Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Diċembru 2008 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs TMT Pragma

(Kawża T-527/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Moretto, avukat, A.M. Rouchaud-Joët, aġent u F. Mirza, aġent)

Konvenuta: TMT Pragma Srl (Ruma, l-Italja)

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lill-Kummissjoni l-ammont ta' EUR 30 700.23, dovut prinċipalment, flimkien mal-imgħax għal dewmien bir-rata ta' imgħax legali Spanjola, mid-29 ta' Awwissu 2004 sad-data tal-ħlas kollu tad-dejn;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża preżenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-suġġett ta' dan ir-rikors huwa t-talba għall-kundanna tal-konvenuta għar-rimbors ta' l-ammont ta' EUR 30 700.23, flimkien mal-imgħax għal dewmien, ammont li jirrappreżenta parti mill-ħlas magħmul mir-rikorrenti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt Nru UR-96-SC.1105, stipulat fil-kuntest tar-IV programm qafas tar-riċerka u żvilupp teknoloġiku. Il-kuntratt, konkluż ma' ċentri Ewropej ta' riċerka oħrajn, kien jipprevedi t-twettieq ta' proġett, imsemmi "integrated urban transport concepts and market orientated urban transport systems/on demand urban transport systems - INTRAMUROS".

Insostenn tat-talbiet tagħha r-rikorrenti ssostni li mill-verifika tal-kontabbiltà magħmulha f'Ġunju 2000 irriżulta li xi spejjeż personali, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta' soġġorn u għal materjal konsumabbli u informatiku, ma kienux iġġustifikati u ma setgħux għalhekk ikunu allokati għall-proġett.

B'nota ta' debitu tal-14 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni poġġiet lill-konvenuta fil-mora sabiex tħallas l-ammont inkwistjoni, bl-eventwali imgħax għal dewmien, f'każ ta' nuqqas ta' ħlas.

____________