Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Lulju 2011 - Bimbo vs UASI - Grupo Bimbo (GRUPO BIMBO)

(Kawża T-357/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Bimbo, SA (Barcelona, Spanja) (rappreżentant: J. Carbonell Callicó, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Grupo Bimbo, SAB de CV (Messiku, il-Messiku)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

temenda d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-14 ta' April 2011, skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba ksur tal-Artikolu 8(5) ta' dan ir-regolament, billi tiċħad, fl-intier tagħha, it-trade mark figurattiva Nru 5.025.598 "GRUPO BIMBO", għall-prodotti u servizzi kollha msemmijin.

sussidjarjament, u biss fil-każ li l-ewwel talba tiġi miċħuda, tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-14 ta' April 2011 minħabba ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Grupo Bimbo, S.A.B. de C.V.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali "GRUPO BIMBO" (Applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 5.025.598), għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 5, 29, 30, 31, 32, 35 u 43.

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti.

Trade mark jew sinjal invokat: it-trade mark verbali Spanjola "BIMBO" (Nru 2.689.432) għal prodotti fil-klassijiet 5, 29 u 30 kif ukoll diversi trade marks figurattivi Spanjoli (Nru 464.785, Nru 2.244.562, Nru 2.244.563 u Nru 2.255.097) li jinkludu l-element verbali "BIMBO" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 29, 30, 31, 32, 35 u 42.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni kkontestata annullata parzjalment.

Motivi invokati: interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, peress li, wara li kkunsidra li t-trade marks "BIMBO" tal-parti li qed topponi huma magħrufa sew fis-suq Spanjol u li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni "GRUPO BIMBO" hija prattikament identika għal dawk tal-parti li qed topponi, il-Bord tal-Appell aċċetta parzjalment ir-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark għar-raġuni li l-parti li qed topponi ma pprovatx il-vantaġġ indebitu miksub mit-trade marks tagħha jew ir-riskju għar-reputazzjoni jew il-karattru distintiv tat-trade marks tagħha.

____________