Language of document : ECLI:EU:C:2018:979

Kawża C378/17

Minister for Justice and Equality
u
Commissioner of An Garda Síochána

vs

Workplace Relations Commission

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-pulizija – Korp nazzjonali stabbilit bil-liġi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari – Setgħa ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑4 ta’ Diċembru 2018

Dritt tal-Unjoni – Supremazija – Dritt nazzjonali kuntrarju – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Korp nazzjonali stabbilit bil-liġi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam – Nuqqas ta’ kompentenza sabiex tittieħed deċiżjoni li ma tiġix applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78)

Id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ supremazija tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li korp nazzjonali, stabbilit bil-liġi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’qasam partikolari, ma jkollux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi li ma japplikax regola tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jindikaw il-qrati u/jew l-istituzzjonijiet kompetenti għall-istħarriġ tal-validità ta’ dispożizzjoni nazzjonali u jipprevedu r-rimedji ġudizzjarji u l-proċedurali li jippermettu l-kontestazzjoni ta’ din il-validità, u, meta r-rikors ikun fondat, jannullaw l-imsemmija dispożizzjoni u, jekk dan ikun il-każ, jiddeterminaw l-effetti ta’ tali annullament.

Għall-kuntrarju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li l-qrati nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi fejn ikun hemm bżonn ma japplikawx, taħt l-awtorità tagħhom stess, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, mingħajr ma jitolbu jew jistennew it-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punti 17, 21 u 24, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

F’dan il-kuntest, jekk il-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, bħala korp fdat mil-leġiżlatur nazzjonali bil-kompetenza li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, kif stabbilit permezz tad-Direttiva 2000/78 u permezz tal-liġijiet dwar l-ugwaljanza, tiġi adita b’tilwima li tirrigwarda l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li hija tiżgura, fil-kuntest ta’ din il-ġurisdizzjoni, il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mid-dritt tal-Unjoni u li tiggarantixxi l-effett sħiħ tiegħu billi ma tapplikax, skont il-bżonn, kwalunkwe dispożizzjoni possibbilment kuntrarja tal-liġi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 77; tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 53 u tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 35).

Jekk korp bħalma hija l-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Professjonali, awtorizzat bil-liġi sabiex jeżerċita l-funzjoni li jiżgura l-applikazzjoni u l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, ma setax jikkonstata li dispożizzjoni nazzjonali tmur kontra l-imsemmija direttiva u, bħala konsegwenza, ma setax jiddeċiedi li ma japplikax din id-dispożizzjoni, l-effett utli tar-regoli tal-Unjoni tal-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol jitnaqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, C‑198/01, EU:C:2003:430, punt 50).

(ara l-punti 34, 35, 45, 48, 52, u d-dispożittiv)