Language of document : ECLI:EU:T:2005:211

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta' Ġunju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali ROCKBASS – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Eżami ex officio tal-fatti mill-Bord ta' l-Appell – Nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni provi ppreżentati mir-rikorrent – Artikolu 74(1) u (2) tar-Regolament Nru 40/94"

Fil-kawża T-315/03,

Hans-Peter Wilfer, li joqgħod f'Markneukirchen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn A. Kockläuner, avocat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Schennen u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-11 ta' Lulju 2003 (każ R 266/2002-1), dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali ROCKBASS bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fil-15 ta’ Settembru 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fis-16 ta’ Diċembru 2003,

wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 ta' Ottubru 2001, ir-rikorrent ippreżenta applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ROCKBASS.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 15 u 18 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-iskopijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9 : "Apparat tekniku tal-ħoss, sound mixing tables, apparat ta' effetti tal-ħoss, amplifikaturi, kaxxi, kaxxi attivi (combos); kontenituri, kaxxi u basktijiet addattati għall-apparat hawn fuq imsemmi";

–        klassi 15 : "Strumenti mużikali, b' mod partikolari kitarri, kitarri elettriċi, kitarri baxxi, kitarri akustiċi, aċċessorji għal kitarri, jiġifieri kordi, viti u ċineg; kontenituri, kaxxi u basktijiet adattati għall-oġġetti hawn fuq imsemmija";

–        klassi 18 : "Kontenituri, kaxxi u basktijiet".

4        Permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Marzu 2002, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni skond l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94.

5        Fil-25 ta' Marzu 2002, ir-rikorrent appella ma' l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, mid-deċiżjoni ta' l-eżaminatur u ppreżenta, fit-3 ta' Lulju 2002, nota li fiha spjega r-raġunijiet ta' l-appell.

6        Fit-2 ta' Lulju 2003, ir-rikorrent ippreżenta nota addizzjonali li kien fiha dikjarazzjoni tas-Sur Roesberg, editur ta' rivista mużikali, kif ukoll indikazzjonijiet dwar ir-reġistrazzjonijiet tat-trade mark ROCKBASS fil-Kanada, fl-Awstralja u fin-New Zealand.

7        Permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Lulju 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), notifikata lir-rikorrent fis-16 ta' Lulju 2003, l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94. Essenzjalment, l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, għall-pubbliku rilevanti kompost minn esperti tal-mużika, il-kelma "rockbass" kienet tirreferi għall-kitarra baxxa li ddoqq b'mod partikolari l-mużika rock u tindika wkoll teknika ta' kitarra baxxa – "rock bass". Għaldaqstant, huwa sostna li s-sinjal verbali ROCKBASS kien jiddeskrivi speċifikament l-istrumenti tal-mużika u l-aċċessorji tagħhom, kif ukoll prodotti oħra msemmija speċifikament fl-applikazzjoni, safejn id-deskrizzjonijiet tagħhom jinkludu prodotti użati fil-kuntest ta' kitarri baxxi.

 Il-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim' Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

9        L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim' Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Fuq it-talba dwar ir-rappreżentazzjoni tar-rikorrent

10      Waqt is-seduta, ir-rikorrent talab li jittieħed konjizzjoni tal-fatt li huwa kien irrappreżentat minn A. Kockläuner, avocat, flimkien ma' S. Zech, Patentanwalt, jew, sussidjarjament, li huwa kien irrappreżentat minn A. Kockläuner, avocat, assistit minn S. Zech, Patentanwalt.

11      S. Zech kien awtorizzat jindirizza lill-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta fil-preżenza u taħt il-kontroll ta' l-avukat. Min-naħa l-oħra, it-talba tar-rikorrent sabiex S. Zech jiġi ammess bħala rappreżentant tiegħu ma tistax tiġi milqugħa. Skond l-Artikolu 19 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss avukat li jkun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li jista' jirrappreżenta jew jassisti partijiet oħra minbarra l-Istati jew l-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu ta' l-istess artikolu [ara d-Digriet tal-Qorti tal-Prim' Istanza tad-9 ta' Settembru 2004, Alto de Casablanca vs L-UASI – Bodegas Chivite (VERAMONTE), T-14/04, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 9, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-attestazzjoni dwar il-proċedura ta' reġistrazzjoni tat-trade mark ROCKBASS fl-Istati Uniti ppreżentata waqt is-seduta

12      Waqt is-seduta, ir-rikorrent ippreżenta attestazzjoni dwar il-proċedura ta' reġistrazzjoni tat-trade mark ROCKBASS fl-Istati Uniti.

13      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li mill-qari ta' l-Artikolu 63(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-annullament, kif ukoll il-bdil, ta' deċiżjoni tal-Bordijiet ta' l-Appell hija possibbli biss jekk din tkun ivvizzjata b' irregolarità sostantiva jew proċedurali. Sussegwentement, skond ġurisprudenza kostanti, il-legalità ta' att Komunitarju trid tiġi kkunsidrata fid-dawl ta' elementi ta' fatt u ta' dritt eżistenti li jeżistu fiż-żmien meta l-att ġie adottat. Għaldaqstant, il-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tista' tiġi kkontestata billi jiġu invokati fatti ġodda quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza biss jekk tingħata prova li l-Bord ta' l-Appell kellu, ex officio, jieħu in kunsiderazzjoni dawn il-fatti waqt il-proċedura amministrattiva qabel jadotta kull deċiżjoni fil-kawża preżenti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Novembru 2003, HERON Robotunits vs L-UASI (ROBOTUNITS), T-222/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 50 u 51, u l-ġurisprudenza ċċitata].

14      Fil-kawża preżenti, l-attestazzjoni ppreżentata mir-rikorrent hija sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-provi li jirrigwardaw il-proċedura ta' reġistrazzjoni tat-trade mark ROCKBASS fl-Istati Uniti ma jikkostitwixxux fatti li l-Bord ta' l-Appell kellu, ex officio, jieħu in kunsiderazzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-attestazzjoni in kwistjoni ma tistax tikkontesta l-legalità ta' din id-deċiżjoni u għandha għalhekk tiġi eskluża mill-proċedimenti.

 Fuq it-talba għal annullament

15      In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem erba' raġunijiet. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq nuqqas ta' eżami ex officio tal-fatti. Filwaqt li jallega l-ksur ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet, ir-rikorrent, permezz tat-tieni raġuni tiegħu, jilmenta, essenzjalment, li l-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati mir-rikorrent fin-nota addizzjonali tiegħu tat-2 ta' Lulju 2003. It-tielet u r-raba' raġunijiet jirrigwardaw il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(c) u (b) rispettivament tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq in-nuqqas ta' eżami ex officio tal-fatti, bi ksur ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

16      Ir-rikorrent isostni li l-UASI ma wettaqx eżami ex officio tal-fatti, bi ksur ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, f'dak illi huwa ma ħax in kunsiderazzjoni l-informazzjoni favorevoli għar-reġistrazzjoni tas-sinjal, miksuba mill-Internet.

17      Skond ir-rikorrent, l-UASI ma ħax in kunsiderazzjoni l-fatt b'mod partikolari li, fuq l-Internet, il-kelma "rockbass" kienet użata prinċipalment kemm biex tirreferi għall-prodotti tiegħu kif ukoll biex tindika l-ħut, jiġifieri "rock bass". Għal dak li jirrigwarda l-eżempji l-oħrajn ta' l-użu ta' din il-kelma, l-UASI ma għarafx il-fatt li tali eżempji ma kinux jikkonċernaw il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti in kwistjoni.

18      L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell jirreferi, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ħdax-il sit ta' l-Internet u jeżamina l-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, l-ilment tar-rikorrent jikkonċerna fil-fatt is-sustanza tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-UASI josserva li d-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 74 (1) tar-Regolament Nru 40/94 hija l-espressjoni ta' prinċipju ta' proċedura u mhux ta' obbligu li jwettaq, sa ċertu punt, eżami ex officio tal-fatti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

19      Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, "fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq inizjattiva tiegħu stess [ex officio]".

20      Skond il-ġurisprudenza, l-eżami mwettaq mill-awtorità kompetenti fil-qasam ta' trade marks għandu jkun strett u komplet sabiex jiġi evitat li trade marks ma jkunux irreġistrati b'mod mhux approprjat [ara, fir-rigward ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1), is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, punt 59]. Għaldaqstant, jeħtieġ, għal raġunijiet ta' ċertezza legali u ta' amministrazzjoni tajba, li jiġi assigurat li t-trade marks li l-użu tagħhom jista' jiġi kkontestat validament quddiem il-qrati ma jiġux irreġistrati (ara, fir-rigward tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 21).

21      Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li l-Bord ta' l-Appell eżamina diversi siti ta' l-Internet u li huwa ħa din l-informazzjoni in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-eżami ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94. Għandu jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li l-Bord ta' l-Appell mhuwiex obbligat jirreferi, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-informazzjoni kollha li huwa seta' jsib fuq l-Internet. Barra minn hekk, il-fatt li din l-informazzjoni tinkludi ħafna referenzi għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni b'relazzjoni mal-prodotti ta' l-applikant mhuwiex, fih innifsu, ta' natura li jikkontesta l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell għal dak li jirrigwarda l-karattru deskrittiv tas-sinjal, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

22      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrent, li jgħid li l-UASI interpreta ħażin l-informazzjoni misjuba fuq l-Internet, huwa fir-realtà, intiż kontra l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, jeħtieġ li dan l-argument jiġi analizzat fil-kuntest ta' l-eżami tar-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

23      Għaldaqstant, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq in-nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-provi ppreżentati mir-rikorrent

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrent jilmenta li l-Bord ta' l-Appell ma eżaminax in-nota addizzjonali tiegħu tat-2 ta' Lulju 2003 u l-annessi tagħha, li fiha d-dikjarazzjoni tas-Sur Roesberg, editur ta' rivista mużikali, u l-informazzjoni fuq ir-reġistrazzjonijiet preċedenti tat-trade mark ROCKBASS. Skond ir-rikorrent, l-UASI kien obbligat jispjega għaliex ma kienx il-każ li jieħu in kunsiderazzjoni dawn l-provi addizzjonali.

25      L-UASI jwieġeb li n-nota tat-2 ta' Lulju 2003 ġiet ippreżentata sena wara n-nota li tagħti r-raġunijiet ta' l-appell u disgħat ijiem biss qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Peress illi kien għadda ċertu żmien sakemm id-dokumenti ppreżentati ngħataw lir-Relatur tal-kawża, in-nota in kwistjoni ma kinitx ġiet effettivament mgħarrfa lill-Bord ta' l-Appell.

26      L-UASI jsostni wkoll li l-Bord ta' l-Appell seta' ma jiħux in kunsiderazzjoni din in-nota, skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll li kien ipprojbit, billi kien jikser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, milli jieħu in kunsiderazzjoni l-kontenut tan-nota ppreżentata waqt it-tfassil ta' l-abbozz ta' deċiżjoni.

27      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tas-Sur Roesberg, ippreżentata mir-rikorrent ,tirrepeti biss l-argument li dan ta' l-aħħar kien diġà ressaq quddiem l-UASI u li l-Bord ta' l-Appell eżamina fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet preċedenti fi Stati li mhumiex membri tal-Komunità, tista' tingħata biss importanza żgħira lil dan l-argument fil-kuntest tal-kawża preżenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

28      Skond it-tielet sentenza ta' l-Aritkolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, fil-kuntest ta' l-appelli mid-deċiżjonijiet ta' l-eżaminaturi, għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew ir-raġunijiet ta’ l-appell fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha ġiet innotifikata d-deċiżjoni.

29      Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi t-teħid in kunsiderazzjoni ta' elementi ġodda ta' fatt jew ta' prova mogħtija waqt l-eżami ta' appell dwar raġuni assoluta għal rifjut wara li jkun skada t-terminu li fih għandhom jiġu ppreżentati r-raġunijiet ta' l-appell. L-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprovdi li l-UASI jista' ma jiħux in kunsiderazzjoni l-fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew il-provi li huma ma jkunux ressqu fit-terminu previst, jikkonferixxi lill-Bord ta' l-Appell setgħa diskrezzjonali għal dak li jirrigwarda t-teħid in kunsiderazzjoni ta' provi supplementari ppreżentati wara li jkun skada dan it-terminu. Barra minn hekk, l-UASI, f'risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim' Istanza waqt is-seduta, indika li l-proċedura sabiex jiġu eżaminati r-raġunijiet assoluti għal rifjut quddiem il-Bordijiet ta' l-Appell ma tipprovdix għal terminu speċifiku li meta jiskadi l-partijiet ma jkunux jistgħu iktar jinvokaw effettivament elementi ġodda ta' fatt jew iressqu argumenti addizzjonali.

30      Minn dan jirriżulta li, fil-kawża preżenti, il-Bord ta' l-Appell kellu jwettaq eżami tan-nota addizzjonali tat-2 ta' Lulju 2003 sabiex jiġi assigurat, mill-inqas, li din ma kienx fiha elementi ġodda ta' fatt jew ta' prova li għandhom jiġu eżaminati billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.

31      L-UASI ammetta, fin-nota tiegħu u waqt is-seduta, li n-nota addizzjonali tar-rikorrent ma ġietx eżaminata mill-Bord ta' l-Appell. F'dan ir-rigward, l-UASI bl-ebda mod ma stabbilixxa li, meta ġiet ippreżentata n-nota addizzjonali tar-rikorrent, id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell kienet ġiet adottata u li għalhekk il-Bord ta' l-Appell ma setax iktar, f'termini prattiċi, jieħu tali nota in kunsiderazzjoni. Għandu jiġi osservat ukoll li l-UASI ma jistax jillimita ruħu li jsostni li l-kunsiderazzjonijiet marbuta ma' l-organizzazzjoni amministrattiva tiegħu ma jippermettux li n-nota in kwistjoni tiġi mgħarrfa lill-Bord ta' l-Appell.

32      Għaldaqstant, billi naqas milli jeżamina din in-nota, il-Bord ta' l-Appell wettaq żball proċedurali.

33      Madankollu, irregolarità proċedurali ma twassalx għall-annullament totali jew parzjali ta' deċiżjoni ħlief jekk jiġi stabbilit li fin-nuqqas ta' din l-irregolarità d-deċiżjoni kontestata setgħet ikollha kontenut differenti (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 47, u tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 48; ara, ukoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2004, KWS Saat vs L-UASI, C-447/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 47 sa 50). Għandu jiġi kkonstatat li n-nota addizzjonali ppreżentata mir-rikorrent quddiem il-Bord ta' l-Appell ma fihiex argumenti ġodda jew provi ġodda ta' natura li jinfluwenzaw is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata.

34      Huwa paċifiku li d-dikjarazzjoni tas-Sur Roesberg ġiet ippreżentata biss in sostenn ta' żewġ argumenti diġà invokati mir-rikorrent quddiem l-eżaminatur u quddiem il-Bord ta' l-Appell. Dawn iż-żewġ argumenti, li ġew eżaminati fil-punti 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwardaw, rispettivament, il-kwistjoni dwar jekk il-kelma "rockbass" tindikax biss stil ta' mużika u jekk jeżistux kitarri baxxi intiżi speċifikament għad-daqq ta' dan l-istil ta' mużika. Minn dan jirriżulta li d-dikjarazzjoni tas-Sur Roesberg ma setgħetx taffettwa s-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata.

35      Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjonijiet tat-trade mark ROCKBASS fil-Kanada, fl-Awstralja u fin-New Zealand, għandu jiġi mfakkar li s-sistema Komunitarja ta' trade marks hija sistema awtonoma kkostitwita minn numru ta' regoli u li tipprova tilħaq obbjettivi li huma speċifiċi għaliha, billi l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs L-UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47]. Skond il-ġurisprudenza, ir-reġistrazzjonijiet li saru diġà fi Stati Membri ma jikkostitwixxux elementi determinanti, iżda jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni biss għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, b'mod partikolari billi joffru sostenn analitiku għall-evalwazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Novembru 2004, Henkel vs L-UASI (Forma ta' flixkun abjad u trasparenti), T-393/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Minn dan jirriżulta, a fortiori, li r-reġistrazzjonijiet li saru f'pajjiżi terzi, li l-leġiżlazzjoni tagħhom mhijiex suġġetta għall-armoniżżazzjoni Komunitarja, m'huma ta' ebda rilevanza sabiex jiġi stabbilit li l-kriterji identiċi għal dawk ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 ġew kkunsidrati bħala sodisfatti.

36      F'dawn iċ-ċirkustanzi, billi n-nota addizzjonali tat-2 ta' Lulju 2003 ma fihiex elementi ġodda ta' natura li jinfluwenzaw is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-Bord ta' l-Appell ma eżaminax din in-nota ma jistax iwassal għall-annullament ta' din id-deċiżjoni.

37      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li t-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

38      Qabel kollox, ir-rikorrent jikkontesta d-definizzjoni ta' pubbliku rilevanti mogħtija mill-Bord ta' l-Appell, li tgħid li l-prodotti in kwistjoni huma intiżi għall-esperti tal-mużika. Skond ir-rikorrent, il-pubbliku kkonċernat għandu jiġi interpretat bħala l-konsumatur medju li huwa infurmat tajjeb.

39      Għal dak li jirrigwarda s-sinjal ROCKBASS, ir-rikorrent jagħti diversi tifsiriet tal-partijiet li jiffurmawh. Huwa jsostni wkoll li, fil-lingwa Ingliża, l-għadqa ta' kliem "rock bass" għandha sinjifikat preċiż, jiġifieri dak tal-ħuta bl-isem "rock bass", li mhuwa komuni xejn fir-rigward tal-prodotti mitluba. Is-sinjal in kwistjoni, ikkaratterizzat minn struttura grammatikali mhux tas-soltu u sinjifikat ambigwu, jiġi għalhekk ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala terminu vvintat.

40      Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li, minkejja l-konnotazzjonijiet deskrittivi eventwali tiegħu, is-sinjal ROCKBASS ma jistax jikkostitwixxi, fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni, indikazzjoni ċara, sempliċi u li ma tistax tiġi interpretata ħażin. B'mod partikolari, billi l-kitarra baxxa ma għandhiex karatteristiċi speċifiċi għall-mużika rock, ma jidhirx naturali li t-terminu "rockbass" jinftiehem bħala l-indikazzjoni ta' tip partikolari ta' kitarri baxxi jew bħala denominazzjoni ta' funzjoni tal-kitarra baxxa.

41      Anki jekk wieħed jippreżupponi li t-terminu "rockbass" jindika teknika ta' daqq ta' kitarra baxxa, dan is-sinjifikat mhuwiex deskrittiv ta' l-użu tal-prodotti, minħabba li wieħed jista' jdoqq prattikament kull stil ta' mużika fuq kull strument. Għaldaqstant, ir-relazzjoni bejn is-sinjal u l-kitarri baxxi mhijiex diretta, b'mod partikolari peress illi ma tikkonċernax il-karatteristiċi essenzjali tagħhom.

42      Għal dak li jirrigwarda l-aċċessorji tal-kitarri, ir-rikorrent jindika, billi jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs L-UASI (ELLOS) (T-219/00, Ġabra p. II-753, punt 41), li l-ġurisprudenza tirrikjedi l-eżami awtonomu ta' kull kategorija ta' prodotti jew servizzi mitluba. F'din il-kawża, il-kelma "rockbass" m'għandhiex rabta evidenti la mal-karatteristiċi essenzjali ta' l-aċċessorji għall-kitarri fil-klassi 15 u lanqas mal-prodotti indikati fil-klassijiet 9 u 18.

43      L-UASI jwieġeb li s-sinjifikat tas-sinjal għandu jiġi analizzat b'relazzjoni mal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti msemmija fl-applikazzjoni u li l-aspett tekniku mhuwiex daqstant importanti. Fil-kawża preżenti, il-pubbliku kkonċernat huwa kompost minn mużiċisti professjonali jew dilettanti li jipprattikaw l-arti tagħhom, li jikkostitwixxu grupp ta' konsumaturi li għandu l-konoxxenzi speċifiċi jew li jistgħu jitolbu parir f'ħanut speċjalizzat.

44      Għal dak li jirrigwarda l-komponenti tas-sinjal in kwistjoni, l-UASI jindika li l-kelma "bass" tfisser kemm strument tal-mużika kif ukoll noti baxxi ta' biċċa xogħol mużikali. Il-kelma "rock" tikkorrispondi, f' dan il-kuntest, għall-mużika rock. Il-fatt li s-sinjal u l-komponenti tiegħu jistgħu jkollhom, f'kuntest ieħor, sinjifikati differenti huwa mingħajr importanza. Għaldaqstant, is-sinjal in kwistjoni, maħluq permezz ta’ kuntrast sintattikament komuni bejn żewġ kelmiet, jindika, permezz ta' forma ċara u grammatikament korretta, baxx sabiex jindaqq ir-rock.

45      Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mir-riċerki effettwati f'diversi siti ta' l-Internet, inklużi dawk indikati mir-rikorrent, li jirreferu għall-kelma "rockbass" bħala strument tal-mużika.

46      L-UASI jsostni li l-argument tar-rikorrent, li jgħid li ma jeżistux kitarri baxxi maħduma speċjalment sabiex jindaqq ir-rock, mhuwiex konklużiv fir-rigward tal-pubbliku kkonċernat, li jifhem il-kelma "rockbass" mingħajr ma jwettaq stħarriġ ulterjuri dwar il-possibbiltajiet tekniċi. Huwa biżżejjed, sabiex jiġi stabbilit il-karattru deskrittiv tas-sinjal in kwistjoni, li jiġi indikat b’mod ċar lill-konsumatur li l-kitarra tista’ tintuża wkoll sabiex jindaqq ir-rock.

47      Skond l-UASI, ir-raġuni għal rifjut ma tapplikax biss għall-kategorija tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 15, li tinkludi kitarri baxxi, iżda wkoll għall-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni. Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, apparat tal-ħoss li jaqa’ taħt il-klassi 9, dan ta' l-aħħar huwa neċessarju sabiex jindaqq ir-rock b'kitarra baxxa elettrika li ma tistax tipproduċi ħsejjes mingħajr l-użu ta' amplifikaturi u ta' lawdspikers. Għal dak li jirrigwarda l-kontenituri, kaxxi u basktijiet, li jaqgħu taħt il-klassi 18, is-sinjal huwa deskrittiv safejn huma jintużaw għat-trasport ta’ kitarri u ta' apparat tal-ħoss, billi s-sinjal in kwistjoni jinftihem bħala li jirreferi għall-kontenut tal-kaxxi.

48      Għal dak li jirrigwarda l-aċċessorji, bħal kordi, viti u ċineg, l-UASI jsostni li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, ma jeżistux aċċessorji fihom infushom, għaliex dawn dejjem jakkumpanjaw prodott prinċipali speċifiku billi huma intiżi għall-istess użu. Tali konklużjoni tirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 40/94. Anki jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza adottat opinjoni differenti fis-sentenzi ELLOS, iċċitata iktar ‘il fuq (punt 41), u tat-3 ta' Ottubru 2001, Zapf Creation vs L-UASI (New Born Baby) (T-140/00, Ġabra p. II-2927, punt 31), l-UASI jqis li approċċ li jeħtieġ eżami separat għal kull prodott kopert mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni r-relazzjoni mal-prodotti l-oħrajn mhuwiex approprjat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

49      Skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trade marks li jikkonsistu esklużivament f'sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta' produzzjoni tal-prodotti jew ta' meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi".

50      Id-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 għandha għan ta' interess ġenerali, li jirrikjedi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jiddeskrivu karatteristiċi ta' prodotti jew servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jistgħu jkunu użati liberament minn kulħadd. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 2003, L-UASI vs Wrigley, C-191/01 P, Ġabra p. I-12447, punt 31, u s-sentenza ELLOS, ċċitata iktar ‘il fuq, punt 27).

51      F'dan il-kuntest, is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fid-dispożizzjoni ċċitata huma dawk li jistgħu jservu, fl-użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, sabiex jindikaw direttament, jew billi tissemma waħda mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu, il-prodott jew is-servizz li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, punt 39). Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta' sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’relazzjoni għall-prodotti jew is-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, b’relazzjoni għall-mod li l-pubbliku rilevanti jifhem tali karattru [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, DaimlerChrysler vs L-UASI (CARCARD), T-356/00, Ġabra p. II-1963, punt 25].

52      Fil-kawża preżenti, għal dak li jirrigwarda l-pubbliku rilevanti, l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti in kwistjoni kienu intiżi għal pubbliku speċjalizzat, kompost minn mużiċisti professjonali u dilettanti tal-mużika. Madankollu, kif ippreċiża l-UASI fl-argumenti tiegħu, jekk il-konsumaturi kkonċernati m’għandhomx neċessarjament konoxxenzi speċifiċi, huma jistgħu dejjem jitolbu parir f'ħanut speċjalizzat.

53      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti fil-kawża preżenti huwa kompost minn mużiċisti professjonali u dilettanti li jdoqqu l-mużika, li mhux neċessarjament għandhom konoxxenzi tekniċi speċifiċi.

54      L-ewwel nett, peress illi s-sinjal ROCKBASS huwa kompost minn żewġ nomi Ingliżi, "rock" u "bass", il-pubbliku rilevanti huwa pubbliku li jitkellem bil-lingwa Ingliża. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kliem li jiffurmaw is-sinjal jeżistu, b’tibdiliet żgħar eventwali, fil-lingwi l-oħrajn tal-Komunità.

55      Kif ikkonstata l-Bord ta' l-Appell, il-kelma "rock" tirrappreżenta, skond waħda mis-sinjifikati tagħha, stil ta' mużika u l-kelma "bass" tindika b’mod partikolari l-iktar ħsejjes baxxi ta’ biċċa xogħol mużikali jew ta' strument tal-mużika li jipproduċihom, per eżempju, kitarra baxxa.

56      B’risposta għall-argument imressaq mir-rikorrent li jgħid, billi jirreferi għad-diversi sinjifikati tal-komponenti tas-sinjal ROCKBASS, li dan ta’ l-aħħar m’għandux tifsira ċara u determinata, għandu jiġi osservat li l-karattru deskrittiv ta' sinjal għandu jiġi evalwat b’relazzjoni għall-prodotti jew is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni (ara, f' dan is-sens, is-sentenza ROBOTUNITS, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41). Fil-kawża preżenti, il-Bord ta' l-Appell adotta ġustament is-sinjifikati marbuta speċifikament mal-prodotti kkonċernati.

57      Minn dan jirriżulta li l-kelma "rockbass" tindika, kif jikkonstata l-Bord ta' l-Appell, kitarra baxxa li tista’ tintuża sabiex tindaqq il-mużika rock jew, bil-kontra, stil ta' mużika li jirrikjedi kitarra baxxa.

58      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-kelma in kwistjoni ma tidhirx bħala kelma fid-dizzjunarji.

59      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija deskrittiva trade mark kkostitwita minn neoloġiżmu kompost minn elementi li kull wieħed minnhom jiddeskrivi l-karatteristiċi ta' prodotti jew servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, ħlief jekk teżisti differenza li tista' tiġi pperċepita bejn in-neoloġiżmu u s-sempliċi somma ta' l-elementi li jiffurmawha, li jippresupponi li, minħabba l-karattru mhux tas-soltu ta’ l-għaqda b’relazzjoni għall-imsemmija prodotti jew servizzi, n-neoloġiżmu joħloq impressjoni li titbiegħed biżżejjed minn dik mogħtija mis-sempliċi għaqda ta' sinjifikati li għandhom l-elementi li jiffurmawha (ara, fil-kuntest tad-Direttiva 89/104, is-sentenzi tal-Qorti tat-12 ta' Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 100, u Campina Melkunie, C-265/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

60      Fil-kawża preżenti, is-sinjal ROCKBASS mhuwiex differenti b’relazzjoni għar-regoli lessikali tal-lingwa Ingliża, għaliex jikkorrispondi għall-kuntrast sintattikament korrett taż-żewġ kelmiet li jiffurmawha. Għaldaqstant, m’hemm xejn mhux tas-soltu fl-istruttura tas-sinjal (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi CARCARD, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 29, u ROBOTUNITS, iċċitata iktar ‘ il fuq, punt 39) u għalhekk, ma jagħtix impressjoni li titbiegħed minn dik mogħtija mis-sempliċi għaqda tas-sinjifikati li għandhom il-komponenti tiegħu.

61      Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent, li jgħid li ma teżistix, teknikament, kitarra baxxa li hija intiża partikolarment sabiex tindaqq il-mużika rock, għandu jiġi mfakkar li, sabiex japplika l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li s-sinjal jiddeskrivi wieħed mill-użi intenzjonati possibbli tal-prodotti in kwistjoni, li l-pubbliku rilevanti jista' jieħu in kunsiderazzjoni meta jiġi biex jagħżel u li, għaldaqstant, jikkostitwixxi karatteristika essenzjali tiegħu [sentenza ROBOTUNITS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Lulju 2004, Lissotschenko u Hentze vs L-UASI (LIMO), T-311/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41].

62      Huwa paċifiku li d-daqq tal-mużika rock jikkostitwixxi wieħed mill-użi intenzjonati possibbli tal-prodotti in kwistjoni. Ir-rock huwa stil modern magħruf ħafna li huwa assoċjat mal-kitarra elettrika. Għaldaqstant, ir-referenza għal dan l-istil, segwita mir-referenza għall-kitarra elettrika baxxa, tista' tittieħed in kunsiderazzjoni fl-għażla tal-kitarra, b'mod partikolari jekk il-konsumatur għandu l-intenzjoni li jdoqq ir-rock. Barra minn hekk, kif wera l-Bord ta' l-Appell billi rrefera għad-diversi siti ta' l-Internet, is-sinjal kompost mill-kliem "rock" u "bass" jintuża ta' spiss, fil-kummerċ, sabiex jirreferi għall-kitarra elettrika baxxa intiża għad-daqq tal-mużika rock. Il-kwistjoni dwar l-akkuratezza teknika ta' tali denominazzjoni mhijiex rilevanti mill-perspettiva tal-konsumatur ikkonċernat, li m'għandux konoxxenzi tekniċi speċifiċi.

63      Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-kitarri baxxi, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra ġustament li s-sinjal ROCKBASS huwa relatat direttament ma' dawn il-prodotti, kif ukoll ma' wieħed mill-użi intenzjonati tagħhom li l-pubbliku rilevanti jista' jieħu in kunsiderazzjoni meta jiġi biex jagħżel, u li għalhekk huwa deskrittiv.

64      Għal dak li jirrigwarda l-istrumenti tal-mużika l-oħrajn li jaqgħu taħt il-klassi 15 imsemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandu jiġi osservat li r-rikorrent talab ir-reġistrazzjoni tas-sinjal in kwistjoni għal din il-kategorija ta' prodotti kollha kemm hi, mingħajr ebda distinzjoni. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell għandha tiġi kkonfermata fir-rigward ta' din il-kategorija kollha kemm hi [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 2001, DKV vs L-UASI (EuroHealth), T-359/99, Ġabra p. II-1645, punt 33; tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs L-UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 46; ta' l-20 ta' Marzu 2002, DaimlerChrysler vs L-UASI (TELEAID), T-355/00, Ġabra p. II-1939, punt 34; CARCARD, iċċitata iktar 'il fuq, punti 33 u 36, u DaimlerChrysler vs L-UASI (TRUCKARD), T-358/00, Ġabra p. II-1993, punti 34 u 37].

65      Għal dak li jirrigwarda l-prodotti deskritti fl-applikazzjoni bħala aċċessorji għal kitarri, jiġifieri kordi, viti u ċineg, kif ukoll il-kontenituri, kaxxi u basktijiet adattati għall-kitarri, liema prodotti jaqgħu taħt il-klassi 15, għandu jiġi mfakkar li l-indikazzjoni ta' prodott bħala "aċċessorju" għandha biss valur indikattiv [sentenza New Born Baby, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31].

66      Barra minn hekk, il-karattru deskrittiv ta' sinjal għandu jiġi kkunsidrat individwalment b'relazzjoni għal kull kategorija ta' prodotti u/jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta' sinjal verbali b'relazzjoni għal kategorija speċifika ta' prodotti u/jew servizzi, mhuwiex partikolarment rilevanti jekk l-applikant għat-trade mark Komunitarja in kwistjoni għandu l-intenzjoni li juża jew qed juża attwalment kunċett partikolari ta' kummerċjalizzazzjoni li jinvolvi, minbarra l-prodotti u/jew is-servizzi li jaqgħu taħt din il-kategorija, prodotti u/jew servizzi li jaqgħu taħt kategoriji oħrajn (sentenzi TELE AID, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42; CARCARD, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46, u TRUCKCARD, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

67      Madankollu, is-servizzi jew il-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal trade mark jistgħu jkunu marbuta b'mod inseparabbli, peress illi s-suġġett ta' dawn is-servizzi jista' jkun biss l-istallazzjoni ta' dawn il-prodotti, u li għaldaqstant għandha tiġi adottata soluzzjoni komuni għal dawn il-prodotti u servizzi [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Prim'Istanza tal-31 ta' Marzu 2004, Fiedturf vs L-UASI (LOOKS LIKE GRASS... FEELS LIKE GRASS... PLAYS LIKE GRASS), T-216/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33].

68      Fil-kawża preżenti, il-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħal aċċessorji ta' kitarri, kif ukoll il-kontenituri, kaxxi u basktijiet addattati għall-kitarri, huma intiżi esklużivament sabiex jintużaw flimkien mal-kitarri. Għaldaqstant, għandha tiġi adottata, fir-rigward ta' dawn il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 15, pożizzjoni identika għal dik imsemmija qabel b'relazzjoni għal kitarri baxxi.

69      Barra minn hekk, tali konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz ta' l-analiżi individwali tal-prodotti msemmija, liema prodotti m'għandhom l-ebda użu intenzjonat ħlief dak relatat ma' l-użu ta' kitarri. Għaldaqstant, jekk ir-reġistrazzjoni tas-sinjal ROCKBASS kienet intalbet biss għall-kontenituri, kaxxi u basktijiet adattati għall-kitarri, u mhux għall-kitarri fihom infushom, kien ikun hemm il-lok li jiġi kkunsidrat li dan is-sinjal jevoka l-uniku użu intenzjonat ta' dawn il-prodotti.

70      Għal dak li jirrigwarda bl-istess mod il-kontenituri, kaxxi u basktijiet li jaqgħu taħt il-klassi 18, billi r-rikorrent ma għamilx distinzjonijiet fi ħdan din il-kategorija ġenerika, l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell għal dak li għandu x'jaqsam ma din il-kategorija kollha kemm hi għandha tiġi kkonfermata.

71      Għal dak li jirrigwarda l-apparat msemmi fil-klassi 9, jirriżulta mill-argumenti tal-partijiet li l-istess apparat jista' jintuża għal strumenti differenti. Għaldaqstant, l-użu tagħhom għal dak li għandu x'jaqsam mal-kitarri baxxi jikkostitwixxi biss wieħed mill-użi possibbli tagħhom.

72      Għandu jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li, skond il-ġurisprudenza, teżisti relazzjoni suffiċjentement diretta u konkreta bejn is-sinjal u l-prodotti in kwistjoni, meta t-teknika invokata mis-sinjal timplika jew tirrikjedi l-użu ta' dawn il-prodotti. Fil-fatt, f'dan il-każ, din it-teknika ma tikkostitwixxix biss qasam ta' applikazzjoni ta' dawn il-prodotti jew servizzi, iżda waħda mill-użi proprji tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza STREAMSERVE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44). F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-prodotti in kwistjoni jistgħu jintużaw ukoll f'kuntest ieħor, li ma ġiex invokat mis-sinjal in kwistjoni, mhuwiex tali li tinvalida din l-konstatazzjoni (sentenza ROBOTUNITS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

73      Fil-kawża preżenti, anki jekk l-apparat in kwistjoni mhuwiex intenzjonat li jiġi użat esklużivament flimkien ma' kitarri baxxi, madankollu huma m'għandhomx użu awtonomu b'relazzjoni għall-użu ta' strumenti elettriċi. Barra minn hekk, l-użu ta' dan l-apparat huwa neċessarju għad-daqq ta' kitarra elettrika, li mhijiex adattata sabiex tipproduċi biss ħsejjes mużikali. Għaldaqstant, il-possibbiltà li tindaqq kitarra baxxa elettrika hija użu ta' l-apparat imsemmi fl-applikazzjoni, u mhux biss wieħed mill-oqsma varji ta' l-applikazzjoni tagħhom. B'mod partikolari, l-użu ta' dawn iż-żewġ kategoriji ta' prodotti flimkien huwa meħtieġ jew, mill-inqas, implikat mill-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom.

74      Għal dak li jirrigwarda l-kontenituri, kaxxi u basktijiet adattati għal dan l-apparat, minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punti 69 u 70, għandha tiġi adottata fir-rigward ta' dawn il-prodotti l-istess soluzzjoni applikabbli għal-prodotti li għalihom huma intiżi.

75      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-rabta bejn is-sinjal ROCKBASS u l-karatteristiċi tal-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija stretta biżżejjed sabiex taqa' taħt l-interdizzjoni msemmija mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

76      Għaldaqstant, it-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda.

77      F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx għalfejn tiġi eżaminata r-raba' raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament 40/94 li huwa biżżejjed li wieħed biss mill-motivi assoluti għal rifjut japplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista' jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs L-UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 29).

78      Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż għal raġunijiet eċċezzjonali.

80      F'każ li r-rikorrent jitlef, il-Bord ta' l-Appell xorta waħda naqas milli jeżamina n-nota addizzjonali tar-rikorrent tat-2 ta' Lulju 2003 u għalhekk wettaq żball proċedurali. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li r-rikorrent għandu jbati tliet kwarti ta' l-ispejjeż tiegħu kif ukoll tliet kwarti ta' dawk ta' l-UASI u li l-UASI għandu jbati kwart ta' l-ispejjeż tiegħu kif ukoll kwart ta' dawk tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent għandu jbati tliet kwarti ta' l-ispejjeż tiegħu kif ukoll tliet kwarti ta' dawk ta' l-UASI.

3)      L-UASI għandu jbati kwart ta' l-ispejjeż tiegħu kif ukoll kwart ta' dawk tar-rikorrent.

Legal

Lindh

Vadapalas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Ġunju 2005.

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.