Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Jannar 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Frosinone - l-Italja) – proċeduri kriminali kontra Rosanna Laezza

(C-375/14)1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu provduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet iddikjarat inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-liċenzji għall-attività ta’ ġbir ta’ mħatri – Riorganizzazzjoni tas-sistema permezz ta’ sejħa għal offerti ġdida – Trasferiment bla ħlas tal-użu ta’ beni materjali u immaterjali miżmuma taħt titolu ta’ proprjetà u li jikkostitwixxu n-netwerk ta’ ġestjoni u ta’ ġbir tal-imħatri – Restrizzjoni – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Frosinone

Parti fil-proċeduri kriminali prinċipali

Rosanna Laezza

Dispożittiv

L-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali restrittiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq konċessjonarju li jittrasferixxi bla ħlas, fit-tmiem tal-attività minħabba l-iskadenza tal-perijodu tal-liċenzja, l-użu tal-beni materjali u immaterjali miżmuma taħt titolu ta’ proprjetà u li jikkostitwixxu n-netwerk taʼ ġestjoni u taʼ ġbir tal-logħob, sa fejn din ir-restrizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan effettivament imfittex minn din id-dispożizzjoni, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika

____________

1 ĠU C 372, 20.10.2014.