Language of document : ECLI:EU:C:2015:433

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Lulju 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60/KE – Artikolu 4(1) – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ – Proġett ta’ żvilupp ta’ rotta bil-baħar – Obbligu għall-Istati Membri li ma jawtorizzawx proġett li jkun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ – Kriterji determinanti biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma”

Fil-Kawża C‑461/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura

Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland eV

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

fil-preżenza ta’:

Freie Hansestadt Bremen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, A. Ó Caoimh, C. Vajda u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, M. Berger (Relatur), C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland eV, minn R. Nebelsieck, avukat,

–        għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn W. Ewer, avukat,

–        għall-Freie Hansestadt Bremen, minn P. Schütte, avukat,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn S. Menez, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn G. Facenna, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275)

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland eV (Federazzjoni Ġermaniża għall-ambjent u l-protezzjoni tan-natura) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar proġett ta’ tkabbir tal-partijiet differenti tax-xmara Weser fit-tramuntana tal-Ġermanja, intiż għall-passaġġ ta’ vapuri li jġorru kontejners ikbar fil-portijiet ta’ Bremerhaven, Brake u Bremen, li jinsabu fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 16, 25 u 32 tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxu:

“(16) Aktar integrazzjoni ta’ protezzjoni u mmaniġġjar sostenibbli ta’ ilma f’oqsma oħra ta’ politika Komunitarja bħal enerġija, trasport, agrikoltura, sajd, politika reġjonali u turiżmu huwa meħtieġ. […]

[…]

(25)      Definizzjonijiet komuni tal-istat ta’ l-ilma f’termini ta’ kwalità u, fejn hu relevanti għall-iskop tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ta’ kwantità, iridu jkunu mwaqqfa. Għandhom ikunu ffissati għanijiet ambjentali biex jiżguraw stat tajjeb fl-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ fil-Komunità u li tkun imwaqqfa d-deterjorazzjoni fl-istat tal-ilmijiet f’livell Komunitarju.

[…]

(32)      Jista’ jkun hemm raġunijiet għal eżenzjonijiet mill-ħtiġiet biex tiġi prevenuta aktar deterjorazzjoni jew sabiex jinkiseb stat tajjeb taħt kundizzjonijiet speċifiċi, jekk in-nuqqas huwa ir-riżultat ta’ ċirkostanzi imprevisti jew eċċezzjonali, partikolarment dulluvji u nuqqas ta’ xita, jew, għal raġunijiet ogħla ta’ interess pubbliku, ta’ modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew alterazzjonijiet sal-livell ta’ korpi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, sakemm il-passi kollha prattikabbli jittieħdu biex jitnaqqsu l-impatti ta’ ħsara fuq l-istat tal-korp ta’ l-ilma.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:

(a)      jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom ta’ l-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi;

[…]”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi fil-punti 9, 17 u 21 sa 23 tiegħu:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(9)      ‘Korp ta’ l-ilma modifikat ħafna’ ifisser korp ta’ l-ilma tal-wiċċ fejn bħala riżultat ta’ alterazzjonijiet fiżiċi minn attività umana huwa mibdul sostanzjalment naturali, kif nominat minn l-Istati Membri bi qbil mad-disposizzjonijiet ta’ l-Anness II.

[…]

(17) ‘Stat ta’ l-ilma tal-wiċċ’ hija l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, stabbilit mill-ifqar stat ekoloġiku u tal-istat kimiku tiegħu.


[…]

21)      ‘Stat ekoloġiku’ hija espressjoni tal-kwalità ta’ struttura u funzjoni ta’ ekosistemi akkwatiċi assoċjati ma’ l-ilma tal-wiċċ, klassifikati skond l-Anness V.

22)      ‘Stat ekoloġiku tajjeb’ huwa l-istat ta’ korp tal l-ilma tal-wiċċ, kif klassifikat skond l-Anness V.

23)      ‘Potenzjal ekoloġiku tajjeb’ huwa l-istat ta’ korp ta’ l-ilma modifikat ħafna jew artifiċjali, kif klassifikat bi qbil mad-disposizzjonijiet relevanti ta’ l-Anness V.

[…]”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Kordinazzjoni ta’ arranġamenti amministrattivi fi ħdan id-distretti tal-baċin tax-xmara”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-istati Membri jridu jidentifikaw il-baċini individwali tax-xmara li qegħdin fi ħdan it-territorju nazzjonali tagħhom u, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, iridu jassenjawhom għal distretti tal-baċin tax-xmara individwali. Baċini żgħar tax-xmara jistgħu jiġu kombinati ma’ baċini akbar tax-xmara jew magħquda ma’ baċini żgħar fil-qrib biex jiġu ffurmati distretti ta’ baċini tax-xmara individwali fejn xieraq. Fejn ilmijiet ta’ taħt l-art ma’ jsegwux bis-sħiħ baċin tax-xmara partikolari, iridu jiġu identifikati u assenjati ma’ distrett tal-baċin tax-xmara l-aktar viċin jew l-aktar adattat. Ilmijiet tal-kosta jridu jiġu identifikati u assenjati ma’ distrett jew distretti ta’ baċin tax-xmara l-aktar viċin jew l-aktar adattat.”

7        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jiddisponi fil-paragrafi 1(a), 2 u 6 tiegħu:

“1.      Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

a)      għall-ilma tal-wiċċ

(i)      L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(ii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iii) L-Istati Membri jridu jipproteġu u jiżviluppaw il-korpi ta’ l-ilma kollha artifiċjali u modifikati ħafna, bil-mira li jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ kimiku u potenzjal ekoloġiku tajjeb mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

[…]

2.      Fejn aktar minn wieħed mill-għanijiet taħt paragrafu 1 relatat ma’ korp ta’ l-ilma partikolari, l-aktar wieħed strett għandu japplika.

[…]

6.      Deterjorazzjoni temporanja fl-istat ta’ korpi ta’ l-ilma ma tiksirx il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva jekk din tirriżulta minn ċirkostanzi ta’ kawżi naturali jew forzi maġġuri li huma eċċezzjonali jew li ma’ setgħux ikunu raġonevolment imbassra, partikolarment dulluvji estremi u nuqqas ta’ xita għal tul ta’ żmien, jew ir-riżultat ta’ ċirkostanzi minħabba aċċidenti li ma’ setgħux raġonevolment ikunu mbassra, meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu intlaħqu:

(a)      il-passi kollha prattikabbli huma meħuda biex jipprevjenu aktar deterjorazzjoni fl-istat u sabiex ma’ tkunx kompromessa il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva f’korpi oħra ta’ l-ilma mhux affetwati b’dawk iċ-ċirkostanzi;

(b)      il-kundizzjonijiet taħt liema ċ-ċirkostanzi li huma eċċezzjonali jew li ma’ setgħux raġonevolment jiġu mbassra jistgħu jiġu dikjarati, inkluża l-adozzjoni ta’ indikaturi xierqa, huma msemmija fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara;

(ċ)       il-miżuri li jridu jittieħdu taħt ċerta ċirkostanzi eċċezzjonali huma inklużi fil-programm ta’ miżuri u ma’ jikkompromettux l-irkupru tal-kwalità tal-korp ta’ l-ilma kemm il-darba ċ-ċirkostanzi ikunu spiċċaw;

(d)      l-effetti taċ-ċirkostanzi li huma eċċezzjonali jew li ma’ setgħux raġonevolment jiġu mbassra huma riveduti annwalment u, bla ħsara għar-raġunijiet stabbiliti f’paragrafu 4(a), il-miżuri prattikabbli kollha huma meħuda bl-għan li jkun restawrat il-korp ta’ l-ilma fl-istat tiegħu qabel l-effetti ta’ dawk iċ-ċirkostanzi, malajr daqskemm raġonevolment prattikabbli, u

(e)      ġabra tal-effetti taċ-ċirkostanzi u ta’ dawn il-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu skond paragrafi (a) u (d) huma inklużi fl-aġġornament li jmiss tal-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.”

8        L-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta:

–        nuqqas li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, stat ekoloġiku tajjeb jew, fejn relevanti, potenzjal ekoloġiku tajjeb jew għal prevenzjoni minn deterjorament fl-istat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ huwa r-riżultat ta’ modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi tal-korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew alterazzjonijiet sal-livell ta’ korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, jew

–        nuqqas ta’ prevenzjoni ta’ deterjorazzjoni minn stat għoli għal stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ huwa r-riżultat ta’ attivitajiet sostenibbli ġodda ta’ żvilupp uman

u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa:

(a)      il-passi kollha prattikabbli huma meħuda biex jitnaqqsu l-impatti kuntrarji fuq l-istat tal-korp ta’ l-ilma;

(b)      ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma speċifikament stabbiliti u spjegati fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma meħtieġ skond l-Artikolu 13 u l-għanijiet huma riveduti kull sitt snin;

(ċ)       ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma ta’ interess pubbliku suprem u/jew il-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjeta mill-kisba ta’ l-għanijiet stabbilti f’paragrafu 1 huma anqas importanti mill-benefiċċji ta’ modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet għas-saħħa tal-bniedem, għal manteniment tas-sigurtà tal-bniedem jew għal żvilupp sostenibbli, u

(d)      l-għanijiet ta’ benefiċċju moqdija minn dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet tal-korp ta’ l-ilma ma’ jistgħux, għar-raġunijiet ta’ fattibilità teknika jew spejjeż disproporzjonati, jkunu miksuba b’modi oħra, li huma għażla aħjar ta’ l-ambjent.”

9        L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Programm ta’ miżuri”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu li:

“Kull Stat Membru jrid jiżgura li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4. Dawn il-programmi ta’ miżuri jistgħu jirreferu għal miżuri li joħorġu minn leġislazzjoni adottata f’livell nazzjonali u tkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru. Fejn hu xieraq, Stat Membru jista’ jadotta miżuri applikabbli għad-distretti kollha tal-baċin tax-xmara u/jew il-parti ta’ distretti internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa’ fi ħdan it-territorju tiegħu.”

10      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ baċin tax-xmara”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“L-Istati Membri jridu jiżguraw li pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara huwa prodott għal kull distrett tal-baċin tax-xmara li qiegħed kollu fi ħdan it-territorju tagħhom.”

11      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Konsultazzjoni u informazzjoni pubblika”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jridu jinkoraġġixxu l-involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, partikolarment fil-produzzjoni, reviżjoni u aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara. […]”

 Id-dritt Ġermaniż

12      L-Artikolu 27 tal-Liġi Federali dwar is-sistema tal-ilmijiet (Wasserhaushaltsgesetz), tal-31 ta’ Lulju 2009 (BGB1. 2009 I, p. 2585), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“WHG”), intitolat “Għanijiet ta’ mmaniġġjar għal dak li huwa l-ilmijiet tal-wiċċ”, jipprovdi:

“1)      Sa fejn ma jiġux ikklassifikati bħala artifiċjali jew bħala mmodifikati ħafna konformement mal-Artikolu 28, l-ilmijiet tal-wiċċ huma mmaniġġjati b’mod:

1.      li jevitaw id-deterjorazzjoni tal-istat ekoloġiku tagħhom u tal-istat kimiku tagħhom u

2.      li jippreżervaw jew li jiksbu stat ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb.

2)      L-ilmijiet tal-wiċċ li huma kklassifikati bħala artifiċjali jew immodifikati ħafna konformement mal-Artikolu 28 huma mmaniġġjati b’mod

1.      li jevitaw id-deterjorazzjoni tal-potenzjal ekoloġiku tagħhom u tal-istat kimiku tagħhom u

2.      li jippreżervaw jew li jiksbu potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb.”

13      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-WHG tiddisponi:

“Jekk l-istat ekoloġiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ ma jinkisibx jew jekk l-istat tagħhom jiddeterjora, dan ma jmurx kontra l-għanijiet ta’ mmaniġġjar stabbiliti fl-Artikoli 27 u 30 sakemm

1.      dan jirriżulta minn modifika ġdida tal-karatteristiċi fiżiċi tal-ilmijiet jew tal-livell pieżometriku tal-ilmijiet ta’ taħt l-art,

2.      din il-modifika tissodisfa interess ġenerali aqwa jew li l-benefiċċji tal-modifika ġdida għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni jew għall-iżvilupp sostenibbli huma aqwa mill-benefiċċji għall-ambjent u għall-kollettività li huma marbutin mat-twettiq tal-għanijiet ta’ mmaniġġjar,

3.      l-għanijiet li huma segwiti mill-modifika tal-ilmijiet ma jistgħux jintlaħqu minn miżuri oħrajn xierqa li l-effett negattiv tagħhom fuq l-ambjent huwa sostanzjalment inqas, li teknikament jitwettqu u li l-ispiża tagħhom ma hijiex spoporzjonata u

4.      il-miżuri kollha xierqa fil-prattika jittieħdu biex inaqqsu l-effett negattiv fuq l-istat tal-ilmijiet.

[…]”

14      It-tielet sentenza tal-Artikolu 12(7) tal-Liġi Federali dwar ir-rotot bil-baħar (Bundeswasserstraßengesetz), tat-2 ta’ April 1968 (BGB1. 1968 II, p. 173), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, tistabbilixxi:

“Il-miżuri ta’ kundizzjonament iqisu l-għanijiet ta’ mmaniġġjar li huma applikabbli bis-saħħa tal-Artikoli 27 sa 31 tal-[WHG].”

15      It-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmija liġi tipprevedi:

“F’dan il-kuntest tal-approvazzjoni tal-pjan, għandhom jiġu kkunsidrati l-interessi kollha pubbliċi u privati li huma affettwati mill-proġett inklużi l-impatt ta’ dan tal-aħħar fuq l-ambjent.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      B’deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-15 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni”), l-Amministrazzjoni tal-ilmijiet u tal-passaġġi tal-ilma tal-Majjistral (Wasser- und Schiffahrtsdirektion Nordwest), awtorità amministrattiva federali, awtorizzat tliet proġetti dwar l-iżvilupp tax-xmara Weser, li jikkostitwixxu rotta tal-baħar bi status federali. Sid ix-xogħlijiet għal dawn il-proġetti kollha, li jistgħu jitwettqu irrispettivament wieħed mill-ieħor, huwa l-amministrazzjoni federali tal-ilmijiet u tal-passaġġi tal-ilma (Wasser- und Schifffahrtsverwaltung des Bundes).

17      L-ewwel proġett għandu bħala għan l-iżvilupp tal-Weser esterna bejn il-baħar miftuħ u Bremerhaven. F’dan ir-rigward, huwa previst li jitwessa’ l-kanal tal-Weser esterna b’massimu ta’ 1.16 metru (m) sabiex il-vapuri li jġorru l-kontejners il-kbar li għandhom fundar b’tul ta’ mhux iktar minn 13.5 m jkunu jistgħu jaċċedu għall-port ta’ Bremerhaven irrispettivament mill-marea. Il-proġett huwa marbut ma’ approfondiment taż-żona tat-tidwir tal-port ta’ Bremerhaven, li għalih il-Freie Hansestadt Bremen, li hija intervenjenti fil-kawża prinċipali, hija sid ix-xogħlijiet.

18      It-tieni proġett jikkonċerna l-iżvilupp tal-Weser interna mill-għajn ta’ Bremerhaven sa Brake permezz tal-fnad tal-kanal b’mhux iktar minn metru sabiex il-vapuri li għandhom fundar b’tul ta’ 12.8 m jkunu jistgħu jaċċedu l-port fil-marea.

19      It-tielet proġett għandu bħala għan l-iżvilupp tal-Weser interna mill-għajn ta’ Brake sa Bremen. F’din il-parti tax-xmara, huwa previst il-fnad tal-kanal sabiex il-port ta’ Bremen ikun aċċessibbli, bil-marea, mill-vapuri li għandhom fundar b’tul ta’ mhux iktar minn 11.1 m. Preżentement, il-port ta’ Bremen huwa aċċessibbli, bil-marea, minn vapuri li għandhom fundar ta’ mhux iktar minn 10.7 m.

20      It-twettiq tal-proġetti inkwistjoni jimplika li s-sodda tax-xmara tinġarr fil-kanal. Minn meta jsir it-tħaffir inizjali sal-fnad previst fil-kuntest tal-iżvilupp, huwa neċessarju li jsir dragar għall-manteniment tal-qiegħ tal-ilma. Huwa previst li r-residwu tal-idragar li jirriżulta mill-iżvilupp u mill-manteniment huwa skarikat fiż-żona tal-Weser esterna u tal-Weser interna li diġà intużaw għal dan l-effett preċedentement.

21      Minbarra r-riperkussjonijiet diretti tal-idragar u tal-iskarikar, skont il-qorti tar-rinviju, il-proġetti għandhom konsegwenzi oħra idroloġiċi u morfoloġiċi għall-porzjonijiet tax-xmara kkonċernati. Għalhekk, b’mod partikolari, il-veloċità tal-kurrent ser tkun iktar b’saħħitha fil-marea lejn l-isfel milli fil-marea lejn fuq; il-livelli tal-baħar miftuħ ikunu ogħla; il-livelli tal-punt l-iktar baxx tal-ilma ser ikunu iktar baxxi; is-salinità ser tiżdied f’ċerti partijiet tal-Weser interna u l-limitu tal-ilmijiet salmastri tal-Weser intern ser jiċċaqlaq ’il fuq; u, fl-aħħar nett, is-sedimentazzjoni tas-sodda tax-xmara ser tiżdied barra mill-kanal.

22      Fost il-korpi tal-ilma kkonċernati, l-ilmijiet temporanji tal-Weser u ż-żona intermarea fuq Brake huma ddefiniti bħala modifikati ħafna fis-sens tal-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2000/60. Ir-reġjun ta’ Weser esterna huwa ddefinit bħala korp tal-ilma naturali sa fejn jagħmel parti mill-ilmijiet tal-kosta. Barra minn hekk, diversi korpi tal-ilma li jagħmlu parti minn xmajjar sekondarji huma kkonċernati; uħud huma ddefiniti bħala naturali u oħrajn bħala mmodifikati ħafna.

23      Fuq din il-bażi, l-Amministrazzjoni tal-ilmijiet u tal-passaġġi tal-ilma tal-Majjistral eżaminat, fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, il-kompatibbiltà tal-proġetti inkwistjoni mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma previst mid-Direttiva 2000/60. Din l-awtorità kkonkludiet li ma hemmx lok li wieħed jistenna deterjorament, fis-sens ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-ilmijiet tal-kosta.

24      Min-naħa l-oħra, qieset li l-istat attwali ta’ ċerti korpi tal-ilma tal-Weser ser iwassal li jiġi mmodifikat b’mod negattiv mill-effetti tal-proġetti tal-iżvilupp inkwistjoni, mingħajr ma din għandha twassal għal modifika tal-klassi tal-istat skont l-Anness V tad-Direttiva 2000/60. Skont l-amministrazzjoni tal-ilmijiet u tal-passaġġi tal-ilma tal-Majjistral, dan id-deterjorament intern ta’ klassi tal-istat ma għandux ikun ikkunsidrat bħala deterjorament tal-potenzjal ekoloġiku jew tal-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat.

25      Sussidjarjament, l-imsemmija awtorità eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ deroga għall-waqfien ta’ deroga tal-istat tal-korpi tal-ilma stabbiliti fl-Artikolu 31(2) tal-WHG u fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 kienu ssodisfatti u kkonkludiet li dan kien il-każ.

26      Il-Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland eV ikkontestat id-deċiżjoni tal-approvazzjoni u invokat f’dan ir-rigward, minbarra l-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ żvilupp, tal-liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Gesetz über die Umweltverträglichkeitsprüfung) u tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar annimali selvaġġi, il-flora u l-ħabitat kif ukoll il-protezzjoni ta’ għasafar, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tal-ilmijiet li jiġbed l-oriġini tagħhom mid-Direttiva 2000/60.

27      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

28      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati – sakemm ma tingħatax deroga – jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan ikun ta’ natura tali li jkun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi biss għan fil-qasam tal-ippjanar tal-immaniġġjar?

2)      Il-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” li jinsab fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva [2000/60] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss bidliet li jimplikaw klassifikazzjoni fi klassi inferjuri fis-sens tal-Anness V tad-direttiva msemmija?

3)       Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, f’liema ċirkustanzi għandu jiġi konkluż li jkun hemm “deterjorazzjoni tal-istat” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva [2000/60]?

4)      L-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii) tad-Direttiva [2000/60] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati – sakemm ma tingħatax deroga – jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan jikkomprometti l-għan li jinkiseb stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jew potenzjal ekoloġiku tajjeb jew stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ sad-data prevista minn din id-direttiva jew għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi biss għan fil-qasam tal-ippjanar tal-immaniġġjar?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u r-raba’ domandi

29      Permezz tal-ewwel u tar-raba’ domanda, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, sakemm ma tingħatax deroga, jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan ikun ta’ natura tali li jkun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew meta dan jikkomprometti l-għan li jinkiseb stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jew potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb ta’ dawn l-ilmijiet sad-data prevista minn din id-direttiva.

30      Il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi jittieħed kont kemm tat-termini tagħhom, kemm tal-kuntest tagħhom kif ukoll tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li huma jifformaw parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lundberg, C‑317/12, EU:C:2013:631, punt 19; SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 24, kif ukoll Bouman, C‑114/13, EU:C:2015:81, punt 31) u, f’dan il-każ, l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni.

31      Għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, kuntrarjament għal dak li jargumentaw ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern Olandiż, jappoġġjaw in-natura vinkolanti ta’ din id-dispożizzjoni li tistabbilixxi li “l-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ”. Il-kelma “jimplementaw” tinvolvi obbligu għall-Istati Membri li jaġixxu f’dan is-sens.

32      Kif tagħmel il-qorti tar-rinviju, awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari għandha tinftiehem bħal tali implementazzjoni.

33      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60, huwa “meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar ikunu qed isiru operazzjonali” li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex iwettqu l-għanijiet ta’ prevenzjoni tad-deterjorament, ta’ preżervazzjoni u ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ. L-użu tal-kliem “meta […] ikunu qed isiru operazzjonali” isaħħaħ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li din tinkludi obbligi li għandhom jiġu osservati mill-awtoritajiet kompetenti matul l-approvazzjoni ta’ proġetti partikolari fil-kuntest ta’ sistema legali tal-protezzjoni tal-ilmijiet.

34      Għandu jitfakkar ukoll li d-Direttiva 2000/60 hija direttiva-qafas adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192(1) TFUE). Hija tistabbilixxi l-prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinament, l-integrazzjoni, kif ukoll, għal medda itwal ta’ żmien, l-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali u tal-istrutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni Ewropea. Hija tiddeċiedi li l-prinċipji komuni u l-qafas globali ta’ azzjoni għandhom jiġu żviluppati sussegwentement mill-Istati Membri li għandhom jadottaw serje ta’ miżuri partikolari skont it-termini previsti minn din id-direttiva. Madankollu, din tal-aħħar tindirizza armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑32/05, EU:C:2006:749, punt 41, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 50).

35      Il-premessa 25 ta’ din id-direttiva tikkonferma li għandhom ikunu ffissati għanijiet ambjentali biex jiżguraw stat tajjeb fl-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ fl-Unjoni kollha u li jkun imwaqqaf id-deterjorament fl-istat tal-ilmijiet f’livell tal-Unjoni.

36      Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2000/60, din għandha bħala skop li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li jipprevjeni iktar deterjorament u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, ta’ ekosistemi terrestri li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi.

37      Għaldaqstant, l-għan aħħari tad-Direttiva 2000/60 jikkonsisti li jintlaħaq, permezz ta’ azzjoni koordinata, l-“istat tajjeb” tal-ilmijiet kollha tal-wiċċ tal-Unjoni sas-sena 2015.

38      L-għanijiet ambjentali li l-Istati Membri huma obbligati li jilħqu huma speċifikati fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60.

39      L-imsemmija dispożizzjoni timponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm marbutin intrinsikament. Minn naħa, konformement mal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri jridu jimplementaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ (obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament). Min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii), l-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfasizzaw u jsaħħu l-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ mhux iktar tard mit-tmiem tas-sena 2015 (obbligu ta’ titjib).

40      L-oriġini ta’ dawn iż-żewġ għanijiet tirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2000/60. Fir-rigward b’mod partikolari, tal-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-ilmijiet tal-wiċċ, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, fl-ewwel verżjoni tagħhom, setgħu jfissru li ladarba tiġi adottata d-Direttiva 2000/60, il-korpi tal-ilma kklassifikati f’kategorija ogħla mill-kategorija “stat tajjeb” setgħu jiddegradaw sal-punt li jaqgħu fil-kategorija “stat tajjeb”. Huwa għal din ir-raġuni li l-Parlament Ewropew ippropona modifika li tippermetti li ssir distinzjoni bejn l-obbligu li jintlaħaq “stat tajjeb” u dak li jiġi prekluż kull deterjorament billi jiġi introdott inċiż ġdid fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva li jistabbilixxi b’mod distint dan l-aħħar obbligu.

41      Kemm l-obbligu ta’ titjib kif ukoll l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma intiż li jwettaq l-għanijiet kwalitattivi mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l-preżervazzjoni jew it-tisħiħ ta’ stat tajjeb, ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ.

42      Sabiex jiġi żgurat it-twettiq mill-Istati Membri tal-għanijiet ambjentali msemmija hawn fuq, id-Direttiva 2000/60 tipprevedi serje ta’ dispożizzjonijiet, b’mod partikolari dawk tal-Artikoli 3, 5, 8, 11 u 13 ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-Anness V tagħha, li jistabbilixxu, kif irrilevah l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, proċess kumpless u li jinkludi diversi stadji leġiżlattivi fid-dettall, bil-għan li l-Istati Membri jiġu permessi li jimplementaw il-miżuri neċessarji, skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-karatteristiċi tal-korpi tal-ilma identifikati fit-territorju tagħhom.

43      Dawn l-elementi jsaħħu l-interpretazzjoni fis-sens li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi, skont formulazzjoni programmatika, għanijiet sempliċi ta’ ppjanar tal-immaniġġjar, iżda jiżvolġu effetti vinkolanti, ladarba ġie stabbilit l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura mitluba minn din id-direttiva.

44      Is-sistema ta’ derogi prevista fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom ġew eżaminati mill-konvenuta iżda ma humiex is-suġġett ta’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, tikkostitwixxi wkoll element li jsaħħaħ l-interpretazzjoni fis-sens li l-prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma jippreżenta natura vinkolanti.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija sistema tinkludi diversi kategoriji. B’mod partikolari, skont l-imsemmi Artikolu 4(7), “[l]-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta […] prevenzjoni minn deterjorament fl-istat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ huwa r-riżultat ta’ modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi tal-korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew alterazzjonijiet sal-livell ta’ korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art”.

46      Madankollu, din id-deroga tapplika biss bil-kundizzjoni li l-miżuri kollha vijabbli jkunu ttieħdu sabiex jitnaqqas l-effett negattiv fuq l-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat u jiġu konsegwentement adattati l-programmi ta’ miżuri u l-pjanijiet ta’ mmaniġġjar.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-istruttura tal-kategoriji ta’ deroga previsti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 tippermetti li jitqies li l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva ma jinkludix biss obbligi ta’ prinċipju, iżda jikkonċerna wkoll proġetti partikolari. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġunijiet ta’ deroga japplikaw b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet jseħħ wara modifiki ġodda tal-proprjetajiet fiżiċi tal-korp tal-ilma tal-wiċċ, u li minn dan jirriżultaw effetti negattivi. Madankollu, dan jista’ jirriżulta minn awtorizzazzjonijiet ġodda ta’ proġetti. Fil-fatt, huwa impossibbli li jiġi previst separatament proġett u l-implementazzjoni ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar.

48      Konsegwentement, dawn il-proġetti jirrilevaw l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60. Madankollu, l-imsemmija proġetti jistgħu jkollhom awtorizzazzjoni b’applikazzjoni tas-sistema ta’ derogi prevista fl-imsemmi Artikolu 4.

49      Il-Kummissjoni Ewropea ssostni, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, li l-waqfien tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma huwa għan fejn dan tal-aħħar jeħtieġ jitjib. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma ngħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni status awtonomu u ma jillimitax ruħu għal strument fis-servizz tal-obbligu li jittejjeb l-istat tal-korpi tal-ilma.

50      Minn dan isegwi, bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, li kull deterjorament tal-istat tal-korp tal-ilma għandu jiġi evitat, irrispettivament mill-ippjanar għal żmien iktar fit-tul previst mill-pjanijiet tal-immaniġġjar u tal-programmi ta’ miżuri. L-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ jibqa’ vinkolanti f’kull stadju tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2000/60 u huwa applikabbli għal kull tip u għal kull stat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ li għalih ġie jew missu ġie adottat pjan ta’ mmaniġġjar. Konsegwentement, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan tal-aħħar huwa ta’ natura li jiddeterjora l-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat jew li jikkomprometti l-ksib ta’ stat tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, ħlief li jitqies li l-imsemmi proġett jaqa’ taħt deroga bis-saħħa tal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għar-raba’ domanda li l-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, sakemm ma tingħatax deroga, jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan ikun ta’ natura tali li jkun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew meta dan jikkomprometti l-għan li jinkiseb stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jew potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb ta’ dawn l-ilmijiet sad-data prevista minn din id-direttiva.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

52      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, li jinsab fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss bidliet li jimplikaw klassifikazzjoni ta’ dan il-korp tal-ilma fi klassi inferjuri fis-sens tal-Anness V ta’ din id-direttiva (teorija tal-klassijiet tal-istat). F’każ ta’ risposta negattiva, jiġifieri jekk dan il-kunċett ikopri kull bidla tal-korp tal-ilma inkwistjoni (teorija ta’ status quo), il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema huma l-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ.

53      Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ ma huwiex definit fid-Direttiva 2000/60.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ tali definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni, id-determinazzjoni tas-sinjifikat u tal-portata tal-imsemmi kunċett għandu jiġi stabbilit, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi jittieħed inkunsiderazzjoni kemm tat-termini tad-dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni kkonċernata, kemm tal-kuntest tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lundberg, C‑317/12, EU:C:2013:631, punt 19; SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 24, kif ukoll Bouman, C‑114/13, EU:C:2015:81, punt 31).

55      Il-kliem tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60 isaħħu interpretazzjoni fis-sens li l-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ ikopri wkoll id-deterjoramenti li ma jimplikawx klassifikazzjoni ta’ dan il-korp tal-ilma fi klassi inferjuri. Din id-dispożizzjoni tindika ċarament li għandu jiġi pprevenut deterjorament tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ. Skont id-definizzjoni tal-punt 17 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, l-istat tal-ilma tal-wiċċ hija l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, stabbilit mill-ifqar stat ekoloġiku u tal-istat kimiku tiegħu. B’hekk, l-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60 jipprevedi b’mod ġenerali l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, mingħajr ma jsemmi bidla possibbli tal-klassi, huwa biss l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii) ta’ din id-direttiva li jirreferi għall-Anness V tal-imsemmija direttiva għal dak li huwa l-obbligu tat-titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ.

56      Qabel ma jiġi vverifikat jekk din l-interpretazzjoni litterali hija kkorroborata mill-kuntest li fih huwa mniżżel il-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ kif ukoll mill-għanijiet tad-Direttiva 2000/60, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ hija bbażata fuq analiżi tal-istat ekoloġiku li tkopri ħames klassijiet, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 91 sa 97 tal-konklużjonijiet tiegħu.

57      Huwa fl-istadju tal-elaborazzjoni tal-proporzjonijiet ta’ kwalità ekoloġika li l-Istati Membri jqassmu l-proporzjonijiet ta’ kwalità ekoloġika ta’ kull kategorija ta’ ilma tal-wiċċ f’ħames klassijiet permezz ta’ valur limitu tal-elementi ta’ kwalità bijoloġika li tindika l-fruntiera bejn dawn il-klassijiet differenti, jiġifieri tajjeb ħafna, tajjeb, moderat, fqir u ħażin. Il-valuri limiti għandhom jiġu stabbiliti bl-għajnuna tal-eżerċizzju tal-interkalibrar li jikkonsisti fil-paragun tar-riżultati tal-klassifikazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ monitoraġġ għal kull element bijoloġiku u għal kull tip komun ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ fost l-Istati Membri fl-istess grupp ta’ interkalibrar ġeografiku, u fl-evalwazzjoni tal-koerenza tar-riżultati mad-definizzjonijiet normattivi msemmija fil-punt 1.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva.

58      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 1.4.1(iii) tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, l-eżerċizzju tal-interkalibrar iservi biss biex jiddelimita l-istati tal-klassijiet “tajjeb ħafna”, “tajjeb” u “moderat”. Il-valuri limiti tal-Istati Membri jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/480/UE, tal-20 ta’ Settembru 2013, li tistabbilixxi, skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-valuri tal-klassifikazzjonijiet tas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri bħala riżultat tal-eżerċizzju tal-interkalibrar u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/915/KE (ĠU L 266, p. 1).

59      Fl-aħħar nett, konformement mal-punt 1.4.2(i) tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, għall-kategoriji tal-ilma tal-wiċċ, korp tal-ilma huwa kklassifikat fi klassi immedjatament inferjuri ladarba l-proporzjon ta’ wieħed mill-elementi ta’ kwalità jaqa’ fil-livell li jikkorrispondi mal-klassi attwali. Din ir-regola msemmija “one out all out” hija marbuta mad-definizzjoni tal-“istat ta’ ilma tal-wiċċ” mogħtija mill-punt (17) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li għandha tiġi ddeterminata skont l-agħar valur tal-istat ekoloġiku u tal-istat kimiku tiegħu.

60      Bis-saħħa tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, l-Istat ekoloġiku huwa l-espressjoni tal-kwalità tal-istruttura u tal-funzjoni ta’ ekosistemi akkwatiċi assoċjati mal-ilmijiet tal-wiċċ, ikklassifikati skont l-Anness V ta’ din id-direttiva, liema tikklassifika dawn il-klassifikazzjonijiet tal-istat ekoloġiku tad-“definizzjonijiet normattivi”.

61      Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-determinazzjoni tal-valuri limiti bejn il-klassijiet timplika l-adozzjoni ta’ skali kunsiderevolment kbar. Għalhekk, il-klassijiet huma biss strument li jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri matul id-determinazzjoni tal-elementi ta’ kwalità li jirriflettu stat reali ta’ korp tal-ilma partikolari. Huwa minħabba din ir-raġuni li l-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60 ma jirreferix għall-Anness V tagħha, peress li l-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ huwa kunċett ta’ portata globali.

62      Interpretazzjoni oħra ta’ dan il-kunċett tiskoraġġixxi, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri li jipprevjenu d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ fl-intern ta’ klassi tal-istat. Fil-fatt, sa fejn il-klassifikazzjoni ta’ korp tal-ilmijiet tal-wiċċ tiddependi fuq l-ifqar valur tal-parametri applikabbli, il-valuri kollha l-oħra jistgħu jitbaxxew mingħajr ma dan iwassal għal konsegwenzi legali.

63      L-applikazzjoni tar-regola “one out all out” b’rabta mat-teorija tal-klassijiet tal-istat twassal ukoll biex teskludi l-ilmijiet tal-klassi l-iktar baxxa tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu li jiġi pprevenut id-deterjorament tal-istat tagħhom. Fil-fatt, wara klassifikazzjoni ta’ korp tal-ilma f’din il-klassi tal-istat, degradazzjoni ulterjuri tal-istat tagħha ma hijiex iktar legalment possibbli. Madankollu, fid-dawl tal-finalità tad-Direttiva 2000/60, dan it-tip ta’ korpi tal-ilma ħaqqu attenzjoni partikolari fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-ilmijiet.

64      Din l-interpretazzjoni hija kkoroborata mill-Artikolu 4(5)(ċ) tad-Direttiva 2000/60, li jipprevedi espressament, fir-rigward tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ immodifikat ħafna li għalihom l-Istati Membri jistgħu jimmiraw biex jiksbu għanijiet ambjentali inqas stretti, projbizzjoni ta’ kull degradazzjoni addizzjonali.

65      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tat-teorija tal-klassijiet tal-istat twassal biex iddgħajjef il-protezzjoni tal-ilmijiet li jaqgħu taħt il-klassijiet l-iktar għolja. Ladarba li l-klassifikazzjoni tal-ilmijiet hija stabbilita fuq l-ifqar valur tal-parametri applikabbli, id-deterjorament nett ta’ elementi oħra ma jbiddel xejn mill-klassifikazzjoni tal-korp tal-ilma kkonċernat sakemm ma tirriżultax minn din klassifikazzjoni fi klassi inferjuri.

66      A contrario, kif l-Avukat Ġenerali jirrileva fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-kunċett ta’ “deterjorazzjoni” huwa interpretat b’riferiment għal element ta’ kwalità jew għal sustanza, l-obbligu tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma jikkonserva l-effett utli kollu tiegħu, peress li jinkludi kull bidla li tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2000/60.

67      Fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma, għandu jitfakkar li jirriżulta mit-tqassim tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, u b’mod partikolari l-paragrafi 6 u 7 tiegħu, li d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp tal-ilma, anki jekk tranżitorji, huma awtorizzati biss f’kundizzjonijiet severi. Minn dan jirriżulta li l-limitu li lil hinn minnu huwa kkonstatat ksur tal-obbligu tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu jkun baxx.

68      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, interpretazzjoni fis-sens li huwa biss il-“ksur serju” li jikkostitwixxi deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma, interpretazzjoni li hija bbażata, essenzjalment, fuq l-ibbilanċjar tal-effetti negattivi fuq l-ilmijiet, minn naħa, u tal-interessi ekonomiċi marbutin mal-ilma, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi dedott mill-kliem tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din l-interpretazzjoni ma tosservax id-differenza stabbilita minn din id-direttiva bejn l-obbligu tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma u r-raġunijiet tad-deroga previsti fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva, sa fejn huma biss dawn tal-aħħar li jinkludu l-elementi tal-ibbilanċjar tal-interessi.

69      Madankollu, kif tagħmel il-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li hemm “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal-Anness V ta’ din id-direttiva, jiddegrada b’klassi waħda, anki jekk din id-degradazzjoni ma tiġix tradotta f’degradazzjoni tal-klassifikazzjoni, fl-intier tagħha, tal-korp tal-ilma tal-wiċċ. Madankollu, jekk l-element ta’ kwalità kkonċernat, fis-sens ta’ dan l-Anness jidher diġà fil-klassi l-iktar baxxa, kull degradazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(1)(a)(i).

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u t-tielet domanda magħmula li l-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, li jinsab fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm deterjorament hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal-Anness V ta’ din id-direttiva, iddegrada b’klassi, anki jekk din id-degradazzjoni ma jiġix tradott f’degradazzjoni ta’ klassifikazzjoni, fl-intier tiegħu, tal-korp tal-ilma tal-wiċċ. Madankollu, għalkemm l-element ta’ kwalità kkonċernat, fis-sens ta’ dan l-Anness, jidher diġà fil-klassi l-iktar baxxa, kull degradazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(1)(a)(i).

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, sakemm ma tingħatax deroga, jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan ikun ta’ natura tali li jkun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew meta dan jikkomprometti l-għan li jinkiseb stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jew potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb ta’ dawn l-ilmijiet sad-data prevista minn din id-direttiva.

2)      Il-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, li jinsab fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm deterjorament hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal-Anness V ta’ din id-direttiva jiddegrada b’klassi, anki jekk din id-degradazzjoni ma tiġix tradotta f’degradazzjoni ta’ klassifikazzjoni, fl-intier tiegħu, tal-korp tal-ilma tal-wiċċ. Madankollu, għalkemm l-element ta’ kwalità kkonċernat, fis-sens ta’ dan l-Anness jidher diġà fil-klassi l-iktar baxxa, kull degradazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(1)(a)(i).

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.