Language of document : ECLI:EU:T:2018:940

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Servizzi ta’ ground handling – Injezzjonijiet ta’ kapital magħmula minn SEA favur Sea Handling – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna – Imputabbiltà lill-Istat – Kriterju ta’ investitur privat – Prinċipju ta’ kontradittorju – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T-167/13,

Comune di Milano (l-Italja), inizjalment irrappreżentat minn S. Grassani u A. Franchi, sussegwentement minn Grassani, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte u D. Grespan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1225, tad-19 ta’ Diċembru 2012, rigward l-injezzjonijiet ta’ kapital minn SEA SpA f’SEA Handling SpA (SA.21420 (C 14/10) (ex NN 25/10) (ex CP 175/06)) (ĠU 2015, L 201, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, V. Kreuschitz (Relatur), I. S. Forrester, N. Półtorak u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, amministratur prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-kuntest ġenerali

1        SEA SpA hija l-kumpannija li tmexxi l-ajruporti ta’ Milan-Linate u ta’ Milan-Malpensa (l-Italja). Bejn is-sena 2002 u 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”), il-kapital tagħha kien proprjetà kważi esklużivament ta’ awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri 84.56 % kien tar-rikorrent, il-Comune di Milano (l-Italja), 14.56 % kien tal-Provincia di Milano (l-Italja), u 0.88 % kien ta’ azzjonisti pubbliċi u privati oħra. F’Diċembru 2011, F2i – Fondi Italiani per le infrastrutture SGR SpA (iktar ’il quddiem “F2i”) akkwistat, f’isem żewġ fondi mmexxija minnha, 44.31 % mill-kapital ta’ SEA, li minnu parti mill-kapital proprjetà tar-rikorrent (29.75 %) u l-bqija tal-kapital proprjetà tal-Provincia di Milano (14.56 %).

2        Sal-1 ta’ Ġunju 2002, SEA pprovdiet hija stess is-servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milan-Linate u ta’ Milan-Malpensa. Wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/99, tat-13 ta’ Jannar 1999 (Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 28, tal-4 ta’ Frar 1999), li kien intiż li jittrasponi fid-dritt Taljan id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE, tal-15 ta’ Ottubru 1996, dwar l-aċċess għas-suq tal-ground handling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 2, p. 496), SEA, skont l-obbligu previst fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, ipproċediet bis-separazzjoni tal-kontijiet u legali bejn l-attivitajiet marbutin mal-provvista ta’ servizzi ta’ ground handling u l-attivitajiet l-oħra tagħha. Għal dan l-għan, hija ħolqot kumpannija oħra, ikkontrollata kompletament minnha u msemmija Sea Handling SpA. Sea Handling ipprovdiet is-servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milan-Linate u ta’ Milan-Malpensa b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2002.

B.      Il-proċedura amministrattiva

3        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet ilment dwar l-allegati miżuri ta’ għajnuna li kienu ngħataw lil Sea Handling (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”).

4        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdu kjarifiki dwar l-ilment. Wara li talbu u kisbu estensjoni tat-terminu għar-risposta, l-awtoritajiet Taljani bagħtu l-kjarifiki mitluba permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2007.

5        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni informat lil-lanjant li hija ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti biex tikkonkludi li kien seħħ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li, għaldaqstant, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339), ma kinux jeżistu motivi suffiċjenti biex jiġu eżaminati iktar il-miżuri inkwistjoni. Permezz ta’ ittra datata 24 ta’ Lulju 2007, il-lanjant bagħat informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni. Sussegwentement, din tal-aħħar iddeċidiet li terġa’ teżamina l-ilment.

6        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani biex jibagħtulha kopja ta’ ftehim sindakali konkluż fis-26 ta’ Marzu 2002 (iktar ’il quddiem il-“ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002”). Permezz ta’ ittra datata 10 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Taljani bagħtu d-dokument mitlub.

7        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2008, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni ftehim sindakali ieħor konkluż fit-13 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem il-“ftehim sindakali tat-13 ta’ Ġunju 2008”).

8        Permezz ta’ ittra datata 23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”) u stiednet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdulha ċerta informazzjoni u data neċessarja biex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern. Permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li saret fid-29 ta’ Jannar 2011 (ĠU 2011, C 29, p. 10), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżuri inkwistjoni f’terminu ta’ xahar wara l-pubblikazzjoni.

9        Wara li talbu u kisbu estensjoni tat-terminu għar-risposta, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tar-rikorrent fuq id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta’ ittra datata 20 ta’ Settembru 2010.

10      Wara li talbu u kisbu estensjoni tat-terminu li jikkonċernahom, Sea Handling u SEA ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2011.

11      Permezz ta’ ittra datata 7 ta’ April 2011, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tat-terzi kkonċernati lill-awtoritajiet Taljani u stidnithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom Wara li talbu u kisbu estensjoni tat-terminu li jikkonċernahom, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’risposta għall-osservazzjonijiet tat-terzi u ressqu argumenti ġodda fil-forma ta’ studju mwettaq minn uffiċċju ta’ konsulenza.

12      Permezz ta’ ittra datata 11 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jibagħtulha l-informazzjoni li hija kienet diġà talbet fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Wara li talbu, darbtejn, iżda kisbu darba waħda biss estenzjoni tat-terminu għar-risposta, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-informazzjoni mitluba permezz ta’ ittra datata 15 ta’ Settembru 2011.

13      Permezz ta’ ittra datata 21 ta’ Ottubru 2011, l-awtoritajiet Taljani ssupplimentaw l-osservazzjonijiet preċedenti tagħhom.

14      Fid-19 ta’ Ġunju u fit-23 ta’ Novembru 2012, inżammu żewġ laqgħat bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani. Wara l-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat, l-awtoritajiet Taljani ressqu argumenti ġodda permezz tal-ittri datati 2 u 10 ta’ Lulju 2012.

C.      Id-deċiżjoni kkontestata

15      Fid-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2015/1225, rigward l-injezzjonijiet ta’ kapital minn SEA SpA f’SEA Handling SpA (SA.21420 (C 14/10) (ex NN 25/10) (ex CP 175/06)), innotifikata bid-dokument C(2012) 9448 (ĠU 2015, L 201, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

16      Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li “[l]-injezzjonijiet ta’ kapital li saru minn SEA f[’] SEA Handling għal kull waħda mis-snin finanzjarji fil-perjodu [mill] 2002 [sal-]2010, li jammontaw għal total stmat ta’ madwar EUR 359,644 miljun, li ma jinkludux l-irkupru tal-imgħax, [kienu] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istati skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE” (Artikolu 1) u li “[d]ik l-għajnujna mill-Istati ingħatat kuntrarju għall-Artikolu 108(3) tat-TFUE u [kienet] inkumpatibbli mas-suq intern” (Artikolu 2). Konsegwentement, hija ordnat li “[l]-Italja [għandha] tirkupra l-għajnujna msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarju” (Artikolu 3(1)).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

18      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrent ippreżenta talba għal miżuri provviżorji rreġistrata bin-numru tal-Kawża T-167/13 R. Peress li r-rikorrent rrinunzja għat-talba għal miżuri provviżorji tiegħu, il-Kawża T-167/13 R ġiet ikkanċellata mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Ġunju 2013, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni (T-167/13 R, mhux ippubblikat, EU:T:2013:331), fejn l-ispejjeż baqgħu rriżervati.

19      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Mejju 2013, F2i talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrent. Permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Novembru 2014, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni (T-167/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:936), il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba għall-intervent.

20      B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din l-eċċezzjoni fit-22 ta’ Lulju 2013. Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2014, l-eċċezzjoni ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew riżervati.

21      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

22      Minħabba impediment ta’ Membru tat-Tielet Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar Imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

23      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat din il-kawża kif ukoll il-Kawżi T-125/13, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni u T-152/13, Sea Handling vs Il-Kummissjoni li fihom kien mitlub ukoll l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

24      Fid-dawl tal-impediment ta’ membru tat-Tielet Awla msemmi fil-punt 22 iktar ’il fuq, il-president tal-Qorti Ġenerali ħatar lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali biex jikkompleta t-tielet awla estiża.

25      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ April 2017, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, il-Kawżi T-125/13, T‑152/13 u T-167/13 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni li tittermina l-istanza, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

26      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

27      Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali għadda lill-Awla d-deċiżjonijiet dwar il-firda tal-Kawżi T‑125/13, T-152/13 u T-167/13 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tittermina l-istanza u fuq il-kanċellament tal-Kawża T-125/13 mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

28      Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Jannar 2018, L-Italja et vs Il-Kummissjoni (T‑125/13, T-152/13 u T-167/13, mhux ippubblikat, EU:T:2018:35), il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, firdet il-Kawżi T-125/13, T-152/13 u T-167/13 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tittermina l-istanza, skont l-Artikolu 68(3) tar-Regoli tal-Proċedura, u fit-tieni lok, ikkanċellat il-Kawża T‑125/13 mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-tielet lok, ikkonstatat li ma kienx għad hemm lok li tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat minn Sea Handling fil-Kawża T-152/13 u, fir-raba’ lok, irriżervat l-ispejjeż fil-Kawża T-167/13.

29      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2018.

30      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 3, 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Fid-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors billi ssostni li r-rikorrent ma huwiex individwalment ikkonċernat bid-deċiżjoni kkontestata u li huwa ma ġġustifikax “interess speċifiku u awtonomu biex jaġixxi”.

33      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt dwar jekk ir-rikorrent huwiex individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita li persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment, salv f’każ li d-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwixxihom minn kull persuna oħra u, minħabba dan, li tindividwalizzahom b’mod analogu għal mod kif inhu individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni bħal din (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 197; tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 22, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, EU:C:2005:761, punt 33).

34      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-pożizzjoni legali ta’ organu li ma huwiex Stat Membru, li għandu personalità ġuridika u ħa miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat f’deċiżjoni finali tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“persuna li tagħti l-għajnuna”), jista’ jkun effettwat individwalment minn din id-deċiżjoni jekk din tipprekludih milli jeżerċita kif jidhirlu l-kompetenzi tiegħu, li b’mod partikolari jikkonsistu fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, T-457/09, EU:T:2014:683, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fis-sustanza, il-Kummissjoni tikkunsidra li, għalkemm il-miżuri inkwistjoni huma imputabbli lir-rikorrent, dan tal-aħħar ma jistax jitqies bħala l-persuna li tagħti l-għajnuna fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq.

36      Ir-rikorrent jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni li huwa jikklassifika bħala kontradittorji. Skont ir-rikorrent, jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni huma imputabbli għar-rikorrent, dan tal-aħħar għandu loġikament jitqies bħala l-persuna li tagħti l-għajnuna.

37      Jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tikkunsidra li “[l]-injezzjonijiet ta’ kapital li saru minn SEA fis-sussidjarja tagħha SEA Handling […] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istati skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE” u għaldaqstant, li hija SEA li ħadet il-miżuri inkwistjoni.

38      Madankollu, jirriżulta mill-premessi 190 sa 217 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni setgħat tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuniet mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE biss jekk tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq l-evalwazzjoni tagħha li l-miżuri inkwistjoni, adottati minn SEA, huma imputabbli lir-rikorrent u, għaldaqstant, lir-Repubblika Taljana.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imputabbiltà lill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li dawn tal-aħħar kienu ngħataw minn impriża pubblika kkontrollata mill-Istat. Fil-fatt, anki jekk l-Istat ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza determinanti fuq l-operazzjonijiet tagħha, ma jistax ikun hemm il-preżunzjoni awtomatika li dan il-kontroll ġie effettivament użat f’każ partikolari. Ikun għadu neċessarju li jiġi eżaminat jekk għandux jitqies li l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. F’dan ir-rigward, ma jistax ikun meħtieġ li jintwera, fuq il-bażi ta’ istruzzjoni preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b’mod konkret lill-impriża pubblika sabiex tieħu l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih seħħet din il-miżura. B’mod partikolari, huma rilevanti l-indizji kollha li juru, fil-każ konkret, jew, minn naħa, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ nuqqas ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi, jew, min-naħa l-oħra, l-assenza tal-involviment tal-imsemmija awtoritajiet fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C-242/13, EU:C:2014:2224, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kieku kellu jiġi aċċettat, l-argument tal-Kummissjoni li “s-sempliċi” involviment tal-awtorità territorjali fid-deċiżjonijiet ta’ kumpannija kkontrollata minnha ma jistax ikun biżżejjed biex din l-entità titqies bħala individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni li tordna l-irkupru, inkwantu għajnuna mill-Istat illegali, ta’ benefiċċju mogħti b’tali deċiżjoni, kien ikun impossibbli għaliha li tikkonkludi li, f’dan il-każ, il-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat Taljan. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq li din l-imputabbiltà lill-Istat tippreżumi li l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi huwa partikolari sal-punt li jidher bħala struzzjoni mogħtija minn dawn l-awtoritajiet. Minn dan isegwi li, peress li l-miżuri inkwistjoni huma imputabbli lir-rikorrent bħala awtorità pubblika, il-Kummissjoni tagħtih neċessarjament rwol deċiżiv fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu raġun ir-rikorrent jikkritika bħala li kien intrinsikament kontradittorju l-argument tal-Kummissjoni li, għalkemm il-miżuri inkwistjoni huma imputabbli lir-rikorrent, dan tal-aħħar ma huwiex il-persuna li tagħti l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent huwa l-awtorità pubblika li kienet involuta fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni sal punt li dawn il-miżuri huma imputabbli lilu skont il-kriterji msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, huwa r-rikorrent li għandu jitqies bħala l-persuna li tagħti l-għajnuna (ara l-punt 34 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti li dawn il-miżuri ġew adottati minn SEA, peress li, skont il-Kummissjoni stess, din il-kumpannija kienet taġixxi fuq istigazzjoni tar-rikorrent.

42      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha effett kbir fuq il-kompetenzi li tagħtih il-kostituzzjoni Taljana, u dan ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Bħala l-awtorità lokali li hija l-iktar qrib il-bżonnijiet tal-poplu tiegħu, huwa għandu l-obbligu li jieħu ħsieb l-interessi u l-benesseri tal-imsemmi poplu, b’mod partikolari billi jiżgura li jevita konsegwenzi serji fuq l-impjiegi li jirriżultaw mill-insolvenza ta’ Sea Handling u billi jiggarantixxi l-kontinwità tal-attività fl-ajruporti ta’ Milan-Linate u ta’ Milan-Malpensa bħala element essenzjali tal-ekonomija ta’ Milan.

43      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata taffettwa individwalment lir-rikorrent fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, peress li tipprekludih li jeżerċita, kif hija tridu, l-kompetenzi proprji li tagħtih il-kostituzzjoni Taljana, li jikkonsistu, f’dan il-każ, f’miżuri intiżi li jiggarantixxu l-istabbiltà finanzjarja ta’ Sea Handling u, għaldaqstant, min-naħa, li jippreservaw l-impjiegi f’din l-impriża u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu l-kontinwità tal-attività ajruportwali f’Milan-Linate u f’Milan-Malpensa.

44      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda inkwantu hija intiża li jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma huwiex individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

45      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq li r-rikorrent ma ġġustifikax “interess ġuridiku speċifiku u awtonomu”, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. L-interess ġuridiku ta’ appellant għandu jkun ċert u attwali. Dan l-interess għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, jeżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà u jippersisti sakemm tingħata deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punti 55 sa 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Madankollu, ma hemm xejn fil-ġurisprudenza li jindika li l-interess ġuridiku għandu mhux biss jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq, imma wkoll ikun “speċifiku u awtonomu”, kif issostni wara kollox il-Kummissjoni.

47      F’dan il-każ, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent irrileva li SEA u huwa stess kienu ġew imħarrka quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milan, l-Italja) minn kumpannija attiva fis-settur tas-servizzi ta’ ground handling. Din il-kumpannija talbet kumpens għad-dannu allegatament imġarrab (f’ammont ta’ madwar EUR 93 miljun) minħabba miżuri adottati minn SEA favur Sea Handling li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Waqt is-seduta, ir-rikorrent indika li din il-proċedura quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milan) kienet “informalment” sospiża pendenti d-deċiżjoni tal-Qorti f’din il-kawża.

48      Għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża tippermetti lir-rikorrent li jiddefendi ruħu quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milan) billi jsostni li l-miżuri inkwistjoni ma kinux għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, kif ikkonstatat il-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, dan l-annullament jista’, minnu nnifsu, ikollu konsegwenzi legali kbar fuq id-difiża tar-rikorrent quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milan), b’mod li dan ir-rikors huwa tali li, l-eżitu tiegħu, jipprovdilu benefiċċju.

49      Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda wkoll l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni fejn hija tikkontesta l-eżistenza ta’ “interess ġuridiku speċifiku u awtonomu” tar-rikorrent.

B.      Fuq il-mertu

1.      Sunt tal-motivi għal annullament

50      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem erba’ motivi.

51      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu l-Kummissjoni jingħad li kkonstatat erronjament li seħħ trasferiment tar-riżorsi Statali u li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat Taljan.

52      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu l-Kummissjoni jingħad li kisret il-kriterju tal-investitur privat.

53      It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern, b’mod partikolari inkwantu l-Kummissjoni jingħad li kisret il-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna ta’ l-stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 322, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1999”), il-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2004”), kif ukoll il-Linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat għal start-ups ta’ kumpanniji tal-ajru li jtajru minn ajruporti reġjonali (ĠU 2005, C 312, p. 1, iktar ’il quddiem il-“linji gwida li jikkonċernaw is-settur ajruportwali”).

54      Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipji ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża, tal-“amministrazzjoni tajba” u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba ksur tal-kriterji ta’ trasferiment tar-riżorsi tal-Istat u tal-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-Istat kif ukoll ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)      Portata tal-motiv

55      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta kkunsidrat, essenzjalment, li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lilu u għaldaqstant ta’ natura statali. B’mod partikolari, hija jingħad li ma ssodisfatx l-istandard tal-prova meħtieġ biex turi li d-deċiżjonijiet ta’ SEA biex tikkumpensa għat-telf imġarrab minn Sea Handling kienu imputabbli lir-rikorrent.

56      Skont ir-rikorrent, għall-finijiet li jintwera li l-kriterju tal-imputabbiltà lill-Istat kien sodisfatt, kien neċessarju li jiġi pprovat l-involviment konkret tal-Istat fil-ġestjoni tal-kumpanniji li huwa kien jikkontrolla. Meta l-provi huma ta’ natura indizjarja, huma għandhom ikunu bbażati fuq “indizji preċiżi u rilevanti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami”. Jekk, bħal f’dan il-każ, il-miżuri kienu jirrigwardaw perijodu li jinfirex fuq diversi snin, jiġifieri l-perijodu inkwistjoni, il-prova ma tistax tinġieb b’ “indizji mxerrda miġbura fl-imsemmi perijodu”. Hija l-Kummissjoni li jkollha l-obbligu li turi l-loġika u l-koerenza bejn id-diversi miżuri adottati matul il-perijodu inkwistjoni. L-involviment tal-Istat kellu jkun ippruvat fid-dawl tal-miżuri speċifiċi li jkunu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-oneru tal-prova tal-Kummissjoni jkun ħafna ikbar peress li f’Mejju 2007, hija kienet itterminat l-eżami preliminari minħabba nuqqas ta’ provi.

57      B’mod partikolari, ir-rikorrent jikkunsidra li ebda wieħed mill-indizji kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata, meħud iżolament jew b’mod konġunt, ma seta raġonevolment jitqies li fuqu hija bbażata l-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-Istat Taljan. Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni ma evalwatx debitament il-“kontro-indizji” li huwa kien ressaq matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri r-rifjut ripetut mid-diretturi ta’ SEA għat-talbiet għal aċċess għal informazzjoni ppreżentati minn ċerti kunsilliera muniċipali u approvati mill-president tal-kunsill muniċipali. Dawn ir-rifjuti juru l-assenza ta’ kwalunkwe rwol maġġuri tar-rikorrent fi ħdan is-SEA. Għaldaqstant, il-Kummissjoni jingħad li kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

59      F’dan ir-rigward, għandhom jiġu analizzati, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, fit-tieni lok, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li turi l-loġika u l-koerenza bejn id-diversi indizji li l-Kummissjoni tikkunsidra li jippruvaw l-imputabbiltà lill-Istat Taljan tal-miżuri inkwistjoni kollha u, fit-tielet lok, l-argumenti bbażati fuq li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-istandard tal-prova meħtieġ biex turi li d-deċiżjonijiet ta’ SEA biex tikkumpensa t-telf imġarrab minn SEA Handling kienu imputabbli lir-rikorrent.

b)      Fuq it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat

60      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 24, u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 16). Jirriżulta fil-fatt mill-ġurisprudenza li dawn huma kundizzjonijiet distinti u kumulattivi (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-351/02, EU:T:2006:104, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Il-kunċett ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat huwa intiż li jinkludi, barra l-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, dawk mogħtija permezz ta’ organu pubbliku jew privat, maħtur jew stabbilit minn dan l-Istat sabiex tiġi ġestita l-għajnuna (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi inkarigati bid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 23).

62      Barra minn hekk, l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri l-mezzi finanzjarji kollha li bihom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu fil-fatt jappoġġaw lill-impriżi, irrispettivament minn jekk dawk il-mezzi jkunux jew le assi permanenti tas-settur pubbliku. Għalhekk, anki jekk l-ammonti li jikkorrispondu mal-miżura inkwistjoni ma humiex permanentement miżmuma mit-Teżor, il-fatt li dawn kostantement jibqgħu taħt kontroll pubbliku, u għalhekk disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ikun suffiċjenti biex huma jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 37; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère et, C-262/12, EU:C:2013:851, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Mejju 2016, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑47/15, EU:T:2016:281, punt 83).

63      Fir-rigward tal-kunċett tar-riżorsi tal-Istat, wara li fakkret il-punt 37 tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, EU:C:2002:294) (premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punt 55 tad-deċiżjoni tal-ftuħ), il-Kummissjoni kkunsidrat li, f’dan il-każ, “[i]r-riżorsi użati biex jiġi kopert it-telf ta’ SEA Handling kienu ta’ oriġni pubblika, minħabba li ġew minn SEA, li 99,12 % tal-kapital tagħha kien proprjetà ta[r-rikorrent] u l-Provinċja ta’ Milan matul il-perjodu [inkwistjoni]” (premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħha jikkorrispondi għal dak tal-punt 56 tad-deċiżjoni tal-ftuħ). F’dan ir-rigward, il-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata tispeċifika, essenzjalment, li SEA hija kumpannija rregolata mid-dritt privat (kumpannija ta’ responsabbiltà limitata) li l-kapital tagħha kien proprjetà, matul il-perijodu inkwistjoni, kważi esklużivament tal-awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri fl-ammont ta’ 84.56 % mir-rikorrent, fl-ammont ta’ 14.56 % mill-Provincia di Milano, u fl-ammont ta’ 0.88 % minn azzjonisti pubbliċi u privati oħra.

64      Ir-rikorrent ma jressaq ebda argument konkret biex jikkontesta din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li ma hija vvizzjata bl-ebda żball.

65      Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali msemmija fil-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni enfasizzat ġustament li l-azzjonijiet ta’ SEA, l-entità li tipprovdi l-kapital kontenzjuż kollu, kienu kważi kompletament u direttament proprjetà ta’ awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri tar-rikorrent u tal-Provincia di Milano. L-istess bħas-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, (C-482/99, EU:C:2002:294, punt 34), jirriżulta li SEA tikkostitwixxi “impriża pubblika” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE, tas-16 ta’ Novembru 2006, dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 348M, 24.12.2008, p. 906), jiġifieri “impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-pussess li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha”. Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 2(b)(i) tad-Direttiva 2006/111 li “[j]itqies li hemm influwenza dominanti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament fil-konfront tal-impriża […] ikollhom il-parti ewlenija tal-kapital sottoskritt tal-impriża”, kif inhu l-każ hawnhekk.

66      Barra minn hekk, skont il-kriterji msemmija fil-punti 33 sa 38 tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, EU:C:2002:294), fil-premessi 192 u 208 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi addizzjonali ta’ kontroll meta kkonstatat li, skont kliem l-awtoritajiet Taljani stess, “[ir-rikorrent] kien jeżerċita l-kontroll tiegħu fuq SEA billi jaħtar il-membri tal-bord tad-diretturi (Consiglio di amministrazione) u tal-bord ta’ sorveljanza (Collegio sindacale)” li l-eżistenza ta’ dawn ma humiex ikkontestati mir-rikorrent. Issa, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mis-setgħa tar-rikorrent li jinnomina kemm direttament, kemm permezz tal-maġġoranza tiegħu fil-laqgħa ġenerali, il-membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord ta’ sorveljanza ta’ SEA, kif ukoll tal-fatt li l-ishma ta’ SEA kienu kważi kompletament proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi, li l-mezzi finanzjarji pprovduti minn SEA lil Sea Handling kienu jinsabu kostantement taħt il-kontroll ta’ dawn l-awtoritajiet u kienu għaldaqstant għad-dispożizzjoni tagħhom fis-sens tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, EU:C:2002:294).

67      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta tikkonkludi fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kontribuzzjonijiet fil-kapital mogħtija minn SEA lil Sea Handling kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

c)      Fuq il-loġika u l-koerenza bejn id-diversi indizji

68      Fir-rigward tal-eżami tal-miżuri inkwistjoni kollha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriterju tal-imputabbiltà lill-Istat tal-miżura inkwistjoni, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tesponi, fil-premessi 211 sa 216 tagħha, essenzjalment dan li ġej:

“(211)      [I]l-miżuri sabiex jiġi kopert it-telf, implimentati permezz ta’ żidiet fil-kapital ta’ SEA Handling, ma kinux miżuri ordinarji ta’ amministrazzjoni iżda miżuri eċċezzjonali. Il-karattru straordinarju tal-miżuri huwa rifless kemm f’termini ekonomiċi, minħabba l-kobor tal-ammonti inkwistjoni (kull assorbiment tat-telf ġie kkumpensat permezz ta’ żieda fil-kapital ta’ bosta miljuni ta’ euro), u f’termini politiċi, minħabba l-impatt antiċipat tal-miżuri fuq iż-żamma tal-impjiegi.

(212)      Minħabba n-natura eċċezzjonali tagħhom, il-miżuri ma ġewx adottati mill-bord tad-diretturi ta’ SEA, fl-eżerċitazzjoni tas-setgħat proprji tiegħu: skont il-kostituzzjoni stess ta’ SEA u l-prinċipji stabbiliti fil-kodiċi ċivili [Taljan] kellhom jiġu espressament approvati mil-laqgħa ġenerali, li fiha [r-rikorrent] h[uw]a l-azzjonist maġġoritarju. Għalhekk m’hemm l-ebda dubju li [r-rikorrent] kien[] infurmat[…] dwar il-miżuri u approva[]hom, kif jidher fil-minuti tal-laqgħa ġenerali. Mhux talli l-miżuri joriġinaw minn[u], b’riżultat tal-parteċipazzjoni t[iegħu] fil-ftehim [sindakali] tas-26 ta’ Marzu 2002, iżda h[uw]a ġie[] ukoll infurmat[] b’kull miżura biex jiġi kopert it-telf ta’ SEA Handling, li h[uw]a approva[] sistematikament. Miżuri eċċezzjonali bħal dawn għalhekk huma neċessarjament imputabbli lill-Istat.

[…]

(215)      Fil-każ partikolari, minħabba l-iskala tal-miżuri u tal-fatturi l-oħra identifikati f’din id-Deċiżjoni u fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqis li għandha biżżejjed evidenza dwar l-imputabbiltà tal-miżuri in kwistjoni lill-Istat Taljan, minħabba l-involviment ta[r-rikorrent] fil-miżuri biex jiġi kopert it-telf ta’ SEA Handling, jew in-nuqqas ta’ probabilità li l-awtoritajiet pubbliċi ma kinux involuti.

(216)      Konsegwentement, il-Kummissjoni trid tiċħad is-suġġeriment tal-awtoritajiet Taljani li l-Kummissjoni għandha tanalizza kull waħda mill-miżuri meħuda fir-rigward tal-kapital ta’ SEA Handling individwalment, sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ għajnuna u, b’mod partikolari, l-imputabilità ta’ kwalunkwe tali għajnuna li[r-rikorrent]. Il-fatturi deskritti fil-paragrafi 174-186, u l-analiżi tal-miżuri mill-perspettiva ta’ investitur privat, jipprovdu biżżejjed evidenza li kopertura tat-telf b’injezzjonijiet ta’ kapital tista’ tkun biss ir-riżultat ta’ strateġija u ta’ involviment min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi matul il-perjodu kollu [inkwistjoni]. L-awtoritajiet Taljani stess stqarrew li filwaqt li d-deċiżjonijiet biex jiġi kopert it-telf ġew adottati formalment fuq bażi annwali, kien hemm strateġija multiannwali biex jiġi kopert it-telf matul il-perjodu meħtieġ għar-ristrutturazzjoni (ara l-paragrafi 225-232)”.

69      Għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, bit-titolu, “Strateġija pluriennali ta’ kopertura tat-telf”, il-Kummissjoni fakkret, fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument tal-awtoritajiet Taljani u ta’ SEA li skonthom, “filwaqt li d-deċiżjonijiet biex jiġi kopert t-telf kienu formalment meħuda fuq bażi annwali, l-istrateġija pluriennali biex it-telf jiġi assorbit matul il-perjodu meħtieġ għar-ristrutturazzjoni ma setgħetx tiġi diskussa mill-ġdid kull sena, u li r-riżultati setgħu jiġu evalwati biss fuq perjodu ta’ numru ta’ snin”. Barra minn hekk, fil-premessa 223 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni interpretat dan l-argument bħala li jesprimi li “d-deċiżjoni biex jiġi kopert telf li jista’ jiġġarrab fil-futur kienet inizjalment saret fl-2002 u mbagħad it-tieni darba fl-2007, meta, fid-dawl tal-fatt li ma kinux intlaħqu l-miri mistennija, ittieħdet id-deċiżjoni biex tiġi riveduta l-istrateġija inizjali li titlob li jiġi kopert it-telf, u wara dan ġie deċiż li wieħed jipproċedi skont il-pjan oriġinali” u li, “[e]ssenzjalment, [l-awtoritajiet Taljani u SEA] jidher li dawn qed jippreżentaw il-miżuri in kwistjoni bħala żewġ injezzjonijiet ta’ kapital li kellhom isiru f’pagamenti annwali iżda li ġew deċiżi fl-2002 u l-2007”.

70      Jirriżulta mill-premessi 225 u 232 tad-deċiżjoni kkontestata li, biex jiġi konkluż li l-miżuri inkwistjoni huma imputabbli lill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni wettqet analiżi globali ta’ dawn il-miżuri kollha billi kkonstatat li d-diversi injezzjonijiet fil-kapital kienu marbutin il-waħda mal-oħra u li dawn kienu, skont il-fehma tal-awtoritajiet Taljani stess, is-suġġett ta’ strateġija unika fit-tul. Hemmhekk hija tagħmel riferiment b’mod sistematiku għal dawn il-“miżuri” billi tuża l-plural u bħala li huma l-korrolarji tal-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002 (ara b’mod partikolari l-premessi 211 u 212 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali tagħhom, dawn il-miżuri kollha ma ġewx adottati “mill-bord tad-diretturi ta’ SEA, fl-eżerċizzju tas-setgħat proprji tiegħu: skont il-kostituzzjoni stess ta’ SEA u l-prinċipji stabbiliti fil-kodiċi ċivili kellhom jiġu espressament approvati mil-laqgħa ġenerali” tal-azzjonisti ta’ SEA, b’għarfien sħiħ tal-aġenda, bil-parteċipazzjoni u l-approvazzjoni tar-rikorrent, l-azzjonist maġġoritarju tagħha. Barra minn hekk, filwaqt li tagħmel riferiment għall-fatti li jistabbilixxu, fil-fehma tagħha, li Sea Handling kienet impriża f’diffikultà fis-sens tal-Linji gwida tal-1999 u tal-2004 (premessi 174 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata) u għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju tal-investitur privat (premessi 222, 223 u 225 sa 232 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ċaħdet espliċitament l-argument tal-awtoritajiet Taljani li skonthom, għal dan il-għan, hija jingħad li kienet obbligata tanalizza individwalment kull waħda minn dawk il-miżuri, peress li dawn jirriżultaw minn “strateġija waħda u implikazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fit-tul kollu tal-proċess tal-eżami” (premessa 216 tad-deċiżjoni kkontestata). In fatti, l-awtoritajiet Taljani kienu huma stess ammettew li jeżistu “strateġija pluriennali biex it-telf jiġi assorbit matul il-perjodu meħtieġ għar-ristrutturazzjoni” (premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-miżuri tagħhom kienu “marbuta mill-qrib ma’ xulxin” u “kellhom l-istess għan, jiġifieri dak li jikkumpensaw it-telf ta’ SEA Handling sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza ta[għha] […] u terġa’ tinkiseb il-profittabilità tagħha” (premessa 231 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      F’dan ir-rigward, l-istess mod bħalma għamlet il-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, billi l-interventi tal-Istat jieħdu diversi forom u jeħtieġu li jiġu analizzati skont l-effetti tagħhom, ma jistax ikun eskluż li diversi interventi konsekuttivi mill-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-interventi konsekuttivi, b’mod speċjali meta wieħed jikkunsidra li l-kronoloġija u l-għan tagħhom u ċ-ċirkustanzi tal-impriża meta saru l-interventi, huma tant relatati ma’ xulxin li huma inseparabbli minn xulxin (ara, fir-rigward tal-kriterju tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C-399/10 P u C-401/10 P, EU:C:2013:175, punti 103 u 104, u tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P, EU:C:2015:362, punt 97; ara wkoll, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-11/95, EU:T:1998:199, punti 171 u 179, u tal-15 ta’ Jannar 2015, Franza vs Il-Kummissjoni, T-1/12, EU:T:2015:17, punti 33 u 34).

72      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent mhux biss jillimita ruħu biex jafferma, mingħajr ma jagħti spjegazzjoni, li l-Kummissjoni ma wrietx il-loġika u l-koerenza bejn l-indizji li hija ressqet biex timputa l-miżuri adottati kollha matul il-perijodu inkwistjoni lill-Istat Taljan, imma jikkontradixxi wkoll l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani u ta’ SEA li saru waqt il-proċedura amministrattiva fuq dan il-punt u dawk li jissemmew fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, jirriżulta minn dawn l-osservazzjonijiet, li ma ġewx kontradetti mir-rikorrent, li d-deċiżjonijiet ta’ investiment ta’ SEA li jikkonċernaw lil Sea Handling kienu bbażati fuq strateġija pluriennali biex jiġi kopert it-telf matul il-perijodu meħtieġ għar-ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, in-natura repetittiva, koerenti u uniformi ta’ dan l-approċċ matul perijodu ta’ tmien snin tindika li dawn id-deċiżjonijiet u l-approvazzjoni tar-rikorrent kienu bbażati effettivament fuq għażla strateġika magħmula qabel u li tmur lura għas-sena 2002.

73      Jirriżulta mis-suespost li l-Kummissjoni setgħat tikkunsidra, b’mod korrett, li l-kontribuzzjonijiet fil-kapital konsekuttivi, kif mogħtija minn SEA lil Sea Handling kull sena, matul il-perijodu inkwistjoni, kienu jippreżentaw – fid-dawl tal-kronoloġija tagħhom, tal-għan tagħhom u tas-sitwazzjoni simili tal-impriża benefiċjarja, li t-telf sostanzjali tagħha kien jaqbeż regolarment terz mill-kapital azzjonarju tagħha – rabtiet tant stretti bejniethom li kien impossibbli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat u ta’ imputabbiltà, li dawn jinfirdu fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq.

74      Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrent li jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li turi l-loġika u l-koerenza bejn id-diversi indizji li jiġġustifikaw li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni kollha kemm huma għall-finijiet li tiġi ppruvata l-imputabbiltà lill-Istat Taljan tal-miżuri adottati kollha matul il-perijodu inkwistjoni.

d)      Fuq l-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni

75      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, skont is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, EU:C:2002:294), li l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat ma tistax tkun dedotta mis-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ttieħdet minn impriża pubblika. Fil-fatt, anki jekk l-Istat ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operat tagħha, l-eżerċizzju proprju ta’ dak il-kontroll f’każ partikolari ma jistax jiġi preżunt b’mod awtomatiku. Impriża pubblika tista’ taġixxi b’aktar jew anqas indipendenza, skont il-grad ta’ awtonomija mogħtija lilha mill-Istat. Għalhekk, is-sempliċi fatt li impriża pubblika taqa’ taħt il-kontroll tal-Istat mhuwiex biżżejjed sabiex miżuri meħuda minnha jkunu attribwibbli lill-Istat. Jibqa’ meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu bħala li kienu involuti, b’xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Ma jistax jiġi mitlub li jiġi pprovat, abbażi ta’ talba preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi konkretament ħeġġu lill-impriża pubblika sabiex taddotta l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, min-naħa, wara li jiġi kkunsidrat il-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-impriżi pubbliċi huma qrib, hemm riskju reali li l-għajnuna mill-Istat tingħata permezz tal-intermedjarju ta’ dawk l-impriżi b’mod mhux trasparenti u bi ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif stabbiliti mit-Trattat. Min-naħa l-oħra, bħala regola ġenerali, ikun diffiċli ferm għal parti terza, preċiżament minħabba r-relazzjonijiet privileġġjati li jeżistu bejn l-Istat u impriża pubblika, li jintwera f’xi każ konkret li l-miżuri ta’ għajnuna li jittieħdu minn tali impriża fil-fatt ikunu ġew adottati skont l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Għal dawk ir-raġunijiet, irid jiġi aċċettat li l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn sett ta’ indikaturi li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u l-kuntest li tkun fih ittieħdet dik il-miżura. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, EU:C:2002:294), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kull indizju ieħor li jindika, fil-każ konkret, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà tal-assenza ta’ involviment fl-adozzjoni tal-miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha u tal-kundizzjonijiet li hija tinvolvi, jista’, jekk ikun il-każ, ikun rilevanti biex jiġi konkluż li l-l-Istat huwa imputabbli għal miżura adottata minn impriża pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punti 51 sa 56, u tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C-242/13, EU:C:2014:2224, punti 31 sa 34; tal-10 ta’ Novembru 2011, Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il-Kummissjoni, T-384/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:650, punti 50 sa 54, u tat-28 ta’ Jannar 2016, Slovenja vs Il-Kummissjoni, T-507/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:35, punti 65 sa 69).

76      Huwa paċifiku li, fil-premessi 192 sa 216 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-kriterji rilevanti imsemmija fis-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, EU:C:2002:294), il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sett ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih il-miżuri inkwistjoni kienu ttieħdu biex tikkonkludi li dawn kienu imputabbli lir-rikorrent u, għaldaqstant, lill-Istat Taljan. Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi evalwat jekk dawn l-indizji għandhomx valur probatorju suffiċjenti, kemm individwalment kif ukoll meħudin f’daqqa, biex jiġġustifikaw din il-konklużjoni.

1)      Fuq il-valur probatorju tal-provi prinċipali (ftehimiet sindakali)

77      Għandhom jiġu evalwati, fl-ewwel lok, l-indizji prinċipali ta’ imputabbiltà li l-Kummissjoni eżaminat fil-premessi 195 sa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-punti 43 sa 48 u 62 sa 66 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ (premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri, b’mod partikolari, il-ftehimiet sindakali tas-26 ta’ Marzu u l-4 ta’ April 2002, biex jiġi konkluż li r-rikorrent kien “involut” fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrent ipparteċipa fin-negozjati tal-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002 u tefa’ l-firma tiegħu fuqu, anki jekk huwa jsostni li dik il-firma saret minn rappreżentant li ma kienx awtorizzat li jorbtu finanzjarjament. Huwa paċifiku wkoll li dak il-ftehim sindakali jipprovdi obbligu ċar u preċiż fuq SEA, b’mod partikolari, li żżomm, għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin “il-bilanċ bejn l-ispejjeż/dħul u l-qafas ekonomiku ġenerali” ta’ Sea Handling “billi tippriżerva l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tagħha u billi ttejjeb sostanzjalment il-possibbiltajiet tagħha li topera fuq is-swieq nazzjonali u internazzjonali”. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li, skont dan l-obbligu, SEA kienet obbligata tagħmel tajjeb għall-eventwali telf ta’ Sea Handling li jista’ jaffettwa l-kontinwità tal-attività ekonomika tagħha, ħaġa li hija kkonfermata mill-kundizzjonijiet iktar preċiżi fil-ftehim sindakali tal-4 ta’ April 2002, li fih, ċertament, ir-rikorrent ma pparteċipax direttament. Fil-fatt, skont dan l-aħħar ftehim, li jagħmel espressament riferiment għall-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002, b’mod partikolari, “SEA […] tintrabat […] li ġġor il-kopertura tat-telf sabiex jiġu bbilanċjati l-finanzi u l-assi ta’ SEA Handling”. Barra minn hekk, dejjem skont dak il-ftehim, dawn l-impenji huma ggarantiti “permezz tal-ftehim iffirmat mi[r-rikorrent], fost affarijiet oħra fil-kapaċità t[iegħu] bħala azzjonist maġġoritarju assolut (f’SEA SpA), bil-kontribuzzjonijiet magħmula, bir-riżorsi finanzjarji li mhumiex soġġetti għal limitazzjonijiet legali trasferibbli minn SEA […] lil SEA Handling […], u permezz tas-solidità tal-assi u l-finanzi ta’ SEA” (premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-ftehim sindakali tad-19 ta’ Ġunju 2003, li fih ir-rikorrent ma għadux kontraent dirett, itenni l-kontenut tal-ftehim sindakali tal-4 ta’ April 2002 billi jenfasizza, b’mod partikolari, li “l-bilanċ ekonomiku ta’ Sea Handling kellu essenzjalment jinżamm biex jgħin azzjoni miftiehma li tirrigwarda l-ispejjeż tagħha u d-dħul tagħha”, u “jikkonferma l-obbligu sottoskritt fis-26 ta’ Marzu 2002 li jikkonċerna l-provvista tal-garanziji meħtieġa mill-kumpannija u ta’ natura finanzjarja u ż-żamma tal-impjieg fir-rigward tal-impjegati ta’ Sea Handling”.

78      Minn dan isegwi li, skont il-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002, kien jeżisti obbligu fuq SEA, kif ikkonfermat fil-ftehim sindakali tal-4 ta’ April 2002, biex tkopri l-eventwali telf futur ta’ Sea Handling, tal-inqas għal perijodu ta’ ħames snin. Ir-rikorrent ma jistax jikkontesta din il-konstatazzjoni billi jsostni li dawn kienu dokumenti ta’ natura politika u sindakali li huma ta’ natura vaga u ġenerali. Barra minn hekk, fid-dawl, tal-kontribuzzjonijiet fil-kapital sussegwenti magħmulin minn SEA favur Sea Handling matul il-perijodu inkwistjoni biex tkopri t-telf tagħha, irriżulta li, fil-kwalità tagħha bħala azzjonista unika ta’ Sea Handling, SEA fil-fatt interpretat dawn il-ftehimiet bħala li jipprovdu tali obbligu (ara l-punt 92 iktar ’il fuq). Anki jekk it-tul minimu tal-impenn previst mill-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002 huwa biss ta’ ħames snin, għandu jiġi kkonstatat li SEA kompliet tapplikah sal-2010.

79      Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħat tikkonkludi b’mod korrett li dan l-obbligu biex jiġi kopert it-telf ta’ Sea Handling, skont il-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002, kien jikkostitwixxi l-bażi kuntrattwali li fuqu kienu bbażati l-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni ulterjuri. Hija kienet intitolata wkoll tirrileva, fil-premessi 198 u 200 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li “l-passi meħuda mill-awtoritajiet Taljani, partikolarment fil-laqgħa tas-26 ta’ Marzu 2002, iggwidaw id-deċiżjonijiet meħuda minn SEA fir-rigward tas-sussidjarja tagħha SEA Handling” u li l-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002 kellu influwenza determinanti għal dan il-għan, kif jinsab ikkonfermat mill-ftehimiet sindakali tal-4 ta’ April 2002 u tad-19 ta’ Ġunju 2003, mingħajr il-bżonn li r-rappreżentanti tar-rikorrent jipparteċipaw personalment għall-iffirmar ta’ dawn l-aħħar ftehimiet sindakali.

80      Għandu jiġi evalwat ukoll il-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx iġġustifikata tikkunsidra li s-sempliċi parteċipazzjoni attiva li kellu r-rikorrent għall-konklużjoni tal-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002 kienet biżżejjed biex tiġġustifika li dan jitqies ukoll bħala li kien involut fl-għoti tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni ulterjuri inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-turija mill-Kummissjoni ta’ tali involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti ta’ għajnuna ma teżiġix li jkun hemm prova pożittiva, imma huwa biżżejjed li tintwera l-improbabbiltà tal-assenza ta’ involviment fl-adozzjoni tal-miżura (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 56), b’kont meħud tar-riskju reali ta’ evażjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tat-Trattat permezz ta’ impriżi pubbliċi jew ikkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punti 53 u 57). Dan ir-riskju ta’ evażjoni u n-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat reġgħu ġew enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland (C-242/13, EU:C:2014:2224, punti 34 u 36).

81      Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrent għan-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002 tikkostitwixxi prova ċentrali tal-involviment tal-awtoritajiet Taljani fl-għoti tal-miżuri inkwistjoni. Apparti l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim joħolqu obbligu ċar u preċiż għal SEA biex tkopri, tal-inqas għal perijodu ta’ ħames snin, it-telf ta’ Sea Handling (ara l-punt 78 iktar ’il fuq), huwa paċifiku li, billi ffirmat dan il-ftehim bħala ko-kontraenti, l-amministrazzjoni tar-rikorrent tat formalment l-approvazzjoni tagħha, inkluż fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista maġġoritarja ta’ SEA, mhux biss biex jiġi stabbilit dan l-obbligu, imma wkoll fir-rigward tal-osservanza tiegħu u tal-implementazzjoni sussegwenti tiegħu minn SEA. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-ftehim sindakali tal-4 ta’ April 2002, li jagħmel riferiment espliċitu u jistrieħ fuq il-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002 billi jsemmi, b’mod partikolari, il-fatt li dan il-ftehim kien sottoskritt mir-[rikorrent] ukoll fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist maġġoritarju assolut [ta’ SEA]”.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma jistax validament jallega li huwa llimita lilu nnifsu biex jaġixxi bħala medjatur, li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002 kienet ta’ natura esklużivament politika, soċjali u, għaldaqstant, mhux ekonomika u li l-kapaċità tiegħu bħala azzjonist maġġoritarju ta’ SEA kienet purament aċċessorja u sekondarja f’dan il-kuntest. Huwa wkoll nieqes minn kull saħħa probatorja l-argument li l-assenza ta’ involvement ekonomiku tar-rikorrent hija kkonfermata, min-naħa, mill-fatt li l-firma li kien hemm kienet dik ta’ M. M., l-assistent tas-sindku inkarigat mill-persunal, mix-xogħol u mir-riżorsi li kien ingħata delega speċifika fil-qasam tal-persunal, tal-organizzazzjoni, tas-servizzi statistiċi, ta’ superviżjoni fil-qasam tax-xogħol u tal-impjieg, tax-xiri u ta’ teżorerija, u mhux dik tal-assistent tas-sindku inkarigat mill-baġit, mill-kontroll tal-ġestjoni u tal-privatizzazzjonijiet jew tal-assistent tas-sindku inkarigat mit-trasporti u l-mobbiltà u, min-naħa l-oħra, mill-assenza ta’ partita ta’ impenn fil-baġit tiegħu. Fil-fatt, tali argument ma jistax jiġi milqugħ, għaliex inkella l-awtoritajiet pubbliċi involuti fl-għoti ta’ għajnuna jkunu jistgħu jevitaw l-applikazzjoni tal-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE permezz ta’ miżuri li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tagħhom jew il-kontabbiltà interna tagħhom, peress li tali miżuri huma wkoll tali li jinfluwenzaw il-mod ta’ parteċipazzjoni tagħhom fl-impriżi pubbliċi jew privati. Huwa preċiżament minħabba dan ir-riskju ta’ evażjoni u tal-interess ta’ implementazzjoni effikaċi tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta, waqt l-għoti ta’ xi għajnuna, amministratur jaġixxi b’mod irregolari, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, u mhux konformi mar-rieda preżunta tal-awtorità pubblika kkonċernata, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura, fih innifsu, li jeskludi l-involviment ta’ dik l-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C-242/13, EU:C:2014:2224, punti 36 sa 38). Tali raġunament japplika a fortiori f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, amministratur jaġixxi b’mod regolari, fis-sens tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, u bl-approvazzjoni tal-awtorità pubblika li f’isimha huwa suppost li jaġixxi fil-konfront ta’ terzi. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrent ma kkontestax in-natura regolari jew konformi mar-rieda tiegħu tal-aġir tar-rappreżentant tiegħu fl-okkażjoni tan-negozjati u tal-konklużjoni tal-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002.

83      Minn dan isegwi li l-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002, moqri fid-dawl tal-formulazzjoni sindakali tal-4 ta’ April 2002, jikkostitwixxi, waħdu, indizju determinanti biex juri l-involviment tar-rikorrent fid-deċiżjoni tal-għoti lil Sea Handling tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni inkwistjoni. B’kuntrast ma’ dak li jsostni r-rikorrent, din il-prova dwar l-imputabbiltà tiżdied, b’mod deċiżiv, mar-rabtiet organiċi u ta’ kontroll li kienu jeżistu bejn ir-rikorrent u SEA, fosthom il-fatt li r-rikorrent kien l-azzjonist ġeneralment maġġoritarju ta’ SEA li kellu għaldaqstant il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot u li ħatar lill-membri tal-bord tad-diretturi tagħha, li minnu nnifsu kien joħloq riskju jew ċerta probabbiltà ta’ interferenza fid-deċiżjonijiet strateġiċi finanzjarji ta’ SEA. Jirriżulta wkoll minn dan li l-Kummissjoni, iktar milli żnaturat dawn il-provi, għamlet evalwazzjoni korretta ta’ dawn il-provi u mmotivatha b’mod suffiċjenti fil-premessi 195 sa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-punti 43 sa 48 u 62 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, biex tippermetti lir-rikorrent jikkontestaha u lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità fil-mertu tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, EU:C:2009:742, punt 77).

2)      Fuq il-valur probatorju tal-provi addizzjonali

84      Barra minn hekk, il-provi addizzjonali li fuqhom straħet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata biex tikkonkludi dwar l-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-Istat Taljan isaħħu l-fondatezza ta’ din il-konklużjoni.

85      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, ċertament, huwa minnu li l-kontenut eżatt tal-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi ta’ Sea Handling, u mhux ta’ SEA, tal-31 ta’ Mejju u tat-13 ta’ Ġunju 2008 (premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata), li huwa kkontestat bejn il-partijiet, għandu biss valur probatorju baxx. Madankollu, fid-dawl tal-eżistenza ta’ konkordanza ta’ volontajiet, abbażi tal-ftehim sindakali tas‑26 ta’ Marzu 2002, bejn ir-rikorrent, SEA u s-sindakati, fuq il-kopertura tat-telf ta’ Sea Handling għas-snin li ġejjin (ara l-punti 78 sa 83 iktar ’il fuq) u tar-rabtiet organiċi u ta’ kontroll li jeżistu bejn ir-rikorrent u SEA, hija koerenti u kredibbli l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-espressjoni Taljana “è condiviso dall’azionista di maggioranza” li tinsab fl-aħħar waħda minn dawn il-minuti tfisser li l-pjan ta’ żvilupp kummerċjali għal Sea Handling għall-perijodu li jibda mill-2007 sab l-“approvazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju”, jiġifieri tar-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, kif issostni l-Kummissjoni, ma tantx jidher probabbli li SEA tippreżenta pjan ta’ żvilupp kummerċjali strateġiku u ta’ importanza vitali għas-sussidjarja tagħha mingħajr ma tkun fittxet, qabel, li tikseb l-approvazzjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha. Din il-konstatazzjoni ttendi wkoll li tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha r-rikorrent baqa’ involut fid-deċiżjonijiet strateġiċi li jikkonċernaw lil Sea Handling anki matul il-fażi sussegwenti għall-2007.

86      Fit-tieni lok, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent intiż li jnaqqas l-importanza tal-fatt – allegatament purament tal-punt, imma mhux ikkontestat minnu bħala tali – li s-sindku ta’ Milan kien talab u kiseb ir-riżenja tal-president tal-bord tad-diretturi ta’ SEA fl-2006 (premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, l-unika argument tar-rikorrent li skontu huwa perfettament normali li l-azzjonist maġġoritarju jkollu s-setgħa jiżvesti lill-president tal-bord tad-diretturi mill-funzjonijiet tiegħu ma huwiex konvinċenti, peress li, f’dan il-każ, tali fatt madankollu juri l-eżistenza ta’ interferenza proattiva min-naħa tar-rikorrent fil-ġestjoni ta’ SEA u jikkostitwixxi, għaldaqstant, indizju dwar l-imputabbiltà rilevanti li jiżdied mal-indizji l-oħra.

87      Fit-tielet lok, l-istess japplika għall-ittri ta’ riżenja in bjank li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ SEA kienu bagħtu lis-sindku tar-rikorrent (premessa 206 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li r-rikorrent isostni, b’mod żbaljat, li jissemma biss fl-artikli tal-istampa u ma huwiex ipprovat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, jirriżulta minn qari tal-premessi 63, 98 u 206 flimkien tad-deċiżjoni kkontestata li SEA kienet ammettiet l-eżistenza ta’ dawn l-ittri, filwaqt li kkontestat ir-rilevanza tagħhom.

88      Fir-raba’ lok, b’kuntrast ma dak li sostna r-rikorrent, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-premessa 210 tad-deċiżjoni kkontestata tesponi b’mod konvinċenti li l-miżuri inkwistjoni kienu “deċiżjonijiet importanti” jew li “[]l-miżuri biex jiġi kopert[] it-telf ta’ SEA Handling kienu mill-inqas parti integrali fl-istrateġija tal-grupp SEA”. B’mod partikolari, la l-importanza tad-diversi kontribuzzjonijiet fil-kapital annwali, li kienu indispensabbli fid-dawl tal-Artikolu 2446 tal-kodiċi ċivili Taljan u kienu jiżguraw is-sopravvivenza ekonomika tagħha matul il-perijodu inkwistjoni, u lanqas ir-rilevanza ta’ din il-klassifikazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ imputabbiltà ma jistgħu ikunu relattivizzati.

3)      Fuq il-valur probatorju tal-allegati “kontro-indizji”

89      Għandu jiġi kkonstatat li l-allegati “kontro-indizji” invokati mir-rikorrent ma humiex tali, la individwalment u lanqas flimkien, li jikkontestaw il-valur probatorju tas-sensiela ta’ indizji ta’ imputabbiltà evalwati iktar ’il fuq.

90      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, skont ma ġie espost fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata u dak li argumentat il-Kummissjoni fl-iskritturi tagħha, ir-rifjut ta’ SEA li tagħti lil membru tal-bord muniċipali tar-rikorrent, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, l-aċċess għal ċerti dokumenti, fosthom il-pjan ta’ żvilupp kummerċjali tal-grupp SEA għall-perijodu bejn l-2005 u 2009, kien ibbażat fuq l-Artikoli 2422 u 2429 tal-kodiċi ċivili Taljan u ma kienx dirett kontra talba tar-rikorrent stess, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist maġġoritarju. Fil-fatt, il-membru tal-bord muniċipali, awtur ta’ din it-talba għall-aċċess, kien f’dak iż-żmien, il-koordinatur tal-oppożizzjoni. Barra minn hekk, din it-talba kienet indirizzata lid-dipartiment inkarigat mill-affarijiet ta’ bilanċ, mill-kontroll tal-ġestjoni u mill-privatizzazzjoni tar-rikorrent u mhux direttament lil SEA. Konsegwentement, id-direttur inkarigat mis-settur tal-programmazzjoni u tal-implementazzjoni tal-privatizzazzjonijiet tar-rikorrent sempliċiment bagħat it-talba lil SEA, mingħajr ma għamilha tiegħu.

91      Fit-tieni lok, il-korrispondenza bejn ir-rikorrent u SEA li saret wara dan ir-rifjut ta’ aċċess, jiġifieri l-ittri tas-7, 9, 15, 20 u s-27 ta’ Settembru u tal-5 u s-6 ta’ Ottubru 2005, tikkonċerna, ċertament, il-passi sussegwenti għat-talba għall-aċċess imsemmija iktar ’il fuq ta’ membru tal-bord muniċipali. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-president tal-bord muniċipali tar-rikorrent oppona r-rifjut għall-aċċess espress minn SEA minħabba li dan ir-rifjut kien imur kontra l-leġiżlazzjoni rilevanti fid-dritt komunali u qal lil SEA bl-intenzjoni tiegħu li jikkontestah quddiem il-qorti amministrattiva reġjonali. Issa, anki jekk wieħed jippreżumi li din il-kwistjoni bejn l-amministrazzjoni komunali, f’dan il-każ il-president tal-bord muniċipali, u SEA tista’ tiġi kklassifikata bħala element li jikkorrobora l-ġestjoni indipendenti u awtonoma minn SEA tal-attività ekonomika tagħha, għandu jiġi kkonstatat li din tirrigwarda aspett ta’ punt li, waħdu, ma jistax jikkontesta s-sensiela ta’ provi dwar l-eżistenza ta’ influwenza deċiżiva min-naħa tar-rikorrent fuq kwistjonijiet strateġiċi inġenerali u, b’mod partikolari, fuq dik dwar il-kopertura annwali tat-telf ta’ Sea Handling, ħaġa li tikkorrispondi, essenzjalment, għall-motivi esposti fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata.

92      Fit-tielet lok, ir-rikorrent jinvoka l-ittra tal-4 ta’ Novembru 2003 li SEA bagħat lill-assistent tas-sindku inkarigat mit-trasporti u mill-mobbiltà tar-rikorrent b’risposta għall-ittra tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2003 li kien fiha talba tal-kunsillier muniċipali M. O – skont il-Kummissjoni, membru tal-partit fl-oppożizzjoni komunista rriformat – fuq “konsultazzjoni tal-impjegati ta’ SEA”. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni kienet korretta tikkunsidra li din il-korrispondenza ma tikkostitwixxix “kontro-indizju” ta’ imputabbiltà rilevanti minħabba biss li, fil-parti introduttiva ta’ din l-ittra, SEA tafferma li “l-kontroll leġittimu mill-azzjonist fuq il-kumpanniji li fihom għandu sehem [kien] diġà jeżerċitah permezz tal-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord ta’ sorveljanza, b’mod li forom oħra ta’ kontroll ma [kinux] jaqgħu[] taħt dawn ir-regoli”. Fil-fatt, f’din l-ittra, SEA tiċħad l-idea li tali konsultazzjoni tal-impjegati minħabba l-ftehim sindakali tad-19 ta’ Ġunju 2003 ma kinitx prevista bħala rekwiżit għall-validità legali tal-ftehim ħaġa li tikkonferma pjuttost l-eżistenza ta’ obbligi li jirriżultaw ipso facto minn dan il-ftehim, inkluż dik li jiġi kopert it-telf ta’ Sea Handling.

93      Fir-raba’ lok, il-fatt li, waqt il-bord muniċipali tas-16 ta’ Ġunju 2003, l-assistent tas-sindku inkarigat mit-trasporti u mill-mobbiltà tar-rikorrent jingħad li informa lill-kunsilliera muniċipali bil-fatt li SEA rrifjutatlu t-talba biex tibgħatlu l-“indikazzjonijiet neċessarji” li jirrigwardaw in-negozjati sindakali ma huwiex ta’ importanza tali li jista, fid-dawl tal-indizji kollha li ġew evalwati, jikkontesta l-konklużjoni dwar l-imputabbiltà li għaliha waslet il-Kummissjoni.

94      Konsegwentement, kemm meħudin individwalment kif ukoll meħudin flimkien, il-“kontro-indizji” invokati mir-rikorrent ma humiex biżżejjed biex jikkontestaw il-valur probatorju tal-indizji ta’ imputabbiltà eżaminati fil-punti 77 et seq. iktar ’il fuq. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ssodisfat l-oneru li tipprova l-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-Istat Taljan billi tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ indizji serji, preċiżi u konkordanti.

95      Inkwantu r-rikorrent isostni li kien hemm insuffiċjenza fil-motivazzjoni f’dan ir-rigward, jirriżulta minn dan ukoll li l-Kummissjoni ċaħdet neċessarjament, anki jekk impliċitament, il-valur probatorju ta’ dawn il-“kontro-indizji” billi pprovdiet motivazzjoni adegwata u suffiċjenti f’dan ir-rigward fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-motivazzjoni tippermetti lir-rikorrent kif ukoll lill-Qorti Ġenerali li jifhmu r-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-Istat Taljan, inkluż fir-rigward tal-valur probatorju li l-Kummissjoni tat lill-“kontro-indizji”, u, għaldaqstant li tiddeċiedi fuq il-legalità fil-mertu għall-finijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, EU:C:2009:742, punt 77).

96      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba ksur tal-kriterju tal-investitur privat

97      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li investitur privat ma kienx jaġixxi bl-istess mod bħal SEA biex jiggarantixxi li s-sussidjarja tagħha Sea Handling terġa’ tkun profittabbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li, fl-ewwel lok, l-“[i] strateġija pluriennali għall-kopertura ta’ telf […] ma tikkorrispondix mal-imġiba ta’ investitur privat prudenti” (premessa 225 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn dan “ma jidħolx f’impenn pluriennali [legalment vinkolanti] fl-għama” iżda jerġa’ jevalwa l-istrateġija ulterjorment skont ir-riżultati tat-tentattivi qabel kull investiment kapitali ġdid (premessa 226 tad-deċiżjoni kkontestata); fit-tieni lok, minkejja l-importanza tagħhom, il-pjanijiet ta’ żvilupp kummerċjali ta’ SEA u ta’ Sea Handling la semmew din id-deċiżjoni ta’ kopertura tat-telf fuq diversi snin, u lanqas ippreżentaw xenarji alternattivi li investitur privat normalment diliġenti kien jeżiġi f’sitwazzjoni simili, imma mmiraw biss l-aspett tar-ristrutturazzjoni, u li, fi kwalunkwe każ, tali investitur ma kienx jieħu tali deċiżjoni ta’ investiment mingħajr ma jkollu tal-inqas stima minn qabel tal-ammont ta’ kapital li jrid jiġi investit jew awditjar iddettaljat (premessi 228, 229, 268, 289 u 296 tad-deċiżjoni kkontestata); fit-tielet lok, tali investitur, “kien jevalwa r-riskju li, mill-ewwel injezzjoni ta’ kapital, il-miżuri jistgħu jikkostitwixxu għajnuna Statali illegali u inkumpatibbli u għalhekk kien jistudja l-impatt li l-irkupru possibbli ta’ din l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-profitabbilità tal-investiment tiegħu” (premessa 232 tad-deċiżjoni kkontestata); fir-raba’ lok, tali investitur “ma kienx iwettaq l-injezzjonijiet ta’ kapital tal-2002 mingħajr pjan ta’ negozju ddettaljat biżżejjed, ibbażat fuq ipoteżijiet sodi, affidabbli, li jiddeskrivi preċiżament il-miżuri meħtieġa biex tiġi rrestawrata l-profitabilità tal-kumpanija, janalizza d-diversi xenarji possibbli, u juri li l-investiment jiġġenera reddittu sodisfaċenti għall-investitur (filwaqt li jitqies ir-riskju intrinsiku) f’termini ta’ dividendi, valur ogħla tal-ishma, jew vantaġġi oħra” (premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata); fil-ħames lok, tali investitur ma kienx ikun kuntent bi prospettiva ta’ rkupru ta’ vijabbiltà fi tmiem perijodu ta’ ristrutturazzjoni ta’ kważi għaxar snin mingħajr ma jkollu minn qabel “projezzjoni li turi li l-qligħ mistenni mill-istrateġija ta’ kopertura tat-telf fuq perjodu medju u twil – f’termini ta’ dividendi, żieda fil-valur tal-ishma, prevenzjoni ta’ dannu lill-immaġini, eċċ – tkun waħda li tiżboq il-kapital injettat biex ikun ikkumpensat telf ta’ din ix-xorta”, flok jipproċedi għaċ-“ċessjoni ta’ Sea Handling” jew li “jipprova jnaqqas il-perjodu ta’ ristrutturar bil-għan li terġa’ tinkiseb il-profittabilità fi żmien raġonevoli u biex jiġi mminimizzat it-telf” (premessi 290, 294 u 309 tad-deċiżjoni kkontestata), u fis-sitt lok, “[i]n-nuqqas ta’ kwalunkwe evalwazzjoni tad-dannu għall-immaġini ta’ SEA [marbuta mat-trasferiment tas-servizzi ta’ ground handling lil fornitur terz], jew tar-responsabbiltajiet tagħha, jew tal-prospetti ta’ redditu indirett fuq perjodu twil”, investitur informat kien jastjeni milli jinvesti somma kbira daqs dik li hija s-suġġett tal-ordni ta’ rkupru (premessi 292 u 293 tad-deċiżjoni kkontestata.

98      Ir-rikorrent isostni li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat huma infondati u li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li hija kellha fuqha f’dan ir-rigward. Ikun neċessarju li jerġgħu jiġu rrikostruwiti d-diversi fażijiet tal-aġir ta’ SEA sabiex tiġi evalwata n-natura ekonomikament razzjonali fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat hekk kif interpretat  mill-ġurisprudenza.

99      Skont ir-rikorrent, l-għażla ta’ SEA li tipproċedi biċ-ċessjoni tal-attivitajiet marbutin mas-servizzi ta’ ground handling billi tafdahom f’idejn kumpannija ġdida ikkontrollata kompletament minnha kellha l-għan, min-naħa, li tosserva l-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tibbenefika minn okkażjonijiet ta’ żvilupp offruti mil-liberalizzazzjoni tas-settur li saret neċessarja permezz tad-Direttiva 96/67. Madankollu, Sea Handling kien ikollha inizjalment taffronta sitwazzjoni ekonomika partikolarment delikata. Biex taffaċċja din is-sitwazzjoni, SEA jingħad li nidiet programm ta’ konsolidazzjoni tas-servizz tal-ground handling li huwa bbażat fuq tliet pilastri, jiġifieri, fl-ewwel lok, ir-riċerka għal sieħeb strateġiku, fit-tieni lok, it-tnaqqis progressiv tal-ispejjeż tal-persunal, fit-tielet lok, il-konsolidazzjoni ta’ dan is-settur mill-aspett strettament ekonomiku billi implementat il-pjan tal-impriża Sea Handling għall-perijodu bejn l-2003 sal‑2007. Permezz tal-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri, SEA sperat li l-attivitajiet ta’ ground handling jkunu jistgħu jerġgħu jsiru profittabbli fi tliet snin jew, l-iktar tard, qabel l-2007. Ir-riżultati miksuba matul is-snin 2003 u 2004 urew il-validità tal-azzjoni ta’ SEA.

100    Madankollu, skont ir-rikorrent, seħħew diversi ġrajjiet, indipendenti mir-rieda ta’ SEA, li naqqsu r-ritmu tat-twettiq tal-għan ta’ konsolidazzjoni. L-evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula matul il-perijodu inkwistjoni kienu jindikaw madankollu li l-istrateġija ta’ SEA kienet ekonomikament razzjonali peress li kienet tippermetti l-konsolidazzjoni ta’ Sea Handling. L-istudju ekonomiku tal-1 ta’ Ġunju 2011, intitolat “Sea Handling – Application du principe de l’investisseur en économie de marché” (iktar ’il quddiem l-“istudju ekonomiku invokat mir-rikorrent”), jikkonferma din l-evalwazzjoni.

101    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

102    Il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE ma humiex sodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dawk disponibbli għaliha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal ċirkustanzi normali tas-suq, evalwazzjoni li għall-impriżi pubbliċi ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju ta’ investitur privat fl-ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF et, C-124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78; tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C-73/11 P, EU:C:2013:32, punt 70, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, T-305/13, EU:T:2015:435, punt 91).

103    L-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-vantaġġ mogħti, taħt kwalunkwe forma, permezz ta’ riżorsi tal-Istat lil impriża pubblika huwiex, minħabba l-effetti tiegħu, tali li jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, u jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF et, C-124/10 P, EU:C:2012:318, punt 89; ara, wkoll, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, T-305/13, EU:T:2015:435, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod iktar preċiż, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq, ta’ daqs li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak ta’ korpi li jiġġestixxu s-settur pubbliku, kienx ser jipproċedi biex jagħmel il-kontribuzzjoni ta’ kapital inkwistjoni. B’mod partikolari, huwa rilevanti li wieħed isaqsi jekk investitur privat kienx iwettaq it-tranżazzjonijiet inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, EU:T:2003:57, punt 245 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat Membru jew l-entità pubblika kkonċernata adottawx jew le l-aġir ta’ investitur prudenti li jopera fl-ekonomija tas-suq, huwa neċessarju li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest tal-perijodu li fih il-miżuri inkwistjoni ttieħdu sabiex tiġi vvalutata r-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat Membru jew tal-entità pubblika, u għaldaqstant ma għandha tingħata l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni suċċessiva. Il-paragun bejn l-aġir tal-operaturi pubbliċi u privati għandha b’hekk tiġi stabbilita b’kont meħud tal-atitudni li kien ikollu f’ċirkustanzi simili, waqt l-adozzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni, operatur privat fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u l-evoluzzjonijiet prevedibbli f’dak il-mument, li huma rilevanti biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni retroattiva tal-profittabbiltà effettiva tat-tranżazzjoni mwettqa mill-Istat Membru jew mill-entità pubblika kkonċernata jew tal-ġustifikazzjonijiet sussegwenti għall-għażla tal-proċess effettivament adottat ma jistgħux ikunu suffiċjenti għal dan il-għan u huma irrilevanti. L-istess japplika, b’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ miżuri li ma jkunux ġew innotifikati lilha u li jkunu diġà ġew implementati mill-entità pubblika kkonċernata fil-mument li fih hija tagħmel l-eżami tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF et, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 85, 104 u 105; tat-30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C-486/15 P, EU:C:2016:912, punti 139 u 140, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, T-305/13, EU:T:2015:435, punti 93 u 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ppreċiżat, min-naħa, li meta l-Kummissjoni tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat humiex issodisfatti, din tista’ biss tirrifjuta li teżamina informazzjoni rilevanti ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat jekk il-provi ppreżentati ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jitwettaq l-investiment inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-informazzjoni dwar dawn il-ġrajjiet li kienu seħħew fil-perijodu preċedenti d-data tal-adozzjoni tal-miżura mill-Istat u li kienu disponibbli f’dik id-data setgħu ikunu rilevanti inkwantu dik l-informazzjoni setgħet tiċċara l-punt dwar jekk dik il-miżura tikkostitwixxix vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni, C-357/14 P, EU:C:2015:642, punti 103 sa 105, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, T-305/13, EU:T:2015:435, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Skont il-prinċipji marbuta mal-oneru tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill-Istat, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova ta’ tali għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija obbligata li tmexxi proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali, bil-għan li tikseb, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, fejn xieraq, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompluti u affidabbli possibbli. Fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġa, in-natura tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-Kummissjoni, tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq in-natura tal-miżura statali prevista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C-559/12 P, EU:C:2014:217, punti 63 u 66, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, T-305/13, EU:T:2015:435, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Barra minn hekk, l-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk miżuri partikolari jistgħux jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux imxew bl-istess mod bħal investitur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Issa, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma huwiex l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C-73/11 P, EU:C:2013:32, punti 74 u 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punti 48 u 49; tat-30 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza u Orange, C-486/15 P, EU:C:2016:912, punt 91, u tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C-300/16 P, EU:C:2017:706, punti 62 u 63), u hija għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2015, Franza vs Il-Kummissjoni, T-1/12, EU:T:2015:17, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T-103/14, EU:T:2016:152, punti 144 sa 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex titneħħa l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti kkunsidrati fid-deċiżjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2015, Il-Greċja u Ellinikos Chrysos vs Il-Kummissjoni, T-233/11 u T‑262/11, EU:T:2015:948, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C-73/11 P, EU:C:2013:32, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive, C-405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 50; tat-30 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza u Orange, C-486/15 P, EU:C:2016:912, punt 91, u tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C-300/16 P, EU:C:2017:706, punt 64).

110    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, meta jiġi applikat il-kriterju ta’ kreditur privat, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti tal-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx manifestament tikseb faċilitajiet paragunabbli minn kreditur privat. F’dan ir-rigward, min-naħa, għandha titqies li hija rilevanti kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku u li jipprova jikseb il-ħlas ta’ somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet sabiex iħallas. Min-naħa l-oħra, huma rilevanti biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli meta ttieħdet din d-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 59 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina l-informazzjoni jekk il-provi prodotti ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni biex isir l-investiment inkwistjoni u dawn ma jeżentawx lill-Istat Membru kkonċernat milli jagħmel evalwazzjoni minn qabel tal-profittabbiltà tal-investiment tiegħu, qabel ma jipproċedi għal dak l-investiment (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, C-472/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:885, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji ġurisprudenzjali, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tikkunsidra li investitur privat fis-sitwazzjoni ta’ SEA fl-2002 kienx jintrabat b’mod simili biex jiggarantixxi s-sopravvivenza ekonomika tas-sussidjarja tagħha SEA Handling u biex jippermetti li din terġa’ ssir profittabbli.

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li l-awtoritajiet Taljani ippruvaw, ċertament, li juri li huma osservaw il-kriterju tal-investitur privat billi ppreżentaw ripetutament u fit-tul l-istrateġija kumplessa ta’ ristrutturazzjoni tagħhom fuq medda ta’ żmien twil għal Sea Handling fi ħdan il-grupp SEA, sostnuta minn diversi pjanijiet ta’ żvilupp kummerċjali u ta’ ristrutturazzjoni, bl-istudju ekonomiku msemmi mir-rikorrent, kif ukoll b’investimenti li joffru, skonthom, prospettiva ta’ profittabbiltà fit-tul fis-sens tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il-Kummissjoni (C-303/88, EU:C:1991:136, punti 21 u 22). Għal dan il-għan, huma enfasizzaw in-neċessità li jippreżervaw l-immaġni tal-grupp SEA, b’mod partikolari billi jiżguraw il-kwalità tas-servizzi, il-bżonn li jimmassimizzaw ir-riżultat globali tiegħu, il-probabbiltà li jkollhom profitt indirett kbir mill-kollokament tas-settur tas-servizzi tal-ground handling u li jassenjawh taħt l-aħjar kundizzjonijiet ekonomiċi.

113    Min-naħa l-oħra, l-istess bħall-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Taljani naqsu manifestament milli jippreżentaw, matul il-proċedura amministrattiva, min-naħa, il-previżjonijiet jew stimi f’ammonti ta’ bżonn ta’ kapital ta’ Sea Handling, mill-aspett ta’ investitur li jkun jinsab fis-sitwazzjoni tal‑2002, tal-inqas għall-ewwel perijodu ta’ ħames snin, kif ukoll tal-benefiċċji potenzjali li tali investitur seta’ raġonevolment jistenna fis-sens ta’ “ritorn fuq l-investiment” li jkunu jistgħu jitqabblu mal-piżijiet maħluqa bil-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, huma baqgħu ma wrewx l-assenza ta’ razzjonalità ekonomika tal-eventwali soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni, bħalma huma l-likwidazzjoni jew l-esternalizzazzjoni (parzjali jew kompluta) tas-settur tal-ground handling, li huma ma evalwawx b’mod suffiċjenti, b’ċifri u kalkoli konkreti insostenn, la l-ispejjeż u lanqas il-vantaġġi potenzjali. Minn dan isegwi neċessarjament li l-awtoritajiet Taljani, SEA u Sea Handling rrinunzjaw ukoll milli jagħmlu u jippreżentaw lill-Kummissjoni paragun tal-proporzjonijiet “spejjeż-benefiċċji” taħt kull xenarju alternattiv differenti ta’ aġir tal-investitur privat.

114    Għaldaqstant, fl-ewwel lok, l-istudju ekonomiku invokat mir-rikorrent filwaqt li huwa bbażat fuq il-pjan ta’ negozju għall-perijodu bejn l-2003 u 2007 (jiġifieri l-“pjan ta’ negozju 2003–2007”), huwa limitat biex isemmi fil-qosor l-eventwali xenarji alternattivi, fosthom il-likwidazzjoni ta’ Sea Handling, u biex jafferma li tali approċċ kien jiġġenera “spejjeż ta’ natura konsiderevoli” mingħand ma jipprova jikkwantifikahom u jipparagunahom mal-ispejjeż ikkaġunati mill-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni inkwistjoni, minkejja l-fatt li fih hemm enfasi li investitur privat informat kien jagħmel tali paragun. Dawn l-affermazzjonijiet xotti u kontradittorji fl-istudju ekonomiku msemmi mir-rikorrent jixhdu l-assenza ta’ eżami minn SEA u mill-awtoritajiet Taljani, fl-2002, ta’ kwalunkwe għażla oħra li hija ekonomikament razzjonali differenti minn rikapitalizzazzjoni inkundizzjonata ta’ Sea Handling fi ħdan il-grupp SEA, kif intgħażlet minn SEA, l-ewwel, għal perijodu ta’ ħames snin, li mbagħad, tkompliet anki wara l-2007. Iktar minn hekk, kif ġustament ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-istudju huwa l-unika analiżi vera ta’ “espert ekonomiku” terz li ntalbet mill-awtoritajiet Taljani, iżda li saret wara l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Issa, id-data li fiha jeħtieġ li tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika ta’ miżura fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat hija dik tal-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF et, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 85, 104 u 105; tat-30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C-486/15 P, EU:C:2016:912, punti 139 u 140, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, T-305/13, EU:T:2015:435, punti 93 u 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istudju ekonomiku invokat mir-rikorrent ma jistax għaldaqstant jagħtihom ġustifikazzjoni “retroattiva” abbażi tat-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika ta’ Sea Handling ikkonstatata fl-2011. Fil-fatt, l-awtoritajiet Taljani, inkluż ir-rikorrent, ma kkontestawx la waqt il-proċedura amministrattiva (premessa 308 in fine tad-deċiżjoni kkontestata), la matul il-proċeduri li, fl-2002 jew, tal-inqas, qabel l-allegata data mmirata tal-2007, huma pproċedew b’awditjar tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Sea Handling (premessi 268 u 289 tad-deċiżjoni kkontestata) jew talbu li ssir analiżi ekonomika simili, did-darba prospettiva, biex jivverifikaw ir-razzjonalità ekonomika tal-aġir tagħhom.

115    Fit-tieni lok, din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-pjanijiet ta’ żvilupp kummerċjali u ta’ ristrutturazzjoni ta’ SEA u ta’ Sea Handling, jiġifieri l-“pjan ta’ negozju kkonsolidat 2002-2006” (Business Plan Consolidato 2002-2006), il-“pjan ta’ negozju 2003-2007”, il-“pjan ta’ negozju 2007-2012”, il-“pjan ta’ negozju 2009-2016” u l-“pjan ta’ negozju 2011-2013” (premessi 269 sa 296 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif irrilevat il-Kummissjoni, essenzjalment, fil-premessi 226, 229 u 290 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma kienet ikkontestata f’dan ir-rigward mir-rikorrent, dawn id-diversi pjanijiet ma jsemmux l-istrateġija ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ SEA, minkejja li din kienet tkun indispensabbli biex tirnexxi r-ristrutturazzjoni pprospettata ta’ Sea Handling billi tiżgura provviżorjament is-sopravvivenza ekonomika tagħha, imma jiffokaw fuq l-aspett biss tar-ristrutturazzjoni intiża li hija terġa’ ssir profittabbli. Kif ingħad fil-qosor fil-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, bil-fatt li naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni inkwistjoni, dawn il-pjanijiet lanqas kienu jipprevedu stima jew projezzjoni fiż-żmien medju jew twil tal-ispejjeż totali tagħhom (li laħqu finalment l-ammont totali ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ madwar EUR 360 miljun) u tal-qliegħ eventwali, jekk ikun il-każ f’termini ta’ dividendi, ta’ żamma jew ta’ żieda fil-valur tal-parteċipazzjoni, ta’ danni evitati fil-qasam tat-trademarks.

116    Bl-istess mod, jirriżulta mill-premessi 292 u 293 tad-deċiżjoni kkontestata li l-awtoritajiet Taljani u SEA naqsu milli jikkwantifikaw l-allegat preġudizzju marbut mat-telf tal-immaġni li SEA kienet tista’ ssofri f’każ ta’ trasferiment tas-servizzi ta’ ground handling lil fornitur terz li ma jiggarantixxix l-istess livell ta’ kwalità, minkejja li SEA “rrikonoxxiet li tali telf seta’ faċilment jiġi kkonfermat minn studju tas-suq”. Fil-fatt, huma llimitaw ruħhom biex jippreżentaw kalkolu tal-ispejjeż tal-esternalizzazzjoni, li l-Kummissjoni kkontestatilhom il-fondatezza tagħhom fil-premessi 257 sa 259 tad-deċiżjoni kkontestata.

117    Fit-tielet lok, fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-ammonti meħtieġa bħala kontribuzzjonijiet ta’ kapital mill-aspett tal-investitur privat informat li jkun jinsab fis-sitwazzjoni tal-2002, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pprovdiex iktar preċiżazzjonijiet waqt il-proċeduri. Fil-fatt, barra mid-deċiżjoni ta’ rikapitalizzazzjoni meħuda fil-forma tal-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002, ma teżisti ebda informazzjoni, lanqas stima prospettiva, li tirrigwarda l-ammonti li, f’dak l-istadju, SEA u l-awtoritajiet Taljani kienu kkontemplaw, jekk ikun il-każ, li jinvesti f’Sea Handling matul l-ewwel perijodu ta’ ħames snin. L-istudju ekonomiku imsemmi mir-rikorrent jikkonferma pjuttost li, fl-2002, tali projezzjoni ma kinitx saret sal-2005, jiġifieri fid-data tar-ritorn għas-sitwazzjoni ta’ profittabbiltà ikkontemplata inizjalment fil-“pjan ta’ negozju 2003-2007”. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jillimita ruħu biex iressaq kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali marbutin mal-istrateġija globali ta’ ristrutturazzjoni u mal-allegata neċessità li Sea Handling tiġi kkonsolidata fi ħdan il-grupp SEA sabiex hija tkun tista’ tirritorna għall-profittabbiltà. Issa, in-neċessità li jkun previst pjan preċiż bi stima realista tar-ritorn fuq l-investiment tar-rikapitalizzazzjonijiet suċċessivi hija meħtieġa iktar u iktar minħabba n-natura pluriennali tal-impenji previsti mill-ftehim sindakali tas-26 ta’ Marzu 2002. Għaldaqstant il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li d-deċiżjoni ta’ rikapitalizzazzjoni tal-2002 kienet ittieħdet b’mod inkundizzjonat u indipendenti minn previżjonijiet konkreti tal-bżonn eventwali ta’ kapital minn Sea Handling matul il-perijodu inkwistjoni u kienet tikkunsidra biss it-telf u l-bżonn annwali li dawn jiġu koperti fil-futur, indipendentement mill-volum tagħhom kif ukoll il-mod, id-dewmien u l-għan preċiż tar-ristrutturazzjoni ta’ Sea Handling. Barra minn hekk, anki wara l-waqfa li seħħet fl-2006/2007, li seħħet minħabba d-“de-hubbing” tal-Alitalia, SEA u Sea Handling naqsu milli jispeċifikaw jekk, u sa fejn, il-kontinwazzjoni tal-istrateġija ta’ rikapitalizzazzjoni kinitx effettivament tali li tippermetti li tinbiegħ Sea Handling, f’mument partikolari, bl-aħjar kundizzjonijiet, li tiġi ssalvagwardjata l-immaġni tal-grupp SEA kollu kemm hu jew li jiġu offruti, tal-inqas matul perijodu tranżitorju, l-aħjar garanziji f’termini ta’ fornitura ta’ dawn is-servizzi minħabba ż-żamma tal-integrazzjoni vertikali.

118    Fir-raba’ lok, ir-rikorrent afferma li, barra mill-aspett tal-interventi kbar ta’ ristrutturazzjoni, il-pjanijiet ta’ żvilupp kummerċjali u ta’ ristrutturazzjoni inkwistjoni kienu jirrigwardaw ukoll l-aspett ta’ rikapitalizzazzjoni. Għaldaqstant, huwa sostna biss, essenzjalment, li l-aspett ta’ ristrutturazzjoni kien suġġett, matul is-snin u skont tibdil kbir fiċ-ċirkustanzi, għal modifiki sostanzjali allegatament mhux prevedibbli, mingħajr għal daqshekk ma ressaq argument simili għal dak kienu l-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni, li l-portata tagħhom kienet tiddependi neċessarjament mill-volum tat-telf annwali mġarrab minn Sea Handling.

119    Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrent li jirrigwarda l-aspett ta’ ristrutturazzjoni biss kif ukoll l-allegati żbalji u ommissjonijiet li l-Kummissjoni jingħad li wettqet f’dan il-kuntest ma jistax juri l-eżistenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterju tal-investitur privat fir-rigward tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni inkwistjoni li kienet tistrieħ fuq deċiżjoni ta’ prinċipju meħuda fl-2002, u lanqas jikkontesta l-fondatezza tat-teżi tal-Kummissjoni fejn tgħid li SEA kienet setgħet tadotta u timplementa pjan ta’ ristrutturazzjoni iktar rigoruż jew iqsar biex tillimita t-telf ta’ Sea Handling għal livell minimu (premessi 247, 290, 294 u 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tasal għall-konstatazzjonijiet imfakkra fil-punt 97 iktar ’il fuq.

121    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrent ma jippermetti li din il-konklużjoni tinbidel.

122    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-assenza ta’ soluzzjonijiet oħra, inkluż iċ-ċessjoni tal-fergħa ta’ servizzi ta’ ground handling, jirriżulta mill-premessi 248 sa 255 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ċaħdet l-oġġezzjonijiet ta’ SEA bħala li kienu essenzjalment mhux issostanzjati, mhux kredibbli, u parzjalment, ineffettivi. Min-naħa, hija ċaħdet għaldaqstant l-affermazzjoni li l-operaturi esterni jkunu interessati biss għal ċerti servizzi l-iktar profittabbli, ħaġa li, barra mill-fatt li żewġ proċeduri ta’ bejgħ parzjali kienu fallew, ma hija kkorroborata minn “xi evidenza speċifika, filwaqt li għadd ta’ operaturi [kienu] awtorizzati li joffru s-servizzi tagħhom fl-Italja u b’mod partikolari fl-ajruporti ta’ Malpensa u Linate” (premessi 248 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, rigward il-kapaċità ta’ operaturi esterni, il-Kummissjoni kkontestat in-natura effettiva u kredibbli, b’mod partikolari tad-“dikjarazzjonijiet pjuttost vagi ta’ SEA dwar il-qagħda ekonomika allegatament negattiva ta’ fornituri oħra attivi fl-ajruporti ta’ Milan jew [dwar] il-livell tar-riżorsi li attwalment jużaw f’dawk l-ajruporti” u ta’ “l-istqarrija li l-ebda l-operatur m’għandu r-riżorsi meħtieġa”, minkejja li, “[s]kont SEA, 84 fornitur [kienu] awtorizzati joperaw f’Linate u Malpensa”. Hija rrilevat, barra minn hekk, l-assenza ta’ prova konkreta “li operatur estern ma kienx ikun kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità meqjusa bħala essenzjali biex il-mudell kummerċjali ta’ SEA ikun jista’ jiffunzjona kif suppost” (premessi 251, 252 u 254 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkritikat lil SEA li ma wrietx li “kien ċertament prattiku li parti mill-attivitajiet tiġi esternalizzata, aktar milli kollha kemm huma” (premessa 253 u 254 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    F’din l-analiżi dettaljata, ir-rikorrent jirribatti b’affermazzjonijiet vagi u mhux issostanzjati. Fil-fatt, huwa jillimita ruħu biex jafferma, b’mod mhux ikkorroborat, li ma kinux jeżistu operaturi kapaċi li joffru s-servizzi ta’ ground handling kollha u li s-servizzi li l-operaturi ta’ ground handling preżenti fl-ajruporti ta’ Milan kienu kapaċi li joffru kienu ta’ affidabbiltà u kwalità baxxa. Għaldaqstant, huwa jillimita ruħu biex jirrepeti l-argumenti diġà mressqa matul il-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni kellha dritt tiċħad fid-deċiżjoni kkontestata.

124    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura inapproprjata tal-esternalizzazzjoni tas-servizzi pprovduti minn Sea Handling, jirriżulta mis-sunt tal-argumenti tal-awtoritajiet Taljani riprodotti fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata dan li ġej:

“Apparti l-probabbilità ta’ profitt materjal indirett li toħoroġ mill-kopertura tat-telf ta’ SEA Handling, kien hemm konsiderazzjonijiet oħra li kellhom jitqiesu, inkluż: a) il-possibbiltà li jinkisbu vantaġġi ekonomiċi indiretti minn relazzjonijiet kummercjali mas-sussidjarja; b) id-diffikultajiet tal-esternalizzazzjoni fil-kuntest nazzjonali ta’ referenza, minħabba l-obbligi ekonomiċi meħuda u l-impenji magħmula lill-awtoritajiet pubbliċi; ċ) il-protezzjoni tal-immaġni tal-grupp; u d) it-twettiq ta’ obbligi lejn l-Istat li jirriżultaw mill-ftehim u mil-liġi”.

125    Bl-istess mod, matul il-proċedura amministrattiva, SEA affermat, skont is-sunt espost fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata li “l-effett kollaterali tal-attivitajiet ta’ ground handling wassal għal żieda fil-kosti tagħha, minħabba l-obbligu li kellha fir-rigward tal-ġestjoni ta’ emerġenzi u ta’ avvenimenti mhux mistennja” u qieset “[b]ħala eżempju, […] l-iffrankar li għamlet bis-saħħa tal-ekonomiji ta’ skala li jirriżultaw mill-abbiltà tagħha li tuża’ l-kost marġinali tal-persunal ta’ SEA Handling għat-tkomplija tas-servizz, minflok ma jinġarr il-kost tal-istabbiliment u l-manteniment ta’ grupp speċjalizzat, ammonta għal EUR 10,7 miljun fl-2003 u EUR 8,7 miljun fl-2010”.

126    Jirriżulta mill-premessi 256 sa 260 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkontestat il-fondatezza tal-kalkoli tal-ispejjeż għall-esternalizzazzjoni ppreżentati minn SEA, minħabba li dawn kienu bbażati fuq fattur multiplikatur “arbitrarju” u fuq kalkolu ta’ unitajiet ta’ persunal f’ekwivalenti full-time (FTE) “mhux realistiku”. F’dan il-kuntest, hija rrilevat l-assenza ta’ stima iktar realista bbażata fuq kalkolu tal-ispejjeż effettivi li Sea Handling kienet normalment tiffattura lil SEA għas-servizzi tagħha u tan-numru ta’ FTE effettivament użat matul sena. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika lil SEA li ma pparagunatx l-allegati spejjeż ta’ esternalizzazzjoni ma’ dawk tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni inkwistjoni (kopertura tat-telf), “li setgħu ġew evitati bl-esternalizzazzjoni ta’ xi attivitajiet ta’ ground handling, jew kollha kemm huma, lil operatur aktar kompetittiv”.

127    Fl-iskritturi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent illimita ruħu, essenzjalment, biex ifakkar l-argumenti diġà mressqa mill-awtoritajiet Taljani matul il-proċedura amministrattiva, kif imfakkra fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 124 iktar ’il fuq), mingħajr ma ressaq argumenti preċiżi li jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet Taljani, SEA jew Sea Handling qatt ma ppreċiżaw liema kienu jkunu l-ispejjeż u d-dħul ipotetiċi ta’ esternalizzazzjoni u, għaldaqstant, tal-fornitura tas-servizzi ta’ ground handling minn operatur terz, u lanqas ippreżentaw paragun ta’ tali bilanċ spejjeż-benefiċċji mal-ispejjeż u dħul marbutin kemm mal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni inkwistjoni kif ukoll maż-żamma tas-soluzzjoni ta’ integrazzjoni vertikali ta’ Sea Handling fi ħdan il-grupp SEA.

128    Barra minn hekk, kif ġie ppreċiżat fil-premessa 293 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrent bħala tali, l-awtoritajiet Taljani u SEA naqsu milli jippreċiżaw waqt il-proċedura amministrattiva, ċifri konkreti insostenn, il-portata tal-allegat telf ta’ immaġni għad-detriment tal-grupp SEA f’każ ta’ esternalizzazzjoni tas-servizzi ta’ ground handling li l-livell ta’ kwalità meħtieġa tiegħu ma huwiex iggarantit jew ikkontrollat minn SEA (premessa 292 tad-deċiżjoni kkontestata; ara l-punt 116 iktar ’il fuq).

129    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-effetti tal-għażla ta’ impriża ta’ SEA jistgħu jiġu evalwati biss fit-tul, b’mod li SEA ma setgħetx tirrinunzja għall-għażla tagħha mingħajr ma stenniet iż-żmien meħtieġ biex tevalwa r-riżultat tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-punt rilevanti fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat ma huwiex dak dwar jekk SEA kellhiex tirrinunzja għal ċerti għażliet mingħajr ma tkun taf l-effett tagħhom fit-tul, imma jekk hija pproċedietx fuq stimi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji fil-mument tad-deċiżjoni tagħha dwar iż-żieda fil-kapital favur is-sussidjarja tagħha Sea Handling, ħaġa li manifestament ma kinitx il-każ hawnhekk (ara l-punti 112 sa 116 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, ir-riżultati li ġabet Sea Handling, pożittivi kemm jistgħu jkunu b’effett mill-2008, li jiġu wara d-deċiżjoni dwar l-investiment tal-2002, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-osservanza tal-kriterju tal-investitur privat (ara l-punti 104 u 110 iktar ’il fuq), u lanqas itaffu l-assenza ta’ evalwazzjoni ex ante tal-ispejjeż u benefiċċji tal-istrateġija magħżula minn SEA.

130    Fir-raba’ lok, il-fatt li l-istrateġija ta’ konsolidazzjoni ta’ Sea Handling ma ppreġudikatx l-istabbiltà finanzjarja ta’ SEA u li din tal-aħħar qassmet xi dividendi ma huwiex biżżejjed biex juri li ż-żidiet fil-kapital li saru kienu konformi ma’ dik tal-investitur privat u huwa, għaldaqstant, ineffettiv.

131    Fil-ħames u l-aħħar lok, l-istudju ekonomiku invokat mir-rikorrent ma jurix li ż-żidiet fil-kapital kienu josservaw il-kriterju tal-investitur privat. Kif tfakkar fil-punt 114 iktar ’il fuq, dan l-istudju huwa limitat biex isemmi fil-qosor l-eventwali xenarji alternattivi, fosthom il-likwidazzjoni ta’ Sea Handling, u biex isostni li tali approċċ kien jiġġenera “spejjeż ta’ ħruġ konsiderevoli” mingħajr lanqas biss jittenta jikkwantifikahom u jipparagunahom mal-ispejjeż li jġibu magħhom il-miżuri inkwistjoni, minkejja l-fatt li fih jinsab enfasizzat li investitur privat informat kien jagħmel tali paragun.

132    Għaldaqstant, ir-rikorrent ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet l-argument li skontu l-kriterju tal-investitur privat kien ġie osservat f’dan il-każ. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

IV.    Fuq l-ispejjeż

212    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef il-kawża, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Comune di Milano huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Van der Woude

Kreuschitz

Forrester

Półtorak

 

      Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1      Hawnhekk jinsabu riprodotti biss il-punt ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali deherilha li l-pubblikazzjoni tagħhom tkun utli.