Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2021 mill- Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-18 ta’ Novembru 2020 fil-Kawża T-735/18, Aquind vs ACER

(Kawża C-46/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) (rappreżentanti: P. Martinet, E. Tremmel, aġenti, B. Creve, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Aquind Ltd

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha jew parzjalment;

jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-istat tal-proċeduri jkun jippermetti, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża bi qbil mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lil Aquind Ltd għall-ispejjeż kemm dawk tal-appell kif ukoll għal dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-raba’ u d-disa’ motiv tar-rikorrenti u, fuq dik il-bażi, annullat id-Deċiżjoni A-001-2018 tal-Bord tal-Appell tal-ACER, ċaħdet il-bqija tal-motivi, u kkundannat lill-ACER għall-ispejjeż. F’dan l-appell, l-ACER issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet is-segwenti żbalji ta’ liġi:

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell tal-ACER, b’mod ġenerali u għall-każ inkwistjoni fir-rigward ta’ żbalji f’evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament 714/2009 1 .

____________

1 Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15).