Language of document : ECLI:EU:T:2010:274

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

2 ta’ Lulju 2010

Kawża T-485/08 P

Paul Lafili

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ parti li tilfet fl-ewwel istanza — Promozzjoni — Klassifikazzjoni fi grad u fi skala — Fattur tal-multiplikazzjoni ogħla minn wieħed — Konverżjoni għal anzjanità fl-iskala — Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Appell ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Settembru 2008, Lafili vs Il-Kummissjoni (F-22/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑271 u II‑A‑1‑1437), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Paul Lafili għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea f’din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36, u l-Anness I, Artikolu 7(1))

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Regoli tranżitorji applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004 — L-ewwel promozzjoni miksuba wara l-1 ta’ Mejju 2004 minn uffiċjal irreklutat qabel din id-data

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 7(5) u (7); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      L-obbligu li s-sentenzi jiġu mmotivati, impost fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut ma jimponix fuq dan it-Tribunal li dan jipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u punt b’punt ir-raġunament kollu li sar mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-Qorti Ġenerali li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

(ara l-punt 72)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 60; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 46; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 42

2.      Il-fatturi tal-multiplikazzjoni previsti fl-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu miżura ta’ tranżizzjoni intiża sabiex tiżgura l-livell ta’ salarju bażiku mensili tal-uffiċjali rreklutati taħt ir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti, għalkemm l-ismemmija fatturi jiggarantixxu mhux biss li l-uffiċjali li għalihom japplikaw ma jbatu ebda tnaqqis fis-salarju bażiku mensili tagħhom minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, iżda wkoll li dawk l-istess uffiċjali ma jiksbu l-ebda żieda fl-imsemmi salarju, bl-eċċezzjoni ta’ dak miksub fl-okkażjoni tal-ewwel promozzjoni tagħhom u kkalkolat b’mod konformi mal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, u, eventwalment, ta’ dak li jirriżulta minn avvanz ta’ skala.

Fattur tal-multiplikazzjoni jagħmel sens biss jekk il-valur tiegħu huwa iktar baxx jew ogħla minn wieħed. Min-naħa l-oħra, fattur tal-multiplikazzjoni ta’ wieħed ifisser li s-salarju bażiku mensili tal-uffiċjal ikkonċernat jikkorrispondi għas-salarju bażiku mensili previst, fir-Regolamenti tal-Persunal, għall-grad u skala tiegħu.

Il-konverżjoni f’anzjanità ta’ fattur tal-multiplikazzjoni ogħla minn wieħed, previst fir-raba’ sentenza tal-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, jippermetti li wara perijodu relattivament qasir, l-uffiċjal ikkonċernat jiġi integrat fl-iskala tas-salarju tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma jiġu ppreġudikati, la d-drittijiet kweżiti u lanqas l-aspetattivi leġittimi ta’ dan l-uffiċjal.

Issa, ma teżisti l-ebda raġuni li tiġġusitifika l-limitazzjoni ta’ din il-konverżjoni għall-każ biss tas-salarju ta’ uffiċjal li l-fattur tal-multiplikazzjoni tiegħu jaqbeż wieħed wara li jiġu applikati l-ewwel tliet sentenzi tal-istess paragrafu u li jiġi eskluż minnha l-każ tas-salarju ta’ uffiċjali li jiġi applikat fir-rigward tiegħu fattur bħal dan mill-ewwel promozzjoni tiegħu miksuba wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004.

Il-fatt biss li r-raba’ sentenza tal-Artikolu 7(7) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tinsabx f’subparagrafu separat mill-ewwel tliet sentenzi tal-istess paragrafu, li jkopru esklużivament is-sitwazzjoni ta’ fattur tal-multiplikazzjoni inizjalment iktar baxx minn wieħed, huwa irrilevanti. Fil-fatt, il-mod kif inhu redatt test ma jippermettix, fih innifsu, li jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tat-tifsira tiegħu.

(ara l-punti 87, 88, 99, 100 u 105)