Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ottubru 2013 – Il-Belġu vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-563/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Belġju (rappreżentanti: J.-C. Halleux u M. Jacobs, assistiti minn F. Tuytschaever u M. Varga, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara dan ir-rikors għal annullament ammissibbli u fondat u bħala konsegwenza tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna n-nefqa mġarrba mir-Renju tal-Belġju fl-ammont ta’ EUR 4 108 237.42, jew tal-inqas tillimita l-ammont tan-nefqa li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament għal EUR 1 268 963.04;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/433/UE, tat-13 ta’ Awwissu 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) 1 , sa fejn din tikkonċerna n-nefqa mġarrba mir-Renju tal-Belġju.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi:

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress illi d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni kkontestata ma tippermettix lir-rikorrent li jsir jaf liema huwa l-ksur li huwa akkużat bih.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 122, 125b(1) u 125d tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 2 u tal-Artikoli 25, 28(1), 29 u 33 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 3 , peress illi l-Kummissjoni ddikjarat li Grennbow cvba kienet ġiet rikonoxxuta b’mod żbaljat bħala organizzazzjoni ta’ produtturi.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress illi l-Kummissjoni ma limitatx il-korrezzjoni finanzjarja għan-nefqa li tikkonċerna lill-membri ta’ Greenbow, li ma setgħux jiġu rikonoxxuti b’mod awtonomu bħala organizzazzjoni ta’ produtturi.

____________

1 ĠU L 219, p. 49.

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).

3 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, p. 1).