Language of document :

Appell ippreżentat fit-12 ta’ April 2022 minn Pilatus Bank plc mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fit-2 ta’ Frar 2022 fil-Kawża T-27/19, Pilatus Bank u Pilatus Holding vs BĊE

(Kawża C-256/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Pilatus Bank plc (rappreżentant: O. Behrends, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), Il-Kummissjoni Ewropea, Pilatus Holding ltd.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla, skont l-Artikolu 264 TFUE, id-deċiżjoni tal-BĊE tat-2 ta’ Novembru 2018 dwar ir-revoka tal-liċenzja ta’ Pilatus Bank;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti deċiżjoni dwar il-mertu;

tikkundanna lill-BĊE jħallas l-ispejjeż tal-appellanti u l-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tressaq erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat assumiet li huwa ġuridikament rilevanti li jiġi stabbilit jekk il-BĊE huwiex responsabbli għar-revoka de facto preċedenti tal-liċenzja u, b’mod partikolari, jekk il-BĊE kellux l-obbligu li jipprevjeni l-irtirar de facto tal-liċenzja permezz ta’ intervent skont l-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (RMSU) 1 .

It-tieni aggravju bbażat fuq il-fatt li ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tat-tieni motiv tal-appellanti hija bbażata fuq il-konklużjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali li l-kunċett ta’ reputazzjoni fl-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (DRK IV) 1 ma għandux neċessarjament jiġi interpretat b’mod konformi mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni b’mod li akkuża f’pajjiż terz tkun tista’ tikkawża dannu lir-reputazzjoni ta’ azzjonist anki jekk l-aġir rilevanti ma jkunx illegali fl-ordinament tal-Unjoni u anki jekk l-aġir ikun kopert minn Statut għall-Imblukkar.

It-tielet aggravju bbażat fuq il-fatt li s-sentenza appellata hija bbażata fuq diversi żbalji oħra inkluż il-fatt li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ proporzjonalità billi naqset milli tqis li analiżi tal-proporzjonalità għandha tkun ibbażata fuq il-motivi li fuqhom id-deċiżjoni tkun ibbażata.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq il-fatt li d-drittijiet proċedurali tal-appellanti ġew miksura.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

1 Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).