Language of document : ECLI:EU:F:2013:214

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

13 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑2/13

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Terminu tar-rikors — Lingwa taċ-ċaħda tal-ilment — Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura — Kopja ta’ rikors iffirmat trażmessa permezz ta’ faks matul it-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Assenza ta’ identiċità bejn din il-kopja u l-oriġinal iffirmat trażmess iktar tard — Tardività tar-rikors — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu intiża għall-implementazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni previst għall-Angola għar-remunerazzjoni tiegħu u għall-ħlas ta’ din bil-munità euro skont l-Artikoli 12 u 13 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem ir-“Regolamenti”) kif ukoll għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda ċ-ċaħda tal-ilment tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2012 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni li huwa allegatament ġarrab minħabba f’dawn id-deċiżjonijiet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għal preżentata ta’ rikors — Firma ta’ avukat miktuba bl-idejn differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta — Konsegwenza — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ meta waslet il-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għal preżentata ta’ rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 34(1) u (6); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

Fil-kuntest ta’ kawżi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, għall-finijiet tal-preżentata regolari ta’ kull att proċedurali, l-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 6 tiegħu, li jirregola l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni bħala data tal-preżentata ta’ rikors id-data li fiha tintbagħat kopja tal-oriġinal iffirmat permezz ta’ faks, jimponi fuq ir-rappreżentant tal-parti li jiffirma bl-idejn l-oriġinal tal-att qabel ma jibagħtu permezz ta’ faks u jippreżenta l-istess oriġinal lir-Reġistru tat-Tribunal mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jidher retrospettivament li l-oriġinal iffirmat tal-att li huwa materjalment ippreżentat lir-Reġistru tat-Tribunal fi żmien għaxart ijiem mit-trażmissjoni tiegħu permezz ta’ faks ma għandux, minn tal-inqas, l-istess firma li tidher fuq id-dokument mibgħut permezz ta’ faks, dan l-element huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ dokumenti huma differenti, anki jekk il-firem kienu saru effettivament mill-istess persuna.

Fil-fatt, sa fejn it-Tribunal ma jivverifikax jekk test jaqbilx mal-ieħor kelma b’kelma, huwa evidenti li, meta l-firma fuq wieħed miż-żewġ dokumenti ma tkunx identika għal dik li tinsab fuq id-dokument l-ieħor, id-dokument mibgħut permezz ta’ faks ma huwiex kopja tal-oriġinal iffirmat tal-att li kien ġie ppreżentat bil-posta.

Barra minn hekk, fil-każ li t-trażmissjoni tat-test mibgħut b’faks ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura, id-data ta’ trażmissjoni tad-dokument mibgħut permezz ta’ faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

(ara l-punti 40 sa 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Novembru 2001, F vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑138/01 R, punti 8 u 9

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 14 ta’ Novembru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑283/13 P, punt 14

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Marzu 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑131/12, punt 22; 28 ta’ Ġunju 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑44/11, punt 37, li hija suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑504/13 P; 17 ta’ Ottubru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑127/12, punt 21