Language of document : ECLI:EU:F:2011:160

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

28 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑9/10

AC

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2009 — Eżami komparattiv tal-merti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AC jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li ma tinkludihx fil-lista ta’ uffiċjali promossi fil-grad AD13 abbażi tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

5.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25(2), Artikoli 45 u 90(2))

6.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

7.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

8.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni

(It-tielet paragrafu tal-Artikolu 21 KE; Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(4))

1.      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-amministrazzjoni għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi hija limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv ta’ dan l-eżami b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tad-dipartiment u skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsir fuq bażi ugwali u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ dettalji komparabbli.

(ara l-punt 14)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: il-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03, punt 53

2.      Fid-dawl tal-libertà ta’ għażla li tgawdi minnha istituzzjoni biex timplementa, skont il-ħtiġijiet tagħha ta’ organizzazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-persunal tagħha, l-għanijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma hemm l-ebda obbligu għal din l-istituzzjoni biex tadotta sistema partikolari ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni.

(ara l-punt 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Frar 2007, Simões Dos Santos vs UASI, T‑435/04, punt 132

3.      Għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tar-rimedji u mezzi li setgħu mexxew lill-amministrazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar żammitx mal-limiti mhux kritikabbli u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Il-qorti tal-Unjoni ma tistax għalhekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ klassifikazzjonijiet u ta’ merti tal-uffiċjali għal dik tal-Awtorità tal-Ħatra.

F’dan ir-rigward, sabiex iżżomm l-effettività tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur xtaq jagħti lill-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam tal-promozzjoni, il-qorti ma tistax tannulla deċiżjoni sempliċement għaliex tqis li hemm fatti li jistgħu jqajmu dubji plawżibbli dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra, jew saħansitra tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni. Annullament għal żball manifest ta’ evalwazzjoni huwa biss possibbli jekk mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra marret lil hinn mil-limiti li jistabbilixxu l-imsemmija marġni ta’ diskrezzjoni.

Għalhekk, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tipproċedi b’eżami mill-ġdid dettaljat tal-fajls kollha tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi sabiex tiżgura li taqbel mal-konklużjoni li waslet għaliha l-Awtorità tal-Ħatra, għaliex, jekk tagħmel hekk, hija tmur lil hinn mill-istħarriġ tal-legalità li huwa tagħha, u b’hekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-merti tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi għal dik magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 22 sa 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Casini vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 52

4.      L-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-istituzzjonijiet ċerta libertà dwar il-punti ta’ fatt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jipproċedu bl-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, għaliex, fuq dan il-punt, ma jistabbilixxix lista eżawrjenti. Fil-fatt, billi jipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra “għandha tikkunsidra partikolarment ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien sew, [...] u, fejn ikun il-każ, il-livell tar-responsabbiltajiet eserċitat minnhom”, l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża, permezz tal-użu tal-espressjoni “partikolarment”, liema huma t-tliet punti ta’ fatt prinċipali li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami komparattiv tal-merti. Dan madankollu ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ punti ta’ fatt oħra li jistgħu wkoll jagħtu indikazzjoni tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi. Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-fatt li, fil-qasam tal-promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ biss b’mod sussidjarju — fil-każ ta’ ugwaljanza ta’ merti bejn l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi fid-dawl tat-tliet elementi msemmija espressament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal - tieħu inkunsiderazzjoni l-età tal-kandidati u l-anzjanità tagħhom fil-grad jew fid-dipartiment. Fil-fatt, la l-età u lanqas l-anzjanità ma jistgħu waħedhom jindikaw il-merti tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi. Huwa għalhekk għal din ir-raġuni li dawn jistgħu jittieħdu biss inkunsiderazzjoni biex tittieħed deċiżjoni bejn il-kandidati ta’ merti ugwali.

L-amministrazzjoni tgawdi minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-importanza rispettiva li hija tagħti lil kull wieħed mit-tliet punti ta’ fatt, imsemmija fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma jeskludux il-possibbiltà ta’ bbilanċjar bejn l-imsemmija kriterji meta dan huwa ġġustifikat.

(ara l-punti 25 u 65)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il-Kummissjoni, F-53/08, punt 50

5.      L-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li timmotiva d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward tal-kandidati esklużi u l-istess japplika għal dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li ma tagħżilx kandidat. Madankollu, l-Awtorità tal-Ħatra għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha dwar iċ-ċaħda ta’ ilment ippreżentat, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, minn kandidat mhux promoss, peress li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda hija meqjusa li tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha l-ilment huwa dirett.

(ara l-punt 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Mejju 1997, Contargyris vs Il-Kunsill, T-6/96, punt 147

6.      Fid-dawl ta’ kif huwa redatt l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri “[m]eta tikkunsidra l-merti għall-paragun, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra partikolarment [...], l-użu tal-lingwi”, ma huwiex kontra l-imsemmi artikolu li jiġu inklużi biss fl-evalwazzjoni tal-merti tal-uffiċjali l-lingwi li l-użu tagħhom, fid-dawl tar-rekwiżiti reali tad-dipartiment, iservu ta’ valur miżjud suffiċjentement sinjifikattiv biex ikunu meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-imsemmi dipartiment.

(ara l-punt 61)

7.      Meta japplika għal qorti, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, il-qorti għandha tkun suġġettivament imparzjali, jiġifieri li ebda wieħed mill-membri tagħha ma għandu juri li qed ixaqleb lejn jew jieħu pożizzjoni fuq bażi personali, peress li l-imparzjalità personali hija preżunta sakemm tingħata prova kuntrarja. Fit-tieni lok, il-qorti għandha tkun oġġettivament imparzjali, jiġifieri li għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li peress li l-proċedura ta’ promozzjoni ta’ uffiċjali tal-istituzzjonijiet ma hijiex ġuridika, iżda amministrattiva, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu kklassifikati bħal “qorti”. Għalhekk, l-osservanza tal-karatteristiċi kollha li din il-ġurisprudenza timponi fuq “qorti” ma tistax tiġi imposta fuq istituzzjonijiet meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni, dawn jipproċedu għall-paragun tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi.

Fi kwalunkwe każ, għalkemm il-qorti tal-Unjoni aċċettat li “obbligu ta’ imparzjalità” jista’ jiġi impost fuq l-amministrazzjoni, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-promozzjoni huma adottati, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-għarfien preliminari li s-superjuri diretti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi setgħu kisbu dwar il-merti ta’ dawn tal-aħħar matul ir-relazzjoni professjonali li kellhom bejniethom. Għalhekk dan jirrigwarda, f’dan il-qasam, mhux tant li jiġu esklużi l-opinjonijiet kollha stabbiliti minn qabel — inklużi dawk negattivi — iżda li jiġi żgurat li l-paragun tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi jippreżenta natura oġġettiva li tippermetti, minn naħa, li tiġi evitata deċiżjoni arbitrarja u diskriminatorja, min-naħa l-oħra, li tiżgura ugwaljanza fit-trattament għall-kandidati kollha għall-promozzjoni.

(ara l-punti 113 sa 115)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, C-308/07 P, punt 46

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Mejju 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T-74/96, punt 339; 10 ta’ Ġunju 2008, Ceuninck vs Il-Kummissjoni, T-282/03, punt 73

8.      Huma l-istituzzjonijiet li, abbażi tad-dmir ta’ premura, għandhom jibagħtu lil uffiċjali deċiżjoni individwali redatta b’lingwa li huma għandhom ħakma approfondita tagħha. Għalhekk, il-fatt li dokumenti indirizzati mill-amministrazzjoni lil wieħed mill-uffiċjali tagħha jkunu redatti b’lingwa differenti mil-lingwa materna ta’ dan l-uffiċjal jew mill-ewwel lingwa barranija magħżula minnu ma jikkostitwixxi ebda ksur tad-drittijiet ta’ dan l-uffiċjal, jekk dan ikollu għarfien tal-lingwa użata mill-amministrazzjoni li tippermettilu jifhem b’mod effettiv u faċli l-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni.

Tali konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argument li jipprovdi li hemm, fuq il-bażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 21 KE u l-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dritt għal uffiċjal li jirċievi t-tweġibiet għall-ittri li huwa jibgħat bil-lingwa tal-korrispondenza inizjali.

(ara l-punti 116 u 119)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T-197/98, punt 46; 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il-Kummissjoni, T-95/04, punt 48

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 3 ta’ Frar 2011, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-205/07, punti 54 u 55