Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budapest Környéki Törvényszék (l-Ungerija) fis-16 ta’ Ottubru 2023 – YG u NI vs AXA Bank Europe SA et
(Kawża C-628/23)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Budapest Környéki Törvényszék
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: YG u NI
Konvenuti: AXA Bank Europe SA, OTP Bank Nyrt. u OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt.
Domanda preliminari
Il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, iddefinit fil-punt (ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li dan il-kunċett ikopri:
a) unikament il-parti kontraenti inizjali li kienet introduċiet il-klawżola kuntrattwali inġusta, jew
b) ukoll kull bejjiegħ jew fornitur ġdid li sar parti għall-kuntratt wara t-trasferiment ta’ dan tal-aħħar (sostituzzjoni ta’ parti) u li, għaldaqstant, minkejja li ma introduċiex il-klawżola inġusta, jibbenefika mill-effetti ekonomiċi u finanzjarji tal-kuntratt, jew
c) esklużivament il-persuna li tinsab attwalment fil-pożizzjoni ta’ bejjiegħ jew fornitur wara s-sostituzzjoni ta’ parti, kienet min kienet il-parti kontraenti inizjali f’din il-pożizzjoni?
____________
1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.