular. B’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, wara li eżaminat il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, il-Qorti Ġenerali qieset li l-elementi li baqgħu moħbija fil-verżjonijiet ta’ dawn id-dokumenti ppubblikati fis-siti internet tas-SRB u tal-BĊE ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali sfilzat il-verżjonijiet kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti mill-proċess.

483    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan ġie miċħud fl-analiżi tat-tieni parti tal-ewwel motiv.

484    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud it-tieni lment u għaldaqstant, it-tieni motiv bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà

485    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB u l-Kummissjoni kisru, mingħajr ġustifikazzjoni u b’mod sproporzjonat, id-dritt għall-proprjetà tagħhom sanċit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta. Huma jargumentaw li l-iżvalutazzjoni tal-kapital azzjonarju ta’ Banco Popular u l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti kapitali tagħha ċaħħdu l-azzjonijiet u l-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular li huma kellhom minn kull valur ekonomiku.

486    Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander isostnu essenzjalment li d-dritt għall-proprjetà sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati mill-għanijiet ta’ interess pubbliku, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li tiġi ġġustifikata restrizzjoni fuq id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

487    L-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

488    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 85, u tat-23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 100).

489    Minn dan jirriżulta li d-dritt għall-proprjetà ma huwiex dritt assolut, iżda li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, iċċitat fil-punt 131 iktar ’il fuq, jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet jekk dawn ikunu previsti mit-testi applikabbli, meħtieġa għall-kisba ta’ għan ġenerali u proporzjonali għal dak l-għan.

490    Għandu jitfakkar li, fl-Artikolu 6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, li jwettaq żvalutazzjoni u konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular skont it-termini stabbiliti fil-punt 73 hawn fuq.

491    Barra minn hekk, mill-premessa 61 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta, minn naħa, li r-restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri għandhom ikunu konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 62 tal-istess regolament li l-ksur tad-drittijiet għall-proprjetà ma għandux ikun sproporzjonat.

492    Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 dwar il-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni, l-azzjonisti tal-istituzzjoni suġġetti għal proċedura ta’ riżoluzzjoni huma l-ewwel li jġarrbu t-telf.

493    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-azzjonisti ta’ banek, li, skont ir-regoli ġenerali applikabbli għall-istatus tal-azzjonisti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, dawn tal-aħħar jassumu totalment ir-riskju tal-investimenti tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 73).

494    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li, peress li l-azzjonisti huma responsabbli għad-djun tal-bank sal-ammont tal-kapital azzjonarju ta’ dan tal-aħħar, il-fatt li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU 2013, C 216, p. 1) jirrikjedu li, sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ kapital ta’ bank, qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, dawn l-azzjonisti għandhom jikkontribwixxu sabiex jiġi assorbit it-telf subit minn dan il-bank bl-istess mod bħal fl-assenza ta’ tali għajnuna mill-Istat, ma jistax jitqies li jaffettwa d-dritt tagħhom ta’ proprjetà (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 74).

495    Hemm lok li jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li d-deċiżjoni, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, li kienu miżmuma mir-rikorrenti hija l-konsegwenza tal-fatt li l-azzjonisti ta’ entità għandhom iġorru r-riskji inerenti fl-investimenti tagħhom u tal-fatt li, minħabba li l-entità hija suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni minħabba l-falliment tagħha, huma għandhom iġorru l-konsegwenzi ekonomiċi.

496    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li miżura li tikkonsisti fi tnaqqis fil-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ bank Ċiprijott kienet proporzjonata mal-għan segwit minn dik il-miżura. Qabelxejn, hija rrilevat li din il-miżura kienet maħsuba sabiex tikkontribwixxi għar-rikapitalizzazzjoni tal-bank, u li kienet adatta għall-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u taż-żona tal-euro fl-intier tagħha. Sussegwentement, hija kkonstatat li din il-miżura ma qabżitx il-limiti ta’ dak li kien xieraq u neċessarju għall-kisba ta’ dan l-għan, peress li alternattivi inqas restrittivi ma kinux fattibbli jew ma kinux jippermettu l-kisba tar-riżultati mistennija. Finalment, qieset li, fid-dawl tal-importanza tal-għan segwit, il-miżura ma kinitx toħloq inkonvenjenzi sproporzjonati. F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-azzjonisti tal-banek jassumu bis-sħiħ ir-riskju tal-investimenti tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 330).

497    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis fil-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ dan il-bank kien jikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 331).

498    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 iktar ’il fuq jirriżulta li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni u li l-falliment ta’ bank sistemiku wieħed jew iktar jista’ jinfirex malajr għal banek oħra fl-Istat Membru kkonċernat, jew fi Stati Membri oħra.

499    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja fiż-żona tal-euro, u fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ telf finanzjarju li għalih id-depożitanti mal-banek ikkonċernati kienu jkunu esposti fil-każ ta’ falliment ta’ dawn tal-aħħar, ċerti restrizzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà jistgħu ikunu ġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 74).

500    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm hemm interess pubbliku ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti ta’ investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha, fuq l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 91, u tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 54).

501    Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkunsidra li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata għall-għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari billi jiġi evitat il-kontaġju, inkluż għall-infrastrutturi tas-suq, u tinżamm id-dixxiplina tas-suq. Huwa indika li l-istralċ ta’ Banco Popular skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma kienx jippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet sal-istess punt. Fid-Deċiżjoni 2017/1246, il-Kummissjoni approvat b’mod espliċitu r-raġunijiet mogħtija mis-SRB sabiex jiġġustifika n-neċessità għal miżura ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku.

502    Għalhekk, l-iskema ta’ riżoluzzjoni, sa fejn kienet intiża li tippreserva jew tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular u b’mod partikolari sa fejn kienet tikkostitwixxi alternattiva għal-likwidazzjoni tagħha, kienet tilħaq l-għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

503    Madankollu, il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular inklużi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kienu jaqgħu taħt dan l-għan.

504    Ir-rikorrenti jindikaw li ma jpoġġux f’dubju l-kompatibbiltà tal-SRM kif previst fir-Regolament Nru 806/2014 mal-Artikolu 17 tal-Karta. Huma jissottomettu li d-deċiżjonijiet ikkontestati b’mod mhux ġustifikat kisru d-drittijiet għall-proprjetà tagħhom u jinvokaw tliet ilmenti. L-ewwel lok, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jissodisfawx il-“kundizzjonijiet previsti mil-liġi”, it-tieni, jiksru l-kontenut essenzjali tad-drittijiet għall-proprjetà tagħhom billi ma jipprovdux għal kumpens, u t-tielet, li dan l-ksur kien sproporzjonat.

505    Fl-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-interferenza fid-drittijiet għall-proprjetà tagħhom ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21(1) tal-istess regolament, in-nuqqas li ssir valutazzjoni korretta skont l-Artikolu 20 ta’ dak ir-regolament u l-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati mingħajr salvagwardji adegwati relatati mal-proċess ġust u jirreferu għall-argumenti mqajmin fit-tieni, fir-raba’, fil-ħames u fis-sitt motiv.

506    Huwa biżżejjed li jitfakkar li l-argumenti mqajma fit-tieni, fir-raba’, fil-ħames u fis-sitt motiv ġew miċħuda. Fil-fatt, mill-analiżi ta’ dawn il-motivi jirriżulta li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 18, 20 u 21 tar-Regolament Nru 806/2014 u li ma kienx hemm ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

507    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

508    Permezz tat-tieni ilment, ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċaħda tal-proprjetà tagħhom mingħajr kumpens tikser il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà tagħhom. Huma jsostnu li ma twettqet l-ebda valutazzjoni indipendenti u l-ebda valutazzjoni definittiva ex post prevista fl-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, li jikkostitwixxu ż-żewġ “miżuri ta’ salvagwardja” speċifiċi, previsti fir-Regolament Nru 806/2014 sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta, li tippermetti li jkun iggarantit lilhom il-ħlas ta’ kumpens ġust. Huma jsostnu li valutazzjoni ex ante indipendenti u kompluta, li tippermetti li jiġi evalwat il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità ma saritx u ma setgħetx tkun ibbażata fuq il-fatt li strument ta’ riżoluzzjoni kien diġà ntgħażel. Huma jqisu li, fil-każ li ma jkunx hemm valutazzjoni ex post definittiva prevista mill-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, il-“miżuri ta’ salvagwardja” maħsuba sabiex jipproteġu d-dritt tal-azzjonisti għal kumpens ma ġewx osservati. Il-valutazzjoni 3 prevista fl-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 tilħaq għanijiet differenti u s-SRB ma jistax isostni li din hija biżżejjed.

509    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti li l-valwutzzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u li skonthom kellha tieħu inkunsiderazzjoni diversi xenarji ta’ riżoluzzjoni possibbli diġà ġew miċħuda fl-analiżi tar-raba’ motiv. Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB seta’ jibbaża ruħu fuq valutazzjoni provviżorja sabiex jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fl-aħħar lok, mill-analiżi tar-raba’ motiv, jirriżulta li l-assenza ta’ valutazzjoni definittiva ex post, fis-sens tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, ma tistax taffettwa l-validità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

510    Fit-tieni lok, ir-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi mekkaniżmu għall-kumpens tal-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni, ibbażat fuq il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014, li jistabbilixxi li l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar minn dak li kien iġarrab li kieku entità suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni ġiet stralċjata skont proċedura normali ta’ insolvenza.

511    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-entità kkonċernata kienet ġiet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li valutazzjoni titwettaq wara r-riżoluzzjoni. Skont l-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014, din il-valutazzjoni tistabbilixxi jekk hemmx differenza bejn it-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri kieku l-istituzzjoni kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ riżoluzzjoni u t-trattament attwali li kienu suġġetti għalih bħala parti mir-riżoluzzjoni.

512    Jekk, bħala riżultat ta’ tali valutazzjoni, jiġi stabbilit li l-azzjonisti jew il-kredituri sofrew telf ikbar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kienu jġarrbu fi stralċ skont proċedura normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 76(1), ir-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB jista’ jirrikorri għas-SRF sabiex jikkumpensahom.

513    Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi mekkaniżmu intiż li jiggarantixxi lill-azzjonisti jew lill-kredituri tal-entità suġġetta għal riżoluzzjoni kumpens ġust skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

514    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għall-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni jikkonfermaw li dan il-mekkaniżmu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Fil-fatt, skont l-estratt minn din l-analiżi tal-impatt iċċitata mir-rikorrenti fir-replika:

“Il-ksur tad-dritt għall-proprjetà ma huwiex sproporzjonat, minħabba li l-qafas jipprovdi għad-dritt għal kumpens favur l-azzjonisti u l-kredituri affettwati. L-azzjonisti u l-kredituri għandhom id-dritt li jiġu kkumpensati għall-valur tal-azzjonijiet jew id-dejn tagħhom li jkunu intitolati għalihom fil-każ ta’ stralċ normali tal-kumpanija. Ir-rekwiżiti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kumpens b’riferiment għall-valur tal-impriża, kif evalwat minn espert indipendenti, jikkostitwixxu garanzija addizzjonali. Barra minn hekk, il-kumpens għandu jiżgura li l-azzjonisti u l-kredituri ma jirċevux trattament inqas favorevoli bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni jew l-użu tas-setgħa ta’ riżoluzzjoni milli kienu jirċievu kieku dik l-għodda jew setgħa ma ntużawx u kieku l-istituzzjoni tal-kreditu kollha kemm hi kienet suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli. B’mod partikolari, fejn id-dejn ta’ kreditur jibqa’ ma’ istituzzjoni ta’ kreditu li l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet tagħha jkunu ġew trasferiti lil entità oħra u l-entità ta’ kreditu residwa tiġi stralċjata, il-kreditur għandu jiġi kkumpensat jekk l-ammont li huwa rċieva fiż-żmien ta’ dan l-istralċ ikun inqas mill-ammont li l-kreditur kien jirċievi skont il-[proċedura ta’ insolvenza] li kieku t-trasferiment ma kienx seħħ.

Ir-regoli ċċitati iktar ’il fuq dwar il-kumpens jipproteġu l-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà. Fil-fatt, jekk is-setgħat ta’ riżoluzzjoni ma jiġux eżerċitati, il-kumpannija li tkun qegħda tfalli tkun suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza. Skont il-liġi dwar il-falliment, il-kredituri għandhom dritt għal distribuzzjoni proporzjonali tar-rikavat mill-bejgħ tal-assi bankarji, u l-azzjonisti għandhom dritt għal distribuzzjoni tal-assi rimanenti wara l-ħlas tal-kredituri kollha. Dan il-kontenut essenzjali huwa protett skont il-prinċipji li jirregolaw il-kumpens. Konsegwentement, ir-restrizzjonijiet ma jillimitawx id-dritt għall-proprjetà b’mod sproporzjonat.”

515    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jidhru li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li huma ma kisbu l-ebda kumpens fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, peress li l-Artikolu 17(1) tal-Karta ma jipprevedix il-ħlas ta’ kumpens flimkien mar-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà, iżda l-ħlas fil-ħin.

516    Permezz tal-argument tagħhom li t-twettiq ta’ valutazzjoni definittiva ex post prevista fl-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 huwa neċessarju sabiex jiġi rrispettat id-dritt għall-proprjetà tagħhom, ir-rikorrenti jidhru li jsostnu li l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas lill-azzjonisti għandu jiġi kkalkulat fid-dawl tar-riżultati tal-valwazzjoni definittiva ex post. Huma jsostnu li l-valutazzjoni definittiva ex post hija maħsuba sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità qabel l-adozzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni u li sservi skopijiet differenti mill-valutazzjoni 3 prevista fl-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014.

517    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fl-ipoteżi fejn l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx ġiet adottata, l-alternattiva kienet tikkonsisti fl-istralċ ta’ Banco Popular fi proċedura normali ta’ insolvenza.

518    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-telf tal-azzjonisti ta’ banek f’diffikultajiet għandu, fi kwalunkwe każ, l-istess portata, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-kawża tiegħu tkunx ibbażata fuq dikjarazzjoni ta’ falliment minħabba l-assenza ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew fuq proċedura għall-għoti ta’ tali għajnuna suġġetta għall-kundizzjoni minn qabel ta’ qsim tal-oneri (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 75).

519    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-punt 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jipprevedi li “irid jinżamm il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar” u li “il-kredituri subordinarji [subordinati] m’għandhomx jirċievu inqas f’termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata” (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 77).

520    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan il-punt jirriżulta li l-miżuri ta’ qsim ta’ oneri li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur bank b’nuqqas ta’ kapital ma jistax iwassal għal preġudizzju li l-kredituri subordinati ma kinux iġarrbu fuq id-dritt għall-proprjetà fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment sussegwenti għall-assenza ta’ għoti ta’ tali għajnuna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li l-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet, bħal dawk previsti mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, jikkostitwixxu ndħil fid-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti u tal-kredituri subordinati (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 78 u 79).

521    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ titolu, l-ammont ta’ kumpens dovut għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-valur veru tas-suq ta’ dan it-titolu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, u mhux fid-dawl tal-valur nominali tiegħu jew tal-ammont li d-detentur tiegħu ttama li jipperċepixxi fil-mument tal-akkwist tiegħu (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il-Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 314 u l-ġurisprudenza ċċitata).

522    Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li l-applikazzjoni fil-każ preżenti tal-prinċipju previst fl-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014, imsemmi fil-punt 510 iktar ’il fuq, li l-ebda kreditur ma jista’ jiġi ttrattat b’mod iktar ħażin, jiggarantixxi lir-rikorrenti kumpens ġust skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

523    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-valur tal-investiment tagħhom ma għandux jiġi kkalkolat fid-dawl tas-sitwazzjoni qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, kif jista’ jirriżulta minn valutazzjoni definittiva ex post, iżda jikkorrispondi għall-valur tiegħu fil-każ li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tkunx ġiet adottata, li jikkorrispondi għal sitwazzjoni ta’ stralċ ta’ Banco Popular.

524    Barra minn hekk, kif jammettu r-rikorrenti, il-valutazzjoni definittiva ex post prevista fl-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, u l-valutazzjoni 3 prevista fl-Artikolu 20(16) tal-istess regolament, huma distinti. Ir-realizzazzjoni ta’ valutazzjoni definittiva ex post ma hijiex utli għall-finijiet tal-valutazzjoni 3, li l-għan tagħha huwa li jiġu pparagunati t-trattament attwali li rċevew l-azzjonisti ta’ Banco Popular b’riżultat tar-riżoluzzjoni u t-trattament li kienu jirċievu fil-kuntest ta’ proċediment ipotetiċi ta’ insolvenza. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li, fl-assenza ta’ valutazzjoni definittiva ex post, is-SRB u l-Kummissjoni ma kellhom l-ebda bażi sabiex jiddikjaraw kien sejjer jitħallas kumpens raġonevoli.

525    Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li s-SRB indika li, f’dan il-każ, li ma kinitx sejra titwettaq valutazzjoni definittiva ex post ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom.

526    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq l-ipoteżi żbaljata li setgħu bbenefikaw, f’dan il-każ, minn kumpens skont l-Artikolu 20(12)(a) tar-Regolament Nru 806/2014.

527    Skont l-Artikolu 20(12)(a) tar-Regolament Nru 806/2014:

“Fil-każ li l-istima tal-valwazzjoni ex-post definittiva tal-valur tal-assi netti ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ogħla mill-istima tal-valwazzjoni provviżorja tal-valur tal-assi netti ta’ dik l-entità, il-Bord jista’ jitlob lill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex:

a)      teżerċita s-setgħat tagħha li żżid il-valur tal-pretensjonijiet tal-kredituri jew tas-sidien ta’ strumenti kapitali rilevanti li tagħmel valwazzjoni negattiva bl-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna”.

528    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tapplika meta l-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata tkun l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

529    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

530    Permezz tat-tielet ilment, ir-rikorrenti jqisu li, fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-interferenza fid-dritt għall-proprjetà tagħhom tirrispettax il-kontenut essenzjali ta’ dak id-dritt, din hija sproporzjonata.

531    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il-Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju jitfakkar fl-Artikolu 5(4) TUE, kif ukoll fl-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjeta' u ta’ proporzjonalità', anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.

532    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom huwa sproporzjonat minħabba li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati mingħajr ma dawn instemgħu qabel.

533    Kif jirrileva s-SRB, id-dritt għal smigħ huwa dritt proċedurali awtonomu li l-ksur tiegħu ma jimplikax awtomatikament ksur tad-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta.

534    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li mill-analiżi tat-tieni motiv, u b’mod partikolari mill-punti 160 u 161 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà sanċit fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-persuna kkonċernata għandha, fiċ-ċirkustanzi kollha, tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni ta’ miżuri li jaffettwaw id-dritt għall-proprjetà tagħha.

535    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument sabiex jispjegaw kif l-assenza ta’ smigħ mis-SRB, qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, affettwat id-drittijiet għall-proprjetà tagħhom.

536    It-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-dritt għall-proprjetà tagħhom kien miksur b’mod sproporzjonat sa fejn ma kellhomx dritt għal kumpens, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-analiżi tat-tieni ilment.

537    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti sempliċement jiddikjaraw li s-SRB u l-Kummissjoni ma wrewx li l-għodda ta’ riżoluzzjoni adottata, inklużi l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji, kienet is-soluzzjoni l-inqas vinkolanti sabiex jintlaħaq għan leġittimu.

538    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwa bbażat fuq l-ebda argument u għalhekk huwa infondat.

539    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

540    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-ewwel lok, Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u li ma kienx hemm miżuri alternattivi li jistgħu jipprekludu din is-sitwazzjoni, fit-tieni lok, li, fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni, Banco Popular kien ikun suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza u, fit-tielet lok, li l-azzjonisti ta’ Banco Popular kellhom jassumu r-riskju tal-investimenti tagħhom u li r-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi l-ħlas possibbli ta’ kumpens skont il-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jkun ittrattat iktar ħażin. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni li titwettaq żvalutazzjoni jew li jiġu kkonvertiti l-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tikkostitwixxix intervent sporporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, iżda għandha titqies bħala restrizzjoni għad-dritt għall-proprjetà tagħhom iġġustifikat u proporzjonat, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 u 52 tal-Karta.

541    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

542    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni u s-SRB kisru l-obbligu ta’ motivazzjoni billi naqsu milli jipprovdu raġunijiet speċifiċi u konkreti għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

543    L-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba jipprevedi li dan id-dritt jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li tipprovdi motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha.

544    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 85 u 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group, C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

545    Barra minn hekk, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u l-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ limitu ta’ żmien li taħthom għandu jintervjeni (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il-Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il-Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 162).

546    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB ipprovda biss verżjoni ridotta tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u ma pproduċiex provi li japoġġjaw dik l-iskema. Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom b’mod utli mir-rimedji tagħhom minħabba r-rifjut tas-SRB li jagħtihom aċċess għad-dokumenti ewlenin li jiffurmaw parti mill-motivazzjoni tiegħu, inkluża verżjoni mhux ridotta tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

547    Hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jagħmlux riferiment għall-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u ma jispjegawx liema elementi huma insuffiċjenti sabiex tinftiehem il-portata tagħha. Huma ma jindikawx liema parti mir-raġunament segwit mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex suffiċjentement ċara.

548    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, b’dawn l-argumenti, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li ma rċevewx verżjoni sħiħa tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll id-dokumenti insostenn tagħha. Madankollu, dawn l-argumenti diġà tqajmu fil-kuntest tat-tieni ilment tat-tieni motiv dwar il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

549    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-analiżi tat-tieni ilment jidher li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu dritt li jirċievu komunikazzjoni tal-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2 jew dokumenti oħra li bbaża ruħu fuqhom is-SRB sabiex jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

550    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2017/1246, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni sempliċement iddikjarat fid-deċiżjoni tagħha li approvat il-konklużjonijiet tas-SRB, mingħajr spjegazzjoni tal-evalwazzjonijiet li għamlet sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet applikabbli ġew issodisfatti u li l-għodda ta’ riżoluzzjoni proposta mis-SRB kien l-iktar xieraq u proporzjonat.

551    Jeħtieġ jitfakkar li mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246 jirriżulta li:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.”

552    Barra minn hekk, fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2017/1246, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-fatt li s-SRB indika, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li l-kundizzjonijiet kollha għall-iskattar ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti fir-rigward ta’ Banco Popular u li kien ivvaluta r-raġunijiet għaliex miżura ta’ riżoluzzjoni kienet meħtieġa fl-interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2017/1246, il-Kummissjoni rrilevat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 806/2014, kienet tissuġġetta lil Banco Popular għal riżoluzzjoni u kienet tiddetermina l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat u li kienet tistabbilixxi wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn l-elementi kollha kienu suffiċjenti.

553    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2017/1246, għamlet riferiment espliċitu għar-raġunijiet għaliex is-SRB ikkunsidra li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kienu ssodisfatti u li kien jaqbel li tiġi applikata l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Għalhekk, l-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni stabbilita fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246, għandha tinqara fid-dawl tal-premessi l-oħra tagħha u tikkonċerna dawn ir-raġunijiet kollha. F’dik il-premessa, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod espliċitu li qablet mar-raġunijiet stabbiliti fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li jiġġustikaw l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterju tal-interess pubbliku.

554    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-motivazzjoni tagħha jiffurmaw parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni 2017/1246, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 544 iktar ’il fuq.

555    Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 547 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li jistabbilixxi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx suffiċjentement motivata.

556    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kummissjoni jew “tapprova” l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonali tagħha.

557    Minn dan jirriżulta li, fejn il-Kummissjoni, bħal fil-każ preżenti, tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha jistgħu jkunu limitati sabiex jindikaw li taqbel mar-raġunijiet li jinsabu fiha. Kwalunkwe ġustifikazzjoni addizzjonali oħra għall-approvazzjoni tagħha tista’ tikkonsisti biss f’riproduzzjoni tal-elementi li diġà jinsabu fl-iskema ta’ riżoluzzjoni. Skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kummissjoni ma għandhiex tirrepeti l-analiżi tas-SRB fid-deċiżjoni tagħha, iżda tapprovaha biss.

558    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 545 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jittieħed kont tat-terminu qasir ħafna li kellha l-Kummissjoni għad-dispożizzjoni tagħha, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha mid-data tat-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB.

559    Konsegwentement, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

560    Ir-rikorrenti jsostnu li, sussidjarjament, għalkemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 huma ssodisfatti, billi għażlu l-għodda ta’ bejgħ tal-operat u billi tbiegħdu mingħajr ġustifikazzjoni mill-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016, is-SRB u l-Kummissjoni kisru l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

561    Fir-rikors, huma jindikaw li ma humiex f’pożizzjoni li jiżviluppaw il-motiv preżenti, sa fejn ma kellhomx aċċess għall-informazzjoni rilevanti, jiġifieri l-verżjoni mhux redotta tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-evalwazzjoni tal-BĊE fuq il-falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular. Fir-replika, ir-rikorrenti jindikaw li ma kinux kapaċi jressqu argumenti dwar dan il-motiv. Is-SRB u l-Kummissjoni ma spjegawx id-deċiżjoni tagħhom li jirrifjutaw li jikkonformaw mal-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016, u lanqas għaliex ma inkarigawx lil Deloitte sabiex teżamina din il-kwistjoni.

562    Skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu, b’mod partikolari, jinkludi fih il-motivi u l-argumenti invokati, kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Minħabba dan, ir-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li huwa bbażat fuqu r-rikors, b’tali mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, din l-espożizzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Iċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġu, sabiex rikors jew, b’mod iktar speċifiku, motiv, ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u liġi li fuqhom ikun ibbażat jidhru b’mod koerenti u komprensibbli mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2018, de Geoffroy et vs Il-Parlament, T‑788/16, mhux ippubblikati, EU:Y:2018:534, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Mejju 2019, PT vs BEI, T‑571/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:301, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

563    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif jindikaw ir-rikorrenti nnifishom fir-rikors u fir-replika, il-motiv li jallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi ma fih l-ebda argument speċifiku. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

564    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jimplika li assigurazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ingħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, dan id-dritt jappartjeni lil kwalunkwe persuna li fil-konfront tagħha istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, billi tawha assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot aspettattivi ġġustifikati (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

565    Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jagħmlu riferiment għal ebda assigurazzjoni speċifika li setgħet qajmet aspettattivi li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 jiġi implimentat.

566    Barra minn hekk, sa fejn jeħtieġ li tiġi interpretata d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, li jinsabu fir-replika, li skontha s-SRB u l-Kummissjoni ma spjegawx id-deċiżjoni tagħhom li jitbiegħdu mill-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 bħala li tikkostitwixxi argument li jallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, huwa suffiċjenti, bħalma għamlu l-Kummissjoni, is-SRB u r-Renju ta’ Spanja, li jsir riferiment għar-raġunijiet li jinsabu fil-premessi 19 sa 22 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

567    Għaldaqstant, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

568    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tordna lis-SRB u lill-Kummissjoni, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fuq il-bażi tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, li jipproduċu għadd ta’ dokumenti elenkati fl-anness tat-talba. Ir-rikorrenti jindikaw li d-dokumenti mitluba jikkorrispondu għall-allegazzjonijiet fattwali li jinsabu fir-risposti tas-SRB u tal-Kummissjoni u li għandhom jiġu żvelati sabiex ikunu jistgħu jwieġbu għalihom. Fl-assenza ta’ dawn id-dokumenti, ma huwiex possibbli għar-rikorrenti li jwieġbu għar-risposti u għall-Qorti Ġenerali li tevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

569    Il-Kummissjoni u s-SRB iqisu li din it-talba ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn ir-rikorrenti ma ġġustifkawx ir-raġunijiet għaliex ma setgħux iressqu din it-talba qabel u ma tawx raġunijiet preċiżi għaliex id-dokumenti mitluba kienu neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima.

570    Hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tad-digriet ta’ miżuri istruttorji tagħha, tal-21 ta’ Mejju 2021, skont l-Artikoli 91(b), 92(3) u 103 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB jipproduċi ċerti dokumenti ċċitati fil-punt 95 iktar ’il fuq. B’digriet tas-16 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dokumenti prodotti mis-SRB fil-verżjoni kunfidenzjali tagħhom ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Għall-kuntrarju, l-ittra ta’ Banco Popular lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, mingħajr l-anness tagħha, ġiet ikkomunikata lill-partijiet l-oħra.

571    Fir-rigward tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji mressqa minn parti f’kawża, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tara n‑neċessità eventwali li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi quddiemha (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il-Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE, C‑446/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:918, punt 53).

572    Jeħtieġ li jitfakkar f’dan ir-rigward li, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiġġudika l-utilità tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-parti li tagħmel it-talba għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi lill-Qorti Ġenerali b’mill-inqas ammont minimu ta’ evidenza li turi l-utilità ta’ dawk id-dokumenti għall-finijiet tal-kawża (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑474/09 P sa C‑476/09 P, mhux ippubblikati, EU:C:2011:522, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Marzu 2019, Hércules Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni, T‑766/16, EU:T:2019:173, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

573    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-elementi inklużi fil-proċess kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, wara li din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi b’mod utli fuq il-bażi tal-konklużjonijiet, ir-raġunijiet u l-argumenti żviluppati matul il-kawża u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

574    Minn dan isegwi li t-talba tar-rikorrenti għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha skont l-Artikolu 88(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

575    Hemm lok li jiġi konkluż li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

576    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, mis-SRB u minn Banco Santander kif mitluba minn dawn tal-aħħar.

577    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament u l-Kunsill għandhom iġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sur Antonio Del Valle Ruíz u r-rikorrenti l-oħra li isimhom huwa inkluż fl-Anness għandhom isostnu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u minn Banco Santander, SA.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Van der Woude

Jaeger

Kreuschitz

De Baere

 

      Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Ġunju 2022.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

Fuq is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

Fuq fatti oħra qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

Fuq l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tas-7 ta’ Ġunju 2017

Fuq il-fatti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser id-dritt għal smigħ u d-dritt għal rimedju effettiv sanċiti fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser id-dritt għal smigħ

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser id-dritt għal rimedju effettiv

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità

Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 18 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru l-prinċipji relatati mad-delega tas-setgħa

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014

Fuq l-ewwel ilment, dwar il-valutazzjoni 1

Fuq it-tieni ilment, dwar il-valutazzjoni 2

Fuq it-tielet ilment, dwar l-assenza ta’ valutazzjoni definittiva ex post

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014

Fuq it-tieni parti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta

Fuq l-ewwel ilment, marbut mad-dritt għal smigħ

Fuq it-tieni ilment, dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża – l-Ingliż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.