Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2011 - SIR vs Il-Kunsill

(Kawża T-142/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Soċjetà Ivorjana tar-Raffinar (SIR) (Abidjan, Côte d'Ivoire) (rappreżentant: M. Ceccaldi, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni 2011/18/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 25/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 li jimponu miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet u b'mod partikolari fir-rigward tas-Soċjetà SIR;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll fuq tal-Artikoli 3(5) u (6), 21(1) TUE u 7 TFUE, sa fejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea eċċeda l-kompetenzi tiegħu billi stabbilixxa miżuri restrittivi peress li l-isem tar-rikorrenti ma huwiex inkluż fost il-persuni imsemmija fir-Riżoluzzjoni 1572 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.    It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' interferenza fl-affarijiet interni ta' Stat peress li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mar kontra d-deċiżjoni sovrana tal-Kunsill Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Côte d'Ivoire li tidddikjara bħala President elett lil M. L. Gbagbo u mhux lil M. A. Ouattara.

3.    It-tielet motiv huwa bbażat fuq illegalità interna tal-atti kkontestati li ma jistgħux ikunu relatati ma' kompetenza u/jew ma' setgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

4.    Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn ir-rikorrenti ma setgħetx tieħu konjizzjoni tal-provi kontra tagħha u konsegwentement ma setgħetx ssostni l-opinjoni tagħha b'mod utli f'dan ir-rigward.

5.    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità peress li l-konsegwenzi tal-miżuri meħuda kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-popolazzjoni Ivorjana kienu sproporzjonati meta mqabbla mal-għan li għandu jintlaħaq.

____________