Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fis-26 ta’ Lulju 2017 – A & G Fahrschul-Akademie GmbH vs Finanzamt Wolfenbüttel

(Kawża C-449/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A & G Fahrschul-Akademie GmbH

Konvenut: Finanzamt Wolfenbüttel

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ edukazzjoni skolastika jew universitarja previst fl-Artikolu 132(1)(i) u (j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , ikopri t-taħriġ mogħti minn skola tas-sewqan sabiex tinkiseb liċenzja tas-sewqan tal-kategorija B u tal-kategorija C1?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

Ir-rikonoxximent tar-rikorrenti bħala organizzazzjoni li għandha għanijiet simili, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, jista’ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali dwar l-eżami għall-għalliema tas-sewqan u dwar l-għoti ta’ liċenzja bħala għalliema tas-sewqan jew bħala skola tas-sewqan, previsti fil-Gesetz über das Fahrlehrerwesen (Liġi dwar il-kwalifika tal-għalliema tas-sewqan) tal-25 ta’ Awwissu 1969 (Bundesgestzblatt I 1969, 1336), kif l-aħħar emendata bil-Liġi tat-28 ta’ Novembru 2016 (Bundesgesetzblatt I 2016, 2722, Fahrlehrergesetz (Liġi dwar l-għalliema tas-sewqan)), kif ukoll mill-interess pubbliku li l-istudenti ta’ skola ta’ sewqan jingħataw taħriġ li jiżgura li jsiru utenti tat-triq li ma jkunux ta’ perikolu, li jkunu responsabbli u li jkunu konxji tal-ambjent?

Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Il-kunċett ta’ għalliem li jagħti tagħlim privatament, previst fl-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, jirrikjedi li l-persuna taxxabbli tkun imprenditur individwali?

Fil-każ li t-tieni u t-tielet domandi jingħataw risposta fin-negattiv:

Sabiex għalliem jitqies li huwa għalliem li jagħti tagħlim privatament, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, huwa biżżejjed li dan jaġixxi f’ismu stess u taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess, jew il-karatteristika ta’ “privatament” timplika kundizzjonijiet oħra?

____________

1 ĠU L 347, p. 1.