Language of document : ECLI:EU:T:2012:301

Kawża T-396/09

Vereniging Milieudefensie u

Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Ambjent — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Obbligu tal-Istati Membri li jħarsu u li jtejbu l-kwalità tal-arja fl-ambjent — Deroga temporanja mogħtija lil Stat Membru — Talba għal eżami mill-ġdid intern — Rifjut — Miżura ta’ portata individwali — Validità — Konvenzjoni ta’ Aarhus”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Inammissibbiltà

(Artikoli 263 TFUE u 266 TFUE)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti lil Stat Membru deroga temporanja — Att ta’ portata ġenerali — Assenza ta’ att amministrattiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern bis-saħħa tar-Regolament Nru 1367/2006

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikoli 2(1)(g) u 10(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/50, Artikolu 22(4))

3.      Ftehim internazzjonali — Ftehim tal-Unjoni — Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus) — Effetti — Supremazija fuq l-atti ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni — Evalwazzjoni, fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni, tal-validità ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 — Kundizzjonijiet

(Artikolu 300(7) KE; Konvenzjoni ta’ Aarhus; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006)

4.      Ftehim internazzjonali — Ftehim tal-Unjoni — Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus) — Limitazzjoni permezz ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 tal-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid biss għal atti ta’ portata individwali — Invalidità fid-dawl tal-konvenzjoni

(Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikolu 9(3); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikoli 2(1)(g) u 10(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 18)

2.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti lil Stat Membru deroga temporanja mill-obbligi previsti mid-Direttiva 2008/50, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, ma tikkostitwixxix miżura ta’ portata individwali, u ma tistax titqies li hija att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern taħt l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament.

Fil-fatt, sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ att, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-għan u l-kontenut tiegħu. B’hekk, deċiżjoni li għandha bħala destinatarju Stat Membru hija ta’ portata ġenerali jekk hija tapplika għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u timplika effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

Barra minn hekk, meta test jinkludi limitazzjonijiet jew derogi ta’ natura temporanja jew ta’ portata territorjali, huma jagħmlu parti integrali mid-dispożizzjonijiet meħudin flimkien li jinkluduhom u huma, ħlief fil-każ ta’ abbuż ta’ poter, tal-istess natura ġenerali bħalhom.

Fl-aħħar nett, id-derogi mis-sistema ġenerali kkostitwiti mid-deċiżjonijiet ta’ konferma adottati mill-Kummissjoni taħt dispożizzjoni ta’ direttiva huma tal-istess natura ġenerali bħal dik ta’ din id-direttiva, peress li huma indirizzati b’mod astratt għal kategoriji, mhux iddefiniti, ta’ persuni u japplikaw għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv.

(ara l-punti 26-28, 34, 41)

3.      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, li tgawdi mis-supremazija fuq l-atti Komunitarji sekondarji. Għaldaqstant, il-validità tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tista’ tiġi affettwata mill-inkompatibbiltà tiegħu ma’ din il-konvenzjoni.

Fil-każ li l-Komunità kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari li ttieħed fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali, jew fil-każ fejn l-att jirreferi b’mod espliċitu għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dan il-ftehim, hija l-Qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att inkwistjoni fid-dawl tar-regoli ta’ dan il-ftehim.

Għalhekk, il-Qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali, mingħajr ma tivverifika minn qabel jekk in-natura u l-istruttura tat-trattat internazzjonali ma jipprekluduhx u jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat jidhru, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed, meta dan ir-regolament ikun intiż sabiex iqiegħed fis-seħħ obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn dan it-trattat internazzjonali.

(ara l-punti 52-54)

4.      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, sa fejn jillimita l-kunċett ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-atti amministrattivi, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala miżuri ta’ portata individwali, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

(ara l-punt 69)