Language of document : ECLI:EU:C:2013:393

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas — Artikoli 6 u 17 — Oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mingħajr kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Istat Membru tal-oriġini — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Artikolu 24 — Dehra tal-konvenut quddiem il-Qorti li quddiemha tressqet il-kawża — Applikabbiltà fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea”

Fil-Kawża C‑144/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura

Goldbet Sportwetten GmbH

vs

Massimo Sperindeo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Goldbet Sportwetten GmbH, minn D. Czernich, Rechtsanwalt,

–        għal M. Sperindeo, minn L. Lorenz u R. Testor, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u S. Duarte Afonso, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger, A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ippreżentata minn Goldbet Sportwetten GmbH (iktar ’il quddiem “Goldbet”), kumpannija stabbilita fl-Awstrija, kontra M. Sperindeo, residenti fl-Italja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1896/2006

3        Il-premessi 23 u 24 tar-Regolament Nru 1896/2006 huma mfassla kif ġej:

“(23)      Il-konvenut jista’ jissottometti d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiegħu billi juża l-formola standard stabbilita f’dan ir-Regolament. Madankollu, il-qrati għandhom jieħdu kont ta’ kwalunkwe mezz ta’ oppożizzjoni bil-miktub oħra jekk dan jiġi espress b’mod ċar.

(24)      Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mressqa fil-limitu ta’ żmien għandha ttemm il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u għandha twassal għal trasferiment awtomatiku tal-każ għal proċedimenti ċivili ordinarji sakemm il-pretendent ma jitlobx b’mod espliċitu li jtemm il-proċedimenti f’dak il-każ. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-kunċett ta’ proċedimenti ċivili ordinarji m’għandux bilfors jiġi interpretat fis-sens tal-liġi nazzjonali.”

4        L-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

a)      li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea;”.

5        Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi Regolament, “Stat Membru ta’ oriġini” tfisser “l-Istat Membru li fih tkun ħarġet ordni ta’ ħlas Ewropea”.

6        L-Artikolu 6(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament […] Nru 44/2001.”

7        L-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi:

“Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:

a)      iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent;

jew

b)      jopponi l-ordni billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, mibgħuta fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni lill-konvenut.”

8        Skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

[…]

3.      Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.

4.      Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tiġi sottomessa fuq karta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, inkluż il-forma elettronika, aċċettat mill-Istat Membru ta’ oriġini u disponibbli għall-qorti ta’ oriġini.

[…]”

9        L-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta’ żmien […], il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċedimenti.

[…]”

10      Fl-Anness VI tal-istess Regolament tinsab il-formola standard F li tista’ tintuża biex titressaq oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea.

 Ir-Regolament Nru 44/2001

11      L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

[…]

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

[…]”

12      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22”.

 Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka

13      L-Artikolu 252 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung), li jirrigwarda l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, jipprovdi:

“1.      Sakemm ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprovdix xorta oħra, għandhom jiġu segwiti r-regoli proċedurali applikabbli għas-suġġett tal-kawża inkwistjoni.

2.      L-implementazzjoni tal-proċedura ta’ ordni għall-ħlas taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza esklussiva tal-Bezirksgericht für Handelssachen Wien. […]

3.      Jekk tiġi ppreżentata oppożizzjoni mressqa fit-terminu stabbilit, il-qorti għandha tinnotifikaha lir-rikorrent, u tistiednu jindika, fi żmien 30 ġurnata, il-forum kompetenti li quddiemu għandha titressaq il-proċedura ordinarja […]

4.      […] L-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża, għandha tiġi ppreżentata mill-konvenut qabel id-dehra tiegħu fuq il-mertu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      M. Sperindeo kien intrabat, permezz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi konkluż ma’ Goldbet, impriża li bħala attività teżerċita l-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi, li jorganizza u li jieħu ħsieb it-tqassim ta’ tali mħatri fl-Italja. B’mod partikolari, kellu jiġbor il-flus li jkunu ntlagħbu fl-istabbilimenti lokali u jibgħathom lil Goldbet, wara li jitnaqqsu l-ammonti mirbuħa lill-lagħba.

15      Wara li qieset li M. Sperindeo ma kienx issodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu, Goldbet talbet, fid-29 ta’ Diċembru 2009, u kisbet, fis-17 ta’ Frar 2010, mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien, il-qorti kompetenti f’dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea fl-Awstrija, il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea kontra M. Sperindeo, għall-finijiet tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 16 406, flimkien mal-interessi u spejjeż bħala danni.

16      Fid-19 ta’ April 2010, M. Sperindeo ressaq oppożizzjoni, fit-terminu stabbilit, kontra l-ordni ta’ ħlas Ewropea permezz tal-avukat tiegħu. Din l-oppożizzjoni kienet immotivata mill-fatt li l-pretensjoni ta’ Goldbet kienet infondata u s-somma ma kinitx dovuta.

17      Wara din l-oppożizzjoni, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien bagħtet il-kawża quddiem il-Landesgericht Innsbruck (l-Awstrija), peress li qieset li dan kien il-forum kompetenti għall-proċedura ċivili ordinarja skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006.

18      Quddiem il-Landesgericht Innsbruck, M. Sperindeo eċċepixxa, għall-ewwel darba, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qrati Awstrijaċi, peress li huwa kien iddomiċiljat fl-Italja. Goldbet osservat li l-Landesgericht Innsbruck kellha ġurisdizzjoni bħala l-qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu tal-ħlas ta’ somma flus, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001. F’kull każ, skont din il-kumpannija, din il-qorti kellha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, sa fejn M. Sperindeo kien diġà deher fis-sens ta’ dak l-Artikolu, peress li meta ppreżenta l-motivi fuq il-mertu fl-oppożizzjoni tiegħu għall-ordni ta’ ħlas Ewropea kkonċernata, huwa ma qajjimx l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

19      Permezz ta’ digriet, il-Landesgericht Innsbruck laqgħet it-talba ta’ M. Sperindeo, iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni u ċaħdet ir-rikors. Goldbet ippreżentat appell kontra dan id-digriet quddiem l-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija). Din l-aħħar qorti ċaħdet l-appell għar-raġuni li l-qrati Awstrijaċi ma għandhomx ġurisdizzjoni minħabba l-fatt li, minn naħa, il-pretensjonijiet ta’ Goldbet huma bbażati fuq kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li l-post ta’ eżekuzzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, kien jinsab fl-Italja u, min-naħa l-oħra, għaliex il-ġurisdizzjoni tal-qrati ma setgħetx tiġi bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li l-oppożizzjoni mressqa minn M. Sperindeo ma setgħetx titqies bħala dehra, fis-sens ta’ dan l-Artikolu.

20      Goldbet ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Innsbruck. Hija titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet preċedenti u l-kontinwazzjoni tal-kawża quddiem il-Qrati Awstrijaċi.

21      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Qrati Awstrijaċi ma għandhomx ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li l-attività mogħtija minn Goldbet lil M. Sperindeo kienet tinsab esklużivament fl-Italja. Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk l-oppożizzjoni mressqa kontra ordni ta’ ħlas mill-konvenut, mingħajr kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini, tistax titqies bħala dehra fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-Qrati Awstrijaċi.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 6 tar-Regolament [Nru 1896/2006] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 24 tar-Regolament [Nru 44/2001], rigward l-istabbiliment tad-domiċilju kompetenti minħabba d-dehra tal-konvenut, għandu wkoll jiġi applikat fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1896/2006 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi fatt li ssir oppożizzjoni kontra l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea tgħodd bħala dehra jekk l-oppożizzjoni ma tinkludix kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda preliminari:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1896/2006 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li ssir oppożizzjoni, mill-iktar, jagħti ġurisdizzjoni minħabba d-dehra jekk l-oppożizzjoni tkun tinkludi diġà espożizzjoni tal-motivi fuq il-mertu iżda mhux kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

23      Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea li ma fihiex kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhiex titqies bħala dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, u jekk il-fatt li l-konvenut ikun ippreżenta, fil-kuntest tal-oppożizzjoni li jkun ressaq, motivi dwar il-mertu tal-kawża, huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

24      Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea, li fiha l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma hijiex ikkontestata, tiswiex bħala dehra fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, meta din l-oppożizzjoni ma jkunx fiha espożizzjoni tal-motivi fuq il-mertu.

25      Il-partijiet kollha kkonċernati ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja fejn sostnew li din id-domanda teħtieġ risposta fin-negattiv.

26      F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jistabbilixxi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata b’mod konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan ir-rigward, b’mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 44/2001. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, jekk fit-terminu stabbilit titressaq oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-proċedura tkompli quddiem il-Qrati kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli tal-proċedura ċivili ordinarja.

27      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jattribwixxi l-ġurisdizzjoni, suġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, lill-Qorti tal-Istat Membru li quddiemha jidher il-konvenut.

28      Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1896/2006 jirriżulta li b’mod partikolari, dan għandu bħala għan li jissemplifika, li jħaffef u li jnaqqas l-ispejjeż ta’ proċedura fit-tilwim transkonfinali dwar dejn pekunjarju mhux ikkontestat. Dan ir-Regolament, għalkemm ma jissostitwixxix u lanqas ma jarmonizza l-mekkaniżmi nazzjonali ta’ rkupru ta’ krediti mhux ikkontestati, jistabbilixxi, sabiex jilħaq dan l-għan, strument uniformi ta’ rkupru ta’ tali krediti, li jiżgura kundizzjonijiet identiċi lill-kredituri u lid-debituri fl-Unjoni Ewropea kollha (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka, C-215/11, punt 30).

29      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-proċedura ssemplifikata u uniformi ma hijiex kontradittorja. Fil-fatt, il-konvenut ikun jaf bil-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea biss fil-mument meta din tiġi servuta jew innotifikata lilu. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1896/2006, huwa biss f’dan il-mument li dan jiġi informat li għandu l-possibbiltà li jew iħallas l-ammont indikat fiha lill-pretendent, jew li jopponi l-ordni quddiem il-qorti tal-oriġini.

30      B’hekk, din il-possibbiltà li l-konvenut iressaq oppożizzjoni hija intiża sabiex jiġi kkumpensat il-fatt li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1896/2006 ma tipprevedix il-parteċipazzjoni tal-imsemmi konvenut fil-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, billi tippermettilu li jikkontesta l-kreditu wara l-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

31      Għaldaqstant, meta fl-oppożizzjoni tiegħu għall-ordni ta’ ħlas Ewropea l-konvenut ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, din l-oppożizzjoni ma tistax toħloq, fir-rigward ta’ dan il-konvenut, effetti differenti minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006. Dawn l-effetti jikkonsistu fit-terminazzjoni tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u fl-attivazzjoni, ħlief jekk il-konvenut ikun espressament talab li tintemm il-proċedura f’dan il-każ, tal-passaġġ awtomatiku tal-każ lejn il-proċedura ċivili ordinarja.

32      Soluzzjoni kuntrarja, li twassal sabiex l-oppożizzjoni, meta ma jkunx fiha kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, tiswa bħala dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, tkun testendi l-effetti tal-oppożizzjoni lil hinn minn dak li huwa stabbilit mir-Regolament Nru 1896/2006.

33      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 u mill-premessa 23 ta’ dan tal-aħħar, li l-konvenut jista’ juża l-formola standard li tinsab fl-Anness VI tal-istess Regolament biex iressaq oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea. Din il-formola ma toffri ebda possibbiltà li tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

34      Għalhekk, oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea li ma jkunx fiha kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini u li ma jkollhiex motivi fuq il-mertu, ma tistax titqies bħala dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001.

35      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat il-punt jekk il-fatt li l-konvenut ikun ippreżenta motivi fil-mertu fil-kuntest tal-oppożizzjoni tiegħu għall-ordni ta’ ħlas Ewropea għandux xi effett f’dan ir-rigward.

36      Goldbet u l-Gvern Ċek josservaw li, meta l-oppożizzjoni tkun tinkludi motivi fil-mertu, il-ġurisdizzjoni tista’ tiġi ddeterminata abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. M. Sperindeo, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Portugall u tal-Isvizzera kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu, min-naħa l-oħra, li din iċ-ċirkustanza ma għandha ebda effett f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni.

37      Ċertament, mis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1981, Elefanten Schuh (150/80, Ġabra p. 1671, punt 16), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), liema dispożizzjoni hija essenzjalment identika għall-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, jirriżulta li l-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni ma tistax issir wara l-mument tal-adozzjoni tal-pożizzjoni kkunsidrata, mid-dritt proċedurali nazzjonali, bħala l-ewwel difiża indirizzata lill-Qorti adita.

38      Madankollu, diversament miċ-ċirkustanzi li wasslu għas-sentenza msemmija, li fiha l-konvenut kien ippreżenta motivi fil-mertu fil-kuntest ta’ proċedura ċivili ordinarja, il-motivi fil-mertu fil-kawża prinċipali ġew ippreżentati fil-kuntest tal-oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea. Għalhekk, tali oppożizzjoni li tinkludi dawn il-motivi ma tistax titqies, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Qorti li għandha l-ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, bħala l-ewwel difiża ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura ċivili ordinarja li ssegwi l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

39      Il-fatt li jitqies li tali oppożizzjoni tekwivali għall-ewwel difiża jkun jirriżulta fir-rikonoxximent, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u l-proċedura ċivili ordinarja li ssegwiha jikkostitwixxu, fil-prinċipju, proċedura unika. Tali interpretazzjoni hija diffiċilment konċiljabbli mal-fatt li l-ewwel waħda minn dawn il-proċeduri ssegwi r-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1896/2006, filwaqt li t-tieni waħda tiżvolġi ruħha, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) tal-imsemmi Regolament, b’mod konformi mar-regoli tal-proċedura ċivili ordinarja. Din l-interpretazzjoni tkun ukoll f’kunflitt mal-fatt li din il-proċedura ċivili, għalkemm issegwi l-iter tagħha, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali mill-konvenut, fl-Istat Membru ta’ oriġini, mhux neċessarjament tiżvolġi ruħha quddiem l-istess qorti bħal dik li quddiemha tiġi segwita l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

40      Barra minn hekk, interpretazzjoni li tgħid li oppożizzjoni li tinkludi motivi fil-mertu għandha titqies li hija l-ewwel difiża tkun tmur kontra l-għan tal-oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 u, b’mod partikolari, lanqas l-Artikolu 16(3) ta’ dan ir-Regolament, ma teħtieġ li konvenut jippreċiża l-motivi tal-oppożizzjoni tiegħu, b’tali mod li din tal-aħħar hija intiża mhux biex isservi bħala kuntest għal difiża fil-mertu, iżda, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, sabiex il-konvenut ikun jista’ jikkontesta l-kreditu.

41      Isegwi li l-fatt li l-konvenut ippreżenta motivi fil-mertu fil-kuntest tal-oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mressqa minnu ma jfissirx li huwa deher, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001.

42      Kuntrarjament għal dak li jsostnu Goldbet u l-Gvern Ċek, din l-interpretazzjoni ma tinjorax l-għan ta’ tħaffif tal-proċedura tar-Regolament Nru 1896/2006. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-Regolament, dan l-għan huwa rilevanti biss sa fejn il-kreditu jibqa’ mhux ikkontestat, liema ħaġa ma tkunx il-każ meta l-konvenut iressaq oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea.

43      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għad-domandi li saru għandha tkun li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea li ma tinkludix kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax titqies bħala dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, u li l-fatt li l-konvenut ippreżenta, fil-kuntest tal-oppożizzjoni mressqa minnu, motivi dwar il-mertu tal-kawża huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea li ma tinkludix kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax titqies bħala dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, u li l-fatt li l-konvenut ippreżenta, fil-kuntest tal-oppożizzjoni mressqa minnu, motivi dwar il-mertu tal-kawża huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.