Language of document : ECLI:EU:T:2020:610

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

16 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Kompetizzjoni – Assoċjazzjoni ta’ impriżi – Kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ veloċi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Regoli ta’ federazzjoni sportiva – Konċiljazzjoni bejn id-dritt tal-kompetizzjoni u l-ispeċifiċità tal-isport – Imħatri sportivi – Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport – Linji gwida għall-kalkoli ta’ multi – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Miżuri korrettivi”

Fil-Kawża T‑93/18,

International Skating Union, stabbilita f’Lausanne (l-Isvizzera), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet, G. Meessen u F. van Schaik, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Mark Jan Hendrik Tuitert, residenti f’Hoogmade (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Niels Kerstholt, residenti f’Zeist (il-Pajjiżi l-Baxxi),

u minn

European Elite Athletes Association, stabbilita f’Amsterdam (il‑Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn B. Braeken u J. Versteeg, avukati

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 8230 final tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT/40208 – Regoli ta’ Eliġibilità tal-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo (Relatriċi) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      L-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ

1        L-International Skating Union (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew l-“UIP”), hija l-unika federazzjoni sportiva internazzjonali rrikonoxxuta mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali responsabbli għar-regolamentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-pattinaġġ artistiku u tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ fuq skala dinjija.

2        Ir-rikorrenti hija komposta minn federazzjonijiet nazzjonali li jamministraw il-pattinaġġ artistiku u l-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ fuq skala nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“membri”). Dawn tal-aħħar huma komposti minn klabbs u assoċjazzjonijiet ta’ pattinaġġ fil-livell lokali li l-atleti tagħhom, li jaderixxu abbażi individwali, jipprattikaw il-pattinaġġ veloċi jew il-pattinaġġ artistiku bħala attività ekonomika.

3        Ir-rikorrenti teżerċita wkoll attività kummerċjali inkwantu hija torganizza l-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-pattinaġġ veloċi l-iktar importanti, li fir-rigward tagħhom hija għandha d-drittijiet kollha. Il-kompetizzjonijiet internazzjonali organizzati mir-rikorrenti jinkludu, b’mod partikolari, il-kampjonati tal-Ewropa u l-kampjonati tad-dinja tal-pattinaġġ veloċi fuq pista twila u fuq pista qasira, it-tazza tad-dinja tal-pattinaġġ veloċi fuq pista twila u t-tazza tad-dinja tal-pattinaġġ veloċi fuq pista qasira. Barra minn hekk, il-kompetizzjonijiet tal-pattinaġġ veloċi tal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa huma organizzati mir-rikorrenti fil-forma ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali.

B.      Ir-regoli stabbiliti mir-rikorrenti

4        Bħala korp inkarigat mill-amministrazzjoni tal-pattinaġġ artistiku u tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ fuq skala dinjija, ir-rikorrenti hija responsabbli, b’mod partikolari, għad-determinazzjoni tar-regoli ta’ affiljazzjoni li l-membri tagħha kif ukoll il-pattinaturi individwali huma obbligati josservaw.

5        Ir-regoli stabbiliti mir-rikorrenti huma spjegati fl-istatuti tagħha li jinkludu l-“kostituzzjoni” tagħha u d-dispożizzjonijiet proċedurali, ir-regoli ġenerali u speċjali, ir-regoli tekniċi, il-kodiċi tal-etika, ir-regoli ta’ kontra d-doping, ir-regoli dwar il-proċeduri ta’ kontra d-doping u l-komunikazzjonijiet fis-seħħ kollha tar-rikorrenti.

6        Fost dawn ir-regoli kollha, ir-Regoli 102 u 103 tar-regoli ġenerali tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ eliġibbiltà”) jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-pattinaturi jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-pattinaġġ veloċi u tal-pattinaġġ artistiku li jaqgħu taħt il-kompetenza tar-rikorrenti. Mill-1998, ir-regoli ta’ eliġibbiltà jipprevedu “sistema globali ta’ awtorizzazzjoni minn qabel” (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel”) li tipprovdi li l-pattinaturi jistgħu jipparteċipaw biss f’kompetizzjonijiet awtorizzati mir-rikorrenti jew mill-membri tagħha, organizzati minn rappreżentanti awtorizzati mir-rikorrenti u abbażi tar-regoli ta’ dan tal-aħħar. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, il-verżjonijiet rilevanti tar-regoli ta’ eliġibbiltà huma dawk ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ eliġibbiltà tal-2014”) u ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ eliġibbiltà tal-2016”).

7        Fir-rigward tar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2014, mill-qari flimkien tar-Regola 102(2)(ċ) u (7) u r-Regola 103(2) jirriżulta li fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni mhux awtorizzata mir-rikorrenti jew minn wieħed mill-membri tagħha, il-pattinaturi professjonali u r-rappreżentanti tar-rikorrenti jesponu ruħhom għal sanzjoni ta’ esklużjoni permanenti minn kull kompetizzjoni organizzata mir-rikorrenti.

8        Skont ir-Regola 102(1)(a)(i), fil-verżjoni tagħha tal-2014, persuna “għandha l-privileġġ li tipparteċipa fl-attivitajiet u fil-kompetizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UIP jekk din il-persuna tosserva l-prinċipji u l-politiki tal-UIP kif ifformulati fl-istatuti tal-UIP”.

9        Ir-Regola 102(1)(a)(ii) kienet tipprovdi mill-2002 li “l-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà [kienet] maħsuba sabiex tiżgura l-protezzjoni adegwata tal-interessi ekonomiċi u oħrajn tal-UIP, li tuża d-dħul finanzjarju tagħha għall-amministrazzjoni u għall-iżvilupp tad-dixxiplini sportivi tal-UIP kif ukoll għas-sostenn jew għall-benefiċċju tal-membri tal-UIP u tal-pattinaturi tagħhom”.

10      F’Ġunju 2016, ir-regoli ta’ eliġibbiltà kienu s-suġġett ta’ reviżjoni li kienet intiża, b’mod partikolari, sabiex temenda r-regoli dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Issa, skont ir-Regola 102(7), is-sanzjonijiet fil-każ ta’ parteċipazzjoni tal-atleti f’kompetizzjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tar-rikorrenti u li ma tkunx awtorizzata minnha għandhom jiġu ddeterminati skont il-gravità tal-ksur. Is-sistema tipprevedi twissija fil-każ tal-ewwel ksur, sanzjoni ta’ esklużjoni sa 5 snin fil-każ ta’ parteċipazzjoni negliġenti f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati, sanzjoni ta’ esklużjoni sa 10 snin fil-każ ta’ parteċipazzjoni konxja f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati u finalment sanzjoni ta’ esklużjoni permanenti għal ksur serju ħafna, u b’mod partikolari, fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati li jipperikolaw l-integrità u l-kompetenza tar-rikorrenti.

11      Barra minn hekk, ir-riferiment għall-protezzjoni adegwata tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrenti, li jinsab fir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2014, tneħħa fil-verżjoni tal-2016. Ir-Regola 102(1)(a)(ii) il-ġdida issa tipprovdi li “l-kundizzjoni għall-eliġibbiltà hija maħsuba sabiex tiżgura protezzjoni adegwata tal-valuri etiċi, tal-għanijiet statutorji u ta’ interessi leġittimi oħra” tar-rikorrenti, “li tuża d-dħul finanzjarju tagħha għall-amministrazzjoni u għall-iżvilupp tad-dixxiplini sportivi tal-UIP kif ukoll għas-sostenn jew għall-benefiċċju tal-membri tal-UIP u tal-pattinaturi”.

12      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mit-30 ta’ Ġunju 2006, l-Artikolu 25 tal-kostituzzjoni tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ arbitraġġ”) jipprevedi l-possibbiltà għall-pattinaturi li jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (iktar ’il quddiem il-“QAS”) stabbilit f’Lausanne (l-Isvizzera) biss.

13      Fil-25 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ppubblikat il-Komunikazzjoni Nru 1974 intitolata “Kompetizzjonijiet Internazzjonali Miftuħa”, li tiddefinixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni internazzjonali miftuħa fil-qafas tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Din il-proċedura tapplika kemm għall-membri kif ukoll għall-organizzaturi terzi.

14      Il-Komunikazzjoni Nru 1974 tipprevedi li dawn il-kompetizzjonijiet kollha għandhom jiġu awtorizzati minn qabel mill-kunsill tar-rikorrenti u organizzati konformement mar-regoli tagħha. Għal dak li jirrigwarda t-terminu previst sabiex titressaq applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, l-imsemmija komunikazzjoni tagħmel distinzjoni bejn il-membri u l-organizzaturi terzi. Fil-fatt, l-organizzaturi terzi għandhom jissottomettu t-talbiet tagħhom mill-inqas sitt xhur qabel id-data prevista għall-kompetizzjoni, filwaqt li dan it-terminu jitnaqqas għal tliet xhur għall-membri.

15      Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni Nru 1974 telenka sensiela sħiħa ta’ rekwiżiti ġenerali, finanzjarji, tekniċi, sportivi u etiċi li organizzatur huwa obbligat jikkonforma ruħu magħhom. Qabel kollox, minn din il-komunikazzjoni jirriżulta li kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn informazzjoni teknika u sportiva, bħal informazzjoni dwar il-post tal-kompetizzjoni u l-ammont ta’ premjijiet li ser jingħataw, kif ukoll informazzjoni ġenerali u finanzjarja, bħal, b’mod partikolari, il-pjanijiet finanzjarji, il-baġit u l-kopertura televiżiva prevista għall-avveniment. Sussegwentement, sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti etiċi, l-organizzatur u kwalunkwe persuna li tikkoopera miegħu, għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni li tikkonferma li jaċċettaw il-kodiċi tal-etika tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, li jintrabtu li ma jkunux involuti f’attivitajiet marbuta mal-imħatri. Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni Nru 1974 tipprovdi li r-rikorrenti tirriżerva d-dritt li titlob informazzjoni addizzjonali għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ rekwiżiti.

16      Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, ir-rekwiżiti etiċi, l-Artikolu 4(h) tal-Kodiċi tal-Etika tar-rikorrenti jipprovdi, mill-25 ta’ Jannar 2012, li dawk kollha li jikkooperaw magħha, taħt kwalunkwe forma, għandhom “joqogħdu lura milli jipparteċipaw fi kwalunkwe forma ta’ mħatri jew milli jappoġġjaw kwalunkwe forma ta’ mħatri jew ta’ logħob tal-ażżard marbut ma’ kwalunkwe kompetizzjoni jew attività li taqa’ taħt il-kompetenza tal-UIP”.

17      Il-Komunikazzjoni Nru 1974 tawtorizza lir-rikorrenti taċċetta jew tiċħad applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, b’mod partikolari abbażi tar-rekwiżiti msemmija f’din il-komunikazzjoni u miġbura fil-qosor fil-punt 15 iktar ’il fuq kif ukoll abbażi tal-għanijiet fundamentali tar-rikorrenti, kif iddefiniti “b’mod partikolari” fl-Artikolu 3(1) tal-kostituzzjoni tagħha. L-Artikolu 3(1) tal-kostituzzjoni tar-rikorrenti jipprevedi, essenzjalment, li l-għanijiet tar-rikorrenti huma dawk li tirregola, tamministra u tippromwovi ż-żewġ dixxiplini ta’ pattinaġġ fuq is-silġ.

18      Fil-każ ta’ ċaħda tal-applikazzjoni, il-Komunikazzjoni Nru 1974 tipprevedi li l-applikant jista’ jappella mid-deċiżjoni tar-rikorrenti quddiem il-QAS, wara li jkun iffirma ftehim ta’ arbitraġġ skont ir-regoli proċedurali tagħha.

19      Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni Nru 1974 tipprovdi li kull organizzatur għandu jħallas kontribuzzjoni ta’ solidarjetà lir-rikorrenti, li l-ammont tagħha huwa ddeterminat każ b’każ, intiża għall-promozzjoni u għall-iżvilupp tal-isports li jaqgħu taħt il-kompetenza tar-rikorrenti, fuq skala lokali.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-proċedura amministrattiva

20      Fit-23 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet ilment imressaq minn tnejn mill-intervenjenti (iktar ’il quddiem il-“lanjanti”), pattinaturi professjonali li jipprattikaw il-pattinaġġ veloċi dwar l-inkompatibbiltà tar-regoli ta’ eliġibbiltà tal‑2014 mal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Il-lanjanti sostnew, b’mod partikolari, li dawn ir-regoli pprekludewhom milli jipparteċipaw f’kompetizzjoni ta’ pattinaġġ veloċi li l-kumpannija Koreana Icederby International Co. Ltd kienet qiegħda tipprevedi li torganizza fl-2014 f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) (iktar ’il quddiem il-“Grand Prix ta’ Dubai”). Għal din il-kompetizzjoni kien previst format ġdid ta’ tiġrijiet li kellhom isiru fuq pista tas-silġ speċjali li fuqha kienu ser jikkompetu flimkien pattinaturi professjonali li jipprattikaw il-pattinaġġ veloċi fuq pista twila u dawk li jipprattikaw fuq pista qasira.

21      Fil-5 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura kontra r-rikorrenti skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

22      Fit-8 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li kellha l-intenzjoni temenda r-regoli ta’ eliġibbiltà. Ir-reviżjonijiet inkwistjoni kienu ġew approvati mill-kungress tar-rikorrenti u daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2016.

23      Fis-27 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti li rrispondiet fis-16 ta’ Jannar 2017.

24      Fl-1 ta’ Frar 2017, inżammet seduta fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni.

25      Fis-27 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ssottomettiet serje ta’ impenji sabiex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Madankollu, din tal-aħħar qieset li dawn l-impenji kienu insuffiċjenti sabiex jeliminaw, f’terminu raġonevoli, it-tħassib li ntwera.

26      Fis-6 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni bagħtet ittra li tesponi l-fatti lir-rikorrenti. Din tal-aħħar irrispondiet fil-25 ta’ Ottubru 2017.

27      Fit-30 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat serje ġdida ta’ impenji sabiex tindirizza t-tħassib espress mill-Kummissjoni, li, mill-ġdid, qisithom bħala insuffiċjenti sabiex jindirizzaw it-tħassib li ntwera.

28      Fit-8 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2017) 8230 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT/40208 – Ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-Unjoni tal-Iskejzjar Internazzjonali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

B.      Id-Deċiżjoni kkontestata

1.      Is-suq rilevanti

29      Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq rilevanti f’dan il-każ kien is-suq dinji tal-organizzazzjoni u tal-operat kummerċjali tal-pattinaġġ veloċi (iktar ’il quddiem is-“suq rilevanti”). Madankollu, fid-dawl tar-rwol tar-rikorrenti bħala organizzatriċi tal-kompetizzjonijiet l-iktar importanti kif ukoll ta’ regolatriċi ta’ dan l-isport, il-Kummissjoni qieset li r-regoli ta’ eliġibbiltà kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni anki jekk is-suq kellu jiġi ddefinit b’mod iktar strett (premessa 115 tad-Deċiżjoni kkontestata).

30      Il-Kummissjoni osservat li r-rikorrenti setgħet tinfluwenza l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti peress li hija kienet il-korp ta’ tmexxija u l-unika regolatriċi tal-pattinaġġ veloċi u li hija kellha s-setgħa tawtorizza l-kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ dan l-isport. Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-pattinaġġ veloċi l-iktar importanti. Is-setgħa sostanzjali tagħha fis-suq hija kkonfermata mill-fatt li barra mir-rikorrenti u l-membri tiegħu, ebda impriża ma kienet f’pożizzjoni li tippenetra s-suq rilevanti b’suċċess (premessi 116 sa 134 tad-Deċiżjoni kkontestata).

2.      Applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE

31      Il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet assoċjazzjoni ta’ impriżi u li r-regoli ta’ eliġibbiltà kienu jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (premessi 147 sa 152 tad-Deċiżjoni kkontestata).

32      Fit-Taqsima 8.3 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà, kemm fil-verżjoni tagħhom tal-2014 kif ukoll fil-verżjoni tagħhom tal-2016, kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Hija qieset, essenzjalment, li l-imsemmija regoli kienu jirrestrinġu l-possibbiltajiet għall-pattinaturi professjonali li jipprattikaw il-pattinaġġ veloċi li jipparteċipaw liberament f’avvenimenti internazzjonali organizzati minn terzi u kienu jċaħħdu, għaldaqstant, lill-organizzaturi potenzjali ta’ avvenimenti kompetittivi mis-servizzi tal-atleti li huma neċessarji sabiex jorganizzaw dawn il-kompetizzjonijiet. Hija waslet għal din il-konklużjoni wara li eżaminat il-kontenut tal-imsemmija regoli, l-għanijiet tagħhom, il-kuntest ekonomiku u legali tagħhom kif ukoll l-intenzjoni suġġettiva tar-rikorrenti li teskludi lill-organizzaturi terzi (premessi 162 sa 188 tad-Deċiżjoni kkontestata).

33      Peress li kkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni rrilevat li ma kienx neċessarju li jiġu analizzati l-effetti tal-imsemmija regoli. Madankollu, fit-Taqsima 8.4 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija esponiet ir-raġunijiet li jippermettulha tikkonkludi li dawn ir-regoli kellhom ukoll l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (premessi 189 sa 205 tad-Deċiżjoni kkontestata).

34      Fit-Taqsima 8.5 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk ir-regoli ta’ eliġibbiltà setgħux jevitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, hija essenzjalment osservat li dawn ma kinux iservu biss għal għanijiet purament leġittimi, iżda li dawn kienu jissodisfaw ukoll interessi oħra tar-rikorrenti, fosthom l-interessi ekonomiċi tagħha. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ir-regoli ta’ eliġibbiltà ma humiex parzjalment inerenti għall-għanijiet leġittimi mfittxija u, fi kwalunkwe każ, ma humiex proporzjonati mal-għanijiet inkwistjoni (premessi 220 u 225 sa 266 tad-Deċiżjoni kkontestata).

3.      Evalwazzjoni tar-Regoli ta’ Arbitraġġ

35      Fit-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-arbitraġġ jikkostitwixxi metodu ġeneralment aċċettat għas-soluzzjoni ta’ tilwim u li l-fatt li tiġi konkluża klawżola ta’ arbitraġġ ma jikkostitwixxix, fih innifsu, restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, hija qieset li r-regoli ta’ arbitraġġ kienu jsaħħu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mir-regoli ta’ eliġibbiltà tagħha (premessa 269 tad-Deċiżjoni kkontestata).

36      Minn naħa, din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li, skont il-Kummissjoni, ir-regoli ta’ arbitraġġ irendu diffiċli l-kisba ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra l-eventwali deċiżjonijiet ta’ ineliġibbiltà tar-rikorrenti li ma jikkonformawx ruħhom mal-Artikolu 101 TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni osservat li l-atleti kienu obbligati jaċċettaw ir-regoli ta’ arbitraġġ u l-kompetenza esklużiva tal-QAS (premessi 270 sa 276 tad-Deċiżjoni kkontestata).

4.      Dispożittiv

37      Skont id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet dan li ġej:

“Artikolu 1

L-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ kisret l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [ŻEE] meta adottat u applikat ir-regoli ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari r-Regoli 102 u 103 tar-Regoli Ġenerali tal-UIP tal-2014 u tal‑2016, għall-pattinaġġ veloċi. Il-ksur beda f’Ġunju 1998 u jkompli sal-lum.

Artikolu 2

L-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ għandha ttemm il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u tikkomunika l-miżuri kollha meħuda f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni f’terminu ta’ 90 jum li jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni.

L-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ għandha tastjeni milli tirrepeti kwalunkwe att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1 kif ukoll kwalunkwe att jew aġir li jkollu għan jew effett ekwivalenti.

[…]

Artikolu 4

Jekk l-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ ma tikkonformax ruħha mal-ordnijiet previsti fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni timponilha pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, ta’ ammont ekwivalenti għal 5 % tad-dħul mill-bejgħ medju ta’ kuljum tagħha matul is-sena preċedenti.”

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

38      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

39      Fis-17 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-risposta tagħha.

40      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju 2018, il-European Elite Athletes Association u l-lanjanti talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

41      It-talbiet għal intervent ġew innotifikati lill-partijiet prinċipali, li ma oġġezzjonawx għalihom. Madankollu, huma talbu, skont l-Artikolu 144 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ċerti elementi kunfidenzjali tal-proċess ma jiġux ikkomunikati lill-intervenjenti u għal dan il-għan ipproduċew verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti inkwistjoni.

42      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Settembru 2018, il-President tas-Seba’ Awla laqgħet it-talbiet għal intervent.

43      Fil-25 ta’ Marzu 2019, peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, din il-kawża ġiet attribwita lil Imħallef Relatriċi ġdida sedenti fil-Ħames Awla, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata l-kawża.

44      Fis-16 ta’ Ottubru 2019, peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet mill-ġdid, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatriċi ġiet assenjata lir-Raba’ Awla li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża.

45      Fl-20 ta’ Diċembru 2019, fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

46      Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom waqt is-seduta. Barra minn hekk, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti pproduċiet kopja tal-Komunikazzjoni Nru 1974.

47      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

49      L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

IV.    Id-dritt

50      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija essenzjalment issostni li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’motivazzjoni kontradittorja. Permezz tat-tieni u t-tielet motiv tagħha, hija tikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u r-riżultat applikata għar-regoli ta’ eliġibbiltà. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli ta’ eliġibbiltà humiex inerenti u proporzjonati għall-għan tal-protezzjoni tal-integrità tal-pattinaġġ veloċi tal-imħatri sportivi. Permezz tal-ħames motiv tagħha, hija topponi t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta li tagħti l-awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni tal-Grand Prix ta’ Dubai sa fejn din id-deċiżjoni ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE. Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni li r-regoli ta’ arbitraġġ tagħha jsaħħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkonstatata. Permezz tas-seba’ motiv tagħha, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) billi fl-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata imponiet miżuri korrettivi li ma humiex marbuta mal-ksur ikkonstatat. Permezz tat-tmien motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-Artikolu 4 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata għall-istess motivi bħal dawk invokati insostenn tas-seba’ motiv kif ukoll minħabba n-natura vaga u mhux preċiża tal-miżuri korrettivi.

51      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.

A.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura kontradittorja tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata

52      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità, sa fejn hija bbażata fuq motivazzjoni manifestament kontradittorja.

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tkun distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata, tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 114 u 115, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 44), b’tali mod li ma jkunx hemm bżonn għall-Qorti Ġenerali li teżamina, abbażi tal-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-legalità sostantiva tal-motivi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti, l-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tad-Deċiżjoni kkontestata jkunu ineffettivi u irrilevanti (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra, EU:T:2005:221, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-każ, insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tressaq serje sħiħa ta’ argumenti li jqiegħdu fid-dubju, fir-realtà, il-fondatezza tad-Deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, dawn għandhom jitqiesu bħala irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Għaldaqstant, sabiex jiġi eżaminat l-ewwel motiv, għandu jiġi vverifikat biss jekk, kif tallega r-rikorrenti, id-Deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata b’kontradizzjoni fil-motivi tagħha.

55      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati b’kontradizzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà jirrestrinġu l-kompetizzjoni bħala tali, mingħajr madankollu ma kkunsidrat li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, li dawn jinkludu, ma kinitx inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi. Din il-kontradizzjoni hija iktar evidenti minħabba l-fatt li l-Kummissjoni affermat li r-rikorrenti setgħet ittemm il-ksur filwaqt li żżomm is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tagħha.

56      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni għandha tkun loġika u, b’mod partikolari, ma għandha turi l-ebda kontradizzjoni interna li taffettwa l-fehim tar-raġunijiet sottostanti għall-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 151).

57      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà kif kienu ġew imfassla u applikati mir-rikorrenti fis-suq rilevanti jirrestrinġu l-kompetizzjoni kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba r-riżultat fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (ara t-Taqsimiet 8.3 sa 8.5 tad-Deċiżjoni kkontestata).

58      Mit-Taqsima 8.5 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti kienet sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, li r-regoli ta’ eliġibbiltà ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, b’mod partikolari, peress li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkluża fl-imsemmija regoli hija indispensabbli sabiex jiġi żgurat li l-organizzaturi kollha ta’ kompetizzjonijiet tal-pattinaġġ veloċi jikkonformaw ruħhom mal-istandards u mal-għanijiet tar-rikorrenti.

59      Issa, fil-premessa 254 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li għall-finijiet ta’ din il-kawża, ma kienx neċessarju li tittieħed pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kinitx inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi. Madankollu, hija ressqet diversi raġunijiet insostenn tal-konklużjoni tagħha li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel stabbilita mir-rikorrenti ma kinitx proporzjonata mal-għanijiet imfittxija minnha u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101 TFUE (ara l-premessi 254 sa 258 tad-Deċiżjoni kkontestata).

60      B’dan il-mod, il-Kummissjoni applikat il-ġurisprudenza li tipprovdi li kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom ma taqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jevitaw il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE jekk jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, ir-restrizzjoni għandha tkun inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi u, fit-tieni lok, hija għandha tkun proporzjonata għal dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 42).

61      F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni esponiet diversi raġunijiet li wassluha sabiex tikkonkludi li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma kinitx tissodisfa t-tieni kriterju tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, jiġifieri l-kriterju ta’ proporzjonalità. Peress li l-kriterji ta’ din il-ġurisprudenza huma kumulattivi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu pożizzjoni fid-Deċiżjoni kkontestata dwar in-natura inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi tas-sistema inkwistjoni u, għaldaqstant, ma vvizzjatx id-deċiżjoni tagħha b’kontradizzjoni.

62      Ċertament, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 339 tad-Deċiżjoni kkontestata, li huwa possibbli għar-rikorrenti li ttemm il-ksur ikkonstatat filwaqt li żżomm sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tikkontradixxix il-konklużjoni li r-regoli ta’ eliġibbiltà jirrestrinġu l-kompetizzjoni, sa fejn l-aċċettazzjoni eventwali mill-Kummissjoni ta’ tali sistema hija ċarament suġġetta għall-kundizzjoni li jsiru “modifiki sostanzjali” għaliha sabiex jintemm il-ksur, jiġifieri modifiki bl-għan li jinnewtralizzaw in-natura sproporzjonata tal-imsemmija sistema. Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma approvatx iż-żamma tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tar-rikorrenti kif kienet tfasslet u f’dan ir-rigward, lanqas ma vvizzjat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha b’kontradizzjoni.

63      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv, ibbażati fuq il-fatt li r-regoli ta’ eliġibbiltà ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba r-riżultat, u ma jaqgħux taħt l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE

64      Permezz tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, minn naħa, l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-konklużjoni misluta minnha li r-regoli ta’ eliġibbiltà jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101 TFUE. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li dawn il-motivi jiġu eżaminati flimkien.

65      Sabiex taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandu jkollha “bħala għan jew riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal l-ewwel għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat l-għan stess tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 16, u tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 24).

66      Il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jista’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, min-natura tagħhom stess, juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-funzjonament normali tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 359; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 49, 50 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 31)

67      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tippreżentax grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex titqies li hija restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħha, l-għanijiet li hija trid tilħaq kif ukoll il-kuntest ekonomiku u legali li fih taqa’ (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Għaldaqstant, fil-każ ineżami, hemm lok li jiġu eżaminati r-regoli ta’ eliġibbiltà, fid-dawl tal-għanijiet allegati tagħhom u tal-kuntest speċifiku tagħhom, ikkostitwit b’mod partikolari mis-setgħa ta’ awtorizzazzjoni li għandhom il-federazzjonijiet sportivi, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kklassifikatx, b’mod ġust, ir-regoli ta’ eliġibbiltà bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

1.      Fuq l-obbligi imposti fuq federazzjoni sportiva li għandha setgħa ta’ awtorizzazzjoni

69      Ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 51 u 52) iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 267 tad-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex applikabbli fil-każ ineżami, sa fejn din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikoli 102 u 106 TFUE, u mhux dik tal-Artikolu 101 TFUE bħal fil-każ ineżami.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont din il-ġurisprudenza meta leġiżlazzjoni tagħti lil persuna ġuridika li, hija stess, torganizza u topera kummerċjalment kompetizzjonijiet, is-setgħa li tinnomina l-persuni awtorizzati sabiex jorganizzaw l-imsemmija kompetizzjonijiet kif ukoll li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom dawn tal-aħħar huma organizzati, hija tagħti lil din l-entità vantaġġ kbir fuq il-kompetituri tagħha. Għaldaqstant, tali dritt jista’ jwassal lill-impriża li jkollha dan id-dritt sabiex tipprekludi l-aċċess ta’ operaturi oħra għas-suq ikkonċernat. Għaldaqstant, hemm bżonn li l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni regolatorja jkun suġġett għal limiti, obbligi jew għal stħarriġ sabiex jiġi evitat li l-persuna ġuridika inkwistjoni tkun tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi l-kompetizzjonijiet li hija torganizza jew dawk li fl-organizzazzjoni tagħhom hija tipparteċipa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 51 u 52).

71      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 88 u 92) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat din il-ġurisprudenza b’analoġija f’kawża li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għar-regoli adottati minn assoċjazzjoni ta’ impriżi li kienet kemm operatur kif ukoll ir-regolatur tas-suq rilevanti bħal fil-każ ineżami. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti hija applikabbli biss f’kawża li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikoli 102 u 106 TFUE għandu jiġi miċħud.

72      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 88 u 92) ma tiġġustifikax l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 fil-każ ineżami peress li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat din il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-analiżi ta’ restrizzjoni minħabba r-riżultat u mhux ta’ restrizzjoni minħabba l-għan bħal fil-każ ineżami. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ftehim jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan f’kuntest partikolari filwaqt li, f’kuntesti oħrajn, analiżi tal-effetti tal-ftehim tkun neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 84). Minn dan isegwi li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat ir-regoli tal-korp tal-kontabilisti bħala restrizzjoni minħabba r-riżultat ma jipprekludix li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq tkun tista’ tiġi applikata fil-kuntest ta’ analiżi ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.

73      Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-punt 4 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti għandha s-setgħa tistabbilixxi regoli fl-isports li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha. Għalkemm huwa minnu li din il-funzjoni regolatorja ma ġietx iddelegata lilha minn awtorità pubblika bħal fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, xorta jibqa’ l-fatt li hija teżerċita, bħala l-unika federazzjoni sportiva internazzjonali rikonoxxuta mill-KOI għall-isports inkwistjoni, attività regolatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, EU:T:2005:22, punt 78)

74      Barra minn hekk, mill-premessi 38 sa 41 tad-Deċiżjoni kkontestata, jirriżulta, li apparti dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li l-pattinaġġ veloċi jiġġenera possibbiltajiet ta’ dħul limitat ħafna għall-parti l-kbira tal-pattinaturi professjonisti. Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 172 tad-Deċiżjoni kkontestata dejjem mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, din tal-aħħar torganizza jew tikkontrolla l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-pattinaġġ veloċi l-iktar importanti li fihom il-pattinaturi li jipprattikaw dan l-isport għandhom jipparteċipaw sabiex jaqilgħu l-għixien. Issa, għandu jitfakkar li r-regoli ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-eżerċizzju tal-funzjoni regolatorja tar-rikorrenti jipprevedu sanzjonijiet ta’ ineliġibbiltà fil-każ ta’ parteċipazzjoni tal-pattinaturi f’kompetizzjoni mhux awtorizzata. Peress li l-pattinaturi ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet iktar importanti organizzati mir-rikorrenti, isegwi li l-organizzaturi terzi li jkunu qegħdin jippjanaw li jorganizzaw kompetizzjoni tal-pattinaġġ veloċi għandhom jiksbu minn qabel l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti jekk huma jkunu jixtiequ li l-pattinaturi jipparteċipaw fiha.

75      Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti torganizza kompetizzjonijiet u li fl-istess ħin għandha s-setgħa tawtorizza l-kompetizzjonijiet organizzati minn terzi, għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti hija obbligata tiżgura, fl-eżami tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni, li dawn it-terzi ma jiġux imċaħħda indebitament minn aċċess għas-suq sal-punt li l-kompetizzjoni f’dan is-suq tkun distorta.

76      Konsegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-portata u tal-għanijiet tar-regoli ta’ eliġibbiltà filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-eżerċizzju tal-funzjoni regolatorja tagħha, din tal-aħħar hija obbligata tikkonforma ruħha mal-obbligi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq.

2.      Fuq il-kontenut u l-għanijiet tar-regoli dwar l-eliġibbiltà

77      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi evalwata b’mod astratt. Kull ftehim bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jirrestrinġu l-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom ma jaqgħux neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal każ partikolari, l-ewwel nett hemm lok li jiġi kkunsidrat il-kuntest globali li fih id-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi inkwistjoni tkun ittieħdet jew tiżviluppa l-effetti tagħha, u b’mod iktar partikolarment l-għanijiet tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw humiex inerenti għat-tfittxija tal-għanijiet leġittimi u humiex proporzjonati għal dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97, u tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 42).

78      Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jintlaħqu, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isport, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat kif ukoll il-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha l-għan li tiżviluppa d-dimensjoni Ewropea tal-isport, billi tippromwovi l-ekwità u l-ftuħ fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għall-isport, kif ukoll billi tipproteġi l-integrità fiżika u morali tal-isports, b’mod partikolari tal-iktar żgħażagħ fosthom.

79      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-analiżi ta’ ġustifikazzjonijiet potenzjali tar-restrizzjonijiet fil-qasam tal-isport, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-isport inġenerali kif ukoll il-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 40).

80      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kontenut u l-għanijiet tar-regoli ta’ eliġibbiltà. B’mod partikolari, hija ssostni li r-regoli ta’ eliġibbiltà għandhom l-għan leġittimu li jipproteġu l-integrità tal-pattinaġġ veloċi mir-riskji marbuta mal-imħatri.

a)      Fuq il-kontenut tar-regoli dwar l-eliġibbiltà

81      Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżami tal-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà u tal-Komunikazzjoni Nru 1974. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-imsemmija regoli jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan biss jekk dawn ikunu jipprojbixxu totalment lill-pattinaturi milli jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet organizzati minn terzi, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

82      Dan l-argument għandu jiġi miċħud mill-ewwel, għaliex ikun qed jiġi aċċettat li l-klassifikazzjoni ta’ aġir bħala restrizzjoni minħabba l-għan hija bbażata fuq l-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni fis-suq rilevanti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma hijiex irriżervata għad-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jeliminaw kull kompetizzjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-klassifikazzjoni tapplika għal kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li turi fiha nnifisha grad suffiċjenti ta’ dannu għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħha, l-għanijiet imfittxija kif ukoll il-kuntest li fih taqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 117).

83      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ebda wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ma jippermetti li jiġi konkluż li r-regoli ta’ eliġibbiltà għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni erba’ elementi sabiex tikklassifika r-regoli ta’ eliġibbiltà bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, jiġifieri l-assenza ta’ rabta diretta mal-għanijiet leġittimi, is-severità tas-sanzjonijiet, ir-riferiment għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrent u l-assenza ta’ rabta ma’ kompetizzjoni jew serje ta’ kompetizzjonijiet organizzati minnha.

1)      Fuq l-assenza ta’ rabta diretta ma’ għanijiet leġittimi

84      Ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni li r-regoli ta’ eliġibbiltà ma għandhomx rabta diretta ma’ għanijiet leġittimi hija infondata.

85      Issa, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli dwar l-eliġibbiltà ma jispjegawx l-għanijiet leġittimi li huma jsegwu. Ċertament, kif issostni r-rikorrenti, ir-Regola 102 tirreferi sa mill-1998 għall-“prinċipji u politiki, kif ifformulati fl-istatuti [tagħha] u fir-regoli [tagħha]” u tipprovdi, wara l-emenda tagħha fl-2016, li “l-kundizzjoni għall-eliġibbiltà hija maħsuba sabiex tiżgura protezzjoni adegwata tal-valuri etiċi tal-UIP”. Madankollu, filwaqt li “l-valuri etiċi” jistgħu jirriżultaw mill-kodiċi tal-etika tar-rikorrenti, il-“prinċipji u politiki” ma ġewx espliċitament iddefiniti jew elenkati fl-istatuti u fir-regoli tar-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn l-espressjonijiet vagi waħedhom ma jippermettux li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-għanijiet leġittimi li l-imsemmija regoli jfittxu.

86      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li mill-1998 u sal-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni Nru 1974 fl-20 ta’ Ottubru 2015, ir-regoli ta’ eliġibbiltà ma kienu jipprevedu ebda kriterju ta’ awtorizzazzjoni għall-kompetizzjonijiet li terzi setgħu jixtiequ jorganizzaw bħala kompetizzjonijiet internazzjonali miftuħa. Minn dan isegwi li, qabel il-pubblikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, il-kuntest regolatorju tar-rikorrenti ma kellux kontenut fir-rigward tal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, b’tali mod li r-rikorrenti kellha diskrezzjoni totali sabiex tirrifjuta li tawtorizza l-kompetizzjonijiet li terzi kellhom l-intenzjoni jorganizzaw.

87      Din is-setgħa diskrezzjonali ma ġietx emendata sostanzjalment bil-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni Nru 1974, li kkompletat il-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà. Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija komunikazzjoni telenka ċertu numru ta’ rekwiżiti ta’ natura ġenerali, finanzjarja, teknika, sportiva u etika, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ir-rekwiżiti ma humiex eżawrjenti peress li dawn jipprovdu, barra minn hekk, li r-rikorrenti għandha taċċetta jew tiċħad applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni “b’mod partikolari” ir-rekwiżiti li hija tistabbilixxi, u dan jawtorizzaha taċċetta jew tiċħad applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal raġunijiet differenti minn dawk espressament previsti bħala rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmija komunikazzjoni. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 15 iktar ’il fuq, mill-kontenut tal-Komunikazzjoni Nru 1974 jirriżulta li r-rikorrenti tirriżerva d-dritt li titlob lill-organizzaturi informazzjoni addizzjonali marbuta mad-diversi rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq.

88      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti kollha tal-Komunikazzjoni Nru 1974 ma humiex kriterji ta’ awtorizzazzjoni ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji, verifikabbli u li jistgħu jiggarantixxu lill-organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet aċċess effettiv għas-suq rilevanti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 99).

89      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li mill-1998 u anki sa wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni Nru 1974, ir-rikorrenti kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tirrifjuta li tawtorizza l-kompetizzjonijiet proposti minn terzi, inkluż għal raġunijiet mhux espliċitament previsti, u dan seta’ jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut għal raġunijiet illeġittimi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-premessi 163 u 185 tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-regoli ta’ eliġibbiltà, permezz tal-kontenut tagħhom, ma kellhomx rabta diretta mal-għanijiet leġittimi li r-rikorrenti invokat matul il-proċedura amministrattiva.

2)      Fuq is-severità ta’ sanzjonijiet

90      Ir-rikorrenti ssostni li s-severità tas-sanzjonijiet ma hijiex element rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk il-kontenut tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tagħha għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

91      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-natura repressiva ta’ leġiżlazzjoni u l-kobor tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur jistgħu jipproduċu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni peress li dawn jistgħu, jekk is-sanzjonijiet ma jkunux limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni sportiva u fil-każ li dawn jirriżultaw finalment infondati, iwasslu għall-esklużjoni mhux iġġustifikata tal-atleta minn kompetizzjonijiet, u għaldaqstant għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività sportiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 47).

92      F’dan il-każ, skont ir-regoli ta’ eliġibbiltà, il-pattinaturi li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati mir-rikorrenti jew minn wieħed mill-membri tagħha jesponu ruħhom għal sanzjoni. Kif jirriżulta mill-punt 7 iktar ’il fuq, sal-emenda tagħhom fl-2016, ir-regoli ta’ eliġibbiltà kienu jipprevedu sanzjoni unika u estremament severa ta’ esklużjoni permanenti li kienet tapplika fil-każijiet kollha indipendentement mill-fatt dwar jekk kienx hemm l-ewwel ksur jew reċidiva. Għaldaqstant, din kienet sanzjoni severa. Minn dan isegwi li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2014 kienu manifestament sproporzjonati fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-integrità tal-pattinaġġ.

93      Ċertament, kif jirriżulta mill-punt 10 iktar ’il fuq, fl-2016, is-sistema ta’ sanzjonijiet ittaffiet sal-punt li din ma għadhiex tipprevedi iktar sanzjoni unika ta’ esklużjoni permanenti għal kull tip ta’ ksur. Madankollu, għandu jiġi rrilevat il-fatt, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li l-karriera ta’ pattinatur iddum, bħala medja, tmien snin. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sanzjonijiet previsti fir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2016, anki dawk għal żmien determinat stabbiliti għal 5 u 10 sena, jibqgħu jkunu sproporzjonati sa fejn japplikaw b’mod partikolari għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet terzi mhux awtorizzati.

94      Barra minn hekk, ir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2016 ma jiddeterminawx bi preċiżjoni l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita l-linja ta’ tqassim bejn id-diversi kategoriji ta’ ksur. B’mod partikolari, huma ma jagħmlux distinzjoni ċara bejn il-ksur ikklassifikat bħala “serju ħafna” minn dak li ma huwiex. Minn dan isegwi li s-sistema ta’ sanzjonijiet ftit hija prevedibbli u għaldaqstant tippreżenta riskju ta’ applikazzjoni arbitrarja, u dan jagħti lill-imsemmija sanzjonijiet natura dissważiva eċċessiva.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, is-severità tas-sanzjonijiet previsti mir-regoli ta’ eliġibbiltà tikkostitwixxi element partikolarment rilevanti fl-analiżi tal-kontenut tagħhom. Fil-fatt, din is-severità tista’ tiskoraġġixxi lill-atleti milli jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati mir-rikorrenti, anki fl-assenza ta’ motivi leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw tali rifjut u, konsegwentement, tista’ teskludi mis-suq lill-kompetituri potenzjali li jiġu mċaħħda mill-parteċipazzjoni tal-atleti meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni sportiva tagħhom.

3)      Fuq l-assenza ta’ rabta bejn ir-regoli ta’ eliġibbiltà u kompetizzjoni jew serje ta’ kompetizzjonijiet tar-rikorrenti

96      Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li r-regoli ta’ eliġibbiltà tagħha ma għandhomx rabta ma’ kompetizzjoni jew sensiela ta’ kompetizzjonijiet organizzati minnha ma jistax ikun rilevanti fil-kuntest tal-analiżi ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.

97      Issa, minn qari flimkien tal-premessi 166 u 243 tad-Deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni tikkritika l-fatt li r-regoli ta’ eliġibbiltà ma jissuġġettawx l-impożizzjoni ta’ sanzjoni għall-fatt li l-kompetizzjoni mhux awtorizzata li fiha pparteċipaw l-atleti kkonċernati tikkoinċidi ma’ kompetizzjoni tar-rikorrenti. Din il-kunsiderazzjoni ma hija xejn iktar, fir-realtà, ħlief eżempju tal-assenza ta’ rabta diretta mal-għanijiet leġittimi invokati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, u tiżvela l-portata wiesgħa, jew saħansitra eċċessiva, tar-regoli ta’ eliġibbiltà. Fil-fatt, l-imsemmija regoli jippermettu lir-rikorrenti timponi sanzjonijiet ta’ ineliġibbiltà lill-atleti fil-każ li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati, anki jekk fl-ippjanar tar-rikorrenti ma jkun hemm prevista ebda kompetizzjoni fl-istess waqt, u anki jekk l-atleti inkwistjoni ma jkunux jistgħu, għal kwalunkwe raġuni, jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet organizzati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti li l-konstatazzjoni magħmula fil-premessi 166 u 243 ma hijiex rilevanti, għandu jiġu miċħud.

98      Għal dak li jirrigwarda l-argumenti dwar ir-riferiment għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrenti, dawn huma eżaminati fil-punti 106 sa 111 iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-analiżi tal-għanijiet tar-regoli ta’ eliġibbiltà.

b)      Fuq l-għanijiet imfittxija mir-regoli ta’ eliġibbiltà

99      L-ilmenti mqajma mir-rikorrenti għal dak li jikkonċerna l-eżami mill-Kummissjoni tal-għanijiet tar-regoli ta’ eliġibbiltà jistgħu jinġabru f’żewġ partijiet. Minn naħa, permezz tar-raba’ motiv tagħha, hija tikkontesta l-konklużjoni li r-regoli ta’ eliġibbiltà ma humiex iġġustifikati mill-għan leġittimu li tiġi protetta l-integrità tal-pattinaġġ veloċi mir-riskji marbuta mal-imħatri. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li billi bbażat ruħha fuq ir-riferiment għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi li jinsab fir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2014 sabiex issostni l-konklużjoni li dawn huma intiżi li jeskludu organizzaturi ta’ avvenimenti kompetituri, il-Kummissjoni wettqet analiżi superfiċjali tal-għanijiet imfittxija.

1)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-għan imfittex mir-regoli ta’ eliġibbiltà li tiġi protetta l-integrità tal-pattinaġġ veloċi mir-riskji marbuta mal-imħatri

100    Għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti sostniet li r-regoli ta’ eliġibbiltà kellhom diversi għanijiet speċifiċi għall-karatteristiċi speċifiċi tal-isport. Issa, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għalkemm ir-rikorrenti invokat diversi għanijiet leġittimi, hija ressqet argumenti ddettaljati biss insostenn tal-għan leġittimu relatat mal-protezzjoni tal-integrità tal-pattinaġġ kontra l-imħatri.

101    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-integrità tal-isport tikkostitwixxi għan leġittimu (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 43). Madankollu, it-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi ma tistax, fiha nnifisha, tkun biżżejjed sabiex ma jkunx hemm klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, jekk il-mezzi implimentati sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21). Għandu partikolarment jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet inkwistjoni humiex inerenti għat-tfittxija tal-imsemmija għanijiet u proporzjonati għal dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97, u tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 42).

102    Fil-każ ineżami, jista’ jitqies li kien leġittimu li r-rikorrenti tistabbilixxi regoli intiżi sabiex jipprekludu li l-imħatri sportivi jkunu jistgħu joħolqu riskji ta’ manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet u tal-atleti, konformement, barra minn hekk, mar-rakkomandazzjonijiet tal-KOI tal‑24 ta’ Ġunju 2010, intitolati “Imħatri Sportivi: Sfida”, u mal-Konvenzjoni dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-2014.

103    Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel stabbilita f’dan il-każ huma inerenti għat-tfittxija ta’ dan l-għan leġittimu relatat mal-protezzjoni tal-integrità tal-pattinaġġ veloċi kontra r-riskji marbuta mal-imħatri, xorta jibqa’ l-fatt li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 92 sa 95 iktar ’il fuq, dawn imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq.

104    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mir-regoli ta’ eliġibbiltà huma ġġustifikati minħabba l-għan li tiġi protetta l-integrità tal-pattinaġġ veloċi mir-riskji marbuta mal-imħatri.

2)      Fuq it-tieni parti, li tikkritika s-sostenn tal-Kummissjoni fuq l-għan tal-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrenti

105    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika l-użu magħmul mill-Kummissjoni tar-riferiment għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tagħha li jinsab fir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2014 sabiex issostni l-konklużjoni li dawn kellhom l-għan jipproteġu l-interessi ekonomiċi tagħha. Ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq ir-riferiment għall-interessi ekonomiċi li jinsab fil-verżjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2014 sabiex tikkonkludi li dawn tal-aħħar kienu intiżi sabiex jeskludu kull organizzatur ta’ kompetizzjonijiet kompetituri li jistgħu potenzjalment jaffettwaw l-interessi ekonomiċi tagħha, filwaqt li miċ-ċirkustanzi li fihom dawn ir-regoli tfasslu jirriżulta li dawn kienu intiżi sabiex jiżguraw konformità tal-kompetizzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tar-rikorrenti ma’ standards komuni.

106    Hekk kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessi 164 u 165 tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-Regola 102(1)(a)(ii) kienet tipprovdi mill-2002 u sal-emenda tagħha fl-2016, li l-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà kienet maħsuba għall-“protezzjoni adegwata tal-interessi ekonomiċi u oħrajn tal-UIP”. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li din l-espressjoni ġiet introdotta fl-2002 sabiex “jiġu ċċarati r-raġunijiet tar-regola ta’ eliġibbiltà”. Minn dan isegwi li l-għan tal-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi kien jippreċedi l-emenda introdotta fl-2002, peress li dan kien ġie spjegat biss minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li dan l-għan kien jeżisti mill-bidu tal-perijodu tal-ksur fl-1998 u sal-2016.

107    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset, fil-premessa 187 tad-Deċiżjoni kkontestata, li minkejja l-eliminazzjoni tar-riferiment għall-interessi ekonomiċi fil-verżjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2016, mill-kontenut tal-imsemmija verżjoni jirriżulta li dawn komplew jipprevedu l-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrenti. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li r-Regola 102(1)(a)(ii) fil-verżjoni tal-2016 tassoċja l-espressjoni “interessi leġittimi oħrajn tar-rikorrenti” mal-użu tad-dħul tar-rikorrenti ma jippermettix li jitqies li sa mill-2016 ir-regoli ta’ eliġibbiltà jfittxu b’mod effettiv u bħala priorità l-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrenti. Madankollu, dan l-iżball tal-Kummissjoni ma jistax jimmina l-analiżi tal-għanijiet leġittimi fid-Deċiżjoni kkontestata.

108    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li huwa leġittimu li jitqies, hekk kif issostni r-rikorrenti (ara l-punt 105 iktar ’il fuq), li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità tal-isport, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-kompetizzjonijiet sportivi jikkonfermaw ruħhom ma’ standards komuni, intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu l-iżvolġiment ġust tal-kompetizzjonijiet u l-protezzjoni tal-integrità fiżika u morali tal-atleti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħet raġonevolment tqis li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, intiża sabiex tiżgura li kull organizzatur josserva tali standards, kienet mekkaniżmu adatt sabiex jiżgura li tali għan jintlaħaq.

109    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li jirriżulta li r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2016 għandhom ukoll għan ta’ protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li federazzjoni tfittex li tipproteġi l-interessi ekonomiċi tagħha ma huwiex fih innifsu antikompetittiv. Fil-fatt, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, it-twettiq ta’ għanijiet ekonomiċi huwa inerenti f’kull impriża, inkluża federazzjoni sportiva meta din tkun teżerċita attività ekonomika.

110    Madankollu, kif osservat ġustament il-Kummissjoni fil-premessi 255 sa 258 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kif tfasslet fil-każ ineżami mir-rikorrenti tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat li l-kompetizzjonijiet sportivi jkunu konformi ma’ standards komuni. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Komunikazzjoni Nru 1974 timponi fuq l-organizzaturi terzi ċerti obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni ta’ natura finanzjarja li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan invokat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-iżvelar ta’ baġit provviżorju jista’ jiġi ġġustifikat min-neċessità li jiġi żgurat li organizzatur terz ikun f’pożizzjoni li jorganizza kompetizzjoni, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tippermetti li jitqies li l-iżvelar tal-pjan finanzjarju kollu kemm hu huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan. It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tressaq ebda ġustifikazzjoni għall-fatt li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kif hija fformalizzata fil-Komunikazzjoni Nru 1974 tipprevedi terminu itwal u iktar vinkolanti għat-tressiq ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fil-każ ta’ kompetizzjoni organizzata minn terz (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). It-tielet nett, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Komunikazzjoni Nru 1974 ma humiex eżawrjenti u jħallu lir-rikorrenti marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex taċċetta jew tiċħad applikazzjoni għal kompetizzjoni internazzjonali miftuħa. Ir-raba’ nett, il-Komunikazzjoni Nru 1974 ma tipprevedix termini preċiżi għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, u dan jista’ wkoll iwassal għal trattament arbitrarju tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni.

111    Minn dan isegwi li, minkejja li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrenti għal dak li jirrigwarda r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2016, hija ġustament qieset in-natura sproporzjonata tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, b’mod partikolari fir-rigward tal-allegat għan addizzjonali mfittex mir-regoli ta’ eliġibbiltà li huwa l-konformità tal-kompetizzjonijiet kollha ma’ standards komuni.

112    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li qieset li hija setgħet tuża d-dħul tagħha sabiex isostni l-kompetizzjonijiet organizzati mill-membri tagħha filwaqt li hija ma tqiegħedx il-fondi tagħha għad-dispożizzjoni ta’ terzi, sabiex imbagħad ikkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-2016 ikomplu jipprevedu l-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tagħha. Skont ir-rikorrenti, minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni teżiġi minnha li hija tiffinanzja l-kompetizzjonijiet organizzati minn terzi.

113    Madankollu, fil-premessi 187 u 220 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement osservat li r-rikorrenti ma tistax tuża r-riżorsi li ġejjin minn kontribuzzjoni ta’ solidarjetà mħallsa wkoll minn terzi sabiex tiffinanzja l-kompetizzjonijiet tagħha kif ukoll dawk tal-membri tagħha, filwaqt li hija ma tagħtix dan l-istess benefiċċju lill-organizzaturi terzi.

114    Ċertament, kif issostni r-rikorrenti, federazzjoni sportiva li għandha dħul limitat tista’ validament tinvoka d-dritt li tintuża l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà għall-finanzjament ta’ kompetizzjonijiet li fil-fehma tagħha jistħoqqilhom tali finanzjament, u ċċaħħad oħrajn minnhom. Madankollu, fid-dawl tar-rwol tagħha bħala organizzatriċi ta’ kompetizzjonijiet u detentriċi tas-setgħa li tawtorizza l-kompetizzjonijiet organizzati minn terzi, ir-rikorrenti hija obbligata tiżgura kompetizzjoni mhux distorta bejn l-operaturi ekonomiċi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 72 u 73 iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li, kif ġustament ikkunsidrat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tistax tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet organizzati minn terzi għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni ta’ solidarjetà li tintuża biss għall-finanzjament tal-kompetizzjonijiet tagħha u dawk tal-membri tagħha. Għaldaqstant, l-argument li jipprovdi li l-Kummissjoni eżiġiet li r-rikorrenti tiffinanzja l-kompetizzjonijiet organizzati minn terzi għandu jiġi miċħud, peress li r-rikorrenti ma kkritikatx il-premessi 187 u 220 tad-Deċiżjoni kkontestata dwar il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà.

3.      Fuq l-elementi l-oħra tal-kuntest li fih jaqgħu r-regoli ta’ eliġibbiltà

115    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi serja tas-suq rilevanti fir-rigward tal-kuntest tiegħu. B’mod partikolari, hija tqis li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ artistiku li hija kienet approvat.

116    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ artistiku ma jagħmlux parti mis-suq rilevanti kif iddefinit mill-Kummissjoni, jiġifieri s-suq dinji tal-organizzazzjoni u l-operat kummerċjali tal-pattinaġġ veloċi u li r-rikorrenti ma tikkontestax din id-definizzjoni.

117    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-kuntest tal-analiżi ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull element rilevanti, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll tal-kundizzjonijiet reali ta’ funzjonament u tal-istruttura tas-swieq, relatati mal-kuntest ekonomiku jew legali li fih taqa’ l-imsemmija koordinazzjoni, mingħajr ma huwa importanti jekk tali element jaqax jew le fis-suq rilevanti (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 78). Madankollu, fil-kawża li wasslet għal din il-ġurisprudenza kienu jeżistu interazzjonijiet bejn is-suq rilevanti u suq konness distint, iżda dan ma ġiex stabbilit fil-każ ineżami. Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti hija wkoll kompetenti għall-pattinaġġ artistiku u li l-istess regoli japplikaw għaż-żewġ sports ma huwiex biżżejjed sabiex jintwerew tali interazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetizzjonijiet awtorizzati mir-rikorrenti f’suq distint mis-suq rilevanti.

118    Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punti 86 sa 89 iktar ’il fuq, kemm qabel kif ukoll wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni Nru 1974, ir-regoli ta’ eliġibbiltà ma akkumpanjawx l-eżerċizzju tal-funzjoni regolatorja tar-rikorrenti bil-garanziji neċessarji li jippermettu li jiġi żgurat lil terzi aċċess effettiv għas-suq rilevanti. Fid-dawl tal-assenza ta’ kriterji ta’ awtorizzazzjoni oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli, il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tar-rikorrenti sabiex tawtorizza jew tirrifjuta tali kompetizzjonijiet ma kien limitat bl-ebda mod.

119    Minn dan isegwi li l-fatt li r-rikorrenti setgħet tapprova kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ artistiku, anki jekk jiġi preżunt li dawn kienu kompetizzjonijiet realment indipendenti, huwa irrilevanti għall-analiżi tal-kuntest li fih jaqgħu r-regoli ta’ eliġibbiltà peress li ma jqiegħedx inkwistjoni l-konklużjoni li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tar-rikorrenti tippermettilha toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti billi tiffavorixxi l-kompetizzjonijiet tagħha stess għad-detriment tal-kompetizzjonijiet proposti minn terzi u, għaldaqstant, dawn ir-regoli ma jiżgurawx aċċess effettiv għal dan is-suq.

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kummissjoni kienet ġusta meta kkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-kontenut u tal-għanijiet tagħhom, kif ukoll tal-kuntest li fih jaqgħu r-regoli ta’ eliġibbiltà, dawn jippreżentaw grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqiesu li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

121    Peress li l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan hija suffiċjentement sostnuta mill-eżami tal-kontenut u tal-għanijiet tar-regoli ta’ eliġibbiltà kif ukoll tal-kuntest li fih jaqgħu, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tagħha li teskludi lill-organizzaturi terzi. Fil-fatt, peress li l-intenzjoni ma hijiex element neċessarju sabiex tiġi ddefinita n-natura restrittiva minħabba l-għan ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 77), l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kontra din il-parti tal-eżami tar-restrizzjoni minħabba l-għan huma ineffettivi.

122    Għaldaqstant, it-tieni u r-raba’ motiv tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

123    Peress li l-Kummissjoni ġustament stabbilixxiet l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, ma hemmx lok li jiġu mfittxija l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 17, u tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 25). Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tielet motiv imqajjem mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li r-regoli ta’ eliġibbiltà għandhom bħala effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

C.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni dwar il-Grand Prix ta’ Dubai tal-2014 ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE

124    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li l-Grand Prix ta’ Dubai ma jiġix approvat ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE, peress li din il-kompetizzjoni kellha sseħħ barra mit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

125    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kompetenza tal-Kummissjoni taħt ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku sabiex tikkonstata u tissanzjona aġir adottat barra mill-Unjoni tista’ tiġi stabbilita jew abbażi tal-kriterju tal-implimentazzjoni, jew abbażi tal-kriterju ta’ effetti kwalifikati (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 40 u 47). Skont il-kriterju tal-implimentazzjoni, il-kompetenza tal-Kummissjoni hija ġġustifikata skont il-post fejn l-aġir ikkritikat ikun implimentat (sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punt 16). Konformement mal-kriterju tal-effetti kkwalifikati, il-Kumissjoni tista’ wkoll tiġġustifika l-kompetenza tagħha meta l-aġir ikun jista’ jipproduċi effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 48 sa 53).

126    Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kkonkludiet, fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet “kisret l-Artikolu 101 TFUE meta adottat u applikat ir-regoli ta’ eliġibbiltà […]”. Din il-konklużjoni għandha tinqara fid-dawl tal-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm huwa minnu li d-Deċiżjoni kkontestata tikkritika diversi drabi d-deċiżjoni adottata mir-rikorrenti fir-rigward tal-Grad Prix ta’ Dubai, xorta jibqa’ l-fatt li hija ma tirrigwardax id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dan il-Grand Prix bħala tali. Fil-fatt, il-Kummissjoni użat ir-rifjut tar-rikorrenti li tapprova l-Grand Prix ta’ Dubai sempliċement sabiex turi l-mod kif din tapplika r-regoli ta’ eliġibbiltà tagħha fil-prattika (ara, b’mod partikolari, il-premessi 175, 176, 199 sa 205, 232 sa 235 u 243 tad-Deċiżjoni kkontestata).

128    Għaldaqstant, sa fejn id-Deċiżjoni kkontestata tirrigwarda r-regoli ta’ eliġibbiltà u mhux il-Grand Prix ta’ Dubai, il-kwistjoni rilevanti ma hijiex dik dwar jekk din il-kompetizzjoni seħħitx ġewwa jew barra mit-territorju taż-ŻEE, iżda dik dwar jekk il-Kummissjoni kinitx kompetenti skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli ta’ eliġibbiltà mal-Artikolu 101 TFUE.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl b’mod partikolari tas-sanzjonijiet severi u sproporzjonati previsti fil-każ ta’ parteċipazzjoni tal-pattinaturi f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati mir-rikorrenti u tal-assenza ta’ kriterji ta’ awtorizzazzjoni oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli, ir-regoli ta’ eliġibbiltà jipprekludu lill-pattinaturi milli joffru s-servizzi tagħhom lill-organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali tal-pattinaġġ veloċi mhux awtorizzati minnha u, għaldaqstant, lill-imsemmija organizzaturi milli jirrikorru għas-servizzi tagħhom għal kompetizzjonijiet barra miż-ŻEE jew fiż-ŻEE. Konsegwentement, ir-regoli ta’ eliġibbiltà jistgħu jipproduċu effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fit-territorju tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 125 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet kompetenti fil-każ ineżami sabiex tadotta d-Deċiżjoni kkontestata u dan ma sarx bi ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE.

130    Minn dan isegwi li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D.      Fuq is-sitt motiv, intiż kontra l-konklużjoni li r-regoli ta’ arbitraġġ tar-rikorrenti jsaħħu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni

131    Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni li tinsab fit-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-regoli ta’ arbitraġġ tagħha jsaħħu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ikkawżati mir-regoli ta’ eliġibbiltà hija infondata u għandha tiġi injorata.

132    Fir-rigward ta’ dan is-sitt motiv, il-Kummissjoni tinvoka, prinċipalment, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti bl-ebda mod ma talbet l-annullament tal-konklużjoni dwar ir-regoli ta’ arbitraġġ. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat, barra minn hekk, li t-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi analiżi li hija għamlet għall-finijiet ta’ kompletezza u li l-konklużjoni ta’ din it-taqsima, dwar ir-regoli ta’ arbitraġġ, għaldaqstant ma tagħmilx parti mill-ksur ikkonstatat. Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, isegwi li l-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad dan il-motiv bħala ineffettiv. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, in-natura ineffettiva ta’ motiv imqajjem tirreferi għall-kapaċità tiegħu, f’każ li jkun fondat, li jwassal għall-annullament li jitlob ir-rikorrent u mhux għall-interess li dan jista’ jkollu biex jippreżenta tali rikors jew inkella sabiex iqajjem motiv partikolari, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt l-ammissibbiltà tar-rikors u dik tal-motiv, rispettivament (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il-Kunsill, C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38).

133    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni wkoll fir-risposta tagħha li s-sitt motiv huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

1.      Fuq in-natura effettiva tas-sitt motiv

134    Bi tweġiba għal mistoqsija li saritilha waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li t-talba tagħha sabiex it-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata tiġi injorata kienet intiża, fir-realtà, sabiex tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata sa fejn hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti f’dan il-punt.

135    L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti kisret “l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE meta adottat u applikat ir-regoli ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari r-Regoli 102 u 103 tar-Regoli Ġenerali tal-UIP tal-2014 u tar-Regoli Ġenerali tal-UIP tal‑2016, fir-rigward tal-pattinaġġ veloċi”. Barra minn hekk, mit-Taqsima 8.6 tad-Deċiżjoni kkontestata intitolata “Konklużjoni dwar l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE” jirriżulta li l-Artikolu 1 tad-dispożittiv huwa bbażat fuq il-motivazzjoni inkluża fit-Taqsimiet 8.3 sa 8.5 tad-Deċiżjoni kkontestata.

136    Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet dwar ir-regoli ta’ arbitraġġ jinsabu f’taqsima sussegwenti għall-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri fit-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata. F’din it-taqsima, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li r-regoli ta’ arbitraġġ kienu jikkostitwixxu ksur awtonomu tad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda sempliċement li dawn isaħħu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mir-regoli ta’ eliġibbiltà.

137    Minn dan isegwi li, kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta, fid-dawl tal-ksur ikkonstatat, it-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata ddedikata għar-regoli ta’ arbitraġġ hija superfluwa sa fejn, anki jekk jiġi preżunt li din it-taqsima hija vvizzjata bi żball, din tal-aħħar ma tippermettix li tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala tali. Għaldaqstant, il-fatt li din it-taqsima hija vvizzjata b’illegalità ma jistax iwassal għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, is-sitt motiv tar-rikorrenti, sa fejn huwa intiż sabiex isostni t-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata huwa ineffettiv.

138    Madankollu, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti hija obbligata, fost l-oħrajn, li ttemm il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u li tastjeni milli tirrepeti kwalunkwe att jew aġir li għandu għan jew effett ekwivalenti. Dan l-artikolu għandu jinqara fid-dawl tal-premessi 338 sa 342 tad-Deċiżjoni kkontestata li jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jittieħdu mir-rikorrenti sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li ttemm il-ksur. Issa, f’dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li r-rikorrenti setgħet, essenzjalment, ittemm il-ksur filwaqt li żżomm is-sistema tagħha ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jekk hija tintroduċi modifiki sostanzjali mhux biss għar-regoli ta’ eliġibbiltà u għall-Komunikazzjoni Nru 1974, iżda wkoll għar-regoli ta’ arbitraġġ tagħha.

139    Għalhekk, il-Kummissjoni ssuġġettat il-legalità taż-żamma tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tar-rikorrenti għall-modifika sostanzjali, b’mod partikolari, tar-regoli ta’ arbitraġġ tagħha. Minn dan isegwi li t-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata tagħmel parti mis-sostenn neċessarju tal-Artikolu 2 tad-dispożittiv tagħha.

140    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, is-sitt motiv huwa effettiv sa fejn huwa intiż isostni t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata.

2.      Fuq il-mertu

141    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li t-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata, essenzjalment, minn żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni. Minn naħa, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li r-regoli ta’ arbitraġġ jirrendu iktar diffiċli l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra deċiżjoni potenzjalment antikompetittiva tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija tqis li din it-taqsima ma hijiex rilevanti sa fejn il-Kummissjoni ma tqisx li l-użu tal-proċedura ta’ arbitraġġ tal-QAS jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

142    Kif jirriżulta mill-punt 132 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-regoli ta’ arbitraġġ ma jikkostitwixxux ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Madankollu, hija tiddefendi l-evalwazzjoni li hija għamlet fit-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata u twieġeb li hija kienet awtorizzata twettaq l-analiżi kontenzjuża.

143    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li hija setgħet tikkunsidra r-regoli ta’ arbitraġġ bħala ċirkustanza aggravanti fis-sens tal-punt 28 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2; iktar il quddiem il-“Linji Gwida tal-2006”), fil-każ li hija tkun iddeċidiet li timponi tali sanzjoni.

144    Issa, id-Deċiżjoni kkontestata ma tużax il-kunċett ta’ ċirkustanza aggravanti u ma tirreferix għal-Linji Gwida tal-2006.

145    Madankollu, għandu jitfakkar li peress li kkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà jirrestrinġu l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni sussegwentement ikkonstatat li r-regoli ta’ arbitraġġ kienu jsaħħu r-restrizzjonijiet ikkawżati minnhom. Barra minn hekk, hija qieset, essenzjalment, li fil-każ li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-regoli ta’ eliġibbiltà, il-Komunikazzjoni Nru 1974 u r-regoli ta’ Arbitraġġ tar-rikorrenti jinżammu, huma kellhom jiġu emendati sostanzjalment.

146    Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma imponietx multa fil-każ ineżami, wara li kienet ipprevediet li tagħmel dan fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li hija qieset li r-regoli ta’ arbitraġġ isaħħu r-restrizzjonijiet ikkawżati mir-regoli ta’ eliġibbiltà wassalha sabiex testendi l-portata tal-obbligi imposti fuq ir-rikorrenti, billi tissuġġetta l-legalità taż-żamma tas-sistema tagħha ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-emenda, b’mod partikolari, ta’ dawn ir-regoli.

147    Essenzjalment, il-Kummissjoni b’hekk kompliet issegwi l-loġika tal-Linji Gwida tal-2006 dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti fil-kalkolu tal-multi, minkejja li finalment hija ma imponietx multa fid-Deċiżjoni kkontestata.

148    Issa, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni estendiet, kif hija ssostni, l-obbligi imposti fuq ir-rikorrenti billi ispirat ruħha mil-Linji Gwida tal‑2006 u li hija tista’ b’hekk tinvoka l-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida mingħajr ma tissostitwixxi l-motivi, għandu jitqies li hija kkunsidrat b’mod żbaljat li r-regoli ta’ arbitraġġ tar-rikorrenti kienu jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti fis-sens tal-Linji Gwida tal-2006.

149    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm huwa minnu li l-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għaldaqstant, hija ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tali regoli dwar l-aġir li jkollhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209 sa 211).

150    Il-punt 28 tal-Linji Gwida tal-2006 huwa fformulat kif ġej:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti bħal:

–        meta impriża tkompli jew tirrepeti ksur identiku jew simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun ikkonstatat li din l-impriża kisret id-dispożizzjonijiet tal-[Artikolu 101 TFUE] jew tal-[Artikolu 102 TFUE]. L-ammont bażiku għandu jiżdied sa 100 % għal kull ksur ikkonstatat;

–        rifjut ta’ kooperazzjoni jew tfixkil matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni;

–        ir-rwol ta’ mexxej jew ta’ provokatur tal-ksur. Il-Kummissjoni għandha tagħti wkoll attenzjoni partikolari għal kull miżura meħuda sabiex iġġiegħel impriżi oħra jipparteċipaw fil-ksur u/jew għal kull miżura ta’ ritaljazzjoni meħuda kontra impriżi oħra sabiex jiġu osservati l-prattiki li jikkostitwixxu ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

151    L-użu tal-espressjoni “bħal” fl-ewwel paragrafu tal-punt 28 tal-Linji Gwida tal-2006 jindika li din hija lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi aggravanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 105).

152    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi aggravanti inklużi fil-lista li tinsab fil-punt 28 tal-Linji Gwida tal-2006 għandhom komuni l-fatt li jiddeskrivu aġir jew ċirkustanzi illegali li jagħmlu l-ksur iktar dannuż u li jiġġustifikaw kundanna partikolari li tirriżulta f’żieda tas-sanzjoni imposta fuq l-impriża responsabbli. Fil-fatt, fil-punt 4 tal-Linji Gwida tal-2006, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi l-multi f’livell suffiċjentement dissważiv twassal għall-ħtieġa li jiġi aġġustat l-ammont bażiku ta’ kull multa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-eventwali ċirkustanzi aggravanti madwar il-ksur.

153    Minn dan isegwi li huma biss l-aġir jew ċirkustanzi illegali li jagħmlu l-ksur iktar dannuż bħat-tliet ċirkustanzi elenkati fil-punt 28 tal-linji gwida li jistgħu jiġġustifikaw aggravazzjoni tal-multa imposta għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għaliex ħadd ma jista’ jiġi dissważ minn aġir legali jew mhux dannuż.

154    Issa, fil-każ ineżami, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-premessa 269 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-arbitraġġ jikkostitwixxi metodu ġeneralment aċċettat ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim li għandu saħħa vinkolanti u li l-fatt li tiġi konkluża klawżola ta’ arbitraġġ ma jirrestrinġix fih innifsu l-kompetizzjoni.

155    It-tieni nett, hekk kif jirriżulta mill-premessa 286 tad-Deċiżjoni kkontestata u kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma qisitx li r-regoli ta’ arbitraġġ tar-rikorrenti jiksru d-dritt tal-atleti għal smigħ xieraq.

156    It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li n-natura obbligatorja tal-arbitraġġ u l-fatt li r-regoli ta’ arbitraġġ tar-rikorrenti jagħtu lill-QAS kompetenza esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim dwar deċiżjonijiet ta’ ineliġibbiltà tar-rikorrenti jistgħu jkunu ġġustifikati minn interessi leġittimi marbuta mal-ispeċifiċità tal-isport. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet f’dan is-sens f’kawża li kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli ta’ arbitraġġ. Hija rrikonoxxiet li hemm interess ċert li t-tilwim li jqum fil-kuntest tal-isport professjonali, b’mod partikolari dak li għandhom dimensjoni internazzjonali, ikunu jistgħu jitressqu quddiem qorti speċjalizzata li tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi b’mod rapidu u ekonomiku. Hija żiedet tgħid li l-manifestazzjonijiet sportivi internazzjonali ta’ livell għoli huma organizzati f’diversi pajjiżi minn organizzazzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fi Stati differenti, u li huma ta’ spiss miftuħa għall-atleti tad-dinja kollha. F’dan il-kuntest, l-użu ta’ qorti ta’ arbitraġġ internazzjonali unika u speċjalizzata jiffaċilita ċerta uniformità proċedurali u jsaħħaħ iċ-ċertezza legali (Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2018, Mutu u Pechstein vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punt 98).

157    Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull persuna għandha d-dritt tadixxi qorti nazzjonali u titlob kumpens għad-dannu subit meta tkun teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 22)

158    Id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal tali dannu fil-fatt isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa tali li jiskoraġġixxi l-ftehimiet jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 27, u tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 23).

159    Fil-każ ineżami, għalkemm huwa minnu li r-regoli ta’ arbitraġġ tar-rikorrenti ma jippermettux lill-pattinaturi jressqu quddiem qorti nazzjonali rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà li tikser l-Artikolu 101(1) TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li l-pattinaturi jistgħu jippreżentaw, jekk ikunu jixtiequ, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 157 u 158 iktar ’il fuq, rikors għad-danni quddiem qorti nazzjonali. Barra minn hekk, l-organizzaturi terzi jistgħu huma wkoll jippreżentaw rikors għad-danni meta huma jqisu li deċiżjoni ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni tikser l-Artikolu 101(1) TFUE. F’tali każijiet, il-qorti nazzjonali ma hijiex marbuta bl-evalwazzjoni mwettqa mill-QAS dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà jew ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

160    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-pattinaturi u l-organizzaturi terzi li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà jew ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 101(1) TFUE jistgħu wkoll iressqu lment quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew quddiem il-Kummissjoni, kif għamlu l-lanjanti fil-każ ineżami. Jekk l-awtorità responsabbli mill-kawża kellha tadotta deċiżjoni, din xorta tista’, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, il-qrati tal-Unjoni jista’ jkollhom jiddeċiedu dwar tali kwistjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni jew wara rinviju għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali adita b’rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

161    Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 157 sa 160 iktar ’il fuq jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-użu tas-sistema ta’ arbitraġġ tal-QAS ma huwiex ta’ natura li jikkomprometti l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

162    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, b’differenza miċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 55), il-kostituzzjoni tal-QAS ma toriġinax minn trattat li permezz tiegħu l-Istati Membri taw il-kunsens tagħhom li jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom stess u, għaldaqstant, mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponilhom li jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, tilwim li jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

163    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li r-regoli ta’ arbitraġġ taw lill-QAS il-ġurisdizzjoni esklużiva li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ ineliġibbiltà u l-fatt li l-arbitraġġ fil-każ ineżami huwa obbligatorju ma jikkostitwixxux ċirkustanzi illegali li jagħmlu l-ksur ikkonstatat f’dan il-każ iktar dannuż, bħaċ-ċirkustanzi elenkati fis-sens tal-punt 28 tal-Linji Gwida tal-2006. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li r-regoli ta’ arbitraġġ kien jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti u, konsegwentement, hija ma setgħetx tikkonkludi li dawn kienu jsaħħu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mir-regoli ta’ eliġibbiltà.

164    Minn dan isegwi li s-sitt motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-konklużjoni li tinsab fit-Taqsima 8.7 tad-Deċiżjoni kkontestata hija infondata, għandu jintlaqa’.

E.      Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003

165    Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata billi essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 billi imponiet fuqha miżuri korrettivi li ma għandhom ebda rabta mal-ksur allegat. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni imponitilha b’mod żbaljat, bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li temenda r-regoli ta’ eliġibbiltà tagħha, filwaqt li l-aspetti tar-regoli li fuqhom kellhom isiru dawn l-emendi ma kinux jikkostitwixxu ksur. Bl-istess mod, peress li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li r-regoli ta’ arbitraġġ jikkostitwixxi ksur, hija ma tistax timponilha li temendahom.

166    Il-Kummissjoni twieġeb li hija ma imponietx miżuri korrettivi fuq ir-rikorrenti. Hija ssostni li sempliċement eżiġiet li r-rikorrenti ttemm il-ksur konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 filwaqt li ħallitilha l-għażla rigward il-mod kif għandu jintemm il-ksur.

167    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-[Artikoli 101 u 102 TFUE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju [miżura korrettiva] komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur […]”

168    Il-kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni li l-miżuri korrettivi għandhom ikunu proporzjonati mal-ksur imwettaq tfisser li l-piżijiet imposti fuq l-impriżi sabiex itemmu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-istabbiliment mill-ġdid tal-legalità fid-dawl tar-regoli li, f’dan il-każ, ġew miksura (sentenza tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punt 93).

169    Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lir-rikorrenti sabiex effettivament ittemm il-ksur ikkonstatat u li fil-ġejjieni tastjeni milli tieħu kwalunkwe miżura li jkollha l-istess għan jew effett, jew effett jew għan ekwivalenti. Fil-premessa 339 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kien hemm “iktar minn mezz wieħed” sabiex effettivament jintemm il-ksur ikkonstatat, imbagħad hija identifikat tnejn. Għaldaqstant, minn naħa, hija qieset li r-rikorrenti setgħet telimina s-sistema tagħha ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u s-sistema ta’ sanzjonijiet relatata magħha. Min-naħa l-oħra, kieku r-rikorrenti kellha tagħżel iż-żamma tas-sistema tagħha ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 339 tad-Deċiżjoni kkontestata, li din tista’ “biss” ittemm il-ksur b’mod effettiv billi timmodifika b’mod sostanzjali r-regoli ta’ eliġibbiltà, “ir-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-UIP” u l-kriterji ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fil-Komunikazzjoni Nru 1974, filwaqt li elenkat serje ta’ passi li r-rikorrenti għandha tieħu sabiex tagħmel dan.

170    Qabel kollox għandu jitqies li, sa fejn il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat fil-każ ineżami l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, dan il-motiv għandu jiġi miċħud sa fejn jikkritika lill-Kummissjoni li imponiet fuq ir-rikorrenti miżuri li ma jirrispondux għal konstatazzjoni ta’ ksur.

171    Min-naħa l-oħra, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-regoli ta’ arbitraġġ ma humiex parti li tikkostitwixxi l-ksur ikkonstatat u, hekk kif jirriżulta mill-punt 163 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li dawn kienu jsaħħu dan il-ksur.

172    Madankollu, fil-premessa 339 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ż-żamma tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kienet possibbli biss jekk ir-rikorrenti temenda r-regoli ta’ arbitraġġ (ara l-punt 169 iktar ’il fuq). Tali raġuni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, li jordna lir-rikorrenti ttemm il-ksur u tikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri meħuda f’dan ir-rigward, għandha portata vinkolanti, anki jekk jiġi preżunt, kif tallega l-Kummissjoni, li din it-talba għal emenda tar-regoli ta’ arbitraġġ ma tikkostitwixxix “miżura korrettiva” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

173    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni eżiġiet, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti temenda r-regoli ta’ arbitraġġ, li ma jsaħħux il-gravità tal-ksur ikkonstatat u ma kinux, barra minn hekk, jagħmlu parti integrali minnu.

174    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jintlaqa’ parzjalment sa fejn il-Kummissjoni eżiġiet l-emenda sostanzjali tar-regoli ta’ arbitraġġ fil-każ taż-żamma tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, u l-kumplament tiegħu għandu jiġi miċħud.

F.      Fuq it-tmien motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ma għandhiex bażi legali

175    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx timponilha pagamenti ta’ penalità għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, il-miżuri korrettivi imposti huma vagi u impreċiżi u, min-naħa l-oħra, ma humiex relatati mal-ksur ikkonstatat.

176    Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-eżami tas-seba’ motiv, il-Kummissjoni pprovdiet indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati mir-rikorrenti sabiex ittemm il-ksur ikkonstatat. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx timponi pagamenti ta’ penalità fid-dawl tan-natura vaga u impreċiża tal-imsemmija miżuri għandu jiġi miċħud.

177    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, hija tista’ wkoll timponi fuq l-impriżi u fuq l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi pagamenti ta’ penalità sabiex tobbligahom itemmu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE. Issa, kif ġie espost fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-regoli ta’ arbitraġġ ma jagħmlux parti mill-ksur ikkonstatat b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx teżiġi li r-rikorrenti temendahom u, konsegwentement, hija ma setgħetx timponi pagamenti ta’ penalità li huma relatati mar-rekwiżit li l-imsemmija regoli jiġu emendati.

178    Għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi parzjalment milqugħ sa fejn jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ li r-regoli ta’ arbitraġġ ma jiġux emendati, u l-kumplament tiegħu għandu jiġi miċħud.

V.      Konklużjoni fuq l-eżitu tar-rikors

179    It-talbiet tar-rikorrenti fir-rigward tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

180    Min-naħa l-oħra, mill-analiżi tas-sitt u s-seba’ motiv jirriżulta li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li r-regoli ta’ arbitraġġ kienu jsaħħu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mir-regoli ta’ eliġibbiltà u meta eżiġiet l-emenda sostanzjali tal-imsemmija regoli, filwaqt li dawn ir-regoli ma kinux parti integrali mill-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, hemm lok li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata jiġi annullat parzjalment.

181    Fl-aħħar nett, mill-analiżi tat-tmien motiv jirriżulta li hemm lok, konsegwentement, li jiġi annullat parzjalment l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kkontestata, li jipprevedi pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 2, sa fejn dan huwa relatat mar-rekwiżit li jiġu emendati r-regoli ta’ arbitraġġ.

 Fuq l-ispejjeż

182    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

183    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet fir-rigward tat-talba tagħha intiża għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata u peress li kisbet parzjalment sodisfazzjon fir-rigward tat-talba tagħha intiża għall-annullament tal-Artikoli 2 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

184    Skont l-Artiklu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hemm lok li jiġi deċiż li l-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 2 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 8230 final tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT/40208 – Regoli ta’ Eliġibilità tal-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ) huma annullati sa fejn, meta tordna lill-International Skating Union ittemm il-ksur ikkonstatat taħt piena ta’ pagament ta’ penalità, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli ta’ arbitraġġ u teżiġi li jiġu emendati fil-każ li tinżamm is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-International Skating Union u l–Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

4)      Il-European Elite Athletes Association, Jan Hendrik Tuitert u Niels Kersholt għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.