Language of document : ECLI:EU:C:2018:698

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil‑11 ta’ Settembru 2018(1)

Kawża C378/17

The Minister for Justice and Equality

The Commissioner of the Garda Síochána

vs

Workplace Relations Commission

fil-preżenza ta’:

Ronald Boyle,

Brian Fitzpatrick,

Gerard Cotter

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Regola li tqassam il-kompetenza bejn żewġ korpi f’każijiet speċifiċi fuq il-bażi tan-natura tal-ilment magħmul – Ilmenti ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg – Kompetenza limitata ta’ korp stabbilit mil-liġi – Assenza ta’ kompetenza sabiex jisma’ kawżi li jeħtieġu n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali f’kunflitt mad-dritt tal-Unjoni – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Effettività sħiħa – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Ekwivalenza u effettività”






1.        Fejn jinsabu l-limiti tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri? Jew iżjed speċifikament: il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni sa fejn jillimita l-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw regoli (kostituzzjonali) dwar l-attribuzzjoni ta’ kompetenza f’qasam partikolari tad-dritt? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mis-Supreme Court of Ireland (il-Qorti Suprema tal-Irlanda) f’din il-kawża.

2.        B’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni tirrigwarda l-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni ta’ regola li tqassam il-kompetenza f’kawżi speċifiċi bejn il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) u korp stabbilit mil-liġi, il-Workplace Relations Commission (il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, iktar ’il quddiem il-“KRP”).

3.        Il-korp kompetenti sabiex jisma’ kawża jiddependi fuq in-natura tal-ilment imressaq. Filwaqt li l-KRP ġeneralment tgawdi minn kompetenza sabiex jisma’ lmenti f’materji ta’ ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg ibbażati fuq id-Direttiva 2000/78/KE (2) u fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, dan il-korp ma għandux kompetenza sabiex jisma’ kawżi fejn ilment milqugħ pożittivament ikun jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (primarja jew sekondarja). Minħabba din ir-regola, il-KRP ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tikkonstata jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tiksirx il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg. Minflok, il-korp kompetenti sabiex jittratta rikorsi fil-qasam ta’ diskriminazzjoni f’kawżi li jeħtieġu n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali huwa l-High Court (il-Qorti Għolja).

4.        Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża teħtieġ kunsiderazzjoni tal-loġika vera li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza fundamentali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Simmenthal. (3) Din tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk il-prinċipju kostituzzjonali ta’ supremazija u b’estensjoni, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġx li korp bħall-KRP għandu jkollu kompetenza sabiex jisma’ kawżi li potenzjalment jinvolvu n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk ikun hemm mezz ta’ azzjoni alternattiv disponibbli li, skont il-konklużjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, jikkonforma mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

I.      Il-qafas legali

A.      Id-dritt tal-Unjoni:

5.        Id-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi regoli dwar it-trattament ugwali fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din tfittex li tiġġieled id-diskriminazzjoni u li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-Istati Membri.

6.        L-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Dan jipprovdi:

“1. Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda:

(a) il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]”

7.        Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2000/78 jittratta r-rimedji u l-eżekuzzjoni. L-Artikolu 9(1) tad-direttiva jirrigwarda d-difiża tad-drittijiet. Dan jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

B.      Id-dritt nazzjonali

1.      Il-Kostituzzjoni;

8.        L-Artikolu 34 tal-Bunreacht na hÉireann (il-Kostituzzjoni tal-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) jipprovdi:

“1.      Il-ġustizzja għandha tiġi amministrata fi qrati stabbiliti mil-liġi minn imħallfin maħtura bil-mod ipprovdut minn din il-Kostituzzjoni, u, ħlief f’tali każijiet speċjali u limitati kif previst mil-liġi, din għandha tiġi amministrata pubblikament.

2.      Il-qrati għandhom jinkludu:

i      qrati tal-ewwel istanza;

ii      qorti tal-appell; u

iii      qorti tal-appell finali.

3.      1° Il-qrati tal-ewwel istanza għandhom jinkludu High Court investita b’kompetenza oriġinali sħiħa u b’setgħa sabiex taqta’ l-oqsma u l-kwistjonijiet kollha kemm jekk ta’ liġi jew ta’ fatt, ċivili jew kriminali.

2° Ħlief kif ipprovdut b’mod ieħor f’dan l-artikolu, il-kompetenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) għandha testendi għall-kwistjoni tal-validità ta’ kwalunkwe liġi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Kostituzzjoni, u l-ebda kwistjoni bħal din ma għandha titqajjem (kemm jekk permezz ta’ talba, motiv jew mod ieħor) fi kwalunkwe qorti stabbilita taħt dan l-artikolu jew taħt xi artikolu ieħor ta’ din il-Kostituzzjoni għajr fil-High Court (il-Qorti Għolja), fil-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) jew fis-Supreme Court (il-Qorti Suprema).”

9.        L-Artikolu 37.1 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Xejn f’din il-Kostituzzjoni ma għandu jkollu l-effett li jinvalida l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet u ta’ setgħat limitati ta’ natura ġudizzjarja, f’oqsma għajr kawżi kriminali, minn xi persuna jew korp ta’ persuni debitament awtorizzat bil-liġi sabiex jeżerċita dawk il-funzjonijiet u setgħat, minkejja li din il-persuna jew dan il-korp ta’ persuni ma jkunux imħallef jew qorti maħtur jew stabbilita bħala tali bis-saħħa ta’ din il-Kostituzzjoni.”

2.      Il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-impjieg

10.      Fl-Irlanda, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età hija stabbilita fl-Employment Equality Acts (il-Liġijiet dwar l-Ugwaljanza fil-Qasam tal-Impjieg). (4)

11.      Il-KRP (qabel l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza, l-Irlanda)) hija l-korp kważi ġudizzjarju stabbilit sabiex jinvestiga, jisma’ u jiddeċiedi dwar ilmenti fil-qasam ta’ diskriminazzjoni. (5) Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġijiet dwar l-Ugwaljanza fil-Qasam tal-Impjieg, il-KRP tista’ tordna l-kumpens fil-forma ta’ arretrati ta’ remunerazzjoni; tordna l-ugwaljanza fir-remunerazzjoni; tordna l-kumpens għal diskriminazzjoni; tordna l-ugwaljanza fit-trattament; tadotta ordni ta’ inġunzjoni; u tordna lil min iħaddem jimpjega mill-ġdid lil lanjant, bi jew mingħajr kumpens.

12.      Skont il-Garda Síochána regulations (ir-Regolamenti Garda Síochána) (6) persuna ma tistax tiġi ammessa għat-taħriġ sabiex issir membru tal-korp tal-pulizija nazzjonali jekk hija ma tkunx mill-inqas għalqet 18-il sena u tkun taħt il-35 sena, fl-ewwel jum tax-xahar li fih l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti korrispondenti jkun ġie ppubblikat għall-ewwel darba f’gazzetta nazzjonali.

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

13.      Bejn l‑2005 u l‑2007, Ronald Boyle, Brian Fitzpatrick u Gerard Cotter (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti”) applikaw sabiex jiġu ammessi jitħarrġu bħala membri tal-An Garda Síochána (il-Korp tal-Pulizija Nazzjonali, l-Irlanda). L-ammissjoni tagħhom ġiet irrifjutata fuq il-bażi li r-Regolamenti Garda Síochána kienu jistabbilixxu l-età massima għall-ammissjoni għat-taħriġ għal 35 sena (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ restrizzjoni bbażata fuq l-età”).

14.      L-intervenjenti lmentaw kontra dan ir-rifjut abbażi tal-Liġijiet dwar l-Ugwaljanza fil-Qasam tal-Impjieg quddiem (dak li kien dak iż-żmien) l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza). Huma sostnew li l-miżura ta’ restrizzjoni bbażata fuq l-età kienet tikkostitwixxi trattament diskriminatorju fil-qasam tal-impjieg ibbażat fuq l-età.

15.      Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi ismu, l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) ma huwiex qorti iżda korp stabbilit mil-liġi. Sal‑2015, dan kien kompetenti sabiex jittratta lmenti dwar l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg. Sussegwentement il-kompetenzi tal-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) ġew ittrasferiti lill-KRP.

16.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 34.3.2 tal-Kostituzzjoni jirriżerva lill-qrati l-kompetenza li ma japplikawx leġiżlazzjoni nazzjonali. Konsegwentement, l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) u s-suċċessur tiegħu, il-KRP, fil-kapaċità tagħhom bħala korpi stabbiliti mil-liġi, ma għandhom ebda kompetenza sabiex jittrattaw kawżi li fihom rimedju effettiv ikun jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni.

17.      Fil-proċeduri quddiem l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza), il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) qajjem il-kwistjoni tal-kompetenza. Minħabba li l-intervenjenti kienu jqisu li l-miżura ta’ restrizzjoni bbażata fuq l-età kienet kontra d-Direttiva 2000/78 u l-Liġijiet dwar l-Ugwaljanza fil-Qasam tal-Impjieg quddiem, il-leġiżlazzjoni li tittrasponi din id-direttiva, l-ilmenti kienu jikkostitwixxu talba sabiex ma tiġix applikata l-miżura ta’ restrizzjoni bbażata fuq l-età. Filwaqt li sostna li l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) ma kellux kompetenza sabiex ma japplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Ministru talab lill-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) sabiex jittratta l-kwistjoni ta’ kompetenza bħala kwistjoni preliminari, qabel ma jittratta l-mertu tal-kawża.

18.      L-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) irrifjuta li jagħmel dan. Minflok, dan skeda seduta għall‑11 ta’ Ġunju 2008, li fiha kemm il-kwistjoni tal-kompetenza kif ukoll il-kwistjonijiet sostantivi dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kellhom jiġu eżaminati.

19.      Minħabba r-rifjut tal-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) li jeżamina l-kwistjoni tal-kompetenza bħala kwistjoni preliminari, il-Ministru ppreżenta rikors ġudizzjarju quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja).

20.      L-ewwel, il-Ministru talab lill-High Court (il-Qorti Għolja) sabiex tipprojbixxi lill-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) milli jipproċedi b’investigazzjoni tal-ilmenti tal-intervenjenti. It-tieni, il-Ministru talab lill-High Court (il-Qorti Għolja) sabiex tiddikjara li l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza ma kellux kompetenza sabiex jeżamina l-ilmenti.

21.      Fis-17 ta’ Frar 2009 il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) ma kellux is-setgħa, skont id-dritt nazzjonali, sabiex jipproċedi bis-seduta li impliċitament kienet tassumi l-kompetenza sabiex jannulla jew ma japplikax leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-miżura ta’ restrizzjoni bbażata fuq l-età.

22.      L-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) appella minn din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema). Sakemm il-kwistjoni ġiet eżaminata mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema), l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) kien sar il-KRP.

23.      Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet fil‑15 ta’ Ġunju 2017 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017”). (7) Din ikkonfermat il-konklużjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) li l-KRP ma għandhiex kompetenza sabiex ma tapplikax id-dritt nazzjonali. Madankollu, is-Suprme Court (il-Qorti Suprema) żiedet li kawżi li normalment jaqgħu taħt il-kompetenza tal-KRP, iżda li fihom dan il-korp amministrattiv jista’ jkollu l-obbligu skont id-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni li ma japplikax leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom minflok jitressqu quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja).

24.      Peress li kellha dubji dwar jekk dan it-tqassim ta’ kompetenza bejn korp stabbilit mil-liġi u qorti huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Fejn

korp nazzjonali huwa stabbilit bil-liġi u għandu ġurisdizzjoni [kompetenza] ġenerali biex, inter alia, jiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari; u

id-dritt nazzjonali ikun jirrikjedi li tali korp ma jkollux ġurisdizzjoni f’kategorija limitata ta’ każijiet fejn rimedju effettiv ikun jirrikjedi n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ regola nazzjonali bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni, u

qrati nazzjonali xierqa jkollhom ġurisdizzjoni biex jieħdu kull deċiżjoni xierqa ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali meħtieġ biex tiġi ggarantita l-osservanza tar-regola tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, ikollhom ġurisdizzjoni biex jittrattaw kawżi li fihom tali rimedju huwa neċessarju, ikollhom ġurisdizzjoni, f’dawn il-kawżi, biex jiddeċiedu kull miżura meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni u meqjusa konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fil-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja],

il-korp stabbilit mil-liġi għandu, madankollu, jiġi kkunsidrat bħala li għandu ġurisdizzjoni biex jeżamina azzjoni kontra regola tad-dritt nazzjonali li għaliha ġie allegat li tikser id-dritt rilevanti tal-Unjoni u, jekk jilqa’ din l-azzjoni, għandu ma japplikax din ir-regola nazzjonali minkejja li d-dritt nazzjonali jagħti ġurisdizzjoni lil qorti stabbilita bis-saħħa tal-Kostituzzjoni, u mhux lill-korp inkwistjoni, fil-kawżi kollha li fihom il-validità ta’ regola hija kkontestata għal xi motiv jew li fihom in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ regola hija mitluba?”

25.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Ministru u mill-Commissioner of the An Garda Síochána, Ireland (il-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija Nazzjonali, l-Irlanda), mill-KRP, mill-ewwel u mit-tielet intervenjent, mill-Gvern Ċek u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal‑5 ta’ Ġunju 2018.

III. Analiżi

26.      Qabel ma neżamina d-domanda rrinvijata, l-ewwel ser nindirizza fil-qosor il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà mqajma mill-Gvern Ċek.

A.      Ammissibbiltà

27.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ċek isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. Skont dan il-gvern, il-qorti tar-rinviju ma speċifikatx ma liema dispożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tkun f’kunflitt: għall-kuntrarju, it-test tad-domanda rrinvijata huwa tant ġenerali li ma għandux konnessjoni mad-Direttiva jew ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

28.      Dan huwa tabilħaqq veru. Dan madankollu ma jfissirx li t-talba hija inammissibbli.

29.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tirrispondi domanda rrinvijata biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha. (8)

30.      Mid-digriet tar-rinviju f’dan il-każ jirriżulta b’mod ċar li d-domanda rrinvijata ma tirrigwardax il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ restrizzjoni bbażata fuq l-età (jew tar-regola ta’ kompetenza inkwistjoni) ma’ xi dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2000/78. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara kwistjoni ta’ prinċipju li tilħaq ħafna iktar lil hinn mid-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva. Kif diġà ġie indikat, din tirrigwarda l-kompatibilità mad-dritt tal-Unjoni ta’ regola (kostituzzjonali) li tqassam il-kompetenza bejn korp stabbilit mil-liġi, il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għolja) f’kawżi speċifiċi abbażi tan-natura tal-ilment magħmul.

31.      Barra minn hekk, id-digriet tar-rinviju jinkludi kemm il-materjal fattwali u legali neċessarju sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli għad-domanda rrinvijata. Dan id-digriet jippreżenta wkoll b’mod ċar għaliex il-problema la hija ipotetika u lanqas mhux relatata mal-fatti li fuqhom hija bbażata l-kawża pendenti quddiemha.

32.      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

33.      Meta eżaminat jekk il-KRP kellhiex kompetenza f’kawżi li fihom rimedju effettiv ikun jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li, għal dak li jirrigwarda d-dritt kostituzzjonali Irlandiż, il-prerogattiva ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni jew ta’ twarrib ta’ dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni primarja jew sekondarja hija fil-prinċipju limitata għall-qrati ordinarji.

34.      Dan għaliex, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mid-dritt tal-Unjoni, ir-regoli dwar il-kompetenza għandhom jiġu interpretati fid-dawl tar-rekwiżit fundamentali, stabbilit fl-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni, li l-ġustizzja tiġi amministrata fi qrati stabbiliti skont il-modalitajiet previsti mill-Kostituzzjoni.

35.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju osservat ukoll li, b’mod eċċezzjonali, l-Artikolu 37.1 tal-Kostituzzjoni jippermetti lil persuna jew lil korp jiġi awtorizzat bil-liġi jeżerċita “funzjonijiet u setgħat limitati ta’ natura ġudizzjarja” f’materji mhux kriminali. Għalhekk, skont id-dritt Irlandiż, setgħat ta’ natura ġudizzjarja jistgħu jingħataw bil-liġi lil korp stabbilit mil-liġi, sakemm dawk is-setgħat ikunu limitati.

36.      Il-KRP huwa tali korp stabbilit mil-liġi b’funzjonijiet ġudizzjarji limitati. Skont il-Liġijiet dwar l-Ugwaljanza fil-Qasam tal-Impjieg, il-lanjanti għandhom jindirizzaw lill-KRP sabiex hija teżamina, fl-ewwel istanza, l-ilmenti li jirrigwardaw diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg. (9) B’mod iktar partikolari, il-KRP tittratta lmenti dwar ksur (minn min iħaddem u minn fornituri ta’ servizzi) tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-impjieg, tal-ugwaljanza u tal-istatus ugwali kif ukoll ilmenti dwar id-drittijiet li jirriżultaw minnha. Ladarba jitressaq ilment quddiem il-KRP, id-Direttur Ġenerali tal-KRP jibda billi jeżamina jekk il-kawża tistax tiġi rriferuta lil uffiċjal tal-medjazzjoni għal medjazzjoni bejn il-partijiet involuti. Jekk il-kawża ma tkunx adatta għall-medjazzjoni, id-Direttur Ġenerali jirreferi l-ilment lil uffiċjal tal-arbitraġġ għall-aġġudikazzjoni. (10)

37.      Fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li, fil-kuntest tal-kwistjoni dwar il-kompetenza li tressqet quddiemha, il-KRP ma għandha ebda awtorità, taħt id-dritt nazzjonali, sabiex ma tapplikax dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan għaliex ebda liġi ma tat tali awtorità lill-KRP. Il-qorti tar-rinviju kkonstatat ukoll li ebda tali awtorità ma tista’ tingħata b’mod impliċitu.

38.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li, fid-dawl tar-rekwiżiti kostituzzjonali tal-ordinament ġuridiku Irlandiż, il-kawżi li jeħtieġu n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jaqgħu, bħala regola ġenerali, barra l-kompetenza tal-KRP. Minflok jindirizzaw lill-KRP, il-lanjanti għandhom jindirizzaw t-talbiet tagħhom direttament lill-High Court (il-Qorti Għolja) li għandha kompetenza sabiex tisma’ kawżi bħal dawn.

39.      It-tqassim tal-kompetenza bejn il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għolja) hija bbażata fuq is-soluzzjoni potenzjali meħtieġa sabiex tintemm l-allegata diskriminazzjoni. B’mod iktar speċifiku, il-KRP ma għandhiex kompetenza sabiex teżamina lment meta dak il-każ ikun jinvolvi (jekk l-ilment jiġi milqugħ), il-ħtieġa li ma tiġix applikata miżura tal-leġiżlazzjoni nazzjonali primarja jew sekondarja.

40.      Il-High Court (il-Qorti Għolja) għandha kompetenza esklużiva sabiex tisma’ tali kawżi. Għalhekk, lanjanti, bħall-intervenjenti, li jikkunsidraw lilhom infushom leżi minn strument leġiżlattiv (jew li l-ilment tagħhom ikun jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali) għandhom jibdew “proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju” quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) sabiex jiksbu n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali meqjusa kuntrarja għal regola superjuri (hawnhekk: id-Direttiva 2000/78).

41.      Madankollu, it-tqassim tal-kompetenza bejn il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għolja) huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?

42.      Din id-domanda, irrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, tirrigwarda b’mod ċar il-limiti tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Madankollu, id-domanda teħtieġ l-ewwel u qabel kollox li jiġi eżaminat il-prinċipju kostituzzjonali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, u, bħala parti integrali minnu, l-obbligu tal-korpi kollha tal-Istat Membru li jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenza rispettiva tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

43.      Qabel ma jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, għandu jiġi enfasizzat mill-bidu nett li d-domanda rrinvijata ma tfittix espliċitament mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali u tal-prinċipji korollarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tindika li hija diġà stabbilixxiet, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-regola ta’ kompetenza hija konformi ma’ dawn il-prinċipji. Is-Supreme Court tal-Irlanda (il-Qorti Suprema tal-Irlanda) għalhekk essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk, minkejja l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji, ir-regola ta’ kompetenza tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni.

44.      Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tat-tqassim tal-kompiti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, huwa (l-ewwel u qabel kollox) f’dan il-kuntest li d-domanda rrinvijata għandha tiġi eżaminata.

1.      L-interazzjoni bejn il-prinċipju ta’ supremazija u l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri

45.      Ċertament jista’ jkun li d-distinzjoni bejn l-att li dispożizzjoni ma tiġix applikata u dak tat-twarrib ta’ dispożizzjoni kultant hija sempliċement teoretika fil-prattika. Jista’ jkun ukoll minnu li, mill-perspettiva ta’ sistema legali nazzjonali speċifika, ma tista’ ssir l-ebda distinzjoni reali bejn it-tnejn. (11) Madankollu, fid-dritt tal-Unjoni, id-distinzjoni bejn l-obbligu li ma tiġix applikata dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (minħabba li din id-dispożizzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni) f’każ speċifiku u l-obbligu ta’ twarrib ta’ tali dispożizzjoni, bl-effett usa’ li din id-dispożizzjoni ma tibqax iktar valida għal ebda skop (ex tunc jew ex nunc), hija waħda importanti.

46.      Il-ġurisprudenza li tirriżulta mil-kawża Simmenthal, li tistabbilixxi l-prinċipju kostituzzjonali ta’ supremazija u li tenfasizza r-rwol tal-qrati u tal-awtoritajiet amministrattivi li jagħtu effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni, hija bbażata fuq din id-distinzjoni. (12) Din id-distinzjoni hija bbażata fuq l-arkitettura deċentralizzata tas-sistema ġuridika tal-Unjoni li tħalli f’idejn kull Stat Membru l-kompitu li jiddefinixxi l-proċeduri xierqa sabiex jitfittex rimedju għal ksur ta’ drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, u iktar importanti, li jiddefinixxi l-istituzzjonijiet vestiti bl-awtorità li jwarrbu (jew li jinvalidaw) leġiżlazzjoni.

a)      Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni: l-obbligu tal-korpi kollha tal-Istat li ma japplikawx liġi nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni

47.      Il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Simmenthal (13) tirrigwarda n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, jew b’mod iktar speċifiku, l-obbligu tal-korpi tal-Istat li ma japplikawx dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, korollarju inevitabbli tad-duttrina kostituzzjonali tal-effett dirett stabbilit fil-kawża van Gend en Loos. (14) Minbarra li stabbilixxiet il-bażi għal netwerk ta’ qrati tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod famuż ikkontatat fil-kawża Simmenthal:

“21. […] [K]ull qorti nazzjonali għandha, f’każ li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħha, tapplika d-dritt Komunitarja fl-intier tiegħu u tipproteġi d-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lil individwi u għalhekk għandha twarrab kull disposizzjoni tad-dritt nazzjonali li tista’ tkun f’kunflitt miegħu, kemm jekk qabel jew sussegwenti għar-regola Komunitarja.

22. Għaldaqstant, kull dispożizzjoni ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali u kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja li jkollha bħala effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni peress li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika dan id-dritt tiġi mċaħħda mis-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex jiġu mwarrba d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment ikunu ta’ ostakolu għall-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni, huma inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni.

23. Dan ikun il-każ jekk, fl-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ qbil bejn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u liġi nazzjonali sussegwenti, is-soluzzjoni ta’ dan il-kunflitt titħalla f’idejn awtorità differenti mill-qorti mitluba li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandha setgħa diskrezzjonali tagħha, anki jekk l-ostakolu li b’hekk jirriżulta minnha għall-effettività sħiħa ta’ dan id-dritt ikun biss temporanju.

24. [..]. għalhekk […] qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir tagħha minn qabel permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra.” (15)

48.      Fi kliem ieħor, il-kawża Simmenthal kienet tirrigwarda (fost kwistjonijiet oħra ta’ importanza kostituzzjonali fundamentali) is-setgħat ta’ qorti inferjuri li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tistenna li qorti superjuri twarrab din id-dispożizzjoni. (16)

49.      Madankollu, il-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li dan l-obbligu japplika wkoll għal korpi oħra tal-Istat, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi. Fil-kawża Costanzo, (17) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet amministrattivi għandhom l-istess obbligu bħall-qrati nazzjonali li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jkollha effett dirett. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li meta l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex individwi jkunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva quddiem il-qrati nazzjonali jkunu ssodisfatti, il-kopri kollha tal-amministrazzjoni (inklużi l-muniċipalitajiet) huma obbligati japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet u ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tad-drit nazzjonali li jkunu f’kunflitt magħhom. (18)

50.      Fil-kawża CIF, (19) il-kwistjoni kienet inter alia dwar il-kompetenza (ikkontestata) tal-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet teħtieġ, jew iffaċilitat, imġieba kuntrarja għall-Artikolu 81(1) KE (issa l-Artikolu 101(1) TFUE). L-impriżi taħt investigazzjoni argumentaw li l-awtorità kienet obbligata tapplika tali leġiżlazzjoni nazzjonali u ma setgħetx tħalliha mhux applikata. L-awtorità tal-kompetizzjoni nnifisha argumentat li s-setgħa li tagħmel dan kienet tirriżulta mill-prinċipji ta’ effett dirett u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

51.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li d-dmir li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma tiġix applikata jirrigwarda lill-korpi kollha tal-Istat, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi. Dan id-dmir jinvolvi, jekk iċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, l-obbligu li jittieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex id-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jiġi applikat bis-sħiħ. (20)

52.      Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kienet responsabbli sabiex tiżgura li l-Artikolu 81 KE jiġi osservat. Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 10 KE (issa l-Artikolu 4(3) TUE), kienet timponi dmir fuq l-Istati Membri sabiex jastjenu milli jintroduċu miżuri li jmorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dawn ir-regoli jsiru inqas effettivi jekk l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma setgħetx tiddikjara miżura nazzjonali kuntrarja għall-Artikolu 81 KE (u għall-Artikolu 10 KE) u jekk, konsegwentement, din naqset milli ma tapplikax din il-miżura nazzjonali. (21)

53.      Il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq għaldaqstant tindika b’mod ċar li huwa irrilevanti jekk is-sistema ġuridika nazzjonali tagħtix lill-korp tal-Istat inkwistjoni s-setgħa li ma japplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Dan il-korp għandu madankollu jagħmel dan fejn dan ikun meħtieġ sabiex jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni.

54.      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-dispożittiv tal-kawża Simmenthal, dan l-obbligu jeżisti biss meta l-korp inkwistjoni jkun qiegħed jaġixxi fil-limiti tal-kompetenza mogħtija lilu (fil-kuntest tad-dritt nazzjonali). (22)

55.      B’mod partikolari fir-rigward tal-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonstatat li l-obbligu li ma tiġix applikata leġiżlazzjoni nazzjonali huwa limitat mill-kompetenza mogħtija lill-qorti nazzjonali mitluba tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Din id-dikjarazzjoni tissuġġerixxi, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija attenta għal-libertà li l-Istati Membri għandhom iżommu fir-rigward tad-definizzjoni, skont it-tradizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom, tal-infrastruttura ġudizzjarja u amministrattiva tagħhom. Min-naħa l-oħra, din tindika rispett lejn is-sistemi kostituzzjonali diverġenti li flimkien jiffurmaw is-sisien tas-sistema ġuridika tal-Unjoni.

56.      Tabilħaqq, bħala analiżi finali, il-ġurisprudenza hija intiża li tiżgura li korp tal-Istat, li jaġixxi fi ħdan l-istruttura ġudizzjarja u/jew amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat, jista’ jipproteġi b’mod adegwat d-drittijiet ta’ individwu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant jiżgura effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

b)      L-obbligu li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenza mogħtija lill-korp inkwistjoni

57.      Il-KRP hija l-korp maħtur speċifikament mil-leġiżlatur Irlandiż sabiex jiżgura, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78, li l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva jiġu infurzati b’mod effettiv. Normalment hija għandha kompetenza sabiex tittratta lmenti dwar diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg.

58.      Għalhekk jista’ jiġi argumentat li l-prinċipju ta’ supremazija, introdott mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Simmenthal b’mod li dak iż-żmien kien innovattiv jeħtieġ li l-KRP għandha tkun tista’ ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li hija tqis li jmorru kontra d-Direttiva 2000/78 (hawnhekk: il-miżura ta’ restrizzjoni bbażata fuq l-età). Dan huwa essenzjalment dak li jsostnu l-KRP, l-intervenjenti u l-Kummissjoni.

59.      Approċċ bħal dan għandu ċertu ġibda. Madankollu, mhux konvint li dan huwa dak korrett.

60.      F’dan l-istadju, huwa importanti ħafna li jiġi enfasizzat li l-importanza kostituzzjonali tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni bħala prinċipju fundamentali tas-sistema ġuridika sui generis tal-Unjoni ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed. Minħabba l-importanza fundamentali tagħha, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ma tippermettix eċċezzjonijiet. Fil-fatt, eċċezzjonijiet għas-supremazija jkunu ta’ detriment għas-sisien stess li fuqhom hija mibnija s-sistema ġuridika tal-Unjoni.

61.      Għaldaqstant, jidhirli li huwa ċar li kwalunkwe regola nazzjonali (kostituzzjonali jew mod ieħor) li tillimita, b’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali għall-qrati hija b’mod ċar kuntrarja għall-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, hekk kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fil-kawżi Simmenthal u Costanzo. Tabilħaqq, ma hemm l-ebda dubju li tali regola tkun tikkuntrasta bil-qawwi mar-regola stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-korpi kollha tal-amministrazzjoni huma obbligati japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt l-liġi tal-UE li għandhom effett dirett u ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jmorru kontrihom. (23)

62.      Madankollu, fuq evalwazzjoni iktar mill-qrib, il-kawża preżenti tista’ tiġi distinata mill-ġurisprudenza li tirriżulta mill-kawża Simmenthal. B’mod sinjifikattiv, ir-regola ta’ kompetenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkontestax is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas, b’estensjoni, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

63.      Din il-kawża hija dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxix liema korp ġudizzjarju għandu jkollu kompetenza sabiex jittratta ma’ kategorija partikolari ta’ kawżi.

64.      Il-kawża preżenti hija differenti mis-sitwazzjoni fejn qorti li għandha kompetenza sostantiva sabiex tisma’ kawża, bħal fil-kawża Simmenthal, jew fejn awtorità li bla dubju għandha kompetenza esklużiva sabiex tieħu deċiżjoni amministrattiva, bħal fil-kawża Costanzo, huma limitati fis-setgħat rispettivi tagħhom sabiex jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni u għalhekk, fejn meħtieġ, sabiex jiġi pprovdut rimedju effettiv fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

65.      Il-kawża preżenti hija wkoll differenti mis-sitwazzjoni sottostanti fil-kawża CIF (varjazzjoni tas-sitwazzjoni deskritta hawn fuq); jiġifieri, sitwazzjoni fejn awtorità nazzjonali ma għandhiex setgħa espliċita sabiex ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li l-osservanza tagħhom kellha tiġi żgurata minn dik l-awtorità stess.

66.      Għandu jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni f’din il-kawża hija waħda fejn id-dritt nazzjonali, kif interpretat mill-qorti tar-rinviju, iqassam il-kompetenza sostantiva f’kawżi speċifiċi bejn il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għolja) billi jirriżerva lil din tal-aħħar kompetenza esklużiva sabiex tisma’ kawżi li fihom tkun qegħda tiġi kkontestata l-validità ta’ leġiżlazzjoni jew li jeħtieġu n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni.

67.      F’dan il-kuntest proċedurali speċifiku ħafna, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata kawtela fit-tfassil ta’ paralleli mal-ġurisprudenza li tirriżulta mill-kawża Simmenthal.

68.      Kif diġà ssemma, il-loġika ta’ din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq in-neċessità li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari li individwu jkun jista’ jikseb protezzjoni effettiva għad-drittijiet tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni quddiem il-korp amministrattiv jew il-qorti li għandha kompetenza sabiex teżamina l-kawża. Sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni, il-korpi kollha tal-Istat għandhom ukoll ikollhom is-setgħa li jastjenu milli japplikaw dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, anke meta s-sistema ġuridika nazzjonali ma tagħtix lil dak il-korp s-setgħa li jagħmel dan. Ikun problematiku mill-perspettiva tal-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni jekk l-ewwel kien meħtieġ li tintalab dikjarazzjoni ta’ inkompatibilità mad-dritt tal-Unjoni, jew saħansitra invalidazzjoni, tad-dispożizzjoni rilevanti quddiem qorti (superjuri).

69.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tiżgura li l-qrati kif ukoll l-awtoritajiet mitluba japplikaw id-dritt tal-Unjoni jistgħu jagħmlu dan kompletament fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom.

70.      Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza ma tippruvax tinterferixxi fl-attribuzzjoni tal-kompetenza fuq il-kawżi bejn il-qrati (u/jew il-korpi amministrattivi). Din ma tippermettix lil qorti (u, a fortiori, lil korp amministrattiv) tinjora r-regoli ta’ kompetenza f’isem l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa essenzjalment minħabba li l-Istati Membri jgawdu, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, awtonomija sostanzjali fit-tfassil tar-regoli proċedurali, bħal dawk dwar l-indikazzjoni tal-awtorità jew tal-qorti b’kompetenza f’ċerta kategorija ta’ kawżi, soġġetta għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. (24)

71.      Kif naraha jiena, korp amministrattiv jew qorti tista’ tkun obbligata li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, sabiex jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni, biss jekk qabel kollox ikun ġie stabbilit li dan il-korp għandu kompetenza sostantiva sabiex jeżamina l-kawża (jew tabilħaqq, fir-rigward tal-awtoritajiet fis-sens wiesa’, li jieħdu deċiżjoni dwar kwistjoni partikolari).

72.      Il-partijiet kollha jidhru li jaċċettaw li, bħala kwistjoni tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali, il-KRP ma għandhiex tali kompetenza. Jekk il-KRP kellha teżamina lment li jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, din ma tibqax taġixxi fil-limiti tal-kompetenza tagħha.

73.      Għandu jiġi enfasizzat li, skont il-qorti tar-rinviju, ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija waħda ta’ kompetenza sostantiva: din tqassam il-kompetenza sabiex jiġu eżaminati r-rikorsi fl-ewwel istanza f’kawżi speċifiċi bejn il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għolja). Din timplika li, fil-kategorija partikolari tal-kawżi fejn ilment milqugħ li jirrigwarda d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, il-korp ġudizzjarju kompetenti sabiex jeżamina tali kawża huwa l-High Court (il-Qorti Għolja).

74.      Huwa veru li, fl-isfera ta’ kompetenza tagħha, il-KRP għandha tiżgura konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg, inkluża d-Direttiva 2000/78. Madankollu, din il-kompetenza hija limitata mir-regola ta’ kompetenza inkwistjoni f’din il-kawża.

75.      L-ebda argument ma tressaq f’dawn il-proċeduri li l-KRP ma tkunx tista’ tipprovdi rimedju effettiv, jew tiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, f’kawżi fejn għandha kompetenza (jiġifieri kawżi fejn l-ilment jirrigwarda, essenzjalment, diskriminazzjoni kkawżata minn min iħaddem, u mhux minn strument leġiżlattiv). Hija sempliċiment ma għandha ebda kompetenza fil-kawżi fejn ilment milqugħ jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni.

76.      Fil-fehma tiegħi, dan il-fatt jiddistingwi l-kawża preżenti mill-ġurisprudenza msemmija hawn fuq: il-kwistjoni dwar jekk il-korp inkwistjoni kellux kompetenza sabiex jeżamina l-kawża (jew sabiex jieħu deċiżjoni dwar kwistjoni partikolari) sempliċiment ma qamietx f’dawn il-kawżi. Pjuttost, id-denominatur komuni f’dawk il-kawżi kollha huwa li l-qorti jew l-awtorità kompetenti kienet limitata, mhux f’termini ta’ kompetenza, iżda f’termini tal-għodda li kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tagħti effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni.

77.      Ċertament, tkun tentazzjoni li jitfasslu paralleli mal-kawża CIF. Kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, fil-kawża CIF, kien ikun hemm rotta alternattiva għal individwu li kien qiegħed ifittex rimedju għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni: il-qrati ordinarji. Dawn il-qrati kien ikollhom l-obbligu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jastjenu milli japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Anki jekk fit-teorija din l-alternattiva kienet teżisti, il-Qorti Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità tal-kompetizzjoni Taljana kienet obbligata tastjeni milli tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjonii.

78.      Madankollu, hawnhekk hija ta’ importanza partikolari li l-kompetenza tal-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma kinitx limitata mid-dritt nazzjonali: għall-kuntrarju, din kienet l-(uniku) korp vestit bis-setgħa li jiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’differenza mill-kawża preżenti, il-kompetenza sostantiva tal-awtorità ma kinitx limitata għal ċertu kategorija ta’ kawżi. Meta wieħed iżomm dan f’moħħu, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fil-fatt kienet teħtieġ fil-kawża CIF li l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali setgħet ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali: fil-kawża inkwistjoni, kien ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, li din l-awtorità tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li hija kellha tapplika, jekk hija ma kellhiex din is-setgħa.

79.      Għandi diffikultà li nidentifika ħtieġa simili hawnhekk.

80.      Ladarba lment li potenzjalment jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jkun tressaq quddiem il-korp kompetenti (il-High Court (il-Qorti Għolja)), dik il-qorti tista’ tastjeni milli tapplika l-leġislazzjoni nazzjonali meta jitqies li din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, jew regola superjuri oħra, u tipprovdi kwalunkwe rimedju ieħor meħtieġ sabiex tintemm l-allegata diskriminazzjoni. Huwa wkoll kruċjali li jiġi enfasizzat li ma teżisti l-ebda triq alternattiva għal-lanjanti, minħabba li l-High Court (il-Qorti l-Għolja) biss għandha kompetenza sabiex tisma’ ilmenti li jikkontestaw il-validità tal-leġiżlazzjoni jew li jeħtieġu n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni.

81.      Huwa għalhekk li ma nistax naċċetta wkoll l-argument li r-regola ta’ kompetenza timpedixxi lil korp bħall-KRP, li għandu l-istatus ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, (25) milli jiżgura li protezzjoni effettiva hija mogħtija lil drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

82.      Eżami iktar mill-qrib juri d-dgħjufija ta’ dan l-argument: il-KRP ma setgħetx tressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni sostantiva ta’ jekk strument leġiżlattiv jiksirx id-Direttiva 2000/78 fl-ewwel lok, minħabba li l-eżami ta’ kawżi bħal dawn jaqa’ barra mill-kompetenza tagħha. Min-naħa l-oħra, bħala l-qorti kompetenti sabiex tisma’ l-kawża, il-High Court (il-Qorti Għolja) setgħet talbet deċiżjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ restrizzjoni bbażata fuq tal-età.

83.      Matul is-seduta ġie diskuss fit-tul argument korollarju. Skont, b’mod partikolari, il-KRP, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li r-regola ta’ kompetenza ma hijiex kontra d-dritt tal-Unjoni, l-effettività tal-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE tkun kompromessa. Ir-regola inkwistjoni tista’ timpedixxi lill-KRP milli tagħti effett sħiħ lil sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Irlandiża tmur kontra d-Direttiva 2000/78.

84.      F’dan ir-rigward, ninnota li dan l-argument jippresupponi li l-kawża taqa’ taħt il-kompetenza tal-KRP. Madankollu, ħadd mill-partijiet ma seta’ jagħti eżempju konkret ta’ sitwazzjoni fejn iż-żewġ elementi li ġejjin huma preżenti: jiġifieri, minn naħa, li l-kawża taqa’ fil-kompetenza tal-KRP minħabba li ma tinvolvix talba li teħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi ta’ rinviju preliminari mill-KRP, li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hija inkompatibbli mad-Direttiva 2000/78.

85.      Id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom il-partijiet fit-tfassil ta’ eżempju konkret ta’ sitwazzjoni fejn ir-regola ta’ kompetenza tkun tikkomprometti l-effettività tal-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE jidhru li għandhom spjegazzjoni pjuttost sempliċi: sitwazzjoni bħal din tista’ sseħħ biss jekk il-KRP kellha jew tittieħed li għandha kompetenza jew din jekk kellha teċċedi l-limiti tal-kompetenza tagħha u teżamina dan l-ilment.

c)      Konklużjoni interim

86.      Jista’ jkun hemm raġunijiet validi li jiġġustifikaw it-tqassim tal-kompetenza f’qasam speċifiku tad-dritt bejn korpi (ġudizzjarji) differenti.

87.      Qiegħed dejjem isir iktar komuni li s-soluzzjoni tal-kunflitti li jirriżultaw mill-ħajja ta’ kuljum, bħalma huma t-tilwim fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumaturi u l-kunflitti fuq il-post tax-xogħol, hija “esternalizzata” mill-qrati lil korpi speċjalizzati b’setgħat (limitati) sabiex jiżguraw medjazzjoni u/jew sabiex jiddeċiedu bil-ħeffa tali tilwim. (26) Huwa ugwalment komuni li, bħal fil-każ tal-uffiċjali tal-arbitraġġ tal-KRP, il-persuni li jsolvu l-kunflitti f’tali korpi mhux neċessarjament għandhom kwalifika legali. Probabbilment, korpi bħal dawn huma f’qagħda aħjar mill-qrati sabiex jipprovdu soluzzjonijiet bi spejjeż baxxi, ta’ malajr u effettivi għal kunflitti ta’ dan it-tip.

88.      Madankollu, mhux it-tilwim kollu, b’mod partikolari dak li jqajjem kwistjonijiet importanti ta’ prinċipju b’implikazzjonijiet legali usa’, huwa ttrattat l-aħjar minn korpi bħal dawn.

89.      Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-kwistjoni, hija s-sistema ġuridika nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati u t-tribunali li għandhom kompetenza (jew, jekk ikun il-każ, kopri amministrattivi) u li għandha tistabbilixxi r-regoli proċedurali dettaljati li jirregolaw ir-rikorsi għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni. (27) Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn id-drittijiet ikunu protetti b’mod effettiv f’ull każ. (28) Fi kliem ieħor, il-kompetenza f’qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi mqassma bejn korpi differenti, sakemm id-drittijiet inkwistjoni jkunu protetti b’mod adegwat.

90.      Huwa fil-limiti tal-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom li dawn l-organi għandhom jagħtu effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni billi jastjenu, fejn meħtieġ, milli japplikaw id-dritt nazzjonali li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, korp ma jistax, bis-saħħa tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, sempliċement jinjora r-regoli ta’ kompetenza li jillimitaw il-kompetenza sostantiva tiegħu f’qasam partikolari tad-dritt, kif iddefiniti mid-dritt nazzjonali.

91.      Għaldaqstant nikkonkludi li regola ta’ kompetenza bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tqassam il-kompetenza f’kawżi bejn korp stabbilit mil-liġi u qorti ordinarja fuq il-bażi tal-ilment magħmul ma tiksirx il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u taqa’ fl-ambitu tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

92.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm b’mod strett mal-kliem tad-domanda rrinvijata, dan isolvi l-kwistjoni. Dan għaliex, kif tagħmilha ċara d-domanda, il-qorti tar-rinviju diġà għamlet konklużjonijiet dwar il-kompatibbiltà tar-regola ta’ kompetenza mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività: tabilħaqq, id-domanda rrinvijata hija, hija stess, ibbażata fuq il-konstatazzjoni li r-regola ta’ kompetenza inkwistjoni ma tiksirx dawn il-prinċipji. (29)

93.      Naturalment huwa minnu li, fl-analiżi finali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk ir-regola proċedurali nazzjonali kkontestata hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Madankollu, meta wieħed iqis l-attenzjoni mogħtija lil dawn il-prinċipji mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, inqis li huwa meħtieġ li jiġu indirizzati l-argumenti prinċipali mressqa mill-partijiet fir-rigward tal-konklużjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività.

2.      It-tqassim tal-kompetenza bejn il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għaolja): l-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

94.      Skont il-ġurisprudenza rikka tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni, ir-regoli proċedurali nazzjonali ddettaljati li jirregolaw ir-rikorsi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ individwu taħt il-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw ir-rikorsi nazzjonali simili (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività). (30)

a)      Ekwivalenza: it-tfittxija għall-element ta’ paragun korrett

95.      Fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tar-rinviju qieset li r-regola ta’ kompetenza tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ekwivalenza għaliex eżattament l-istess reġim ikun japplika irrispettivament minn jekk ir-regola ġuridika li fuq il-bażi tagħha tressqu l-proċeduri kinitx tirriżulta mid-dritt nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, ir-regola ta’ kompetenza inkwistjoni tkun tapplika wkoll, u tagħti kompetenza lill-High Court (il-Qorti Għolja), f’rikors ibbażat purament fuq id-dritt nazzjonali. (31)

96.      Ma nsib l-ebda żball f’din l-evalwazzjoni.

97.      B’mod speċifiku, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li r-regola nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi applikata mingħajr distinzjoni, jiġifieri bl-istess mod irrispettivament minn jekk ir-rikors huwiex ibbażat fuq drittijiet li individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jew jekk huwiex ibbażat fuq ksur tad-dritt nazzjonali, fejn l-iskop u l-kawża tar-rikors huma simili. (32) Fi kliem ieħor, l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza ssir f’żewġ stadji. L-ewwel, għandu jintgħażel l-element ta’ paragun korrett. It-tieni, għandu jiġi evalwat jekk ir-rikors ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni huwiex ittrattat b’mod inqas favorevoli mir-rikors komparabbli bbażat fuq id-dritt nazzjonali.

98.      L-ewwel u t-tielet intervenjenti ssuġġerew f’dan ir-rigward li l-qorti tar-rinviju ma għażlitx l-iktar l-element ta’ paragun xieraq. Fis-sottomissjonijiet tagħhom, element ta’ paragun iktar xieraq jista’ jinstab f’ilment ta’ diskriminazzjoni bbażat fuq motiv li jaqa’ barra mill-ambitu tad-Direttiva 2000/78, jew li ma jeħtieġx in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

99.      F’dan ir-rigward, l-ewwel għandu jiġi mfakkar li hija l-qorti tar-rinviju, li għandha għarfien dirett tar-regoli proċedurali dettaljati applikabbli, li għandha tivverifika jekk ir-rikorsi kkonċernati humiex simili fir-rigward tal-iskop, tal-kawża u tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom. (33) Għaldaqstant, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss b’mod eċċezzjonali, meta din l-evalwazzjoni tirriżulta manifestament żbaljata, tikkontesta konstatazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

100. Ma hemmx bżonn ta’ miżura daqstant drastika hawnhekk. Għall-kuntrarju, jidhirli li l-qorti tar-rinviju għażlet l-uniku element ta’ paragun raġonevoli.

101. Kif sostniet b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jeħtieġx li l-Istati Membri jestendu r-regoli l-iktar favorevoli tagħhom għar-rikorsi kollha ppreżentati f’ċertu qasam tad-dritt. (34)

102. Sa fejn jista’ jinftiehem mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, l-ewwel u t-tielet intervenjent jissuġġerixxu li t-talbiet kollha dwar l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg għandhom jitqiesu bħala komparabbli ma’ xulxin, essenzjalment minħabba li l-proċeduri quddiem il-KRP huma inqas ikkumplikati u ma jinvolvu l-ebda riskju finanzjarju għal-lanjant.

103. Jekk dan l-approċċ jiġi adottat, fil-prattika t-test ta’ ekwivalenza jsir mingħajr skop reali. Dan ikun jinvolvi l-ipparagunar ta’ dak li ma jistax jiġi pparagunat. Kif turi sewwa din il-kawża, mhux il-kawżi kollha li jirrigwardaw qasam speċifiku tad-dritt huma paragunabbli: ilmenti bbażati fuq diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg jista’ jkollhom skop, kawża u karatteristiċi essenzjali differenti skont is-sors tad-diskriminazzjoni. Jista’ jintalab rimedju quddiem il-KRP fejn id-diskriminazzjoni tirriżulta minn prattika (tipikament deċiżjoni meħuda minn min iħaddem) fil-qasam tal-impjieg. (35) B’kuntrast, rikors li jikkontesta l-validità ta’ leġiżlazzjoni jew li jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fundamentalment jirrigwarda l-legalità ta’ strument leġiżlattiv li għandu l-awtorità ta’ liġi. Din hija fil-fehma tiegħi differenza kruċjali u ma għandhiex tiġi injorata. Id-differenzi bejn ir-regoli proċedurali applikabbli għar-rikorsi ppreżentati quddiem il-KRP, minn naħa, u quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), min-naħa l-oħra, huma spjegati b’mod preċiż mid-differenza inerenti fit-tipi ta’ rikorsi li dawk il-korpi għandhom kompetenza jeżaminaw. (36)

104. Fi kliem ieħor, l-iktar element ta’ paragun xieraq, kif stabbilit mill-qorti tar-rinviju, għandu jkun rikors ippreżentat quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) fuq il-bażi purament tad-dritt nazzjonali.

b)      Effettività: il-ħtieġa li jiġu ppreżentati bosta rikorsi sabiex jiġu asseriti drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni

105. Skont ġurisprudenza stabbilita, evalwazzjoni tal-effettività għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol tad-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. (37)

106. Fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tar-rinviju eżaminat inter alia s-setgħat tal-High Court (il-Qorti Għolja) li tikseb provi, l-iskema tal-ispejjeż, in-natura kontradittorja tal-proċeduri quddiem din il-qorti u s-setgħa tal-tal-High Court (il-Qorti Għolja) li tipprovdi kwalunkwe rimedju meħtieġ sabiex jiġu implimentati d-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Wara li eżaminat dawn il-karatteristiċi tal-proċedura quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), il-qorti tar-rinviju waslet għall-konklużjoni li r-regola ta’ kompetenza kienet tissodisfa r-rekwiżiti ta’ effettività. (38)

107. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma eżaminatx b’mod espliċitu l-iżvantaġġi proċedurali li jistgħu jirriżultaw mill-ħtieġa li jinqasam ilment bejn żewġ korpi, kwistjoni ttrattata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Impact. (39) Dik il-kawża ġiet diskussa fit-tul matul is-seduta. Għaldaqstant jidhirli li jkun utli li nipprovdi xi rimarki dwar din il-kwistjoni.

108. Il-kawża Impact kienet tirrigwarda regola proċedurali li kienet iġġiegħel lir-rikorrenti jippreżentaw diversi rikorsi sabiex jasserixxu drittijiet taħt id-Direttiva 1999/70. (40) B’mod iktar speċifiku, id-dritt Irlandiż kien jipprovdi li talbiet dwar xogħol għal żmien determinat ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva setgħu jitressqu quddiem ir-Rights Commissioner (qorti speċjalizzata), filwaqt li talbiet ibbażati direttament fuq id-Direttiva (jiġifieri, tilwim li qam wara d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni iżda qabel ma l-Irlanda kienet wettqet l-obbligi tagħha) kellhom jitressqu quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja).

109. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat mill-bidu nett li talba bbażata fuq ksur tal-miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva u talba bbażata direttament fuq id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala li jiffurmaw parti mill-istess u l-uniku rimedju. (41) Minkejja distinzjonijiet formali dwar il-bażi ġuridika tagħhom, iż-żewġ talbiet, fittxew, fi kliem ieħor, il-protezzjoni tal-istess drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. (42)

110. Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’ċirkustanzi fejn il-leġiżlatur Irlandiż kien għażel li jagħti lil qorti speċjalizzata kompetenza (għalkemm mhux obbligatorja) sabiex tisma’ u tiddeċiedi rikorsi bbażati fuq il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 1999/70, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività li r-rikorrenti jiġu obbligati jippreżentaw, fl-istess ħin, rikors separat quddiem qorti ordinarja sabiex jasserixxu d-drittijiet li jistgħu jisiltu direttament minn din id-direttiva. Dan ikun b’mod partikolari il-każ jekk dan l-obbligu kien ikkonstatat mill-qorti nazzjonali bħala li jirriżulta f’żvantaġġi proċedurali għall-individwi kkonċernati, f’termini, inter alia, ta’ spiża, tul ta’ żmien u tar-regoli ta’ rappreżentanza, tali li jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet li jirriżultaw mid-direttiva rilevanti. (43)

111. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment tikkonferma u telabora ġurisprudenza stabbilita sew fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-effettività. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkontestat l-iżvantaġġi proċedurali li jirriżultaw mill-obbligu li jiġu ppreżentati rikorsi differenti f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur kien ta kompetenza lil qorti speċjalizzata sabiex teżamina talba bbażata fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva, iżda fejn dak il-korp ma setax ukoll jittratta talba bbażata fuq id-Direttiva.

112. Huwa importanti li d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tinqara fil-kuntest xieraq tagħha. Id-dikjarazzjoni dwar l-iżvantaġġi proċedurali saret fil-kuntest speċifiku ta’ obbligu li jiġu ppreżentati rikorsi multipli sabiex essenzjalment jiġu asseriti l-istess drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (iżda fir-rigward ta’ perijodi differenti ta’ żmien). Meta wieħed iżomm f’moħħu l-aspett speċifiku tal-kawża Impact, fil-fehma tiegħi jkun żbaljat li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ effettività tinqara bħala li tikkontesta, b’mod ġenerali, kwalunkwe regola ta’ kompetenza f’qasam speċifiku tad-dritt li tqassam il-kompetenza bejn istanzi differenti li fihom ir-regoli proċedurali ma humiex favorevoli bl-istess mod għar-rikorrenti.

113. Tabilħaqq, ma għandux jintesa li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li r-regoli proċedurali nazzjonali ma jirrendux eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Din ma teħtieġx li l-kawżi kollha f’qasam speċifiku ta’ dritt jiġu ttrattati bl-istess mod, minn qorti jew korp wieħed, skont ir-regoli li proċeduralment huma l-iktar favorevoli għar-rikorrent. (44)

114. B’differenza taċ-ċirkostanzi fil-kawża Impact, il-KRP ma ngħatatx kompetenza (fakultattiva) mil-leġiżlatur Irlandiż sabiex tisma’ kawżi li normalment jaqgħu taħt il-kompetenza tal-High Court (il-Qorti Għolja). Minflok hemm tqassim ċar ta’ kompetenza bejn il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għolja).

115. Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li l-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda lment dwar diskriminazzjoni inerenti fil-miżura ta’ restrizzjoni bbażata fuq l-età, li tinsab f’leġiżlazzjoni sekondarja. L-ebda ilment ta’ diskriminazzjoni li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-KRP ma sar fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. F’kawża bħal din, it-tqassim tal-kompetenza bejn il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għolja) ma jagħtix lok, fl-opinjoni tiegħi, għal kritika: ma hemm l-ebda mezz ieħor disponibbli għal-lanjanti ħlief il-High Court (il-Qorti Għolja). Jidhirli li, jekk xejn, it-tqassim tal-kompetenza jiżgura soluzzjoni effiċjenti tal-kawżi li jeħtieġu n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, peress li f’dawn il-kawżi l-lanjanti ma għandhomx jindirizzaw lill-KRP l-ewwel.

116. Bla dubju, in-nuqqas ta’ mezz alternattiv għal-lanjanti li jikkunsidraw ruħhom leżi minn strument leġiżlattiv jispjega għaliex il-qorti tar-rinviju ma eżaminatx ir-regola ta’ kompetenza fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Impact.

117. Madankollu, ma jidhirx li huwa impossibbli li wieħed jimmaġina sitwazzjoni fejn lanjant jressaq kawża li tallega li huwa ġie ddiskriminat (bi ksur tad-Direttiva 2000/78) mhux biss fuq il-bażi ta’ miżura leġiżlattiva iżda wkoll fuq il-bażi ta’ prassi ta’ min iħaddem. Jekk, f’sitwazzjoni bħal din, il-KRP għandha kompetenza sabiex tisma’ xi parti minn dan l-ilment, jidhirli li d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Impact għandha tapplika b’mod sħiħ. Jekk, minflok, il-kompetenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tipprevali fuq dik tal-KRP, li jfisser li din tal-aħħar ma għandha l-ebda kompetenza (u li l-High Court (il-Qorti Għolja) hija meqjusa li għandha kompetenza esklużiva sabiex tittratta l-ilment kollu), id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx rilevanti.

118. Madankollu, din l-evalwazzjoni ma għandhiex issir mill-Qorti tal-Ġustizzja: id-determinazzjoni tal-interpretazzjoni korretta tar-regoli nazzjonali rilevanti dwar it-tqassim tal-kompetenza bejn il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għolja) f’kuntest bħal dan għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

119. Fuq din il-bażi nikkonkludi li regola ta’ kompetenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tqassam il-kompetenza f’kawżi speċifiċi bejn korp stabbilit mil-liġi u qorti ordinarja (stabbilita taħt il-Kostituzzjoni) fuq il-bażi tan-natura tal-ilment magħmul, ma hijiex prekluża mid-dritt tal-Unjoni, sakemm ma hemmx kompetenza konkorrenti fi ħdan l-istess ilment.

IV.    Konklużjoni

120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda rrinvijata mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda):

Regola ta’ kompetenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tqassam il-kompetenza f’kawżi speċifiċi bejn korp stabbilit mil-liġi u qorti ordinarja fuq il-bażi tan-natura tal-ilment magħmul, ma hijiex prekluża mid-dritt tal-Unjoni, sakemm ma hemmx kompetenza konkorrenti fi ħdan l-istess ilment.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Id-Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


3      Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49).


4      Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, il-liġijiet rilevanti huma l-Liġijiet dwar l-Ugwaljanza fil-Qasam tal-Impjieg tal‑1998 sal‑2004 u, skont il-każ, il-leġiżlazzjoni sussegwenti li temendahom.


5      B’riżultat tal-Workplace Relations Act 2015 (il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet Professjonali tal‑2015), il-funzjonijiet rilevanti tal-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) issa ġew ittrasferiti lill-KRP.


6      Il-Garda Síochána (Admissions and Appointments) (Amendment) Regulations (ir-Regolamenti Garda Síochána (Reklutaġġ u Assenjazzjoni) (Emenda) tal‑2004 (S.I. Nru. 749 tal‑2004).


7      Fil-fatt, minbarra d-digriet tar-rinviju tal‑15 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tar-rinviju tat ukoll sentenza separata f’dik id-data (Minister of Justice, Equality and Law Reform and Others -v- The Workplace Relations Commission, (2017) IESC 43) li kienet tittratta l-kwistjoni tal-kompetenza tal-KRP mill-perspettiva tad-drit nazzjonali. F’dik is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ttrattat ukoll ċerti kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Hija eżaminat, b’mod partikolari, jekk it-tqassim tal-kompetenza bejn il-KRP u l-High Court (il-Qorti Għolja) kinitx tikkonforma mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tikkostitwixxi eċċezzjoni għal din ir-regola: fil-kawżi li jirrigwardaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, il-lanjant jista’ jagħżel li jadixxi direttament lis-Circuit Court. (il-Qorti taċ-Ċirkwit, l-Irlanda).


10      Ara https://www.workplacerelations.ie/en/Complaints_Disputes/Adjudication/(ikkonsultata fil‑5 ta’ Lulju 2018).


11      Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, punti 5.3. u 5.6.


12      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1998, IN. CO. GE.’90 et (C‑10/97 sa C‑22/97, EU:C:1998:498, punt 21). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawżi magħquda IN. CO. GE.’90 et (C‑10/97 sa C‑22/97, EU:C:1998:228, punti 16 sa 44).


13      Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49).


14      Sentenza tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1).


15      Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punti 21 sa 24).


16      Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja f’numru kbir ta’ kawżi. Ara, fost ħafna, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257, punti 20 u 21); tal‑4 ta’ Ġunju 1992, Debus (C‑13/91 u C‑113/91, EU:C:1992:247, punt 32); tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C‑158/91, EU:C:1993:332, punt 9); u tal‑5 ta’ Marzu 1998, Solred (C-347/96, EU:C:1998:87, punt 30).


17      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, EU:C:1989:256).


18      Idem, punti 31 sa 33


19      Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, CIF (C‑198/01, EU:C:2003:430).


20      Idem, punt 49.


21      Idem, punt 50.


22      Sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 21) u tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 20. Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ April 1984, von Colson and Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26).


23      Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 21); u tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, EU:C:1989:256, punti 31 sa 33).


24      Ara, ex multis, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Comet (45/76, EU:C:1976:191, punti 13 sa 16); tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 39); u tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      F’kawża li taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu, l-Equality Tribunal (it-Tribunal għall-Ugwaljanza) irrefera kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tagħti deċiżjoni preliminari. Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, Z (C‑363/12, EU:C:2014:159).


26      Dawn il-proċeduri jaqgħu taħt it-terminu wiesa’ ta’ “soluzzjoni alternattiva tat-tilwim” jew “RAT”.


27      Ara, pereżempju, il-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq u s-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 44), u tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 1985, Bozzetti (179/84, EU:C:1985:306, punt 17); tat‑18 ta’ Jannar 1996, SEIM (C-446/93, EU:C:1996:10, punt 32); u tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 40).


29      Fid-domanda rrinvijata għal deċiżjoni preliminari, huwa ddikjarat b’mod kemxejn ambigwu li kull miżura deċiża mill-qrati nazzjonali xierqa hija meqjusa konformi mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Madankollu, fid-dawl tas-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, jista’ jinftiehem li l-qorti tar-rinviju ddeterminat li l-proċedura quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) disponibbli għal-lanjanti, fil-każ li l-kawża tagħhom ma taqax taħt il-kompetenza tal-KRP, tikkonforma ma’ dawn il-prinċipji.


30      Ara, inter alia, il-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ’il fuq.


31      Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, punt 7.1.


32      Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting‑04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai (C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08 (EU:C:2010:39, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi regola proċedurali “sfavorevoli” hija, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni ta’ perspettiva. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai (C‑567/13, EU:C:2015:88, punti 46 u 47) dwar il-kwistjoni jekk, minn naħa, l-indikazzjoni ta’ qrati ġerarkikament superjuri sabiex jittrattaw ċerti tipi ta’ kawżi u, min-naħa l-oħra, l-iskemi differenti tal-ispejjeż applikabbli fil-proċeduri mqabbla jistgħux jitqiesu bħala “sfavorevoli”.


35      Hija l-fehma tiegħi li dawn tipikament jinvolvu, pereżempju, rifjut li jiġi promoss impjegat minħabba waħda mir-raġunijiet protetti ta’ diskriminazzjoni, rifjut li tingħata żieda lil impjegat fuq bażi diskriminatorja jew rifjut li jiġu akkomodati d-diżabilità ta’ impjegat fil-post tax-xogħol u l-kompiti li dan l-impjegat huwa mistenni jwettaq.


36      Jidher mill-proċess li l-proċedura quddiem il-KRP hija inkwiżitorja, filwaqt li l-proċedura quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) hija kontradittorja. Barra minn hekk, l-iskemi tal-ispejjeż huma differenti: quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), il-lanjant jieħu r-riskju li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, filwaqt li dan ma huwiex il-każ quddiem il-KRP. Dan huwa minħabba li l-partijiet jistgħu jkunu rrappreżentati legalment iżda l-uffiċjal tal-arbitraġġ ma għandux is-setgħa li jordna l-ħlas tal-ispejjeż. Barra minn hekk, l-uffiċjali tal-arbitraġġ għandhom biss setgħat limitati li jordnaw l-attendenza tax-xhieda u l-produzzjoni ta’ dokumenti u ta’ provi ma ssirx taħt ġurament. Barra minn hekk, minħabba li l-KRP ingħatawlha bil-liġi setgħat ta’ deċiżjoni limitati biss, uffiċjal tal-arbitraġġ ma jistax iżid parti li ma hijiex imsemmija fil-proċeduri.


37      Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14); tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 54); u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, punti 7.2 sa 7.16.


39      Sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 51).


40      Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).


41      Sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 50).


42      Konklużjonijet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Impact (C‑268/06, EU:C:2008:2, punt 58).


43      Sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 51).


44      Ara f’dan is-sens is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punti 51 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.