Language of document : ECLI:EU:T:2013:260

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Mejju 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-manek marittimi — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva — Kunċett ta’ ksur kontinwu jew ripetut — Preskrizzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Aspettattivi leġittimi — Multi — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T‑154/09,

Manuli Rubber Industries SpA (MRI), stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn L. Radicati di Brozolo, M. Pappalardo u E. Marasà, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, S. Noë u L. Prete, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 428 finali, tat‑28 ta’ Jannar 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.406 – Manek marittimi), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna r-rikorrenti, u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis sostanzjali tal-multa li ġiet imposta fuqha f’din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, M. Prek u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Settur tal-manek marittimi għaż-żejt u għall-gas

1        Il-manek marittimi jintużaw sabiex żejt mhux raffinat ħelu jew ipproċessat u prodotti oħra taż-żejt minn faċilitajiet offshore (pereżempju, l-bagi – normalment ankrati ’l barra mix-xtut, li jservu bħala punt ta’ ttrakkar għat-tankers taż-żejt – jew il-pjattaformi ta’ estrazzjoni, ta’ ħażna jew tal-ħatt tal-produzzjoni li jżommu fil-wiċċ – li huma sistemi ta’ ċisterni li jżommu fil-wiċċ tal-ilma li jintużaw għall-estrazzjoni taż-żejt jew tal-gass minn pjattaforma viċina, għall-ipproċessar u għall-ħażna sakemm dan jiġi ttrasferit lejn tanker) jitgħabba fuq bastimenti-ċisterni u, sussegwentement, sabiex dawn il-prodotti jiġu ttrasferiti minn dawn il-bastimenti lejn faċilitajiet offshore (pereżempju bagi) jew fuq l-art.

2        Il-manek marittimi jintużaw offshore – jiġifieri fil-baħar jew viċin il-baħar – filwaqt li l-manek industrijali jew tal-art jintużaw fuq l-art.

3        Kull installazzjoni ta’ manek marittimi tinvolvi, skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-klijenti, ċertu numru ta’ manek standard, ta’ manek speċifiċi li jinkludu ġonot maż-żewġ estremitajiet u dispożittivi addizzjonali, bħal valvoli, gear terminali jew ulterjorment tagħmir li jżomm fil-wiċċ tal-ilma. F’dan il-każ, l-espressjoni “manek marittimi” tinkludi dawn id-dispożittivi addizzjonali.

4        Il-manek marittimi jintużaw minn kumpanniji taż-żejt, mill-manifatturi ta’ bagi, mit-terminals tal-portijiet, mill-industrija taż-żejt u mill-gvernijiet, u jinxtraw jew għal proġetti ġodda jew għal finijiet ta’ sostituzzjoni.

5        Fir-rigward ta’ proġetti ġodda, it-terminals tat-tankers jew l-utenti finali l-oħra ġeneralment jikkuntrattaw kumpannija tal-inġenjerija (imsejħa wkoll “kostruttur ta’ materjal”, “kostruttur OEM” jew “manifattur oriġinali ta’ tagħmir”) sabiex tikkostruwixxi jew tinstalla faċilitajiet ġodda ta’ distribuzzjoni taż-żejt, bħas-sistemi ta’ ttrakkar f’punt wieħed jew il-pjattaformi ta’ estrazzjoni, ta’ ħażna u ta’ ħatt tal-produzzjoni li jżommu fil-wiċċ tal-ilma. Għal tali proġetti, il-manifattur oriġinali ta’ tagħmir jixtri faċilità kompleta ta’ manek marittimi mingħand produttur.

6        Meta dawn il-manek marittimi jkunu ġew installati, il-partijiet individwali għandhom jiġu ssostitwiti f’perijodu inkluż bejn sena u seba’ snin. Ix-xiri ta’ manek marittimi għal finijiet ta’ sostituzzjoni (magħrufa wkoll taħt l-isem “settur tal-partijiet separati”) ta’ spiss isir direttament mill-utenti finali. Madankollu, f’ċerti każijiet, dawn jissubappaltaw u jiċċentralizzaw ix-xiri tagħhom lil sussidjarji jew impriżi esterni. Globalment, il-bejgħ għal finijiet ta’ sostituzzjoni jirrappreżenta sehem ikbar mis-suq tal-manek marittimi milli l-bejgħ ta’ prodotti ġodda.

7        Id-domanda għal manek marittimi tiddependi fil-parti l-kbira mill-iżvilupp tas-settur taż-żejt u, b’mod partikolari, mill-operat fl-isfruttament taż-żejt fiż-żoni ’l bogħod mill-post ta’ konsum. Id-domanda kibret matul iż-żmien. Hija ċiklika u, sa ċertu punt, marbuta mal-iżvilupp tal-prezzijiet taż-żejt. Hija bdiet tkun importanti fi tmiem is-snin 60 u żdiedet fil-bidu tas-snin 70, b’mod partikolari minn reġjuni produtturi ta’ żejt fil-golf Persiku, fil-baħar ta’ Fuq u fl-Afrika ta’ Fuq. Matul is-snin 80, id-domanda minn impriżi taż-żejt nazzjonali li kienu qed jiżviluppaw mill-Amerika t’Isfel żdiedet. Fi tmiem is-snin 90, id-domanda ttrasferixxiet ruħha lejn l-Afrika tal-Punent.

8        Il-manek marittimi huma ffabbrikati minn impriżi magħrufa għall-manifattura ta’ tajers u ta’ prodotti mill-gomma jew minn waħda mill-prodotti derivati tagħhom. Huma jiġu prodotti fuq id-domanda, skont il-bżonnijiet tal-klijenti. Peress li d-domanda għal manek marittimi hija mifruxa sew mill-perspettiva ġeografika, il-parti l-kbira tal-produtturi ta’ manek marittimi jikkuntrattaw numru kunsiderevoli ta’ aġenti li, fir-rigward ta’ swieq speċifiċi, jipprovdu servizzi ta’ marketing ġenerali u jipproponu l-prodotti tagħhom fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti li huma ppubblikati.

9        Il-manek marittimi huma kkummerċjalizzati fid-dinja kollha u l-produtturi prinċipali huma attivi fuq livell internazzjonali. Ir-rekwiżiti leġiżlattivi applikabbli għall-manek marittimi ma humiex fundamentalment differenti minn pajjiż għal ieħor u għalkemm ir-rekwiżiti tekniċi huma differenti skont l-ambjent u l-kundizzjonijiet ta’ użu, madankollu dan ma huwiex ipperċepit bħala ostaklu għall-bejgħ ta’ manek marittimi fid-dinja kollha.

10      Fl-aħħar nett, matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipanti fl-akkordju biegħu manek marittimi prodotti fil-Ġappun, fir-Renju Unit, fl-Italja u fi Franza lil utenti finali kif ukoll lil manifatturi oriġinali ta’ tagħmir stabbiliti f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Għalkemm il-parti l-kbira tas-sistemi ta’ manek marittimi għandhom raġunijiet mhux Ewropej bħala destinazzjoni finali, min-naħa l-oħra wħud mill-manifatturi oriġinali ta’ tagħmir prinċipali fid-dinja jinsabu fid-diversi pajjiżi tal-Unjoni u taż-ŻEE.

B –  Preżentazzjoni tar-rikorrenti

11      Ir-rikorrenti, Manuli Rubber Industries SpA (MRI), hija kumpannija attiva fil-konċepiment, fil-manifattura u d-distribuzzjoni, fid-dinja kollha, ta’ magni u ta’ sistemi u komponenti magħmula mill-gomma/metall għat-trasport ta’ fluwidi għal applikazzjonijiet marittimi/tal-industrija taż-żejt u ta’ sistemi idrawliċi bi pressjoni għolja.

12      Ir-rikorrenti hija l-kumpannija holding tal-grupp Manuli. Is-sede tagħha tinsab f’Milano (l-Italja).

13      Fit‑2 ta’ Diċembru 1984, Manuli kkostitwixxiet Uniroyal Manuli (USA) Inc. li kienet stabbilita f’Delaware (l-Istati Uniti) u kienet kollha kemm hi proprjetà ta’ MRI. Din il-kumpannija sussegwentement ingħatat l-isem ta’ Uniroyal Manuli Rubber (USA) Inc. fl-1986, Manuli Rubber Industries (USA) Inc. fl-1990, u sussegwentement Manuli Oil & Marine (USA) Inc. (iktar ’il quddiem “MOM”) fl-1997. Il-kumpannija ġiet stralċata fil-31 ta’ Diċembru 2006.

14      Sa mill-kostituzzjoni ta’ MOM, il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-manek marittimi ta’ MRI fuq livell internazzjonali ġie amministrat minn MOM.

15      [kunfidenzjali] (1).

16      [kunfidenzjali].

17      [kunfidenzjali].

18      F’Jannar 2006, is-settur tal-manek marittimi tqiegħed taħt l-awtorità tal-grupp ta’ impriżi Ingénierie u MOM kienet taqa’ taħt il-kap tiegħu.

19      Fl‑1 ta’ Janna 2007, wara l-istralċ ta’ MOM, l-attività operattiva tal-manek marittimi waqgħet taħt ir-responsabbiltà MRI.

C –  Il-proċedura amministrattiva

20      Meta ngħata bidu għal investigazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Ġappun u tar-Renju Unit għal fatti simili [kunfidenzjali], billi kienet invokat il-pjan ta’ klemenza previst mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jikkonċernaw akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”), ippreżentat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fl‑20 ta’ Diċembru 2006, talba għal immunità billi allegat l-eżistenza ta’ akkordju fis-suq tal-manek marittimi.

21      Għalhekk il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u, fit‑2 ta’ Mejju 2007, wettqet sensiela ta’ spezzjonijiet għand Parker ITR, għand produtturi oħra kkonċernati kif ukoll għand [kunfidenzjali] u għand W.

22      MRI, Parker ITR u Bridgestone rispettivament bagħtu talba għal klemenza lill-Kummissjoni fl‑4 ta’ Mejju, fis‑17 ta’ Lulju u fis‑7 ta’ Diċembru 2007.

23      Fit‑28 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija nnotifikat lid-diversi kumpanniji kkonċernati bejn id‑29 ta’ April u l‑1 ta’ Mejju 2008.

24      Il-kumpanniji kollha kkonċernati rrispondew għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-termini mogħtija u talbu, bl-eċċezzjoni ta’ [kunfidenzjali]/DOM, ta’ ContiTech AG u ta’ Continental AG, sabiex jinstemgħu fi smigħ li ġie organizzat fit‑23 ta’ Lulju 2008.

D –  Id-deċiżjoni kkontestata

25      Fit-28 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 428 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/39406 – Manek marittimi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Essenzjalment, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li:

–        hija kienet indirizzata lil ħdax-il kumpannija fosthom ir-rikorrenti;

–        il-kumpanniji msemmija mid-deċiżjoni kkontestata pparteċipaw, skont metodi xi kultant differenti, fi ksur uniku u kumpless, li kellu bħala għan:

–        l-għoti ta’ sejħa għal offerti;

–        l-iffissar tal-prezzijiet;

–        l-iffissar ta’ kwoti;

–        l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ;

–        it-tqassim ta’ swieq ġeografiċi;

–        l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ u s-sejħiet għal offerti;

–        l-akkordju ġie fis-seħħ definittivament fl‑1 ta’ April 1986 (għalkemm jidher li jmur lura għall-bidu tas-snin 70) u ntemm fit‑2 ta’ Mejju 2007;

–        mit-13 ta’ Mejju 1997 sal‑11 ta’ Ġunju 1999, għal ċerti kumpanniji, sal‑21 ta’ Ġunju 1999, għal kumpanniji oħra, u sad‑9 ta’ Mejju 2000 fir-rigward ta’ MRI, l-akkordju kellu attività limitata u kien hemm problemi bejn il-membri tiegħu; madankollu, skont il-Kummissjoni dan ma tax lok għal interruzzjoni ġenwina tal-ksur; fil-fatt, l-istruttura organizzata tal-akkordju ġiet stabbilita mill-ġdid kompletament minn Ġunju 1999 skont l-istess metodu u bl-istess parteċipanti, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, li reġgħet bdiet tipparteċipa mill-ġdid kompletament fl-akkordju fid‑9 ta’ Ġunju 2000; konsegwentement hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-produtturi wettqu ksur uniku u kontinwu mill‑1 ta’ April 1986 sat‑2 ta’ Mejju 2007, jew, mill-inqas, kieku minkejja kollox kellu jiġi kkunsidrat li kien hemm interruzzjoni, ksur uniku u ripetut; il-perijodu mit‑13 ta’ Mejju 1997 sa, għal li jikkonċerna r-rikorrenti, id‑9 ta’ Ġunju 2000, madankollu ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa, fid-dawl tan-numru limitat ta’ provi tal-ksur għal dan il-perijodu;

–        il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ġiet ikkunsidrata għall-perijodi mill‑1 ta’ April 1986 sal‑1 ta’ Awwissu 1992 u mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑2 ta’ Mejju 2007;

–        b’applikazzjoni tal-kriterji previsti mil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta lil kull waħda mill-kumpanniji ġiet iddeterminata kif ġej:

–        il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-medja tal-bejgħ annwali fl-Unjoni ta’ kull waħda mill-kumpanniji matul il-perijodu 2004‑2006, bl-eċċezzjoni ta’ Yokohama Rubber, li fir-rigward tagħha hija kkunsidrat il-perijodu 2003‑2005; f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat il-bejgħ iffatturat lix-xerrejja stabbiliti fiż-ŻEE;

–        hija ddeterminat il-bejgħ rilevanti ta’ kull waħda minn fosthom billi applikat is-sehem tagħhom fis-suq globali għall-bejgħ aggregat ġewwa ż-ŻEE, skont il-punt 18 tal-Linji Gwida;

–        hija stabbilixxiet 25 % ta’ dan l-aħħar valur (minflok il-massimu ta’ 30 % previst mil-Linji Gwida) b’kunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur;

–        hija mmoltiplikat dan il-valur miksub man-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni ta’ kull kumpannija fil-ksur;

–        skont il-punt 25 tal-linji gwida, finalment hija stabbilixxiet ammont addizzjonali ta’ 25 % tal-bejgħ rilevanti għal finijiet dissważivi;

–        sussegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet ċirkustanzi aggravanti kontra Parker ITR u Bridgestone u ċaħdet iċ-ċirkustanzi attenwanti kollha għall-kumpanniji l-oħra;

–        fl-aħħar nett, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni naqset il-multa ta’ [kunfidenzjali] (100 %) u ta’ MRI (30 %), iżda ċaħdet it-talbiet għal tnaqqis magħmula minn Bridgestone u Parker ITR.

26      [kunfidenzjali].

27      Ma ġiet stabbilita ebda ċirkustanza attenwanti favur MRI.

28      Madankollu, hija ngħatat tnaqqis tal-multa ta’ 30 % skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, fejn b’hekk l-ammont tal-multa imposta fuqha niżel għal EUR 4 900 000.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ April 2009, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

30      Peress li membru tal-Ewwel Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il‑President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla.

31      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti u għamlitilhom diversi mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw rwieħhom ma’ din it-talba.

32      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ April 2012, ir-rikorrenti ppreżentat talba sabiex is-seduta tinstema’ in camera.

33      Fis-seduta tas-26 ta’ April 2012, instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

34      F’din l-okkażjoni r-rikorrenti rtirat it-talba tagħha sabiex is-seduta tinstema’ in camera.

35      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu fiha huwa ddikjarat li hija pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu fis-suq tal-manek marittimi mill‑1 ta’ April 1986 sal‑1 ta’ Awwissu 1992 u mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑2 ta’ Mejju 2007, b’mod partikolari għall-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sad‑9 ta’ Mejju 2000;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din timponilha multa ta’ EUR 4 900 000;

–        tiċħad l-eċċezzjonijiet u t-talbiet kuntrarji kollha;

–        sussidjarjament:

–        tnaqqas, skont l-Artikolu 229 KE, il-multa ta’ EUR 4 900 000 li ġiet imposta lilha permezz tal‑Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36      Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet għal annullament

37      Ir-rikorrenti tressaq tliet motivi insostenn tar-rikors għal annullament tagħha.

38      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball fil-klassifikazzjoni tal-ksur u fuq ksur tal-Artikolu 253 KE.

39      It-tieni motiv huwa bbażat fuq diversi żbalji ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur, kif ukoll tal-ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

40      Dan huwa maqsum f’sitt partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-provi stabbiliti mill-Kummissjoni (l-ewwel parti), fuq il-fatt li hija ma pproduċietx il-prova li kellha tipproduċi (it-tieni parti), fuq il-fatt li r-rikorrenti pproduċiet provi kuntrarji għal spjegazzjoni oħra (it-tielet parti), fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, minħabba żbalji fl-evalwazzjoni fil-paragun tal-aġir ta’ MRI bejn ix-xahar ta’ Settembru 1996 u x-xahar ta’ Mejju 1997 u tal-aġir tagħha bejn ix-xahar ta’ Mejju 1997 u x-xahar ta’ Mejju 2000 (ir-raba’ parti), fuq il-fatt li l-preskrizzjoni jmissha ġiet applikata għall-ksur individwali distint eventwalment imwettaq matul il-perijodu 1996‑2000 (il-ħames parti) u dwar il-fatt li l-użu tad-dokumenti li l-MRI ipprovdiet fil-kuntest tal-pjan ta’ klemenza sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur għall-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997 imur kontra l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u jikser l-aspettattivi leġittimi tagħha (is-sitt parti).

41      It-tielet motiv jinqasam f’ħames partijiet, ibbażati rispettivament fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (l-ewwel parti), fuq żball fil-kalkolu tal-multa skont it-tul tal-ksur u fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi (it-tieni parti), fuq applikazzjoni żbaljata ta’ żieda għal finijiet dissważivi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (it-tielet parti), fuq iċ-ċaħda żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ir-raba’ parti) u fuq tnaqqis insuffiċjenti tal-multa minħabba kooperazzjoni fil-kuntest tal-pjan ta’ klemenza (il-ħames parti).

42      Jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel motiv, kif ukoll is-sitt partijiet tat-tieni motiv.

B –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ klassifikazzjoni tal-ksur u fuq ksur tal-Artikolu 253 KE, u fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur, tal-ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003

1.     Id-deċiżjoni kkontestata

43      Fir-rigward tal-ewwel motiv, essenzjalment, mill-premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li MRI kienet interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju bejn l‑1 ta’ Awwissu 1992 u t‑3 ta’ Settembru 1996, li l-preskrizzjoni setgħet tapplika għall-perijodu li matulu seħħ il-ksur mill‑1 ta’ April 1986 sal‑1 ta’ Awwissu 1992 u li għalhekk hija ddeċidiet li ma timponilhiex multa għal dan l-istess perijodu. Barra minn hekk mill‑Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta lil-Kummissjoni qieset li kien twettaq ksur kontinwu bejn l‑1 ta’ April 1986 u t‑2 ta’ Mejju 2007, li fih MRI pparteċipat mill‑1 ta’ April 1986 sal‑1 ta’ Awwissu 1992 u mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑2 ta’ Mejju 2007, u mill-premessi 187, 201 sa 208 u 446 sa 448 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-perijodu li matulu seħħ il-ksur ikkunsidrat mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa jiddekorri mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997 u mid‑9 ta’ Mejju 2000 sat‑2 ta’ Mejju 2007, fejn il-perijodu mit‑13 ta’ Mejju 1997 sad‑9 ta’ Mejju 2000 huwa kkunsidrat, fir-rigward tar-rikorrenti, bħala perijodu ta’ attività ridotta tal-akkordju li ma jiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ multa.

44      Fir-rigward tat-tieni motiv, mill-premessi 141 sa 147 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, li bbażat ruħha fuq diversi dokumenti, fosthom ċerti noti interni kkomunikati minn MRI fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza (premessi 143 sa 145 tad-deċiżjoni kkontestata), ikkunsidrat li hija kienet reġgħet bdiet tipparteċipa mill-ġdid fl-akkordju mit‑3 ta’ Settembru 1996.

45      Il-premessi 148 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata juru, barra minn hekk, il-provi, fosthom numru ta’ dokumenti kkomunikati minn MRI fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li, bejn it‑13 ta’ Mejju 1997 u Mejju 1999, l-akkordju kellu perijodu ta’ attività limitata, li matulu saru kuntratti, li jinvolvu r-rikorrenti, li l-għan tagħhom kien, b’mod partikolari, li jerġa’ jingħata bidu għall-akkordju u li jiġu nnegozjati l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tad-diversi membri tagħha. Madankollu l-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tan-natura limitata tal-attività tal-membri tal-akkordju, ebda multa ma kellha tiġi imposta fuqhom għal dan il-perijodu, estiż, fir-rigward ta’ MRI, sad‑9 ta’ Mejju 2000 (premessa 447 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      Il-premessi 289 sa 307 tad-deċiżjoni kkontestata juru, sussegwentement, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-ksur kien kontinwu, jew, sussidjarjament, ripetut, minkejja l-fatt li hija kienet tqis li l-akkordju kellu attività limitata bejn it‑13 ta’ Mejju 1997 u Mejju 1999 u li ma kienx hemm lok li tiġi imposta multa għal dan il-perijodu.

47      Il-premessi 480 sa 488 tad-deċiżjoni kkontestata juru, fl-aħħar nett, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tagħti lil MRI tnaqqis tal-multa ta’ 30 % bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, iżda ċaħdet l-argument ta’ din tal-aħħar intiż sabiex, skont il-punt 26 ta’ din il-komunikazzjoni, ma jintużawx kontriha l-provi li hija pproduċiet lill-Kummissjoni għall-perijodu 1996‑1997.

2.     L-argumenti tal-partijiet

a)     Fuq l-ewwel motiv

48      Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li, ġaladarba l-Kummissjoni aċċettat, l-ewwel nett, li hija kienet irtirat mill-akkordju bejn l‑1 ta’ Awwissu 1992 u t‑3 ta’ Settembru 1996, it-tieni nett, li din kienet tirrigwarda interruzzjoni effettiva u mhux sospensjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, fis-sens fejn il-ġurisprudenza tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ kunċetti (premessi 129, 130 u 402 tad-deċiżjoni kkontestata), u, it-tielet nett, li għalhekk hija kellha tibbenefika mid-dispożizzjonijiet relatati mal-preskrizzjoni għall-perijodu li jippreċedi l‑1992 (premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn konsegwentement dan il-perijodu ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni ma setgħetx simultanjament tiddeċiedi li hija kienet ipparteċipat fi ksur kumpless u kontinwu mill-1 ta’ April 1986 sat‑2 ta’ Mejju 2007, liema fatt imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-perijodu ta’ wara t-tkomplija tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ma jistax għalhekk jiġu kkunsidrat bħala ksur ġdid u distint mill-preċedenti.

49      Barra minn hekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-preskrizzjoni ġiet aċċettata fil-konfront tagħha “b’mod diskrezzjonali” mill-Kummissjoni, kif issostni din tal-aħħar (premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Barra minn hekk, fil-fehma tagħha tali motivazzjoni tidher li fiha kontradizzjoni u lakuna.

51      Barra minn hekk ir-rikorrenti tqis li, fid-dawl ta’ din l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, is-sitwazzjoni tagħha ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik tal-membri l-oħra fl-akkordju.

52      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet u ssostni li hija ma kellhiex obbligu tikkonstata li l-preskrizzjoni kienet iddekorriet u għalhekk hija sempliċement indikat li din setgħet tiġi applikata.

b)     Fuq it-tieni motiv

 Fuq l-ewwel parti

53      Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tikkonkludi li pparteċipat matul il-perijodu 1996‑2000, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ċerti dokumenti li jiżvelaw il-kuntatti li seħħew bejnha u l-kompetituri tagħha u li jindikaw li, “fi tmiem l‑1996, [hija] reġgħet bdiet tikkoordina ċerti sottomissjonijiet dwar il-manek marittimi ma’ membri tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, f’dan il-perijodu, hija “siltet parti mill-informazzjoni eżawrjenti fis-suq skambjata sabiex tħares il-ftehim ta’ attribuzzjoni tas-swieq fost il-membri tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Issa, essenzjalment, fil-fehma tagħha, il-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni [kunfidenzjali] ma jippermettux li wieħed jasal għal tali konklużjoni u hija tikkontesta kemm il-qari kif ukoll l-interpretazzjoni minn din tal-aħħar tal-imsemmija provi, jekk jitqies li l-Kummissjoni tista’ validament tibbaża ruħha fuq provi li hija stess ipproduċitilha fil-kuntest tal-klemenza sabiex tikkonstata l-involviment tagħha fl-akkordju fir-rigward tal-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997, perijodu meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa imposta fuqha.

55      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u tispeċifika li r-rikorrenti f’numru ta’ drabi tammetti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li hija kellha numru ta’ kuntatti pprojbiti mal-kompetituri tagħha bejn l-1997 u l-2000, anki jekk hija tipprova timminimizza l-portata u s-sinjifikat tagħhom.

 Fuq it-tieni parti

56      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti sabiex turi li hija pparteċipat “ex novo” fi pjan komuni matul il-perijodu kkonċernat. Issa, fil-fehma tagħha, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li hija kienet ipparteċipat fi ksur ġdid, ġaladarba hija kienet ħarġet kompletament mill-akkordju fl‑1992 u li l-ksur għall-perijodu li jippreċedi l‑1992 kien preskritt. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx tissodisfa ruħha bl-indizji li abbażi tagħhom hija kienet tippreżumi t-tkomplija tal-parteċipazzjoni tagħha. Issa, dan huwa dak li għamlet, billi straħet, b’mod żbaljat, fuq it-teżi li l-ksur kien kontinwu sa mill‑1986.

57      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, fi kwalunkwe każ, l-indizji miġbura mill-Kummissjoni juru r-rifjut espliċitu tagħha li twieġeb b’mod favorevoli għall-proposti ta’ kollaborazzjoni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju.

58      Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument.

 Fuq it-tielet parti

59      L-ewwel nett, minn naħa, ir-rikorrenti tikkontesta essenzjalment il-fatt li baqgħet ma pprovdietx spjegazzjoni plawżibbli minbarra dik tal-parteċipazzjoni fil-ftehim kollużorju tal-provi prodotti mill-Kummissjoni (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, hija ma taqbilx mat-teżi tal-Kummissjoni li l-ksur jista’ jiġi dedott minn sempliċi preżunzjonijiet ġaladarba ġew ipprovati skambji ta’ informazzjoni u kuntatti illeċiti mal-kompetituri, bil-konsegwenza li sussegwentement hija l-impriża li għandha tipprovdi spjegazzjoni plawżibbli (premessa 262 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li pprovdiet spjegazzjoni oħra, mhux biss plawżibbli iżda ssostanzjata permezz ta’ diversi provi – l-ewwel xhieda orali ta’ [kunfidenzjali] –, li tippermetti li jiġi kkunsidrat li hija ma kinitx ipparteċipat fl-akkordju bejn it‑3 ta’ Settembru 1986 u d‑9 ta’ Mejju 2000 u li hija kienet bdiet tipparteċipa mill-ġdid f’dik id-data.

61      F’dan ir-rigward, hija ssostni li d-dokumenti msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata juru li l-kuntatti li seħħew kienu fil-verità r-riżultat tal-isforzi tal-impriżi l-oħra sabiex jipprovaw jikkonvinċuha tidħol fl-akkordju u juru l-istrateġija ta’ wieħed mid-diriġenti tagħha intiża sabiex “tagħti x’tifhem dispożizzjoni vaga għall-kollaborazzjoni mal-kompetituri tagħha”, sabiex ma tħajjarhomx jimplementaw azzjonijiet miftiehma ta’ boycot li jistgħu jirriżultaw perikolużi għaliha, bħal dawk implementati minn Dunlop u Bridgestone, filwaqt li tkompli topera fis-suq b’mod awtonomu jew saħansitra offensiv fir-rigward tal-kompetizzjoni.

62      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-Kummissjoni b’mod żbaljat injorat diversi dokumenti li jissostanzjaw din l-ispjegazzjoni u ċaħdet il-valur probatorju tagħhom.

63      Ir-rikorrenti tqis, f’dan ir-rigward, li filwaqt li l-Kummissjoni tammetti li d-dokumenti in kwistjoni “jikkonfermaw […] li [hija] ma kinitx tagħmel parti mill-istruttura formali tal-klabb qabel din id-data [id-9 ta’ Mejju 2000]”, hija ssostni madankollu li “dawn ma jmorrux kontra l-konklużjoni […] li [hija] baqgħet iżżomm xi forom ta’ kuntatti illeċiti mal-membri l-oħra tal-akkordju u kienet informata minnhom dwar il-kooperazzjoni li kienet għaddejja” u li dawn il-kuntatti kienu jikkonċernaw “kooperazzjoni dwar is-suq tal-manek marittimi”, liema fatt wassalha tqis li hija kienet tagħmel parti wkoll mill-akkordju bejn l-1997 u d-9 ta’ Mejju 2000 (premessi 146, 209 u 210 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni tidher li qed tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li tgħid li l-fatt li kull wieħed mill-membri fl-akkordju kellu rwol speċifiku għalih innifsu, billi adotta aġir li jikkomporta biss ċerti elementi li jikkostitwixxu l-ksur, ma jeskludix ir-responsabbiltà ta’ kull waħda mill-impriżi għall-ksur kollu, inklużi l-atti ta’ parteċipanti oħra (premessi 284 sa 288 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      Issa, hija tqis li din il-ġurisprudenza ma tistax tapplika f’dan il-każ, ġaladarba hija tikkonċerna t-turija tal-parteċipazzjoni f’akkordju min-naħa tal-impriżi li l-preżenza tagħhom f’laqgħat intiżi sabiex jikkonkludu ftehim antikompetittivi ġiet stabbilita u ma wrewx nuqqas ta’ qbil lejn l-akkordju inkwistjoni.

66      Fil-fatt, huwa paċifiku li hija kienet ħarġet mill-akkordju fl‑1992 u l-kuntatti li seħħew bejn l-1996 u l-2000 għandhom konsegwentement jiġu evalwati skont il-kapaċità tagħhom li juru l-adeżjoni ex novo fi pjan komuni.

67      Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha b’sempliċi preżunzjonijiet.

68      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex biżżejjed għall-Kummissjoni, sabiex turi l-adeżjoni tagħha fil-pjan komuni segwit mill-membri l-oħra fl-akkordju, li tipprova li hija kellha għarfien dwar l-eżistenza tal-akkordju jew li hija segwiet l-għan ġenerali li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tal-manek marittimi – liema fatt hija tikkontesta kategorikament –, iżda jeħtieġ ukoll li jiġi stabbilit li l-aġir tagħha kien “strettament marbut” mat-twettieq tal-“effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali b’għan wieħed”. Issa, skont ir-rikorrenti, id-dokumenti li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni juri fil-verità li mhux biss ir-rikorrenti ma kellha ebda intenzjoni li tissieħeb fi pjan komuni segwit mill-produtturi l-oħra, iżda li hija kienet tippreferi saħansitra taġixxi b’mod oppost, filwaqt li tipprova, b’mod komprensibbli, tevita ritaljazzjonijiet min-naħa tal-kompetituri tagħha, ġaladarba dawn tal-aħħar setgħu jaġixxu bi ftehim sabiex jeskluduha mis-suq jew jikkawżawlha danni gravi.

69      Barra minn hekk ir-rikorrenti essenzjalment tqis li, kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, sabiex tevalwa l-parteċipazzjoni effettiva ta’ impriża fl-akkordju, l-għarfien li jkollhom il-membri tal-akkordju dwar l-involviment jew dwar in-natura tal-esklużjoni mill-akkordju tal-impriża inkwistjoni hija determinanti. Issa, hija tqis li hija wriet li, fil-kuntatti tagħha mal-kompetituri, dovuti għall-inizjattiva tagħhom, hija dejjem irrifjutat espressament kull proposta ta’ kollaborazzjoni, f’termini ipotetiċi u għall-futur, u li l-kompetituri nnifishom kellhom l-impressjoni ċara li hija, fattwalment, ma kinitx tagħmel parti mill-pjan sħiħ tagħhom.

70      Fl-aħħar nett, hija tikkontesta l-fatt li l-provi li hija tipproduċi għandhom valur probatorju minimu meta mqabbla ma’ dawk tal-Kummissjoni u tqis li d-distinzjoni li tagħmel il-Kummissjoni bejn l-istruttura formali tal-klabb u l-parteċipazzjoni barra minn din l-istruttura hija żbaljata ġaladarba din id-distinzjoni ma kinitx teżisti għall-membri tal-klabb li kienu jafu biss l-istruttura formali. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-membri l-oħra tal-klabb, fil-fehma tagħha, kienu jqisu li hija ma kinitx tagħmel parti minnu.

71      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Fuq ir-raba’ parti

72      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qieset li, għall-perijodu mit‑13 ta’ Mejju 1997 sad‑9 ta’ Mejju 2000, ma kienx hemm lok li tissanzjonaha, fid-dawl tal-fatt li l-gravità u l-intensità tal-akkordju kienu minimi. Għaldaqstant hija ssanzjonatha biss għall-perijodu 1996-1997. Issa, skont ir-rikorrenti, l-aġir tagħha ma nbidilx mill‑1996 sal‑2000, liema fatt hija tqis li jirriżulta mid-dokumenti li hija stabbilixxiet preċedentement fil-kuntest tat-tieni motiv, fejn il-provi għall-perijodu minn Settembru 1996 sa Mejju 1997 ma humiex iżjed konklużivi minn dawk li jikkonċernaw il-perijodu minn Mejju 1997 sa Ġunju 1999. Għaldaqstant ma jmissha ġiet imposta ebda sanzjoni għall-perijodu minn Settembru 1996 sa Mejju 1997.

73      Barra minn hekk hija tqis li l-inkoerenza tar-raġunament u tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni tintwera mill-fatt li, b’differenza ta’ impriżi oħra, hija ma ġietx issanzjonata għall-perijodu minn Ġunju 1999 sa Mejju 2000, fejn il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ma ġietx ikkunsidrata bħala gravi, filwaqt li l-parteċipazzjoni tal-impriżi l-oħra tqieset li kienet fir-rigward ta’ dan il-perijodu.

74      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Fuq il-ħames parti

75      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, indipendentement mill-kwalifika tal-akkordju bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma, il-kuntatti u l-iskambji ta’ informazzjoni limitati li saru bejnha u l-kompetituri tagħha matul il-perijodu mill‑1996 sal‑2000 żvolġew barra mill-mekkaniżmu tal-akkordju li fih kienu jipparteċipaw l-impriżi l-oħra.

76      Fl-opinjoni tagħha, anki jekk dan l-aġir seta’ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE, dan huwa ta’ natura u ta’ gravità differenti mill-parteċipazzjoni fl-akkordju, ġaladarba dan ma huwiex marbut mal-għan waħdieni tiegħu, fejn barra minn hekk il-Kummissjoni naqset milli turi l-kuntrarju.

77      Għaldaqstant dan l-aġir għandu jiġi kkunsidrat, l-iżjed, bħala episodju separat u distint ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, u għandu jiġi evalwat separatament, kemm mill-ksur imwettaq mir-rikorrenti mill‑1986 sal‑1992, kif ukoll mill-adeżjoni l-ġdida tagħha fl-akkordju mill‑2000.

78      Għalhekk, fil-fehma tagħha, ġaladarba dan il-ksur ma jagħmilx parti minn ksur uniku u kontinwu jew ripetut, jekk jitqies li ġie stabbilit, huwa kkonsma ruħu fil-mument stess meta twettaq. Peress li ddekorrew iktar minn ħames snin, għal kull ksur, bejn il-mument meta twettaq u l-azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, dan huwa fi kwalunkwe każ preskritt, skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

79      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-fatt li l-interruzzjoni bejn il-fatti mwettqa sal‑1992 u l-fatti mwettqa mill‑2000 damet tmien snin, dawn il-fatti ma jistgħux jitqiesu li huma viċini biżżejjed fiż-żmien sabiex jintwera li l-akkordju ma ġiex interrott.

80      Barra minn hekk l-istess jirriżulta kieku t-tul ta’ żmien tal-interruzzjoni kien ta’ erba’ snin biss (1992-1996).

81      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, hija waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl‑1992 u li għaldaqstant din hija interruzzjoni u mhux sospensjoni tal-parteċipazzjoni tagħha, liema fatt wara kollox huwa rikonoxxut mill-Kummissjoni, li kkunsidrat li l-fatti li jippreċedu l-1992 kienu preskritti.

82      Ir-raba’ nett, jirriżulta wkoll li, filwaqt li aċċettat li l-interruzzjoni tal‑1992 setgħet tagħti lok għall-preskrizzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tħalli din il-kwistjoni miftuħa u ssostni li n-nuqqas ta’ sanzjoni għall-perijodu preċedenti kien biss il-frott tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Minn dan jirriżulta nuqqas ta’ motivazzjoni li minnu tiddependi l-kwalifika tal-ksur.

83      Fl-aħħar, il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pproduċietx l-iċken prova li tistabbilixxi li hija adottat aġir li, skont id-deċiżjoni kkontestata (premessa 300), turi l-kontinwità tal-akkordju bejn l-1996-1997 u l-2000.

84      Hija ssostni li hija ma pparteċipat f’ebda laqgħa mal-membri l-oħra tal-akkordju, li hija ma pprovdiet ebda informazzjoni lill-koordinatur dwar deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, li hija ma pparteċipatx f’diskussjonijiet dwar proposti ta’ ħatra ta’ rappreżentanti skont allegati ftehim globali u li ma ġiet imposta ebda sanzjoni fuqha talli ma osservatx allegat ftehim minn qabel.

85      Għaldaqstant il-Kummissjoni ma pprovatx li r-rikorrenti bdiet tipparteċipa mill-ġdid fl-akkordju, anki b’mod limitat, matul il-perijodu mill‑1996 sal‑2000.

86      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Fuq is-sitt parti

87      Ir-rikorrenti ssostni li l-provi kollha – minbarra waħda, jiġifieri [kunfidenzjali] – użati mill-Kummissjoni sabiex tipprova t-tort tagħha matul il-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997, imbagħad sabiex tikkalkola l-multa li ġiet imposta fuqha, ġew ipprovduti minnha stess fil-kuntest tal-pjan ta’ klemenza.

88      Ir-rikorrenti tippreċiża li b’hekk il-Kummissjoni tawwlet sinjifikattivament it-tul tal-ksur, liema fatt wassal għal żieda importanti tal-multa (premessi 243 u 448 tad-deċiżjoni kkontestata).

89      Ir-rikorrenti żżid li hija kkollaborat mal-investigazzjoni amministrattiva billi qieset li kienet fondata billi tikkunsidra li dan ma jistax jikkawżalha preġudizzju. Issa, fil-fehma tagħha, il-frott ta’ din il-kooperazzjoni intuża mill-Kummissjoni sabiex tikkundannaha filwaqt li hija ma kellha l-ebda prova għall-perijodu kontenzjuż qabel ma r-rikorrenti ma pprovditielha. B’hekk il-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi tagħha.

90      Barra minn hekk hija tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li t-tnaqqis tal-multa u l-immunità parzjali ma humiex kumulattivi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

91      Skont il-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti fil-verità jikkonċernaw il-kalkolu tal-multa u mhux il-konstatazzjoni tal-ksur.

92      Barra minn hekk, hija ssostni li d-dokumenti pprovduti fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jistgħu dejjem jintużaw minnha sabiex tikkonstata ksur.

93      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ġiet ippremjata għall-kooperazzjoni tagħha permezz ta’ tnaqqis tal-multa ta’ 30 %, liema fatt, f’termini assoluti, huwa b’mod ċar superjuri għat-tnaqqis li jirriżulta minn immunità parzjali eventwali. Issa, fis-sistema tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, iż-żewġ vantaġġi ma humiex kumulattivi.

94      Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, il-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tipprovdi biss li, fir-rigward tal-ewwel impriża li tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa, il-“provi determinanti” (fis-sens tal-punt 25 ta’ din il-komunikazzjoni, jiġifieri provi li ma għandhomx bżonn jiġu kkorroborati fil-każ ta’ kontestazzjoni) li jservu sabiex “jiġu stabbiliti l-fatti addizzjonali li jsaħħu l-gravità jew it-tul tal-ksur” ma għandhomx jintużaw sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi li għandu jiġi impost fuq din l-impriża.

95      Għalkemm il-provi prodotti mir-rikorrenti kienu ċertament importanti sabiex jikkorroboraw il-provi miksuba fit-talba għal immunità ppreżentata minn [kunfidenzjali] u l-verifiki fuq il-post magħmula fit‑2 ta’ Mejju 2007, madankollu dan ma huwiex biżżejjed, skont il-Kummissjoni, sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li jirrikjedi li l-provi jippermettu li “jiġu stabbiliti l-fatti addizzjonali li jsaħħu l-gravità jew it-tul tal-ksur” u, tenfasizza l-Kummissjoni, tal-ksur kollu kemm hu u mhux biss fir-rigward ta’ impriża jew numru ta’ impriżi parteċipanti kkunsidrati waħedhom.

96      Il-Kummissjoni tqis li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni hija fil-fatt li tagħtiha l-possibbiltà li tagħti immunità parzjali lill-impriża li tipproduċi provi ġodda, li jippermettu li tissaħħaħ il-gravità jew it-tul superjuri ta’ ksur li dwaru hija diġà kellha għarfien u li fir-rigward tiegħu hija kienet diġà tat immunità totali lil impriża parteċipanti oħra. Min-naħa l-oħra, impriża li żiedet sempliċement l-għarfien li l-Kummissjoni diġà kellha ta’ ċertu perijodu jew ta’ ċertu aspett tal-ksur ma setgħetx tibbenefika minnu, anki meta l-kollaborazzjoni tagħha tippermetti li tiġi stabbilita aħjar il-parteċipazzjoni tagħha nnifisha fl-akkordju.

97      Issa, skont il-Kummissjoni, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma ppermettewx li tiġi kkonstatata la l-gravità superjuri u lanqas it-tul tal-ksur itwal li dwaru l-Kummissjoni kellha għarfien.

98      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma informathiex dwar fatti ġodda ukoll fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-perijodu mill‑1996 sal‑1997. Fil-fatt, [kunfidenzjali] – li tikkonferma li ż-żewġ impriżi huma miftiehma li r-rikorrenti tingħata numru ta’ sejħiet għal offerti u li tipprova mingħajr ekwivoċi l-kollaborazzjoni ta’ MRI fl-attività illegali minn dan il-mument – kienet ġiet skoperta matul verifiki tat‑2 ta’ Mejju 2007 u għaldaqstant hija diġà kienet fil-pussess tal-Kummissjoni meta MRI ppreżentat it-talba għal klemenza tal‑4 ta’ Mejju 2007.

99      Għaldaqstant hija titlob sabiex is-sitt parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)     Tfakkira tal-prinċipji li jikkonċernaw l-oneru tal-prova

100    Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-oneru tal-prova, minn naħa, hija l-parti jew l-awtorità li tallega ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li għandha tipproduċi l-prova li tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-fatti li jikkostitwixxu ksur u, min-naħa l-oħra, hija l-impriża li tinvoka l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni kontra konstatazzjoni ta’ ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni huma sodisfatti, b’tali mod li l-imsemmija awtorità għaldaqstant ikollha tirrikorri għal provi oħra (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 78). It-tul tal-ksur huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, element li l-oneru tal-prova tiegħu huwa, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

101    Dan it-tqassim tal-oneru tal-prova madankollu jista’ jvarja sa fejn il-punti ta’ fatt li waħda mill-partijiet tinvoka jistgħu jkunu tali li jobbligaw lill-parti l-oħra sabiex tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, fin-nuqqas ta’ liema jista jiġi konkluż li l-prova tkun ġiet prodotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 79, u s-sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 53).

102    Fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-kompetizzjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 63, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II-2501, punt 273). Billi l-projbizzjoni mill-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa effettivament komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn il-ftehim iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar ta’ spiss f’pajjiżi terzi, u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li jiżvelaw b’mod espliċitu kuntatt illegali bejn operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħa, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, u għalhekk ikun spiss neċessarju li wieħed jikkostitwixxi mill-ġdid ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta jiġu kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57). Tali indizji u koinċidenzi jippermettu li tiġi żvelata mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehimiet antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwat u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I-8831, punt 166).

103    Huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punti 43 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 217). Madankollu, kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Fil-fatt, jeħtieġ sempliċement li l-ġabra ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni (ara l-punt 102 iktar il fuq), evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 180, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 218; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 768 sa 778 u, b’mod partikolari, punt 777). Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-ġurisprudenza tirrikjedi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (sentenza Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 169; sentenzi Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 51).

104    Fir-rigward tal-valur probatorju li għandu jingħata lid-diversi provi, għandu jiġi enfasizzat li l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi liberament prodotti huwa l-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 63; ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 273). Skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà, u, għalhekk, il-valur probatorju ta’ dokument, jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 1053; konklużjonijiet tal-Imħallef B. Vesterdorf li aġixxa bħala Avukat Ġenerali fil-kawża tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône‑Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, II‑869, II‑956). B’mod partikolari, għandha tingħata importanza kbira lill-fatt li dokument ġie redatt b’rabta mill-qrib mal-fatti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra p. II‑707, punt 312), jew permezz ta’ xhud dirett ta’ dawn il-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 207). Id-dokumenti li minnhom jirriżulta li kien hemm xi kuntatti bejn diversi impriżi u li dawn kellhom eżattament l-għan li jeliminaw minn qabel l-inċertezza relatata mal-aġir futur tal-kompetituri tagħhom juru, suffiċjentement kif titlob il-liġi, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 175 u 179). Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punti 207, 211 u 212).

105    Barra minn hekk, ġie deċiż b’mod kostanti li l-fatt li wieħed jikkomunika informazzjoni lill-kompetituri tiegħu bil-għan li jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 82 u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 178).

106    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li r-rwol tal-qorti li jkollha quddiemha rikors għal annullament, imressaq abbażi tal-Artikolu 230 KE u dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji tagħha, jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-provi u l-elementi l-oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punti 174 u 175; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza “PVC II”, punt 103 iktar ’il fuq, punt 891). L-eżistenza ta’ dubju fi ħsieb il-qorti għandha tibbenefika lid-destinatarji tad-deċiżjoni, b’tali mod li l-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement kif titlob il-liġi jekk il-qorti jkun għad fadlilha dubju dwar din il-kwistjoni (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 177, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 215). Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk ikkonfermata mill-preambolu tal-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) UE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet li huma marbuta miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika, b’mod partikolari, għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176; sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punt 216).

107    L-eżistenza ta’ ksur għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-provi miġbura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur u l-unika kwistjoni rilevanti għalhekk hija dik li jsir magħruf, fuq il-mertu, jekk il-prova tal-ksur ġietx prodotta jew le fid-dawl ta’ dawn il-provi (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, punt 726).

108    Fl-aħħar nett, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jifhmu l‑ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll mill-kuntest tagħha kif ukoll mill-globalità tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63; tat‑30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra p. I‑9919, punt 87, u tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra p. I‑6079, punt 66).

109    Il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont dan l-artikolu.

110    Huwa fir-rigward tar-regoli esposti fil‑punti 100 sa 109 iktar ’il fuq li hemm lok li jiġi vverifikat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxietx elementi kredibbli, preċiżi u konkordanti biżżejjed sabiex tibbaża, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali u wara li jiġu eżaminati l-ispjegazzjonijiet jew il-ġustifikazzjonijiet alternattivi pprovduti mir-rikorrenti, il-konvinzjoni ċara li r-rikorrenti reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju mit‑3 ta’ Settembru 1996 u kemm ipparteċipat fil-ksur bejn din id-data u d‑9 ta’ Mejju 2000, inkwantu hija ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur la għall-perijodu preċedenti, mill‑1986 sal‑1992, la għall-perijodu sussegwenti, mid‑9 ta’ Mejju 2000 sat‑2 ta’ Mejju 2007.

b)     Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur bejn it‑3 ta’ Settembru 1996 u d‑9 ta’ Mejju 2000

111    L-argument tar-rikorrenti huwa intiż sabiex issir distinzjoni bejn żewġ perijodi: minn naħa, dak mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997, li għalih ġiet imposta multa fuqha u li fir-rigward tiegħu hija tikkontesta, essenzjalment, il-fatt li l-Kummissjoni invokat, favuriha, provi li hija kienet ipproduċitilha u li ppermettewlha tqis li l-ksur seħħ sat‑13 ta’ Mejju 1997, u, min-naħa l-oħra, dak mit‑13 ta’ Mejju 1997 sad‑9 ta’ Mejju 2000 (iktar ’il quddiem il-“perijodu intermedju”), li għalih ebda multa ma ġiet imposta mill-Kummissjoni u li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti tallega essenzjalment li l-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni favuriha juru biss l-intenzjoni tagħha li tagħti x’tifhem lill-membri l-oħra tal-akkordju ċertu disponibbiltà sabiex tiddiskuti, iżda bil-għan li dawn jemmnuha u b’hekk tevita kull ritaljazzjoni min-naħa tagħhom, u mhux l-involviment tagħha fl-akkordju, anki matul dan il-perijodu ta’ attività ridotta.

 Fuq il-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997

112    F’dan ir-rigward għandha tiġi eżaminata, qabel kollox, is-sitt parti tat-tieni motiv.

113    Fil-fatt, għandu jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti ġustament sostnietx li, fid-dawl tal-portata tal-aħħar paragrafu tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra fir-rigward tagħha, għall-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997, il-provi li hija stess kienet ikkomunikatilha fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza.

–       Fuq il-portata tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

114    L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hemm lok li minbarra l-gravità tal-ksur jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tiegħu.

115    Barra minn hekk minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-limiti previsti mir-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li timponi tali multi (sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 172, u tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 123). Madankollu din is-setgħa hija limitata; fil-fatt, meta l-Kummissjoni tadotta linji gwida intiżi li jippreċiżaw, fl-osservanza tat-Trattat, il-kriterji li hija beħsiebha tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, hija tkun qiegħda tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa inkwantu hija jkollha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 95, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 192, u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija ma tistax teskludi dawn il-kriterji f’każ partikolari mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 209).

116    Huwa f’dan il-kuntest li għandha tingħata attenzjoni lill-punti 23 sa 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li jipprovdi:

“23. L-impriżi li jiżvelaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju li jitqies li jaffettwa l-Komunità iżda li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fit-Titolu II, jistgħu madankollu jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa li kienet tiġi imposta fuqhom awtomatikament.

24. Sabiex tkun tista’ tistenna tali tnaqqis, impriża għandha tipproduċi lill-Kummissjoni provi tal-ksur allegat li jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, u għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi ffissati [fil-punti 12(a) sa (ċ)] iktar ’il fuq.

25. Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi prodotti jsaħħu, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju allegat. Waqt din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni ġeneralment tqis li l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu li miegħu jirrelataw il-fatti għandhom valur kwalitattiv ogħla mill-provi stabbiliti ulterjorment. Provi kontra li huma direttament rilevanti għall-fatti inkwistjoni ġeneralment jitqiesu li huma kwalitattivament iktar importanti minn dawk li għandhom biss rabta indiretta ma’ dawn tal-aħħar. Bl-istess mod, il-livell ta’ korroborazzjoni ta’ sorsi oħra neċessarju sabiex hija tkun tista’ tibbaża ruħha fuq prova fir-rigward ta’ impriżi oħra involuti fil-kawża jkollu effett fuq il-valur tiegħu, b’tali mod li l-provi determinanti jingħataw valur ogħla mill-provi bħad-dikjarazzjonijiet li għandhom jiġu kkorroborati jekk jiġu kkontestati.

26. F’kull deċiżjoni finali mogħtija fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livell ta’ tnaqqis li minnu għandha tibbenefika l-impriża, li jiġi stabbilita kif ġej fir-rigward tal-ammont tal-multa li awtomatikament ikun ġie impost fuqha.

–        L-ewwel impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikattiv: tnaqqis inkluż bejn 30 u 50 %,

[...]

Sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien li fih ġew ikkomunikati l-provi li jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fil-[punt 24] u l-livell ta’ valur li huma rrappreżentaw.

Jekk impriża li titlob tnaqqis tal-multa tkun l-ewwel waħda li tipproduċi provi determinanti, fis-sens tal-[punt 25], li l-Kummissjoni tuża sabiex tistabbilixxi punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu l-gravità jew it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni dawn il-fatti sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta lill-impriża li tkun ipproduċiethom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

117    Fi kliem ieħor, sabiex wieħed igawdi mid-dispożizzjonijiet tal-aħħar paragrafu tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, numru ta’ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti: l-impriża għandha tipproduċi provi determinanti fis-sens tal-punt 25 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, liema fatt ifisser li huma għandhom ikollhom valur miżjud sinjifikattiv u ma għandhomx ħtieġa li jiġu ssostanzjati; dawn il-provi għandhom jippermettu li jiġu stabbiliti punti ta’ fatt supplementari għal dawk li l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tistabbilixxi, li jsaħħu jew il-gravità jew it-tul tal-ksur.

118    Meta jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni dawn il-fatti sabiex tiffissa l-ammont tal-multa – li hija skont il-gravità u t-tul tal-ksur, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 – li għandha tiġi imposta fuq l-impriża li ppermettiet li jiġu stabbiliti dawn il-fatt permezz tal-provi li hija pproduċiet lill-Kummissjoni, hekk kif jippreċiża l-aħħar paragrafu tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

119    Konsegwentement mill-aħħar parti ta’ sentenza tal-aħħar paragrafu tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fuq dawn il-provi sabiex tiddetermina l-gravità jew it-tul tal-ksur ta’ min iressaq it-talba għal klemenza, sakemm din il-persuna ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 26 tal-imsemmija komunikazzjoni, filwaqt li tippermetti lill-persuna li qed titlob il-klemenza tibbenefika, fir-rigward tal-bqija, mit-tnaqqis previst minn din il-komunikazzjoni għall-bqija tal-perijodu li matulu seħħ il-ksur ikkunsidrat kontriha.

120    Għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-persuna li titlob il-klemenza kien previst fil-punt 26 iddedikat għat-tnaqqis tal-multa jikkonferma li ż-żewġ miżuri jistgħu jiġu applikati simultanjament mill-Kummissjoni bil-kontra ta’ dak li ssostni.

121    It-tnaqqis tal-multa bħala perċentwali għandha għaldaqstant tkun proporzjonali mal-valur miżjud tal-provi sottomessi mill-persuna li titlob il-klemenza, fejn l-aħħar paragrafu tal-punt 26 għandha l-iktar bħala għan li tevita li tissanzjona impriża biss abbażi tal-provi li hija stess ipproduċiet lill-Kummissjoni.

122    Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud fuq dan il-punt.

–       Fuq l-istabbiliment, f’dan il-każ, ta’ fatti addizzjonali li jsaħħu jew il-gravità jew it-tul tal-ksur

123    Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat l-ilment imressaq mill-Kummissjoni li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma ppermettewlhiex tistabbilixxi fatti ġodda, filwaqt li dan il-fatt huwa wieħed mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

124    Għandu jiġi osservat li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ssemmi “fatti addizzjonali” li jippermettu li jiżdied it-tul jew il-gravità tal-ksur.

125    F’dan il-każ, sabiex tiġġustifika l-attività tal-akkordju bejn Settembru 1996 u Mejju 1997, il-Kummissjoni bbażat ruħha essenzjalment fuq:

–        [kunfidenzjali] (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata),

–        [kunfidenzjali] (premessi 143 sa 145 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        “erba’ eżempji ta’ komunikazzjoni ma’ membri oħra tal-akkordju bejn Mejju 1995 u Marzu 1996 u bejn Settembru 1996 u Jannar 1997, maħżuna fuq diskettes misjuba fil-binjiet ta’ W. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata); madankollu hija tippreċiża fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 216 tad-deċiżjoni kkontestata li, “minkejja d-direttorji ta’ data f’dawn id-diskettes li juru fajls elettroniċi oħra għal dan il-perijodu b’ismijiet simili, liema fatt jissuġġerixxi li jikkonsisti f’faksijiet oħra mibgħuta bejn il-membri tal-akkordju, il-Kummissjoni ma hijiex se tuża l-kontenut ta’ dawn il-fajls elettroniċi bħala provi, inkwantu ma jagħmlux parti mill-fajl aċċessibbli tal-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        ir-risposta ta’ Bridgestone għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (“Bridgestone sostniet li l-akkordju stabbilit fl-1986 kien waqaf jeżisti fir-rebbiegħa tal‑1997” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) (premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ir-risposti ta’ DOM għal din l-istess dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (“DOM sostniet li [kien] intwera b’mod ċar li l-akkordju kien waqaf jopera matul il-perijodu minn Marzu 1997 sal‑1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) (premessa 292 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-elenku temporali tal-attività stabbilit minn W. (“3/97: waqfien minn kull kooperazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) (premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        id-dikjarazzjonijiet ta’ [kunfidenzjali] (“il-klabb tal-manek marittimi kważi spiċċa fl‑1998” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) (premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        risposti għat-talba għal informazzjoni ta’ P. tad‑29 ta’ Ġunju 2007 u ta’ Trelleborg tal‑15 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll dokumenti skoperti għand Trelleborg u għand Dunlop (punt 163 tar-risposta);

–        u, fl-aħħar nett, it-tabelli ta’ W. li jikkonċernaw il-perijodu minn Novembru 1996 sa Diċembru 1997 kif ukoll is-snin 1998 u 1999 (premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha, ċertament, numru ta’ indizji, iżda madankollu hija kellha biss fil-pussess tagħha prova dokumentarja kontemporanja waħda, jiġifieri [kunfidenzjali], kif ukoll it-tabelli ta’ W. – li fir-rigward tagħhom hija tirrikonoxxi li ma tinsabx f’pożizzjoni li tiddatahom bi preċiżjoni – u d-dikjarazzjonijiet tal-membri differenti tal-akkordju, jekk wieħed jeskludi l-provi pprovduti minn MRI fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza.

127    Konsegwentement għandu jiġi eżaminat jekk il-punti min-numru ta’ indizji kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonkludi li l-attività tal-akkordju tkompla bis-sħiħ bejn it‑3 ta’ Settembru 1996 u t‑13 ta’ Mejju 1997, minbarra l-fatt li l-provi pprovduti minn MRI fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza, kinux suffiċjenti, waħedhom, sabiex tasal għal konklużjoni tali.

128    Qabel kollox, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni [kunfidenzjali] indirizzat lil DOM (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

129    It-test ta’ [kunfidenzjali] kontenzjuż huwa redatt kif ġej:

“Inqis li għandna ċans uniku li nistabbilixxu mill-ġdid livell ta’ prezzijiet aħjar din is-sena; skont dak li fhimt, Sumed issa tidher li hija lesta għal żieda fil-prezzijiet sinjifikattiva.

Naqbel mas-suġġeriment tagħkom li tħallu lil C jkollha sehem sostanzjali minn dan is-suq u nipproponi l-ammonti li ġejjin, fejn it-tieni wara r-rebbieħ huwa ta’ PL x 0.65; għandna nipprovaw dan l-ammont.

Jekk jogħġobkom ikkonfermawli jekk il-membri kollha jaqblu; jekk dan ma huwiex il-każ, jekk jogħġobkom ibagħtuli suġġerimenti kemm jista’ jkun malajr.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

130    Dan it-test ikompli b’tabella li fiha jinqasmu diversi partijiet (jew ishma) mill-kuntratt “Sumed” bejn diversi “rebbieħa” maħtura minn fost sitt impriżi membri fl-akkordju:

ITEM

Qty

Designation

PL

A 1

A 2

C

B 1

B 2

B 3

1

2

FOB 24" 35’

80,900

52,640

53,920

53,210

54,860

Champion

54,155

2

3

FOB 20" 35’

63,420

42,380

41,220

41,900

43,280

Champion

41,468

3

12

FF 24" 35’

73,590

50,290

49,300

50,150

47,830

Champion

48,116

4

36

FF 20" 35’

50,370

33,720

34,380

Champion

34,150

32,600

32,740

5

34

FF 16" 35’

45,170

29,860

Champion

29,360

30,440

30,830

30,793

6

1

Red 24/20" 35’

67,790

46,270

46,190

44,130

44,060

Champion

44,222

7

3

Red 20/16" 35’

47,230

32,355

32,910

30,700

30,950

Champion

30,735

8

3

TRH 16" 35’

55,180

36,830

Champion

35,870

36,090

37,660

35,982


131    Ir-riferimenti A 1, A 2, B 1, B 2, B 3 u C huma l-kodiċi komuni għall-ismijiet tal-membri differenti tal-akkordju (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont dawn il-kodiċi, Bridgestone hija A 1, Yokohama Rubber A 2, DOM B 1, Trelleborg B 2, Parker ITR B 3 u MRI C.

132    Din it-tabella ma turix biss li, għal kull parti jew għal kull sehem mill-kuntratt inħatar “rebbieħ”, iżda wkoll li l-prezz offert mit-“tieni”, li jidher, fit-tabella f’tipa grassa, bil-korsiv u ssottolinjati, kif ukoll il-prezzijiet offerti mill-parteċipanti l-oħra, kienu previsti wkoll.

133    L-importanza tar-rwol interpretat mit-“tieni” fil-manipulazzjoni tal-offerta tista’ tinftiehem ukoll mit-test tal-faks, li jippreċiża fil-fatt li “Nipproponi ċ-ċifri li ġejjin fejn it-tieni wara ċ-champion huwa bi PL x 0.65”.

134    Minbarra dan jista’ jiġi kkonstatat li l-prezz indikat għal kull parti fir-rigward tat-tieni dejjem jaqa’ taħt dan il-kalkolu: prezz PL x 0,65. Hemm eċċezzjoni waħda biss, fir-rigward tal-“item 5” fejn, skont dan il-kalkolu, il-prezz tat-tieni kellu jkun ta’ 29 360 (kolonna C, jiġifieri MRI) u mhux ta’ 29 860. Madankollu, milli jidher dan huwa żball materjali, fejn l-awtur tat-tabella mingħajr dubju uża tipa grassa u ssottolinja 29 860 bi żball.

135    L-importanza tar-rwol tat-“tieni” huwa wkoll ikkonfermat mir-rikorrenti fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub li sarula mill-Qorti Ġenerali. Hija tindika fil-fatt li “r-regola magħrufa tal-akkordju kienet tikkonsisti ġustament f’li jiġi deċiż il-prezz tat-‘tieni offerent bl-iktar prezz baxx’ filwaqt li d-dettalji tal-offerta tar-rebbieħ kienu[...] jitħallew għad-diskrezzjoni tiegħu”.

136    B’hekk mit-tabella jirriżulta li r-rikorrenti hija r-rebbieħ maħtur għal offerta – liema fatt ma setax jiġi deċiż mingħajr ma hija tipparteċipa fid-diskussjonijiet u mingħajr ma tkun informata, hekk kif issostni –, iżda wkoll li hija tinħatar sabiex hija tasal it-tieni f’żewġ istanzi, jew saħansitra tlieta jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżball ikkunsidrat fl-“item 5”.

137    Sabiex il-manipulazzjoni prevista f’din it-tabella taħdem, kien jeħtieġ neċessarjament li kull impriża tassumi r-rwol assenjat lilha u, b’mod partikolari, it-tieni, peress li, fil-każ kuntrarju, ir-rebbieħ qatt ma kien jasal jirbaħ l-offerta.

138    Għalhekk ma jidhirx li l-orkestrazzjoni minuzjuża u ddettaljata tas-sejħa għal offerti “Sumed” li tinsab f’din it-tabella setgħet tiffunzjona mingħajr il-parteċipazzjoni attiva u volontarja tar-rikorrenti u li r-rwol ta’ “tieni” previst għaliha jiġi attribwit lilha mill-membri l-oħra tal-akkordju mingħajr ma hija tkun kompletament imsieħba mal-attivitajiet tal-akkordju sa minn Settembru 1996.

139    Għalhekk, anki jekk id-dokument jirriżulta minn terzi, huwa jistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi l-parteċipazzjoni ta’ MRI għad-diskussjonijiet dwar il-kuntratt “Sumed”.

140    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti, li, essenzjalment, hija eskludiet kollox minn dan id-dokument u mid-diskussjoni relatata, għandu jiġi miċħud.

141    Barra minn hekk, mit-tabella stabbilita minn W. (anness 10 tar-rikors, linja 87), dwar kuntratti effettivament imqassma bejn il-membri tal-akkordju, jirriżulta li tliet impriżi qasmu sejħa għal offerti “Sumed” attribwita f’Novembru 1996, jiġifieri ftit iktar minn xahrejn wara l-proposta ta’ koordinazzjoni mibgħuta minn [kunfidenzjali]. F’dan il-każ dawn huma Yokohama Rubber (indikata bħala Japan C0.2), Trelleborg (indikata bħala European C0.2) u MRI (indikata bħala European C0.4).

142    Issa, dawn huma t-tliet impriżi li bejniethom il-partijiet tas-sejħa għal offerti “Sumed” kienu tqassmu fit-tabella li tinsab annessa fil-faks ta’ Trelleborg.

143    Ċertament, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif sostniet ir-rikorrenti, li t-tabella ta’ W. tinkludi r-riferiment għal “estimi” (estimates) fir-rigward tal-kuntratt “Sumed”, iżda xorta jibqa’ l-fatt li t-tliet kumpanniji li qasmu l-partijiet tal-kuntratt huma l-istess bħal dawk imsemmija skont it-tqassim propost fil-faks ta’ Trelleborg u li, fir-rigward ta’ tnejn minnhom, l-ammonti jikkorrispondu għall-valur tal-partijiet immoltiplikat bil-prezz unitarju tar-rebbieħ hekk kif jirriżultaw mill-istess faks.

144    Il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn ma jistgħux ikunu puri koinċidenzi jew konġetturi li jikkonċerna MRI, kif issostni hi.

145    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li, ġaladarba t-tabella ta’ W. tirrifletti għaldaqstant ir-riżultati tal-koordinazzjoni tas-sejħa għal offerti “Sumed” hekk kif jirriżulta mill-faks ta’ Trelleborg, il-valur probatorju ta’ din il-prova b’hekk issaħħaħ.

146    Issa, it-tabelli ta’ W. jesponu fuq numru ta’ paġni r-riżultati tad-diversi koordinamenti ta’ sejħiet għal offerti li seħħew bejn id-diversi membri tal-akkordju bejn is-sena 1996 u tmiem is-sena 1997.

147    Għalhekk il-Kummissjoni kellha raġun tibbaża ruħha fuq din it-tabella mhux biss sabiex tikkonstata l-parteċipazzjoni mill-ġdid ta’ MRI fl-akkordju mit‑3 ta’ Settembru 1996 u l-parteċipazzjoni kompleta u sħiħa tagħha sat‑13 ta’ Mejju 1997, iżda wkoll sabiex tikkorrobora, b’mod iżjed ġenerali, l-elementi – u b’mod partikolari d-diversi dikjarazzjonijiet li hija kienet ġabret (ara l-punt 125 iktar ’il fuq) – li hija kellha fir-rigward tal-iżvolġiment tal-akkordju mill-membri l-oħra tal-akkordju sa din id-data.

148    Għalhekk id-dokumenti pprovduti minn MRI ma kinulhiex neċessarji sabiex tasal għal tali konklużjoni.

149    B’hekk il-provi prodotti minn MRI lill-Kummissjoni fir-rigward tal-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997 ma ppermettewx lill-Kummissjoni tikkonstata tul itwal jew gravità ikbar tal-ksur.

150    F’dan is-sens ir-rikorrenti hija infondata meta tinvoka favuriha l-aħħar paragrafu tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

151    Jirriżulta wkoll li dawn il-provi setgħu jintużaw mill-Kummissjoni kontriha.

152    Għaldaqstant, is-sitt parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

153    Barra minn hekk, uħud minn dawn il-provi jikkonfermaw mingħajr dubju l-involviment ta’ MRI fil-koordinament ta’ ċerti offerti.

154    B’hekk, f’[kunfidenzjali], F. indika:

“[Ċ]ħadt din l-offerta inkwantu kienet tbiddel l-arranġament inixjali li kien ingħatali minn Dunlop kif ukoll minħabba l-fatt li, fil-kuntest tal-ewwel sejħa għal offerti, irċevejna biss 18 tulijiet minflok is-36 previsti minħabba restrizzjonijiet baġitarji ta’ Sumed. Aħna ċerti li Kléber għandha problemi bl-24” f’Sumed u hija għal din ir-raġuni li huma rċevew biss 4 tulijiet minflok it-12 indikati f’sejħa għal offerti preċedenti.”

155    Issa, fit-tabella li tinsab annessa mal-faks ta’ Trelleborg (ara l-punt 130 iktar ’il fuq), MRI ġiet magħżula bħala rebbieħa għal parti ta’ 36 tulijiet ta’ FF 20’’ u “Kléber” – jiġifieri Trelleborg – għal ħames partijiet fosthom parti ta’ 12-il tulijiet ta’ FF 24’’.

156    Ir-riferimenti magħmula minn F. għal kuntratt preċedenti “Sumed” għaldaqstant jikkorrispondu perfettament għat-tabella li tinsab annessa ma’ [kunfidenzjali] (ara l-punt 130 iktar ’il fuq), liema fatt ma jistax ikun sempliċi koinċidenza.

157    Barra minn hekk, il-preċiżazzjonijiet li jinsabu f’din il-komunikazzjoni jippermettu li wieħed jifhem ir-riferiment għal “estimi” magħmul minn W. fit-tabella tiegħu fir-rigward tas-sejħa għal offerti “Sumed” li hija s-suġġett ta’ [kunfidenzjali] li jindikaw li MRI finalment kisbet parti inqas importanti milli inizjalment ġie previst.

158    Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi miċħud il-bqija tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, hija llum ma tinsabx f’pożizzjoni li tiddetermina jekk l-offerta “Sumed” inkwistjoni f’din [kunfidenzjali] tikkorrispondix għal din imsemmija f’[kunfidenzjali].

159    Sa fejn meħtieġ (ara l-punt 147 iktar ’il fuq), il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur mit‑3 ta’ Settembru 1997 sat‑13 ta’ Mejju 1997 hija b’hekk ikkonfermata.

 Fuq il-perijodu intermedju

160    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ prattika miftiehma jikkontempla forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 158).

161    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kif ukoll li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jadotta huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta fuq dan tal-aħħar, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 160 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

162    Il-fatt li tiġi kkomunikata informazzjoni lill-kompetituri tagħha bil-għan li jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenzi Tréfilunion vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 82, u BPB vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 178).

163    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, jiġbru taħthom forom ta’ kollużjoni li jikkondividu l-istess karatteristiċi u li jiddistingwu ruħhom minn xulxin biss permezz tal-intensità tagħhom u tal-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 160 iktar ’il fuq, punti 131 u 132, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Marzu 2002 HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 190).

164    Fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li tul numru ta’ snin involva numru ta’ produtturi b’għan li jirregolaw is-suq flimkien, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li hija tikkwalifika preċiżament il-ksur ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma, meta, f’kull ipoteżi, waħda jew oħra minn dawk il-forom ta’ ksur issemmew fl-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 160 iktar ’il fuq, punti 111 sa 114, u s-sentenza PVC II, punt 103 iktar ’il fuq, punt 696).

165    Il-kwalifika doppja tal-ksur bħala ftehim “u/jew” bħala prattika miftiehma għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal ħaġa waħda kumplessa li tinkludi fatti li wħud minnhom ġew ikkwalifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix kwalifika speċifika għal dan it-tip ta’ ksur kumpless (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 264, u HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 163 iktar ’il fuq, punt 187).

166    Għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissanzjona lir-rikorrenti u lill-kompetituri tagħha talli pparteċipaw f’“numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-manek marittimi” matul il-perijodu kkunsidrat.

167    Hija indikat, fil-premessi 263 sa 272 tad-deċiżjoni kkontestata, kif kellha l-intenzjoni tikkwalifika l-fatti li jikkostitwixxu ksur li dwarhom hija kellha għarfien u hija ppreċiżat, b’mod partikolari, fil-premessi 271 u 272 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskambji ta’ informazzjoni kienu jikkostitwixxu prattiki miftiehma.

168    Hija tikkritika lir-rikorrenti talli skambjat informazzjoni ma’ ċerti membri tal-akkordju matul il-perijodu intermedju bil-għan, b’mod partikolari, li l-akkordju jibda jitħaddem mill-ġdid.

169    Issa, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-kompetituri tagħha bil-għan li jiġi ppreparat akkordju antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punti 51 u 52, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott għal din is-sentenza, Ġabra p. I‑4523, punti 90 u 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Il-kwistjoni dwar jekk dan l-aġir irriżultax fil-kuntest tal-“istruttura tal-klabb” jew barra minnha għalhekk ma tagħmilx differenza u l-argument ippreżentat mir-rikorrenti f’dan ir-rigward fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

171    Barra minn hekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti rtirat mill-akkordju fl‑1992.

172    Barra minn hekk, huwa wkoll paċifiku li r-rikorrenti reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju fl‑1996 fl-okkażjoni tal-manipulazzjoni tas-sejħa għal offerti “Sumed”, liema fatt irriżulta f’allokazzjoni ta’ kwoti u ffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-manek marittimi wara ftehim f’dan is-sens li fih hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti pparteċipat (ara l-punti 128 sa 159 iktar ’il fuq).

173    Fir-rigward tal-perijodu intermedju, li jikkonċerna r-rikorrenti, minn Mejju 1997 sa Mejju 2000, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti kkonfermat, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija li saritilha mill-Qorti Ġenerali, il-motiv tagħha kien jillimita ruħu biss għall-provi dwar il-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997.

174    Dawn il-provi setgħu għalhekk jintużaw mill-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’ċerti kuntatti u f’ċerti diskussjonijiet matul il-perijodu intermedju.

175    Madankollu r-rikorrenti tikkontesta l-portata ta’ dawn il-kuntatti kif ukoll l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni għad-dokumenti relatati magħhom.

176    Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-imsemmija dokumenti sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kkonkludietx ġustament li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur kontinwu matul il-perijodu intermedju, minkejja n-nuqqas ta’ kull multa imposta fuq din tal-aħħar jew fuq il-membri l-oħra fl-akkordju għal dan l-istess perijodu.

177    Fid-dawl tad-dokumenti tar-rikorrenti [kunfidenzjali] (premessi 174 u 176 tad-deċiżjoni kkontestata) għandu jiġi kkonstatat li dawn jippermettu li jiġi stabbilit, mill-inqas, minn naħa, li. W. ikkuntattja lil F., ta’ MRI, dwar tliet sejħiet għal offerti (CPC Taiwan, Ancap Uruguay u Petrobras Brazil), fejn dan it-tentattiv ta’ koordinazzjoni involva wkoll lil Bridgestone, DOM, Yokohama Rubber u Parker ITR, u, min-naħa l-oħra, li, minkejja l-fatt li F. ċaħad l-offerta li saritlu, l-akkordju xorta waħda ffunzjona matul dan il-perijodu. B’hekk ma hemm ebda dubju li l-varji impriżi kienu f’kuntatt bejniethom u mar-rikorrenti sabiex jikkoordinaw uħud mis-sejħiet għal offerti. Il-fatt li dawn id-dokumenti jistgħu jagħtu x’jifhmu li l-akkordju ma kienx qed jiffunzjona kif suppost u li kien jeżisti nuqqas ta’ qbil huwa barra minn hekk konformi mal-analiżi li l-Kummissjoni għamlet f’dan il-perijodu fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tad-dokument ta’ F. tal-4 ta’ Frar 1999, li fih issir spjegazzjoni tal-iżvilupp tal-akkordju, iżda jippreżenta wkoll l-istat tas-sitwazzjoni f’dan iż-żmien, dokument intiż għal wieħed mill-aġenti kummerċjali tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk fih F. isostni li r-rikorrenti ma tagħmilx parti mill-akkordju, dan id-dokument jikkonferma mill-inqas il-kuntatti li fihom ipparteċipa F. ma’ membri oħra tal-akkordju. Għaldaqstant dawn id-dokumenti juru biċ-ċar li, bejn il-varji impriżi kkonċernati, kien hemm kontatti bil-għan, mill-inqas, ta’ tentattiv ta’ koordinament tal-offerti.

178    [kunfidenzjali] (premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata) tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kuntatti bejn diversi protagonisti tal-akkordju (W., F. u P.), li fihom huma skambjaw informazzjoni kummerċjali. Il-fatt li f’dan il-mument l-akkordju kien għaddej minn perijodu ta’ kriżi, bħal ma jixhed ukoll dan id-dokument, ma jassolvix dawn il-kuntatti min-natura illeċita tagħhom. Barra minn hekk, l-akkordju tkompla ftit żmien wara li kienu seħħew dawn il-kuntatti, liema fatt jidher li jikkorrobora l-idea li huma kkontribwixxew sabiex l-akkordju jibda jitħaddem mill-ġdid, u dan anki jekk ir-rikorrenti saret parti minnu bis-sħiħ biss sena wara l-protagonisti l-oħra.

179    [kunfidenzjali] (premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata) tixhed kuntatt bejn C. u F. f’mument meta l-akkordju kien għadu ma bediex jopera bis-sħiħ – mill-inqas fir-rigward tar-rikorrenti. Madankollu hija turi li C. u F. skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva, iżda wkoll li F. kien qed ifittex metodu ġdid ta’ kif għandu jopera l-akkordju sa minn dan il-mument, b’mod partikolari fir-rigward tal-koordinament tal-akkordju, filwaqt li mill-ewwel ipprova jiffissa s-sehem mis-suq tar-rikorrenti għal 12 %. Bħal ma tindika barra minn hekk il-Kummissjoni, din il-prova għandha titqies mill-perspettiva tal-laqgħat li bdew isiru mill-ġdid minn Ġunju 1999. Għalkemm huwa minnu li l-involviment sħiħ u komplet tar-rikorrenti kellu jibda biss iktar tard, xorta jibqa’ l-fatt li, sa minn dan il-mument, hija kienet qed tipprepara r-ritorn tagħha fl-akkordju u kienet qed tikkollabora mill-inqas b’mod mhux uffiċjali ma’ wħud mill-kompetituri tagħha.

180    Fl-aħħar nett, id-dokument intitolat [kunfidenzjali] (premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata) jistabbilixxi b’mod ċar il-qafas tal-kooperazzjoni mġedda. Ir-rikorrenti ssostni li hija ma pparteċipatx fil-laqgħa – liema fatt ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni – u li l-fatt li s-sehem mis-suq attribwit lilha jinsab f’dan id-dokument ma jfissirx li hija kienet tagħmel parti mill-akkordju. Ċertament, huwa minnu li l-Kummissjoni qieset li hija kienet bdiet tipparteċipa mill-ġdid fl-akkordju biss mid‑9 ta’ Mejju 2000 (ara l-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni indikat li hija għandha provi tal-fatt li MRI mill-ġdid ingħatat kwoti minn dan il-mument). Madankollu teżisti, l-ewwel nett, prova diretta li r-rikorrenti kellha kuntatti kundannabbli bil-għan li tibda tipparteċipa mill-ġdid fl-akkordju f’Ġunju 1999 (il-komunikazzjoni interna tar-rikorrenti tat‑30 ta’ Ġunju 1999), it-tieni nett, dokument imqassam f’Diċembru 1999, fil-kuntest ta’ laqgħa li żvolġiet wara li l-akkordju beda jitħaddem mill-ġdid mill-membri l-oħra tal-akkordju, li fih huwa ffissat is-sehem mis-suq li għandu jiġi allokat lir-rikorrenti, u, it-tielet nett, provi li hija effettivament bdiet tipparteċipa mill-ġdid fl-akkordju f’Mejju 2000, liema fatt hija barra minn hekk ma tikkontestax. Konsegwentement hemm lok li jiġi kkunsidrat li, ġaladarba l-membri l-oħra tal-akkordju kienu komplew mill-ġdid bl-attivitajiet illegali tagħhom, is-sehem mis-suq li huma kellhom l-intenzjoni jirriżervaw lir-rikorrenti seta’ jirriżulta biss minn koordinazzjoni attiva magħha. Issa, huwa paċifiku li MRI nnegozjat il-kundizzjonijiet tar-ritorn tagħha f’Ġunju 1999, jiġifieri sitt xhur qabel ma ġew elaborati t-tabelli ddistribwiti f’Diċembru 1999. Dawn it-tabelli għaldaqstant jikkostitwixxu indizji partikolarment importanti tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, f’Diċembru 1999, għad-diskussjonijiet dwar it-tqassim u l-koordinazzjoni tal-ishma rispettivi tal-membri tal-akkordju.

181    Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pproduċiet provi suffiċjenti li jistabbilixxu, għall-perijodu intermedju, l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa tar-rikorrenti, ċertament imnaqqas meta mqiegħed fil-kuntest tal-perijodi preċedenti u sussegwenti, li barra minn hekk wassal lill-Kummissjoni ma timponilhiex multa għal dan il-perijodu.

182    Fir-rigward tal-bqija, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li hija kellha l-intenzjoni li b’dan il-mod tagħti l-impressjoni lill-membri l-oħra tal-akkordju ta’ ċertu interess lejn it-tħaddim mill-ġdid tal-akkordju filwaqt tipproteġi ruħha mir-ritaljazzjonijiet kummerċjali eventwali tagħhom permezz ta’ dan.

183    Fil-fatt, mhux biss l-allegati intenzjonijiet tar-rikorrenti f’dan is-sens ma jagħmlux differenza, iżda, barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li hija tirrikonoxxi b’dan kollu li, billi kellha kuntatti mal-membri l-oħra tal-akkordju, hija pprovat tipproteġi ruħha mill-kompetizzjoni tagħhom, liema fatt huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur.

184    Barra minn hekk, id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq jipprovaw li dawn il-kuntatti essenzjalment kellhom bħala għan it-tħaddim mill-ġdid tal-akkordju u li r-rikorrenti b’mod partikolari pparteċipat fihom sabiex tinnegozja r-rwol mogħti lilha fi ħdanu.

185    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tagħha li hija pparteċipat f’dawn id-diskussjonijiet biss bil-għan li tingħoġob mal-imsieħba qodma – u futuri – tal-akkordju u li hija kellha tipprovdi spjegazzjoni alternattiva plawżibbli tad-diversi dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur matul il-perijodu intermedju.

186    Barra minn hekk din il-konklużjoni assolutament ma hijiex ikkontestata mid-diversi provi– [kunfidenzjali] – invokati mir-rikorrenti insostenn tal-argumenti tagħha.

187    Dawn id-dokumenti differenti fil-fatt jistabbilixxu mingħajr dubju li MRI bdiet tipparteċipa mill-ġdid bis-sħiħ fl-akkordju f’Mejju 2000, iżda ma tikkontestax l-eżistenza tal-manuvri min-naħa tagħha bil-għan li terġa’ tibda tipparteċipa mill-ġdid fl-akkordju matul is-snin li ppreċedew.

188    Għaldaqstant il-bqija tal-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq l-eżistenza ta’ ksur kontinwu

189    Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, minn naħa, il-fatt li l-ksur tkompla bejn it‑3 ta’ Settembru 1996 u t‑13 ta’ Mejju 1997 billi qieset li, jekk għandha tiġi akkużata bi ksur matul dan il-perijodu, dan għandu jkun għal ksur iżolat li ma jikkonċernax il-perijodi preċedenti u sussegwenti, u, min-naħa l-oħra, li l-ksur tkompla bejn it‑13 ta’ Mejju u d‑9 ta’ Mejju 2000, ġaladarba hija ma pparteċipatx fid-diskussjonijiet b’għan antikompetittiv, iżda, bil-kontra, sabiex tiddefendi lilha nnifisha minn ritaljazzjonijiet eventwali min-naħa tal-membri l-oħra fl-akkordju u li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax fl-istess ħin tikkonstata li kien jeżisti ksur kontinwu filwaqt li tikkonstata l-eżistenza ta’ attività ridotta minħabba sitwazzjoni ta’ kriżi fost il-membri tal-akkordju li barra minn hekk wasslitha ma timponix multa għal dan il-perijodu.

 Fuq il-kunċett ta’ ksur kontinwu u ta’ ksur ripetut

190    Skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preskrizzjoni tiddekorri mill-ġurnata li fih twettaq il-ksur. Madankollu, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, il-preskrizzjoni għandha tibda tiddekorri biss mill-ġurnata li fih jintemm il-ksur.

191    Il-ġurisprudenza ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, fil-maġġoranza tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tirriżulta minn numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta jiġu kkunsidrati flimkien, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, jistgħu jikkostitwixxu prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Tali indizji u koinċidenzi jippermettu, meta jiġu evalwati b’mod globali, li tiġi żvelata mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 57 u tal‑21 ta’ Settembru 2001, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punti 94 u 95, u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    Barra minn hekk, tali ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni minħabba l-fatt li punt jew numru ta’ punti minn din is-serje ta’ atti jew minn dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxi minnhom infushom u waħedhom ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta l-azzjonijiet differenti jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt tikkunsidraha responsabbli minn dawn l-azzjonijiet minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 258, u Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, punt 110).

193    Fir-rigward tal-assenza ta’ prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim matul ċerti perijodi speċifiċi jew, mill-inqas, fir-rigward tal-implementazzjoni tiegħu minn impriża matul perijodu speċifiku, għandu jitfakkar li l-fatt li l-prova tal-ksur ma ġietx prodotta għal ċerti perijodi speċifiċi ma jipprekludix il-fatt li dan il-ksur jitqies li seħħ matul perijodu globali iktar estiż minn dawn il-perijodi, ġaladarba tali konstatazzjoni tibbaża ruħha fuq indizji oġġettivi u konkordanti. Fil-kuntest ta’ ksur mifrux fuq numru ta’ snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju seħħew f’perijodi differenti, li jistgħu jiġu sseparati minn distanzi fi żmien ftit jew wisq twal, jibqa’ għalhekk mingħajr effett fuq l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn l-azzjonijiet differenti li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jidħlu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, punti 97 u 98; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 26).

194    F’dan ir-rigward, numru ta’ kriterji ġew identifikati mill-ġurisprudenza bħala rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura unika tal-ksur, jiġifieri l-identiċità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punti 170 u 171, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 67, u tas‑27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 312), l-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 118, 119 u 124, u Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 312), l-identiċità tal-impriżi li pparteċipaw fih (sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 312) u l-identiċità tal-metodi tal-implementazzjoni tiegħu (sentenza Dansk Rørindustri vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). Barra minn hekk, l-identiċità tal-persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identiċità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-prattiki inkwistjoni jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-eżami.

195    B’hekk il-ġurisprudenza tippermetti lill-Kummissjoni tassumi li l-ksur – jew li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur – ma ġiex interrott, anki jekk hija ma għandhiex il-provi tal-ksur għal ċerti perijodi speċifiċi, inkwantu l-azzjonijiet differenti li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jistgħu jidħlu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa, fejn tali konstatazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq indizji oġġettivi u konkordanti li juru l-eżistenza ta’ pjan globali.

196    Meta jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, il-kunċett ta’ ksur kontinwu jippermetti b’hekk lill-Kummissjoni timponi multa għall-perijodu kollu li matulu seħħ il-ksur meħud inkunsiderazzjoni u jiddetermina d-data li fiha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, jiġifieri d-data li fiha l-ksur kontinwu ntemm.

197    Madankollu, l-impriżi akkużati b’kollużjoni jistgħu jaqilbu din il-preżunzjoni, billi jinvokaw l-indizji jew il-provi li jistabbilixxu li, bil-kontra, il-ksur – jew il-parteċipazzjoni tagħhom fih – ma żvolġiex matul dawn l-istess perijodi.

198    Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ ksur ripetut u dak ta’ ksur kontinwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, Ġabra p. II‑1769, punti 96 u 97), fejn barra minn hekk din id-distinzjoni hija kkonfermata permezz tal-użu tal-kelma “jew” fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

199    Ladarba jista’ jiġi stabbilit li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur ġie interrott u li l-ksur imwettaq mill-impriża qabel u wara dan il-perijodu juri l-istess karatteristiċi, li għandhom jiġu evalwati b’mod partikolari fir-rigward tal-identiċità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw fil-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tiegħu, tal-persuni fiżiċi involuti f’isem l-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-imsemmija prattiki, il-ksur inkwistjoni għandu jiġi kkwalifikat bħala uniku u ripetut.

200    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax timponi multa għall-perijodu li matulu ġie interrott il-ksur.

201    Barra minn hekk, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tul tal-interruzzjoni ma jistax ikun iżjed minn ħames snin, f’liema każ l-impożizzjoni ta’ multa għall-perijodu li matulu seħħ il-ksur preċedenti għal din l-interruzzjoni tiġi fil-fatt preskritta.

 Fuq l-eżistenza ta’ ksur kontinwu f’dan il-każ

202    Konsegwentement għandu jiġi ddeterminat jekk, f’tali ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur kontinwu kontra r-rikorrenti bejn l-1 ta’ April 1986 u l‑1 ta’ Awwissu 1992 u bejn it‑3 ta’ Settembru 1996 u t‑2 ta’ Mejju 2007.

203    Għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-impriżi msemmija minnha pparteċipaw, skont metodi xi minn daqqiet differenti, fi ksur li mmaterjalizza ruħu permezz tal-attribuzzjoni ta’ sejħiet għal offerti, l-iffissar tal-prezzijiet, l-iffissar ta’ kwoti, l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ bejgħ, il-qsim ta’ swieq ġeografiċi, u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ u s-sejħiet għal offerti, fis-suq dinji tal-manek marittimi.

204    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-eżistenza ta’ pjan globali huwa stabbilit b’mod ċar permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Dan jirriżulta mill-identiċità, qabel u wara l-perijodu intermedju, tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw fil-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tagħha, tal-persuni fiżiċi involuti f’isem l-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-imsemmija prattiki.

205    Barra minn hekk, l-aġir li kellu bħala għan li jiċċara d-diżgwid bejn il-membri fl-akkordju u li jħaddem l-akkordju mill-ġdid matul il-perijodu intermedju, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti u li huma analizzati fil-punti 177 sa 180 iktar ’il fuq, għandu konsegwentement jitqies li jagħmel parti sħiħa mill-pjan globali segwit mill-membri tal-akkordju.

206    Barra minn hekk, wara li nstemgħet dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li pparteċipat fil-ksur bejn l‑1 ta’ April 1986 u l‑1 ta’ Awwissu 1992 imbagħad bejn id‑9 ta’ Mejju 2000 u t‑2 ta’ Mejju 2007.

207    Ċertament ir-rikorrenti ssostni li dan huwa ksur distint u li huwa ma jistax jiġi kkwalifikat bħala ksur kontinwu jew ripetut, liema fatt hija kkonfermat waqt is-seduta, iżda għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ pjan globali jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-identiċità, bejn l‑1986 u l‑2007, tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw fil-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tagħha, tal-persuni fiżiċi involuti f’isem l-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-imsemmija prattiki.

208    Barra minn hekk huwa paċifiku li r-rikorrenti reġgħet bdiet tipparteċipa mill-ġdid fl-akkordju mit‑3 ta’ Settembru 1996 u pparteċipat fil-ksur sat‑13 ta’ Mejju 1997 (ara l-punti 147 et seq. iktar ’il fuq) u li hija pparteċipat attivament fid-diskussjonijiet li saru matul il-perijodu intermedju bil-għan li jerġa’ jibda jitħaddem l-akkordju u li hija terġa’ tibda tipparteċipa (ara l-punti 181 et seq. iktar ’il fuq).

209    L-ispjegazzjonijiet alternattivi li r-rikorrenti għamlet fir-rigward tal-aġir tagħha matul dan il-perijodu barra minn hekk ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali (ara l-punti 181 et seq. iktar ’il fuq).

210    Barra minn hekk huwa aċċettat mill-Kummissjoni u mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju bejn l‑1 ta’ Awwissu 1992 u t‑3 ta’ Settembru 1996.

211    Ċertament il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur kontinwu min-naħa ta’ MRI meta fl-istess waqt ikkonstatat li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ġiet interrotta bejn l‑1 ta’ Awwissu 1992 u t‑3 ta’ Settembru 1996.

212    Madankollu huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju matul żewġ perijodi li matulhom seħħ il-ksur distinti mill‑1 ta’ April 1986 sal‑1 ta’ Awwissu 1992 u mit‑3 ta’ Settembru 1996 u t‑2 ta’ Mejju 2007.

213    L-iżball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 211 iktar ’il fuq huwa konsegwentement mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ġaladarba hija setgħet tikkonstata li l-ksur imwettaq mir-rikorrenti kienu ksur ripetuti fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 – fejn iż-żewġ perijodi li matulhom seħħ il-ksur huma fil-fatt ikkaratterizzati bl-eżistenza ta’ pjan globali (ara l-punti 203 u 204 iktar ’il fuq) – u li l-interpretazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ MRI fil-ksur bejn l‑1 ta’ Awwissu 1992 u t‑3 ta’ Settembru 1996 kien inferjuri għal ħames snin (ara l-punt 201 iktar ’il fuq).

214    Bħala konklużjoni, minn naħa, ġaladarba hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ksur imwettaq bejn l‑1 ta’ April 1986 u l‑1 ta’ Awwissu 1992 ma kienx preskritt, l-ewwel motiv, essenzjalment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata ksur preskritt, għandu jiġi miċħud. Għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni ġaladarba mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju matul żewġ perijodi distinti li matulhom seħħ il-ksur mill‑1 ta’ April 1986 sal‑1 ta’ Awwissu 1992 u mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑2 ta’ Mejju 2007.

215    Min-naħa l-oħra, l-argument ippreżentat mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv tagħha dwar il-preskrizzjoni tal-perijodu li matulu seħħ il-ksur mit‑3 ta’ Settembru 1996 sad‑9 ta’ Mejju 2000 għandu jiġi miċħud ukoll, inkwantu huwa paċifiku li hija reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju mit‑3 ta’ Settembru 1996 u li hija pparteċipat, matul il-perijodu intermedju, għal diskussjonijiet intiżi sabiex l-akkordju jibda jitħaddem mill-ġdid u sabiex tiddetermina l-pożizzjoni tagħha fi ħdanu.

216    Mill-punti preċedenti jirriżulta li għandhom jiġu miċħuda l-ewwel, it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni motiv, sa fejn ir-rikorrenti fihom issostni, essenzjalment, minn naħa, li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-provi għad-dispożizzjoni tagħha u ma pproduċietx il-prova tal-involviment tagħha fl-akkordju bejn it‑3 ta’ Settembru 1996 u d‑9 ta’ Mejju 2000 u, min-naħa l-oħra, li hija tat spjegazzjoni alternattiva plawżibbli tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni u tal-aġir tagħha matul dan il-perijodu.

d)     Fuq il-fondatezza tal-partijiet l-oħra tat-tieni motiv

217    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv tiegħu, li l-Kummissjoni jmissha pprovat li hija kienet ipparteċipat fi ksur ġdid, ġaladarba l-ksur preċedenti għall‑1992 kien preskritt u l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata f’dan ir-rigward l-eżistenza ta’ ksur kontinwu mill‑1 ta’ April 1986, għandu jitfakkar li huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju matul żewġ perijodi li matulhom seħħ il-ksur, ċertament distinti, iżda li fihom din tal-aħħar kienet ipparteċipat fi pjan komuni kkaratterizzat bl-identiċità, qabel u wara l-perijodu intermedju, tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw fil-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tiegħu, tal-persuni fiżiċi involuti f’isem l-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-imsemmija prattiki (ara l-punti 203 u 204 iktar ’il fuq). Għaldaqstant ir-rikorrenti hija żbaljata billi ssostni li hija pparteċipat fi ksur ġdid u konsegwentement l-argument tagħha għandu jiġi miċħud.

218    Fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti insostenn tat-tielet parti tat-tieni motiv, li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-aġir tagħha, bejn it‑3 ta’ Settembru 1996 u d‑9 ta’ Mejju 2000, kien marbut mill-qrib mat-twettieq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi l-oħra tal-ksur, fil-kuntest ta’ pjan globali b’għan waħdieni, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, billi bdiet tipparteċipa mill-ġdid fil-koordinazzjoni organizzata mill-akkordju fit‑3 ta’ Settembru 1996 u billi kisbet sehem mis-sejħa għal offerti “Sumed” f’din l-okkażjoni u, min-naħa l-oħra, billi pparteċipat attivament fil-kuntatti intiżi għat-tħaddim mill-ġdid tal-akkordju matul il-perijodu intermedju, ġie stabbilit b’mod ċar li r-rikorrenti kienet marbuta mill-ġdid mat-twettieq tal-effetti antikompetittivi kollha ta’ pjan globali mixtieq mill-awturi l-oħra tal-ksur. Għalhekk l-argument tagħha għandu jiġi miċħud.

219    Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti mressaq fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tieni motiv, li hija ġiet issanzjonata biss għall-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997 filwaqt li l-aġir tagħha kien l-istess matul il-perijodu intermedju u li din id-differenza fit-trattament baqgħet ma ġietx ġustifikata. Fil-fatt mill-argumenti preċedenti jirriżulta li hija pparteċipat mill-ġdid fl-akkordju bejn it‑3 ta’ Settembru 1996 u t‑13 ta’ Mejju 1997, billi kisbet sehem mill-kuntratt “Sumed” wara koordinazzjoni f’dan is-sens mal-membri l-oħra tal-akkordju, u li, matul il-perijodu intermedju, hija pparteċipat fil-kuntatti intiżi għat-tħaddim mill-ġdid tal-akkordju u nnegozjat il-pożizzjoni tagħha fi ħdanu. Għaldaqstant dan huwa aġir differenti li jiġġustifika d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għall-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997 u li ma timponix multa għall-perijodu intermedju.

220    Barra minn hekk din il-konklużjoni assolutament ma titqiegħedx inkwistjoni permezz tal-argument tar-rikorrenti li hija ma ġietx issanzjonata għall-perijodu minn Mejju 1999 sa Mejju 2000 filwaqt li l-membri l-oħra tal-akkordju kienu, fejn din id-distinzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li hija bdiet tipparteċipa mill-ġdid attivament fl-akkordju biss sena wara l-membri l-oħra tiegħu, fejn fil-fatt tawwlet il-kuntatti tagħha magħhom sabiex tinnegozja mill-ġdid il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħha.

221    Għalhekk, ir-raba’ parti kollha tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

222    Fir-rigward tal-ħames parti tat-tieni motiv, li fil-kuntest tagħha r-rikorrenti tallega essenzjalment li l-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-perijodu mill‑1996 sal‑2000 huma distinti mill-aġir li jikkostitwixxi ksur imwettaq fil-kuntest tal-akkordju l-proprju u għaldaqstant għandhom jiġu ssanzjonati separatament, jekk jitqies li dawn ma humiex preskritti, għandu jsir riferiment għall-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 123 sa 187 u 202 sa 214 iktar ’il fuq u li għalhekk għandhom jiġu miċħuda kemm l-argument fuq il-mertu tar-rikorrenti kif ukoll l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni.

223    Bħala konklużjoni, għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-ewwel u t-tieni motivi.

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji differenti fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipju ta’ adegwatezza tas-sanzjoni, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni

224    Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

225    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru ta’ elementi u ma għandha tingħata importanza sproporzjonata lil ebda wieħed minn dawn l-elementi meta mqabbel ma’ elementi ta’ evalwazzjoni oħra. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonat għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li għandha tapplika, għal dan il-għan, dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, punt 194 iktar ’il fuq, punti 226 sa 228, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 264).

226    Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jappartjeni lil kull parti fil-kawża li fir-rigward tagħha istituzzjoni tal-Unjoni qajmet tamiet fondati billi tatha assigurazzjonijiet preċiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Novembru 2005, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑506/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 58, u tat‑18 ta’ Lulju 2007, AER vs Karatzoglou, C‑213/06 P, Ġabra p. I‑6733, punt 33). Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C-47/07 P, Ġabra p. I‑9761, punti 34 u 81].

1.     Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

a)     Id-deċiżjoni kkontestata

227    Mill-premessi 437 sa 445 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet perċentwali ta’ 25 % tal-bejgħ rilevanti sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, skont il-gravità tal-ksur.

b)     L-argumenti tal-partijiet

228    Ir-rikorrenti tqis li l-użu ta’ perċentwali ta’ 25 % tal-bejgħ rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, skont il-gravità tal-ksur, huwa żbaljat u inġustifikat, peress li, b’dan il-mod, il-Kummissjoni qegħditha b’mod diskriminatorju fuq l-istess livell tal-operaturi l-oħra, peress li, fl-opinjoni tagħha, il-gravità tal-ksur li hija wettqet huwa assolutament inqas minn dak imwettaq mill-impriżi l-oħra.

229    Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta, fil-fehma tagħha, li, sabiex tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tevita li twettaq eżami tal-fatturi li jagħtu lok għal evalwazzjoni differenti tal-gravità tal-ksur attribwibbli lil kull waħda mill-impriżi, liema fatt jimplika li hija għandha tiddetermina l-multa billi tieħu raġonevolment inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi li jiddistingwu l-pożizzjoni ta’ impriża ma’ dik ta’ oħrajn. Issa, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni naqset minn kull evalwazzjoni li tikkonċerna d-differenza ta’ livell u ta’ intensità tal-involviment tagħha fl-akkordju, meta, fid-deċiżjoni, hija madankollu rrikonoxxiet f’bosta okkażjonijiet il-pożizzjoni partikolari tagħha fl-akkordju (pereżempju fil-premessi 170, 187 u 211 sa 214 tad-deċiżjoni kkontestata).

230    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni b’hekk b’mod partikolari ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, b’differenza tal-produtturi l-oħra, hija qatt ma kienet “parteċipanta fidila, entużjasta u dinamika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-akkordju, hekk kif jixhed il-fatt li hija ddeċidiet li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’żewġ okkażjonijiet, li hija l-unika waħda li użat il-mezzi tagħha sabiex topponi l-akkordju, li b’mod kostanti hija ġarrbet pressjoni, theddid u miżuri ta’ ritaljazzjoni min-naħa tal-kompetituri, u barra minn hekk ma tistax tiġi imputata lilha l-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kumpless matul il-perijodu kollu meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

231    B’hekk, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, liema prinċipji l-linji gwida dwar il-multi ma tistax ma tiħux inkunsiderazzjoni.

232    Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

233    Ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka fl-istess waqt żball ta’ evalwazzjoni, il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament u nuqqas ta’ motivazzjoni.

234    Hekk kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità ta’ ksur hija stabbilita abbażi ta’ bosta elementi – bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi – li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 43).

235    Fost l-elementi li jistgħu jagħmlu parti mill-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur wieħed isib l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li dawn setgħu jisiltu minn dawn il-prattiċi, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, sabiex tiġi stabbilita l-multa, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jagħti indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll is-sehem tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur f’dan id-dħul u li għaldaqstant jista’ jagħti indikazzjoni tad-daqs tal-ksur. Ma għandhiex tiġi attribwita, la lil waħda u lanqas lill-oħra minn dawn il-figuri, importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni u, għaldaqstant, l-iffissar ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jinkludix prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprovdi li s-sanzjoni għandha tkun proporzjonata għad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriża permezz tal-bejgħ tal-prodott li huwa s-suġġett tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C-389/10 P, punti 58 sa 60).

236    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, ċertament, ir-rikorrenti interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl‑1992, xorta jibqa’ l-fatt li hija reġgħet bdiet tipparteċipa mill-ġdid fl-akkordju fit‑3 ta’ Settembru 1996 u li, minn Mejju 1997 sa Diċembru 1999, saru kuntatti illeċiti magħha sabiex terġa’ tibda tipparteċipa mill-ġdid b’mod sħiħ u komplet darb’oħra f’Mejju 2000 u dan sa Mejju 2007. Hija tallega li kienet ġiet imġiegħla tagħmel dan, iżda madankollu dan l-argument ma jistax jintlaqa’, bħal ma jistgħux jintlaqgħu l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-fatt li hija ma pparteċipatx fi ksur uniku u kumpless (ara l-punti 159, 185 u 202 sa 214 iktar ’il fuq).

237    Għalhekk hija ma kinitx f’sitwazzjoni li kienet tiddistingwiha mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju li tiġġustifika l-fatt li tintuża, fir-rigward tagħha, perċentwali differenti ta’ bejgħ rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa.

238    Jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

239    Għalhekk l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

2.     Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball fil-kalkolu tal-multa skont it-tul tal-ksur u l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

a)     Id-deċiżjoni kkontestata

240    Mill-premessi 141 sa 147 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, li bbażat ruħha fuq diversi dokumenti, fosthom ċerti noti interni kkomunikati minn MRI fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza (premessi 143 sa 145 tad-deċiżjoni kkontestata), ikkunsidrat li hija kienet bdiet tipparteċipa mill-ġdid b’mod attiv fl-akkordju mit‑3 ta’ Settembru 1996.

241    Il-premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata tesponi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni hija kuntrarja għall-argument tar-rikorrenti li titlob li, skont il-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, ma jintużawx kontriha l-provi li hija pproduċiet lill-Kummissjoni għall-perijodu 1996‑1997.

242    Il-premessi 447 u 448 tad-deċiżjoni kkontestata fl-aħħar nett jispeċifikaw it-tul tal-perijodu li matulu seħħ il-ksur meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolut tal-multa.

b)     L-argumenti tal-partijiet

243    Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li, billi ġie inkluż il-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997, it-tul tal-ksur ġie aġġustat b’mod żbaljat għal tmien snin (dan il-perijodu ta’ tmien snin ġie arrotondat għal sena addizzjonali), liema fatt ta lok għal żieda fl-ammont tal-multa ta’ madwar [kunfidenzjali]. Hija tqis li, fil-fatt, hija ġiet issanzjonata b’mod żbaljat għal dan il-perijodu, u dan abbażi tal-provi li hija stess kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-pjan ta’ klemenza. Issa, dawn il-provi ma setgħux jintużaw kontriha, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u dan il-preġudizzju għad-drittijiet tagħha jikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk id-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni adegwata f’dan ir-rigward.

244    F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tirreferi għall-argument tagħha ppreżentat fil-kuntest tat-tieni motiv.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

245    Mill-analiżi tat-tieni motiv jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament qieset li r-rikorrenti kienet reġgħet bdiet tipparteċipa mill-ġdid fl-akkordju fit‑3 ta’ Settembru 1996 u kienet ipparteċipat bis-sħiħ fil-ksur sat‑13 ta’ Mejju 1997 (ara l-punt 159 iktar ’il fuq).

246    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball billi ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu seħħ il-ksur mit‑3 ta’ Settembru 1996 u t‑13 ta’ Mejju 1997 u billi aġġustat it-tul tal-ksur ta’ seba’ snin u nofs għal tmien snin skont il-linji gwida tagħha.

247    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni adegwata, li tinsab fil-premessi 141 sa 147 u 487 tagħha. Għaldaqstant l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

248    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, inkwantu l-Kummissjoni użat ċerti dokumenti li hija kienet ipproduċiet fil-kuntest tat-talba tagħha għal kooperazzjoni fil-konfront tagħha, ġaladarba l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tiċħad dawn id-dokumenti skont l-aħħar paragrafu tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, dawn id-dokumenti ma kinux neċessarji sabiex jiġi stabbilit il-ksur li hija wettqet bejn Settembru 1996 u Mejju 1997 (ara l-punti 123 sa 159 iktar ’il fuq).

249    Għaldaqstant it-tieni parti tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

3.     Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball fiż-żieda tal-multa bħala mezz dissważiv, u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

a)     Id-deċiżjoni kkontestata

250    Mill-premessi 449 u 450 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat, skont il-punt 25 tal-linji gwida, żieda fl-ammont bażiku tal-multa ta’ 25 % tal-valur tal-bejgħ b’mod dissważiv.

b)     L-argumenti tal-partijiet

251    Ir-rikorrenti tfakkar li ż-żieda ta’ 25 % bil-għan li tiżgura effett dissważiv huwa l-massimu permess mil-linji gwida, li jipprovdu li din iż-żieda hija inkluża bejn 15 % u 25 % tal-bejgħ rilevanti.

252    Hija tqis li, billi imponitilha din iż-żieda massima, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ekwiparatha mal-produtturi l-oħra bi ksur tal-prinċipji applikabbli u mingħajr ma mmotivat din l-ekwiparazzjoni.

253    B’hekk il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, skont ir-rikorrenti, tal-fatt li hija kienet kunsiderevolment iżgħar mill-produtturi l-oħra. Issa, il-ġurisprudenza tirrikjedi li ż-żieda applikata bil-għan li jiġi żgurat effett dissważiv tieħu inkunsiderazzjoni d-daqsijiet differenti tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju.

254    Ir-rikorrenti ssostni li l-istess jgħodd f’dak li jikkonċerna d-differenza tal-aġir tagħha, inkwantu hija ma kinitx membru attiv tal-akkordju, ħarġet minnu fl-1992 u għamlet dak li setgħet sabiex tieħu d-distanzi minnu u reġgħet bdiet tipparteċipa biss għaliex hija ma setgħetx tissaporti l-pressjoni u t-theddid mill-membri l-oħra tal-akkordju. Barra minn hekk, fl‑2003, il-bord ta’ tmexxija tagħha mmanifesta mingħajr dubji r-rieda tiegħu li toħroġ mill-akkordju u, għalkemm minkejja kollox hija baqgħet fl-akkordju wara din id-data, dan huwa minħabba s-sempliċi aġir ta’ ċerti impjegati żleali tas-sussidjarja li kienet tinsab fl-Istati Uniti, li aġixxew mingħajr ma kienet taf u kontra r-rieda tagħha, fejn barra minn hekk il-Kummissjoni qatt ma sostniet li hija kellha għarfien tal-attivitajiet tal-fergħa Amerikana tagħha, u wisq inqas li hija kienet approvathom. Barra minn hekk, malli saret taf bir-rwol tagħhom fl-akkordju u dwar il-ksur tagħhom tal-kodiċi tal-etika, hija qatgħet immedjatament ir-relazzjonijiet tagħha ma’ F., konsulent, u r-relazzjoni ta’ xogħol ma ex impjegat ta’ MOM.

255    Barra minn hekk, sa mill‑2005 hija kienet stabbilixxiet proċedura interna intiża sabiex timponi lill-impjegati tagħha l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni u, bis-saħħa tal-kodiċi ta’ etika ġdid adottat f’dan il-kuntest, hija ssanzjonat wieħed mill-impjegati tagħha.

256    Fil-fehma tagħha, dan juri li hija kienet u għadha konvinta bis-sħiħ dwar il-ħtieġa li fil-futur ma tipparteċipax f’attivitajiet antikompetittivi u ż-żieda fil-multa għal finijiet dissważivi hija totalment inutli u nieqsa minn motivazzjoni.

257    Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tar-rata massima taż-żieda tidher li ma hijiex ġustifikata, fid-dawl tar-rwol li hija kellha fl-akkordju.

258    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

259    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Linji Gwida jipprovdu:

“10. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni għandha tiddetermina ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

11. Fit-tieni lok, hija tista’ taġġusta dan l-ammont bażiku, ’il fuq jew l-isfel.

[…]

19. L-ammont bażiku tal-multa għandu jkun marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-livell ta’ serjetà tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20. L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir skont il-każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ.

[…]

23. Il-ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, huma, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi. Taħt il-politika tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiġu ssanzjonati severament […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

260    It-tieni nett, ġie deċiż kemm-il darba li, filwaqt li l-ammont inizjali tal-multa huwa ffissat skont il-ksur, il-gravità tiegħu hija ddeterminata b’riferiment għal numru ta’ fatturi oħra, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, punt 235 iktar ’il fuq, punt 58). Barra minn hekk mil-Linji Gwida jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur isseħħ f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, il-gravità ġenerali hija evalwata biss skont l-elementi proprji tal-ksur, bħan-natura tiegħu u l-impatt tiegħu fuq is-suq u, fit-tieni stadju, l-evalwazzjoni tal-gravità relattiva hija adattata skont iċ-ċirkustanzi proprji tal-impriża kkonċernata li barra minn hekk twassal lill-Kummissjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-eventwali ċirkustanzi aggravanti, iżda wkoll, skont il-każ, iċ-ċirkustanzi attenwanti. Dan jippermetti, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ ksur li jinvolvu numru ta’ impriżi, li jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, ir-rwol differenti interpretat minn kull impriża u l-attitudni tagħha fil-konfront tal-Kummissjoni matul l-iżvolġiment tal-proċedura (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 109, u tat‑28 ta’ April 2010, BST vs Il‑Kummissjoni, T‑452/05, Ġabra p. II‑1373, punt 48). Għaldaqstant, anki jekk jitqies negliġibbli, ir-rwol individwali tar-rikorrenti ma jistax iqiegħed mill-ġdid inkwistjoni l-livell tal-gravità tal-ksur.

261    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata talli qieset li l-ksur – li dam mill-inqas mill‑1986 sal‑2007 u kien ikkaratterizzat kemm bi ftehim fuq il-prezzijiet kif ukoll minn tqassim ta’ swieq ġeografiċi u ta’ kwoti – kien jippreżenta gravità ġenerali importanti.

262    Issa, ir-rikorrenti pparteċipat bis-sħiħ fl-aġir li jikkostitwixxi ksur, anki hekk hija eskludiet ruħha mill-akkordju fl‑1992 u bdiet tipparteċipa mill-ġdid biss fl-1996, liema fatt ittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa imposta fuqha, fejn fil-fatt l-ebda multa ma ġiet imposta fuqha għall-perijodu li jippreċedi t‑3 ta’ Settembru 1996 (ara l-premessa 448 tad-deċiżjoni kkontestata).

263    Għaldaqstant l-ilment dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

264    It-tielet nett, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkalkola l-ammont tal-multa abbażi ta’ ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, hija lanqas ma għandha l-obbligu li tiżgura, fil-każ fejn multi jiġu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li għalihom iwassal il-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fuq is-suq tal-prodott inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas‑6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 lanqas ma jirrikjedu li, fil-każ fejn multi jiġu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma jkunx ikbar, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ, minn dak tal-multi imposti fuq impriżi ikbar. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar hemm lok li, sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur. Sa fejn il-Kummissjoni timponi multi ġġustifikati fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur, għal kull waħda minnhom, meta mqabbla mal-gravità u t-tul tal-ksur, hija ma tistax tiġi akkużata li, għal uħud minnhom, l-ammont tal-multa jkun ogħla, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ, minn dak ta’ impriżi oħra. B’hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tnaqqas l-ammont tal-multi meta l-impriżi kkonċernati jkunu żgħar jew medji. Fil-fatt, id-daqs tal-impriża huwa diġà meħud inkunsiderazzjoni mil-limitu massimu ffissat mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida. Minn barra dawn il-kunsiderazzjonijiet fir-rigward tad-daqs, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jittratta l-impriżi żgħar jew medji b’mod differenti minn impriżi oħra. Il-fatt li l-impriżi kkonċernati huma impriżi żgħar u medji ma jeżentahomx mid-dmir tagħhom li josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, punt 225 iktar ’il fuq, punti 279 sa 281, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punti 198 sa 200).

265    Konsegwentement ir-rikorrenti hija żbaljata billi ssostni li minħabba d-daqs żgħir tagħha hija kellha tingħata trattament differenzjat mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li fih barra minn hekk ġie stabbilit li hija pparteċipat bis-sħiħ.

266    Għalhekk l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud ukoll.

267    Ir-raba’ nett, ġaladarba r-rikorrenti ma tistax utilment issostni li hija pparteċipat fl-akkordju b’mod marġinali biss, bejn l‑1996 u l‑2000 jew li l-parteċipazzjoni tagħha kellha bħala għan li tadotta attitudni difensiva fir-rigward tal-kompetituri tagħha (ara b’mod partikolari l‑punt 85 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx dawn il-punti inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur.

268    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx taf dwar l-aġir illegali tas-sussidjarja Amerikana tagħha MOM, hija ma tikkontestax il-fatt, f’dan ir-rikors, li hija kollha kemm hi responsabbli għall-atti mwettqa minnha fis-sens tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237). Fil-fatt hija tikkontesta l-perċentwali ta’ żieda applikata għal finijiet dissważivi mill-Kummissjoni, li ma ħaditx l-attitudni tagħha biżżejjed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari meta mqabbel mal-impriżi l-oħra involuti fl-akkordju.

269    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intenzjoni li hija setgħet tesprimi fl‑2003 li titlaq mill-akkordju tibqa’ ineffettiva inkwantu, mill-inqas, ġie stabbilit li s-sussidjarja tagħha kompliet tipparteċipa fil-ksur sal‑2007.

270    Għalhekk il-Kummissjoni kellha raġun billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti, mill-inqas permezz tas-sussidjarja tagħha, kienet ipparteċipat fl-akkordju sa Mejju 2007.

271    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur f’dan ir-rigward.

272    L-istess jgħodd fir-rigward tal-pjan intern tar-rikorrenti intiż għall-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni, ġaladarba ġie effettivament deċiż li, għalkemm huwa ċertament importanti li impriża tkun adottat miżuri sabiex tipprekludi li fil-futur jitwettaq ksur ġdid tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni minn membri tal-persunal tagħha, dan il-fatt ma jbiddel xejn mir-realtà tal-ksur li ġie kkonstatat. Din iċ-ċirkustanza ma tobbligax lill-Kummissjoni tnaqqas, bħala ċirkustanza attenwanti, l-ammont tal-multa imposta fuq l-imsemmija impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 373).

273    Konsegwentement għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ allegat effett dissważiv taż-żieda tal-multa minħabba l-fatt li r-rikorrenti kienet diġà adottat provvedimenti li juru x-xewqa tagħha li tevita li hija ma tkunx involuta f’attivitajiet kollużorji.

274    Fl-aħħar nett, il-ħames nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud ukoll.

275    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

4.     Fuq ir-raba’ parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti u tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)     Id-deċiżjoni kkontestata

276    Mill-premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma tirrikonoxxi lill-membri tal-akkordju ebda ċirkustanza attenwanti li tista’ tirriżulta minn rwol passiv jew sekondarju fi ħdan l-akkordju.

b)     L-argumenti tal-partijiet

277    Ir-rikorrenti tqis li, mingħajr ma twettaq eżami speċifiku tas-sitwazzjoni individwali tal-impriżi u mingħajr ebda motivazzjoni, il-Kummissjoni ċaħdet l-għoti ta’ ċirkustanzi attenwanti fil-premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata.

278    B’hekk hija ma tat ebda kunsiderazzjoni lis-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti u lanqas lil serje ta’ ċirkustanzi determinanti sabiex tikkwalifika l-aġir tagħha lejn l-akkordju u fi ħdanu, u b’hekk, hija kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

279    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tagħmilx parti min-“numru ta’ impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata) li invokaw l-importanza żgħira tal-attività tagħhom fis-settur tal-manek marittimi sabiex ċirkustanzi attenwanti jiġu rikonoxxuti lilhom, liema fatt jikkostitwixxi xebh mingħajr distinzjoni u superfiċjali tad-difiża tagħha ma’ dik ta’ produtturi oħra.

280    Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni applikatilha l-istess trattament bħal ma applikat lil Telleborg u Dunlop, meta la l-aġir u lanqas l-importanza ta’ dawn l-impriżi ma kienu paragunabbli għal tagħha.

281    Fl-aħħar nett ir-rikorrenti tqis li t-tnaqqis li jmissu ngħatalha fl-ebda każ ma kellu jkun inqas minn 30 %.

282    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

283    Għandu jitfakkar li l-linji gwida jipprovdu:

“29. L-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħal:

[…]

meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment ridotta u b’hekk turi li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament eskludiet lilha nnifisha mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, ġaladarba din iċ-ċirkustanza diġà hija riflessa fl-ammont bażiku;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

284    Il-premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata, bit-titlu “Rwol passiv u/jew sekondarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija redatta kif ġej:

“Numru ta’ impriżi kkonċernati jsostnu li l-attività tagħhom [relatata mal-manek marittimi] hija attività li ftit hija importanti. Il-Kummissjoni tqis ġeneralment li dan ma jistax iservi bħala punt ta’ tluq sabiex jiġi ddeterminat rwol passiv jew sekondarju, li huwa bbażat biss fuq it-tip ta’ rwol li impriża kellha fi ħdan akkordju u mhux fuq l-importanza tal-attività fi ħdan il-grupp. Barra minn hekk il-Kummissjoni tinnota li minkejja l-importanza relattiva tal-attività, l-impriżi kollha involuti qiesu li l-attività [relatata mal-manek marittimi] kienet importanti biżżejjed sabiex iżommuha, probabbilment għal raġunijiet ta’ viabbiltà (bl-eċċezzjoni ta’ Bridgestone li waqfet mill-attività tagħha wara tmiem il-ksur). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-importanza relattiva tal-attività kienet tirriżulta b’mod suffiċjenti fil-kalkolu tal-ammont bażiku u li dan ma għandux jittieħed iżjed inkunsiderazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

285    Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat jekk, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li ma kienx hemm lok li jiġi rikonoxxut lilha l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti.

286    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-pressjonijiet eżerċitati minn impriżi u intiżi sabiex impriżi oħra jiġu mħajra jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jeħilsux, tkun liema tkun l-importanza tagħhom, lill-impriża kkonċernata mir-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq, assolutament ma jbiddlux il-gravità tal-akkordju u ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, ġaladarba l-impriża kkonċernata setgħet tirrapporta l-pressjonijiet eventwali lill-awtoritajiet kompetenti u tressaq ilment quddiemhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punti 369 u 370, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il‑Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 63). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni t-theddid, bħalma hu dak allegat f’din il-kawża, bħala ċirkustanza attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T-136/02, Ġabra p. II‑947, punt 640).

287    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost l-elementi ta’ natura li jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura sinjifikattivament iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri l-oħra tal-akkordju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 168; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 331, u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Diċembru 1985, Stichting Sigarettenindustrie et vs Il‑Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punt 100, u s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 164, u l-ġurisprudenza ċċitata), jew ukoll l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li pparteċipaw fil-ksur (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 331, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet illi r-“rwol esklużivament passiv” ta’ membru ta’ akkordju kien jimplika li dan il-membru jadotta “profil baxx”, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni tal-akkordji antikompetittivi (ara s-sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, punt 194 iktar ’il fuq, punt 252, u l-ġurisprudenza ċċitata).

288    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim mal-kompetituri tagħha hija stabbilita, ma ġabitx ruħha fis-suq b’mod konformi mal-aġir miftiehem mal-kompetituri tagħha, billi segwiet politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq, ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Ma jistax jiġi eskluż li din l-impriża sempliċement ipprovat tuża l-akkordju favuriha stess (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Ġunju 2011, FMC Foret vs Il‑Kummissjoni, T‑191/06, Ġabra p. II‑2959, punti 345 u 346).

289    Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża għandhiex tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ ftehim li jikkostitwixxi ksur, għandu jiġi vverifikat jekk l-impriża ressqitx argumenti tali li jiġi stabbilit li, fil-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament eskludiet lilha nnifisha mill-applikazzjoni tagħhom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq fejn, mill-inqas, hija b’mod ċar u b’mod kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi sabiex jiġi implementat dan l-akkordju, b’tali mod li fixklet il-funzjonament stess tiegħu (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T-26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113, u Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 196).

290    Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tista’ utilment tinvoka la allegati pressjonijiet li għalihom kienet suġġetta, u lanqas it-tul iqsar tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

291    Fir-rigward tan-natura allegatament passiva tal-aġir tagħha u tal-impatt tagħha fuq il-multa, għandu jitfakkar li hija reġgħet bdiet tipparteċipa bis-sħiħ fl-akkordju mit‑3 ta’ Settembru 1996, li hija pparteċipat fid-diskussjonijiet intiżi sabiex l-akkordju jerġa’ jibda’ jitħaddem mill-ġdid li saru bejn l‑1997 u l‑1999 u li, minn Mejju 2000, hija reġgħet bdiet tipparteċipa fi ħdan l-akkordju.

292    Għaldaqstant hija ma tistax issostni rwol passiv kwalunkwe fi ħdan l-akkordju u lanqas, għalhekk, issostni l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti bbażati fuq tali ċirkustanza.

293    Barra minn hekk, jekk wieħed isegwi r-raġunament tagħha stess, l-intenzjoni u l-aġir tagħha kellhom, f’dan il-perijodu, bħala għan li jagħtu lil wieħed x’jifhem li hija kellha attitudni favorevoli għall-akkordju u, f’dan is-sens, kellha minn tal-inqas kuntatti u kienet taqsam informazzjoni ma’ ċerti membri tal-akkordju, liema fatt ifisser, kif ammettiet hija stess, li pparteċipat fl-akkordju b’mod attiv.

294    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-argument tar-rikorrenti li, min-naħa tagħha, ma sostnietx, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, l-importanza żgħira tal-attivitajiet tagħha fis-settur tal-manek marittimi sabiex hija tkun tista’ tibbenefika miċ-ċirkustanzi attenwanti.

295    Il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta l-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti sostniet argumenti li jixbhu dawk li hija sostniet fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jiġifieri “it-tul limitat tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u […] r-rwol minuri jew marġinali tagħha fil-kuntest [tiegħu]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

296    Madankollu, anki jekk, fil-kuntest tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata ddedikati għall-analiżi taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni ma rrispondietx espliċitament għall-argumenti differenti tar-rikorrenti, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 283 sa 293 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrata globalment, għandha motivazzjoni suffiċjentement iddettaljata li tippermetti lill-Qorti Ġenerali, kif ukoll lir-rikorrenti, tifhem għal liema raġunijiet hija ma tistax tibbenefika minn ċirkustanzi attenwanti f’dan il-każ.

297    Konsegwentement hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-kriterji ġurisprudenzjali msemmija fil-punt 108 iktar ’il fuq.

298    Għalhekk ir-raba’ parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

5.     Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq it-tnaqqis tal-multa minħabba kooperazzjoni fil-kuntest tal-pjan ta’ klemenza

a)     Id-deċiżjoni kkontestata

299    Il-premessi 480 sa 488 tad-deċiżjoni kkontestata jesponu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kellha tingħata tnaqqis ta’ 30 % tal-multa li ġiet imposta fuqha fid-dawl tal-kontribut tagħha fil-kwistjoni.

300    F’dan ir-rigward il-Kummissjoni essenzjalment tqis li ċertament kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha MRI kienet iddeċidiet li tikkollabora fl-investigazzjoni (premessi 480 u 485 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda l-kontribut tagħha kellu valur limitat, inkwantu hija f’dan il-mument diġà kellha numru kbir ta’ provi li jippermettu li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi prinċipali tal-akkordju (premessa 485 tad-deċiżjoni kkontestata).

301    Essenzjalment hija tippreċiża li MRI pproduċiet provi fir-rigward tal-akkordju minn tmiem is-snin 80 (premessa 481 tad-deċiżjoni kkontestata), u b’mod partikolari dokument tal‑1989 li jistabbilixxi li l-membri tal-akkordju kienu jiskambjaw data statistika bejniethom (premessi 482 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll żewġ dokumenti skambjati fl‑2000 mal-koordinatur tal-akkordju li jippermettu li jiġi stabbilit tqassim ġeografiku tas-swieq bejn membri tal-akkordju (premessa 483 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fl-aħħar nett, dokumenti interni tal-bidu tas-sena 1997 dwar l-eżistenza tal-akkordju f’dak il-mument, li jippermettu li jiġi stabbilit ir-rwol ta’ MRI fl-akkordju bejn 1996 u 1997 u li jissostanzjaw il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-eżistenza tal-akkordju matul it-tieni parti tas-snin 90 (premessa 484 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)     L-argumenti tal-partijiet

302    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball fid-determinazzjoni tat-tnaqqis tal-multa fid-dawl tal-kooperazzjoni li hija pprovdiet fil-kuntest tal-pjan ta’ klemenza. Il-Kummissjoni tatha tnaqqis minimu, jiġifieri 30 %, meta l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tipprovdi li l-ewwel impriża ammessa sabiex tibbenefika mill-klemenza għandha dritt għal tnaqqis li jista’ jilħaq il-50 %, skont il-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hija tqis li dan l-iżball jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-kontribut li hija tat lill-investigazzjoni.

303    Hija tfakkar li d-data li fiha l-provi insostenn tat-talba huma prodotti u l-valur miżjud tagħhom huma ż-żewġ kriterji li, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jippermettu li jiġi ddefinit il-livell tat-tnaqqis.

304    Issa, id-diliġenza tagħha kienet waħda massima, bħal ma turi l-premessa 480 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li hija pproduċiet il-parti l-kbira tal-provi l-iktar sinjifikattivi fil-pussess tagħha l-għada tal-ispezzjonijiet, jiġifieri l‑4 ta’ Mejju 2007.

305    Barra minn hekk, hija tqis li l-kontribut tagħha kien sinjifikattiv ħafna. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi u l-informazzjoni li hija pproduċiet mhux biss “saħħew” jew “irfinaw” il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija bagħtet lill-produtturi, iżda, meta wieħed jeżamina din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, jidher, fil-fehma tagħha, li l-informazzjoni li hija pprovdiet kienet determinanti sabiex jiġu ssostanzjati l-ilmenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-karatteristiċi tal-akkordju, il-funzjonament tiegħu u t-tul tal-ksur, kif ukoll il-portata tal-parteċipazzjoni tal-produtturi. F’ħafna każijiet, din l-informazzjoni hija l-uniku element insostenn tat-teżi tal-Kummissjoni.

306    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tippreċiża li l-informazzjoni u d-data li hija pprovdiet, minn naħa, ippermettew li tiġi kkorroborata x-xhieda orali magħmula mill-ewwel parti li ressqet l-ilment – li kienet insuffiċjenti, fin-nuqqas ta’ provi dokumentarji jew oġġettivi tali li jikkonfermawha, sabiex fuqhom tibbaża b’mod inkontestabbli l-ilmenti marbuta magħha – kif ukoll l-informazzjoni mogħtija mill-impriżi l-oħra u, min-naħa l-oħra, kienu l-uniċi elementi veritieri insostenn tal-ilment tal-Kummissjoni li l-produtturi l-oħra pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu.

307    Barra minn hekk, hija tqis li l-provi li hija pproduċiet li jikkonċernaw il-perijodu minn Marzu 1997 sa Ġunju 1999 huma l-bażi unika jew prinċipali tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni marbuta ma’ dan il-perijodu. Għalkemm huwa minnu li jeżistu provi oħra, madankollu dawn huma, fl-opinjoni tagħha, kjarament insuffiċjenti sabiex tintwera xi ħaġa dwar l-akkordju matul dan il-perijodu. B’hekk, fin-nuqqas ta’ dawn il-provi, il-Kummissjoni kien ikollha, fil-fehma tagħha, tikkunsidra żewġ ksur distinti u mhux ksur uniku u kontinwu jew ripetut.

308    Għaldaqstant il-Kummissjoni b’mod żbaljat qieset, fil-premessa 485 tad-deċiżjoni kkontestata, li “hija diġà kienet tinsab fil-pussess ta’ kwantità importanti ta’ dokumenti, li abbażi tagħhom hija kienet f’pożizzjoni li tipprova l-elementi prinċipali tal-akkordju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

309    Konsegwentement, għar-rikorrenti, l-applikazzjoni tar-rata minima tat-tnaqqis ma hijiex ġustifikata u, barra minn hekk, ma hijiex motivata. Barra minn hekk hija tqis li din id-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li, f’każijiet oħra, hija tat tnaqqis ogħla bħala kontroparti għall-iċken produzzjoni ta’ informazzjoni.

310    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

311    Il-Kummissjoni tqis li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti tagħha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija mitluba twettaq evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il-kooperazzjoni rispettiva ta’ dawn l-impriżi. B’mod partikolari, hija tgawdi wkoll minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, speċifikament, meta mqabbla mal-kontributi ta’ impriżi oħra. L-evalwazzjonijiet tagħha huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett.

312    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li MRI kienet l-ewwel u l-unika impriża li l-kontribut tagħha tqies sodisfaċenti sabiex jiġġustifika l-ammissjoni tagħha fil-pjan ta’ klemenza. Fil-fatt hija tqis li l-kawża ssib l-oriġini tagħha fit-talba għal immunità ta’ [kunfidenzjali], li waqfet tipparteċipa fl-akkordju qabel ma saret din it-talba u li żvelat l-eżistenza, l-għan u l-karatteristiċi tal-akkordju, liema fatt ippermettielha tagħmel l-investigazzjoni u tiġġustifika li [kunfidenzjali] tibbenefika minn immunità totali. Min-naħa l-oħra, MRI bdiet tikkoopera biss wara l-ispezzjonijiet.

313    Fir-rigward tal-importanza u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn MRI, hija ċertament iffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni, iżda, l-ewwel nett, hija diġà kienet taf dwar l-eżistenza, l-għan u l-metodi ta’ funzjonament tal-akkordju, it-tieni nett, hija tikkontesta l-fatt li, mingħajr MRI, hija ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tipprova l-persistenza tal-ksur, it-tielet nett, ebda waħda mill-impriżi parteċipanti ma kienet ġiet issanzjonata għall-perijodu mit‑13 ta’ Mejju 1997 sal‑11 ta’ Ġunju 1999 li fir-rigward tiegħu l-kooperazzjoni ta’ MRI rriżultat li kienet l-iktar utli, ir-raba’ nett, kien possibbli, skont il-Kummissjoni, li l-ksur jiġi kkwalifikat bħala ripetut anki jekk ġie interrott għal xi snin, sabiex sussegwentement reġa’ beda, bl-istess parteċipanti, l-istess għan u l-istess metodi analogi, bil-għan tal-eżekuzzjoni tal-istess pjan globali. Għaldaqstant fil-fehma tagħha, MRI tallega żbaljatament li l-kooperazzjoni tagħha kien neċessarju sabiex il-ksur ikun jista’ jiġi kkwalifikat bħala kontinwu.

314    Barra minn hekk, għall-perijodi l-oħra, il-kooperazzjoni ta’ MRI kienet ta’ utilità limitata, fid-dawl tal-indizji diġà prodotti minn [kunfidenzjali] u tal-volum ta’ dokumenti skoperti meta saru l-ispezzjonijiet.

315    Għalhekk tnaqqis tal-multa ffissat għal 30 % huwa ġustifikat bis-sħiħ.

316    Barra minn hekk il-Kummissjoni tqis li huma eċċessivi l-paraguni li MRI tagħmel ma’ impriżi oħra, inkwantu, minn naħa, dan it-tip ta’ paragun bejn kawżi differenti huwa diffiċli ħafna u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, tat ċertu rata ta’ tnaqqis għal aġir speċifiku ma jfissirx li hija għandha l-obbligu li tagħti l-istess tnaqqis meta tevalwa aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva sussegwenti, skont il-ġurisprudenza.

317    Fl-aħħar nett, hija tqis li d-deċiżjoni tagħha li ma tagħtix iktar minn 30 % ta’ tnaqqis hija mmotivata fil-premessa 485 tad-deċiżjoni kkontestata.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

318    Il-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprovdi:

“F’kull deċiżjoni finali mogħtija skont il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livell ta’ tnaqqis li minnu għandha tibbenefika l-impriża, li jiġi stabbilit kif ġej fir-rigward tal-ammont tal-multa li tkun ġiet imposta awtomatikament.

–        L-ewwel impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikattiv: tnaqqis inkluż bejn 30 u 50 %,

–        it-tieni impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikattiv: tnaqqis inkluż bejn 20 u 30 %,

–        impriżi oħra li jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv: tnaqqis massimu ta’ 20 %.

sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-data li fiha ġew ikkomunikati l-provi li jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fil-[punt 24] u l-livell ta’ valur miżjud li rrappreżentaw.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

319    Għandu jitfakkar li l-punt 24 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jippreċiża li, sabiex tkun tista’ tippretendi tali tnaqqis, l-impriża kkonċernata għandha tipproduċi lill-Kummissjoni l-provi tal-ksur allegat li jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv b’kuntrast mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, fejn il-kunċett ta’ valur miżjud huwa fih innifsu ddeterminat fil-punt 25 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (ara l-punt 116 iktar ’il fuq).

320    Il-kliem tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni konsegwentement huma intiżi li jagħmlu distinzjoni bejn żewġ stadji:

–        l-ewwel nett, sabiex tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa, jeħtieġ li l-impriża tipprovdi lill-Kummissjoni l-provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv; l-ewwel impriża li tikkoopera b’dan il-mod tingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ livell minimu ta’ 30 % u ta’ livell massimu ta’ 50 % mill-ammont bażiku;

–        it-tieni nett, sabiex tiġi stabbilita r-rata ta’ tnaqqis f’din il-faxxa, il-Kummissjoni għandha tieħu żewġ kriterji inkunsiderazzjoni: id-data li fiha l-provi ġew ikkomunikati u l-livell tal-valur miżjud li ppreżentaw.

321    Barra minn hekk, il-kunċett ta’ valur miżjud sinjifikattiv għandu jinftiehem, fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, bħala li jikkonċerna kemm il-provi prodotti jsaħħu, bin-natura tagħhom jew bil-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju allegat, fejn dan il-valur innifsu huwa evalwat skont ċertu numru ta’ parametri ppreċiżati fil-punt 25 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

322    B’hekk, ġaladarba l-provi prodotti lill-Kummissjoni jkollhom valur miżjud sinjifikattiv u l-impriża tkun l-ewwel waħda li tikkomunikahom, ir-rata minima tal-multa tkun ta’ 30 %. Sussegwentement, iktar ma tkun prekoċi l-kooperazzjoni u iktar ma jkun importanti l-livell ta’ valur miżjud, iktar tiżdied ir-rata ta’ tnaqqis, sa massimu ta’ 50 % tal-ammont tal-multa.

323    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-fatt li MRI kienet l-ewwel impriża li ssodisfat il-kundizzjonijiet bil-għan tal-kisba ta’ tnaqqis tal-multa, inkwantu d-dokumenti li hija kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni kellhom valur miżjud sinjifikattiv, iżda hija tat lil MRI l-livell minimu ta’ tnaqqis tal-multa, jiġifieri 30 %. Is-sempliċi kwistjoni ddibattuta bejn il-partijiet u li għandha tiġi deċiża mill-Qorti Ġenerali għaldaqstant hija l-importanza tat-tnaqqis mogħti mill-Kummissjoni f’din il-faxxa u mhux il-prinċipju nnifsu ta’ dan it-tnaqqis.

324    Għalkemm, ċertament, il-Kummissjoni tevalwa, fid-dawl tal-provi kkomunikati minn MRI, il-perċentwali ta’ tnaqqis li għandu jiġi applikat lil min qed jitlob il-klemenza, xorta jibqa’ l-fatt li hemm lok li jiġi vverifikat jekk hija ddefinietx l-imsemmija perċentwali skont il-kriterji li hija ffissat fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u jekk hija indikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunament li hija kienet segwiet f’dan is-sens, b’tali mod li tippermetti lir-rikorrenti tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata fir-rigward tagħha u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

325    Fir-rigward tad-data li fiha ġew prodotti l-provi, huwa paċifiku li t-talba għal klemenza ġiet ippreżentata, flimkien mal-provi, fl‑4 ta’ Mejju 2007 (premessa 480 tad-deċiżjoni kkontestata) – jiġifieri żewġt iġranet wara l-ispezzjoni organizzata mill-Kummissjoni wara t-talba għal klemenza ppreżentata minn [kunfidenzjali] fl‑20 ta’ Diċembru 2006.

326    Il-Kummissjoni tqis li din hija kollaborazzjoni li saret fi stadju prekoċi tal-investigazzjoni (premessa 486 tad-deċiżjoni kkontestata).

327    Issa, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni ma hijiex riflessa fir-rata ta’ tnaqqis applikata lill-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

328    Fir-rigward tal-livell tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-provi prodotti minn MRI, għandu jiġi osservat dan li ġej.

329    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li MRI kienet ipproduċiet provi dwar l-akkordju li jmur lura għal tmiem is-snin 80 – b’mod partikolari dokument tal‑1989 li jistabbilixxi li l-membri tal-akkordju kienu jiskambjaw data statistika – kif ukoll żewġ dokumenti skambjati fl‑2000 mal-koordinatur tal-akkordju li jippermettu li jiġi stabbilit tqassim ġeografiku tas-swieq bejn il-membri tal-akkordju u, fl-aħħar nett, dokumenti interni tal-bidu tas-sena 1997 dwar l-eżistenza ta’ l-akkordju f’dak il-mument, li jippermettu li jiġi stabbilit ir-rwol ta’ MRI fl-akkordju bejn l‑1996 u l‑1997 u li jissostanzja l-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-eżistenza tal-akkordju matul it-tieni parti tas-snin 90. Madankollu hija indikat li l-kontribut ta’ MRI kellu biss valur limitat, inkwantu hija diġà kellha, fil-mument meta hija intervjeniet, numru kbir ta’ provi li jippermettu li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi prinċipali tal-akkordju (ara l-punti 300 u 301 iktar ’il fuq).

330    Madankollu għandu jiġi osservat li l-premessi 148 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata jesponu l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tqis li, bejn it‑13 ta’ Mejju 1997 u Ġunju 1999, l-akkordju għadda minn perijodu ta’ attivitajiet limitati, li matulu inżammu kuntatti li fihom kienet involuta r-rikorrenti u li l-għan tagħhom kien, b’mod partikolari, li l-akkordju jibda jitħaddem mill-ġdid.

331    Il-provi huma dawn li ġejjin: [kunfidenzjali].

332    Barra minn hekk il-Kummissjoni tippreċiża li dokumenti differenti – jiġifieri żewġ faksijiet minn [kunfidenzjali], tal‑11 ta’ Ġunju 1999, u faks minn Parker ITR, tal‑21 ta’ Ġunju 1999 – jippermettu li jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ ftehim bejn il-membri tal-akkordju kien waqaf mill‑11 ta’ Ġunju 1999 (premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata).

333    Essenzjalment, il-provi dokumentarji miġbura mill-Kummissjoni dwar il-perijodu mit‑13 ta’ Mejju 1997 sa Ġunju 1999 kienu għaldaqstant ġew prodotti minn MRI fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza.

334    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ssemmi biss il-valur relattiv tad-dokumenti pprovduti minn MRI u mhux il-valur intrinsiku tagħhom, meta dawn madankollu ppermettewlha tikkorrobora ċertu numru ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ indizji li hija kellha sa dak il-mument.

335    Issa, minn naħa, il-provi prodotti minn MRI lill-Kummissjoni dwar il-perijodu mit‑13 ta’ Mejju 1997 sa Ġunju 1999 – b’differenza għal dawk li hija pproduċiet għall-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997 (ara l-punti 148 u 149 iktar ’il fuq) – huma provi dokumentarji li saħħew il-kapaċità tal-Kummissjoni li turi l-eżistenza tal-akkordju bejn Mejju 1997 u Ġunju 1999 u ppermettewlha turi li ċerti allegazzjonijiet tal-membri l-oħra tal-akkordju fir-rigward tal-fatt li l-akkordju għadda minn interruzzjoni kompleta bejn Mejju 1997 u Ġunju 1999 kienu ineżatti.

336    Min-naħa l-oħra, dawn il-provi ppermettew lill-Kummissjoni tissostanzja t-teżi tagħha li l-ksur kien ta’ natura kontinwa minn April 1986 sa Mejju 2007, minkejja l-kriżi li kien għadda minnu l-akkordju bejn Mejju 1997 u Ġunju 1999 (ara l-premessi 289, 293 u 294 tad-deċiżjoni kkontestata), minkejja l-fatt li hija ma imponietx multa għal dan il-perijodu intermedju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tirreferi għan-nota f’qiegħ il-paġna Nru 773 tad-deċiżjoni kkontestata u għal noti f’qiegħ il-paġna oħra ta’ din l-istess deċiżjoni, li jirreferu għal tliet dokumenti dwar il-perijodu intermedju, iżda mingħajr ma l-premessi 481 sa 484 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmu l-imsemmi perijodu jew il-kontribut ta’ MRI f’dan ir-rigward.

337    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 25 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-kunċett ta’ valur miżjud jikkonċerna kemm il-provi jsaħħu, min-natura tagħhom stess jew bil-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju allegat. Il-punt 25 ta’ din il-komunikazzjoni tippreċiża li l-livell ta’ korroborazzjoni ta’ sorsi oħra neċessarju sabiex tkun tista’ tibbaża ruħha fuq prova fir-rigward ta’ impriżi oħra involuti fil-kawża għandu effett fuq il-valur tal-prova, b’tali mod li l-provi determinanti jingħataw valur ogħla mill-provi bħad-dikjarazzjonijiet li jkollhom jiġu kkorroborati jekk jiġu kkontestati.

338    Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li l-livell ta’ valur miżjud tal-provi prodotti mir-rikorrenti lill-Kummissjoni ma huwiex rifless fir-rata ta’ tnaqqis tal-multa ffissata fuq il-livell minimu ta’ 30 % mill-Kummissjoni.

339    B’hekk il-Kummissjoni marret kontra l-kriterji li hija kienet imponiet fuqha nnifisha fil-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

340    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 486 tad-deċiżjoni kkontestata, li “meta wieħed iqis il-valur tal-kontribut tagħha f’din il-kawża, l-istadju prekoċi li fih hija tat il-kontribut tagħha u l-portata tal-kooperazzjoni tagħha wara d-dikjarazzjonijiet tagħha, MRI għandha tingħata tnaqqis ta’ 30 % mill-multa li, kieku, kienet tiġi imposta fuqha”.

341    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat, sussidjarjament, li, għalkemm il-Kummissjoni kellha raġunijiet partikolari sabiex tillimita għal 30 % r-rata ta’ tnaqqis tal-multa mogħtija lir-rikorrenti u li ma żżidx din ir-rata minkejja n-natura prekoċi tal-kooperazzjoni tagħha u l-livell sinjifikattiv tal-valur miżjud tal-provi prodotti, hija kellha timmotiva d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, liema motivazzjoni hija baqgħet ma għamlitx, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tinsabx f’pożizzjoni li tistħarreġ b’ċertezza jekk hija wettqitx ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tagħha.

342    Fid-dawl tal-fatt li la n-natura prekoċi tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti, u lanqas il-livell tal-valur miżjud tal-provi li hija pproduċiet ma huma riflessi fir-rata ta’ tnaqqis applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tagħha, għandha tintlaqa’ parzjalment il-ħames parti tat-tielet motiv u għandu jiġi annullat l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata.

343    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti baqgħet ma pproduċietx biżżejjed elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li s-sitwazzjoni tagħha kienet tixbah dik ta’ impriżi oħra f’ċirkustanzi identiċi. Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

344    Għalhekk fir-rigward tal-kumplament il-ħames parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

D –  Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-multa

345    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 229 KE, ir-regolamenti adottati konġuntament mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jistgħu jattribwixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni sħiħa, f’dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet previsti f’dawn ir-regolamenti. Tali ġurisdizzjoni ngħatat lill-Qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha s-setgħa, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, meta l-kwistjoni tal-ammont tal-multa tiġi sottomessa għall-evalwazzjoni tagħha, u li din il-ġurisdizzjoni tista’ tiġi eżerċitata kemm biex jitnaqqas dan l-ammont kif ukoll biex jiżdied (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

346    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, minbarra l-gravità tiegħu. Għandu jingħad ukoll li l-ammont tal-multa ma jistax jaqbeż l‑10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża, magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti tal-kumpannija, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

347    Barra minn hekk, kif inhu mfakkar mill-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur.

348    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, min-natura tiegħu, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni, iżda għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Settembru 2004, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, T‑156/94, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

349    Il-Qorti ta-Ġustizzja ddeċidiet li, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħall-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol interpretat minn kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-profitt li huma setgħu jisiltu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

350    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru u l-intensità tagħhom, l-estensjoni tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni mġarrba mill-ordni pubbliku ekonomiku. L-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza relattiva u s-sehem mis-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll reċidiva eventwali (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 349 iktar ’il fuq, punt 57).

351    Ġie deċiż ukoll kostantement li kellu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mid-dispożizzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija. B’hekk il-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, u l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandha tkun proporzjonali għall-ksur, evalwat globalment, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra p. II‑6681, punt 280 u l-ġurisprudenza ċċitata).

352    F’dan il-każ, fid-dawl tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet motiv u tal-iżbalji kkonstatati f’din l-okkażjoni (ara l-punt 342 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tiġi eżerċitata l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 u li tissostitwixxi d-diskrezzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammont tal-multa li hemm lok li tiġi imposta fuq ir-rikorrenti.

353    Qabel kollox, għandu jitfakkar, f’dan il-każ, minn naħa, li d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat fuq skala dinjija magħmul minn MRI għall-prodotti kollha tagħha kien, fl‑2006, ta’ [kunfidenzjali] (premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, li s-sehem mis-suq dinji tal-impriża kien evalwat mill-Kummissjoni għal [kunfidenzjali], liema fatt ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti (ara l-premessa 433 tad-deċiżjoni kkontestata).

354    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-akkordju għandu gravità ċerta, fid-dawl tat-tul tal-ksur kif ukoll tal-fatt li l-aġir li jikkostitwixxi ksur, li fih ir-rikorrenti pparteċipat bis-sħiħ, ikkaratterizza ruħu bl-attribuzzjoni ta’ sejħiet għal offerti, l-iffissar tal-prezzijiet, l-iffissar ta’ kwoti, l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, it-tqassim tas-swieq ġeografiċi kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ u s-sejħiet għal offerti. Barra minn hekk dan huwa akkordju ta’ daqs dinji.

355    Barra minn hekk, huwa paċifiku li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur mill‑1 ta’ April 1986 sal‑1 ta’ Awwissu 1992 – fejn dan il-perijodu ma huwiex preskritt (ara l-punti 212 sa 214 iktar ’il fuq) – imbagħad mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑2 ta’ Mejju 2007, fejn ċertament, matul dan it-tieni episodju li matulu seħħ il-ksur, kien hemm perijodu ta’ attivitajiet ristretti matul il-perijodu intermedju, iżda li fihom F. ipparteċipa bis-sħiħ bil-perspettiva, b’mod partikolari, li l-akkordju jibda’ jitħaddem mill-ġdid u li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fi ħdanu tiġi nnegozjata.

356    Ċertament, hemm lok li wieħed iqis il-kollaborazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Permezz tal-provi li hija pproduċiet lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti fil-fatt ippermettiet li hija tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur kontinwu dovut għall-membri l-oħra tal-akkordju, minkejja l-eżistenza ta’ perijodu ta’ kriżi li, mingħajr dawn il-provi, kien, milli jidher, seta’ wassal lill-Kummissjoni tqis li l-akkordju kien ġie interrott matul perijodu ta’ sentejn – jew saħansitra tliet snin fir-rigward tar-rikorrenti nnifisha.

357    Madankollu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, anki mingħajr dawn il-provi, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li kien jeżisti ksur ripetut dovut għall-membri tal-akkordju (ara f’dan ir-rigward l-elementi ppreżentati mill-Kummissjoni fil-premessi 296 sa 304 u 307 tad-deċiżjoni kkontestata), liema fatt jidher li jirrelativizza l-importanza tal-valur miżjud tal-kooperazzjoni ta’ MRI.

358    Il-Qorti Ġenerali tqis li, f’tali ċirkustanzi, ir-rata ta’ tnaqqis al-multa jmissha kienet ta’ 40 %.

359    Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u tal-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-elementi differenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa (ara l-punti 349 u 350 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis li l-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-gravità tal-ksur u t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ MRI fih, huwa xieraq u għaldaqstant ma hemmx bżonn li dan jitnaqqas.

360    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għal bidla ppreżentati mir-rikorrenti, inkwantu huma intiżi għat-tnaqqis tal-ammont ta’ multa ta’ EUR 4 900 000 li ġiet imposta fuqha.

 Fuq l-ispejjeż

361    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

362    Peress li kemm ir-rikorrent u l-Kunsill tilfu parzjalment, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(f) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 428 finali, tat‑28 ta’ Jannar 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.406 – Manek marittimi) huwa annullat.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq MRI huwa ffissat għal EUR 4 900 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Prek

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Mejju 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Settur tal-manek marittimi għaż-żejt u għall-gas

B –  Preżentazzjoni tar-rikorrenti

C –  Il-proċedura amministrattiva

D –  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet għal annullament

B –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ klassifikazzjoni tal-ksur u fuq ksur tal-Artikolu 253 KE, u fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur, tal-ksur tal-Artikoli 81 KE u 253 KE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003

1.  Id-deċiżjoni kkontestata

2.  L-argumenti tal-partijiet

a)  Fuq l-ewwel motiv

b)  Fuq it-tieni motiv

Fuq l-ewwel parti

Fuq it-tieni parti

Fuq it-tielet parti

Fuq ir-raba’ parti

Fuq il-ħames parti

Fuq is-sitt parti

3.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)  Tfakkira tal-prinċipji li jikkonċernaw l-oneru tal-prova

b)  Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur bejn it‑3 ta’ Settembru 1996 u d‑9 ta’ Mejju 2000

Fuq il-perijodu mit‑3 ta’ Settembru 1996 sat‑13 ta’ Mejju 1997

–  Fuq il-portata tal-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

–  Fuq l-istabbiliment, f’dan il-każ, ta’ fatti addizzjonali li jsaħħu jew il-gravitŕ jew it-tul tal-ksur

Fuq il-perijodu intermedju

c)  Fuq l-eżistenza ta’ ksur kontinwu

Fuq il-kunċett ta’ ksur kontinwu u ta’ ksur ripetut

Fuq l-eżistenza ta’ ksur kontinwu f’dan il-każ

d)  Fuq il-fondatezza tal-partijiet l-oħra tat-tieni motiv

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji differenti fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ, tal-prinċipju ta’ adegwatezza tas-sanzjoni, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni

1.  Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-gravitŕ tal-ksur u tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

a)  Id-deċiżjoni kkontestata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball fil-kalkolu tal-multa skont it-tul tal-ksur u l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

a)  Id-deċiżjoni kkontestata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball fiż-żieda tal-multa bħala mezz dissważiv, u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

a)  Id-deċiżjoni kkontestata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq ir-raba’ parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti u tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)  Id-deċiżjoni kkontestata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq it-tnaqqis tal-multa minħabba kooperazzjoni fil-kuntest tal-pjan ta’ klemenza

a)  Id-deċiżjoni kkontestata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

D –  Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-multa

Fuq l-ispejjeż


** Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1 –      Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.