Appell ippreżentat fil-15 ta’ Novembru 2023 minn Mikail Safarbekovich Gutseriev mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-6 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-526/21, Gutseriev vs Il-Kunsill
(Kawża C-681/23 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Mikail Safarbekovich Gutseriev (rappreżentanti: B. Kennelly, Senior Counsel, J. Pobjoy, Barrister-at-Law, u D. Anderson, avocat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata;
tagħti deċiżjoni finali hija nnifisha f’din il-kawża billi, (i) tannulla l-atti kkontestati 1 sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent; u/jew (ii) tiddikjara li l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja 2 (kif emendata) u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus 3 (kif emendat) ma humiex applikabbli sa fejn dawn jikkonċernaw lill-appellant;
alternattivament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jingħata ġudizzju konsistenti mal-evalwazzjoni legali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja; u
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mill-appellant fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jinvoka tliet aggravji.
L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill ma kienx meħtieġ li jivverifika li l-appellant kien qiegħed, b’mod finanzjarju jew materjali, jikseb benefiċċju minn jew isostni ir-reġim tal-President Lukashenko.
It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill ma kienx meħtieġ li jivverifika li l-appellant kompla jikseb benefiċċju minn jew isostni ir-reġim tal-President Lukashenko fil-mument tad-deżinjazzjoni tiegħu.
It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill ma kienx wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li l-appellant kien qiegħed jikseb benefiċċju minn jew isostni ir-reġim tal-President Lukashenko.
____________
1 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1002 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2021, L 219 I, p. 70), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/997 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU 2021, L 219 I, p. 3).Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/307 tal-24 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2022, L. 46, p. 97), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/300 tal-24 ta’ Frar 2022, li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2022, L 46, p. 3).
1 ĠU 2012, L 285, p. 1.
1 ĠU 2006, L 134, p. 1.