Language of document : ECLI:EU:C:2019:161

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

28 ta’ Frar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-setturi tat-trasport – Direttiva 2004/17/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 5 – Attivitajiet marbuta mal-provvista jew mal-operat ta’ netwerks maħsuba sabiex jiġi pprovdut servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport ferrovjarju – Għoti, minn impriża ferrovjarja nazzjonali pubblika li tipprovdi servizzi ta’ trasport, ta’ kuntratti għal servizzi ta’ tindif tal-ferroviji li jappartjenu lill-imsemmija kumpannija – Assenza ta’ pubblikazzjoni minn qabel”

Fil-Kawża C‑388/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Konkurrensverket

vs

SJ AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Għaxar Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Konkurrensverket, minn N. Otte Widgren, P. Karlsson u K. Sällfors, bħala aġenti,

–        għal SJ AB, minn A. Ulfsdotter Forssell, advokate, u M. Bogg, juriste,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Ljung Rasmussen, G. Tolstoy, P. Ondrůšek u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn il-Konkurrensverket (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, l-Isvezja) u SJ AB, dwar l-allegat ksur minn din il-kumpannija tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi ta’ tindif.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/17

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Entitajiet kontraenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal entitajiet kontraenti:

(a)      li huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu waħda mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7;

(b)      li, meta m’humiex awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi, jkollhom bħala waħda mill-attivitajiet tagħhom xi waħda mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7, jew xi kombinazzjoni tagħhom u joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi mogħtija minn awtorita kompetenti ta’ Stat Membru.”

4        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Servizzi ta’ trasport”, jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-provvediment [provvista] jew l-operat ta’ xbieki [netwerks] li jipprovdi servizz lil pubbliku fil-qasam ta’ trasport bil-ferrovija, sistemi automated, bit-trammijiet, trolley bus, karozza tal-linja jew kejbil.

Rigward servizzi ta’ trasport, xibka għandha titqies li teżisti [netwerk għandu jitqies li jeżisti] fejn is-servizz provvdut huwa skond kondizzjonijiet ta’ operat preskritti minn awtorita kompetenti ta’ Stat Membru, bħal ma huma kondizzjonijiet fir-rotti li jridu jiġu servuti, il-kapaċita li jsiru disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal entitajiet li jipprovdu servizzi tat-trasport lill-pubbliku li kienu esklużi mill-iskop tad-Direttiva [tal-Kunsill] 93/38/KEE [tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni] skond l-Artikolu 2(4) tiegħu.”

 Id-Direttiva 2012/34/UE

5        Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67), tiġbor f’att wieħed diversi direttivi fil-qasam tat-trasport ferrovjarju li kienu s-suġġett ta’ riformulazzjoni. Waħda minn dawn id-direttivi hija d-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2007, L 315, p. 44). Id-Direttiva 2012/34 daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2012, konformement mal-Artikolu 66 tagħha.

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘impriża ferrovjarja’ tfisser impriża pubblika jew privata liċenzjata skont din id-Direttiva, li n-negozju ewlieni tagħha huwa li tipprovdi servizzi għat-trasport ta’ oġġetti u/jew ta’ passiġġieri bil-ferrovija b’kundizzjoni li l-impriża tiżgura trazzjoni; din tinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss;

(2)      ‘maniġer tal-infrastruttura’ tfisser kull korp jew ditta responsabbli b’mod partikolari biex tistabbilixxi, timmaniġġja u żżomm l-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-immaniġġjar tat-traffiku u l-kontroll tal-kmand u s-senjalar; il-funzjonijiet tal-maniġer tal-infrastruttura f’netwerk jew f’parti minn netwerk jistgħu jiġu allokati lil korpi jew ditti differenti;

[…]

(18)      ‘allokazzjoni’ tfisser l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja minn maniġer tal-infrastruttura;

[…]

(20)      ‘infrastruttura konġestjonata’ tfisser element tal-infrastruttura li għaliha d-domanda għall-kapaċità tal-infrastruttura ma tistax tiġi sodisfatta kompletament tul ċerti perjodi anke wara l-koordinazzjoni ta’ talbiet differenti għall-kapaċità;

[…]

(22)      ‘koordinazzjoni’ tfisser il-proċess li bih il-maniġer tal-infrastruttura u l-applikanti se jippruvaw isolvu s-sitwazzjonijijet li fihom ikun hemm applikazzjonijiet konfliġġenti għall-kapaċità tal-infrastruttura;

[…]

(25)      ‘netwerk’ tfisser l-infrastruttura ferrovjarja sħiħa mmaniġġjata minn maniġer tal-infrastruttura;

(26)      ‘dikjarazzjoni dwar in-netwerk’ tfisser id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi fid-dettall ir-regoli ġenerali, it-termini, il-proċeduri u l-kriterji għall-iskemi ta’ tqegħid ta’ piżijiet u tal-allokazzjoni tal-kapaċità inkluża l-informazzjoni l-oħra bħal din li hi meħtieġa biex tippermetti l-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura;

(27)      ‘mogħdija tal-ferrovija’ tfisser il-kapaċità tal-infrastruttura meħtieġa sabiex titmexxa ferrovija bejn żewġ postijiet f’perjodu speċifikat;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Dikjarazzjoni dwar in-netwerk”, li jirriproduċi essenzjalment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/14, kif emendata bid-Direttiva 2007/58:

“1.      Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni dwar in-netwerk li għandha tkun tista’ tiġi akkwistata għal ħlas ta’ tariffa li ma tistax taqbeż l-ispiża tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tkun ippubblikata f’mill-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu jkun disponibbli mingħajr ħlas f’format elettroniku fuq il-portal tal-internet tal-maniġer tal-infrastruttura u aċċessibbli permezz ta’ portal tal-internet komuni. Dak il-portal tal-internet għandu jiġi stabbilit mill-maniġers tal-infrastruttura fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħhom skont l-Artikoli 37 u 40.

2.      Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tistabbilixxi n-natura tal-infrastruttura disponibbli għall-impriżi ferrovjarji, u tiġbor fiha informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja rilevanti. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu jkun fiha wkoll informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-faċilitajiet tas-servizzi konnessi man-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura u għall-forniment tas-servizzi f’dawn il-faċilitajiet jew tindika sit tal-internet fejn tali informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ħlas f’format elettroniku. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk huwa stipulat fl-Anness IV.

3.      Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tinżamm aġġornata u għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

4.      Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tiġi ppubblikata mhux inqas minn erba’ xhur bil-quddiem qabel id-data ta’ skadenza għal talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura.”

8        L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Applikazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-applikanti jistgħu japplikaw skont il-liġi pubblika jew privata għand il-maniġer tal-infrastruttura biex jitolbu ftehim li jiggarantixxi d-drittijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija permezz tal-ħlas ta’ imposta kif previst fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV.

2.      Talbiet li jirrelataw mal-iskeda tax-xogħol regolari għandhom ikunu konformi mal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Anness VII.”

9        L-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skedar”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, sa fejn possibbli, jissodisfa t-talbiet kollha għall-kapaċità tal-infrastruttura inklużi talbiet għall-mogħdijiet tal-ferroviji li jaqsmu aktar minn netwerk wieħed, u għandhom, se fejn possibbli, jieħdu kont tal-irbit kollu fuq l-applikanti, inkluż l-effett ekonomiku fuq in-negozju tagħhom.

2.      Il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jagħti prijorità lil servizzi speċifiċi fil-proċess ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni, imma biss kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 49.”

10      L-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċess ta’ koordinazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Matul il-proċess tal-iskedar imsemmi fl-Artikolu 45, fejn il-maniġer tal-infrastruttura jiltaqa’ ma’ kunflitti bejn talbiet differenti, għandu jipprova, permezz ta’ koordinazzjoni tat-talbiet, jiżgura li r-rekwiżiti kollha jitqabblu flimkien bl-aħjar mod possibbli.

2.      Fejn tinqala’ sitwazzjoni li teħtieġ il-koordinament, il-maniġer tal-infrastruttura għandu d-dritt, f’limiti raġonevoli, li jipproponi kapaċità tal-infrastruttura li tkun differenti minn dik mitluba.

3.      Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprova, permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-applikanti xierqa jsolvi kull kunflitt. Tali konsultazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-iżvelar tal-informazzjoni li ġejja fi żmien raġonevoli, mingħajr ħlas u bil-miktub jew f’forma elettronika:

[…]”

11      Skont l-Artikolu 47 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Infrastruttura kkonġestjonata”:

“1.      Meta, wara l-koordinazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji mitluba u l-konsultazzjoni mal-applikanti, ma jkunx possibbli li jiġu sodisfatti t-talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura b’mod adegwat, il-maniġer tal-infrastruttura għandu minnufih jiddikara li dik it-taqsima tal-infrastruttura li seħħ dan fuqha hija kkonġestjonata. Dan għandu jsir ukoll għall-infrastruttura li hija mistennija li ssofri minn nuqqas ta’ kapaċità fil-futur qrib.

2.      Fejn l-infrastruttura tkun ġiet iddikjarata kkonġestjonata, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jwettaq analiżi tal-kapaċità kif previst fl-Artikolu 50, sakemm ma jkunx diġà qed jiġi implimentat pjan għat-titjib tal-kapaċità kif previst fl-Artikolu 51.

[…]

4.      Il-kriterji ta’ prijorità għandhom iqisu l-importanza ta’ servizz għas-soċjetà, meta mqabbel ma’ kull servizz ieħor li konsegwentement ikun se jiġi eskluż.

Sabiex jiġi ggarantit l-iżvilupp ta’ servizzi tat-trasport adegwati f’dan il-qafas, partikolarment biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jew biex jiġi promoss l-iżvilupp nazzjonali u internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kull miżura meħtieġa, b’kundizzjonijiet nondiskriminatorji, biex jiżguraw li dawn is-servizzi jingħataw prijorità meta tiġi allokata l-kapaċità tal-infrastruttura.

L-Istati Membri jistgħu, fejn huwa xieraq, jagħtu lill-maniġer tal-infrastruttura kumpens li jikkorrispondi għal kull telf tad-dħul relatat mal-ħtieġa li tiġi allokata kapaċità partikolari għal ċerti servizzi skont it-tieni subparagrafu.

Dawk il-miżuri u dak il-kumpens għandhom jinkludu il-qies tal-effett ta’ din l-esklużjoni fi Stati Membri oħrajn.

[…]”

12      L-Anness IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk”, jipprevedi:

“Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27 għandu jkollha din l-informazzjoni:

1.      Taqsima li tistabbilixxi n-natura tal-infrastruttura disponibbli għall-impriżi ferrovjarji u l-kundizzjonjiet tal-aċċess għaliha. L-informazzjoni mogħtija f’din it-taqsima għandha tkun konsistenti, fuq bażi annwali, mar-reġistri tal-infrastruttura ferrovjarja li għandhom ikunu ppubblikati skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2008/57/KE jew għandha tirreferi għalihom.

2.      Taqsima dwar il-prinċipji ta’ imposti u tariffi. Din għandu jkun fiha dettalji xierqa dwar l-iskema tal-imposti kif ukoll informazzjoni suffiċjenti dwar l-imposti, u kif ukoll kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-aċċess li tapplika għas-servizzi elenkati fl-Anness II li jiġu pprovduti minn fornitur wieħed biss. Għandha tagħti dettalji dwar il-metodoloġija, ir-regoli u, meta applikabbli, l-iskali użati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 31 sa 36, fir-rigward ta’ kemm il-kostijiet kif ukoll l-imposti. Għandha tiġbor fiha informazzjoni dwar tibdiliet fl-imposti diġà deċiżi jew previsti fil-ħames snin li ġejjin jekk disponibbli.

3.      Taqsima dwar il-prinċipji u l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Din għandha tistabbilixxi l-kapaċità ġenerali tal-karatteristiċi tal-infrastruttura li hija disponibbli għall-impriżi ferrovjarji u kull restrizzjoni relatata mal-użu tagħha, inklużi l-ħtiġijiet ta’ kapaċità x’aktarx meħtieġa għall-manutenzjoni. Għandha wkoll tispeċifika l-proċeduri u t-termini li jirrelataw mal-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità. Għandu jkun fiha kriterji speċifiċi li jintużaw waqt dak il-proċess, partikolarment:

(a)      il-proċeduri li bihom l-applikanti jistgħu jitolbu l-kapaċità mingħand il-maniġer tal-infrastruttura;

(b)      ir-rekwiżiti li jirregolaw l-applikanti;

(c)      l-iskeda għall-proċessi tal-applikazzjoni u l-allokazzjoni u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti biex tintalab informazzjoni dwar l-iskedar u l-proċeduri għall-iskedar ta’ xogħol ta’ manutenzjoni ppjanat jew mhux previst;

(d)      il-prinċipji li jirregolaw il-proċess ta’ koordinazzjoni u s-sistema tar-riżoluzzjoni tat-tilwim li hija disponibbli permezz ta’ dan il-proċess;

(e)      il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kriterji użati meta l-infrastruttura hija kkonġestjonata;

(f)      id-dettalji dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-infrastruttura;

(g)      kull kundizzjoni li permezz tagħha jitqiesu livelli preċedenti ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet għall-proċess tal-allokazzjoni;

[…]”

 Id-dritt Svediż

13      Il-lagen (2007:1092) om upphandling inom områdena vatten, energi, transporter och posttjänster (il-Liġi (2007:1092) dwar l-Għoti ta’ Kuntratti fis-Setturi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u s-Servizzi Postali, iktar ’il quddiem il-“LUF”) tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17.

14      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kapitolu 1 tal-LUF, din tal-aħħar tapplika għall-attivitajiet ta’ provvista jew ta’ operat ta’ netwerks pubbliċi tat-trasport, b’mod partikolari bil-ferrovija. Mit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 8 jirriżulta li jkun hemm netwerk maħsub għall-provvista ta’ servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport meta s-servizz jiġi pprovdut fil-kundizzjonijiet iddeterminati minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet dwar l-itinerarji li għandhom jiġu segwiti, dwar il-kapaċità ta’ trasport disponibbli, dwar il-frekwenza tas-servizz u kundizzjonijiet simili.

15      L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 7 tal-LUF jistabbilixxi li l-entità kontraenti li jkollha l-intenzjoni tagħti kuntratt jew tikkonkludi ftehim qafas għandha, ħlief f’każijiet ta’ eċċezzjoni, tippubblika din l-intenzjoni.

16      Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu 17 tal-LUF, l-awtorità ta’ sorveljanza tista’ tressaq talba quddiem il-qorti amministrattiva sabiex tiġi stabbilita multa fil-konfront ta’ kwalunkwe entità kontraenti li tikkonkludi ftehim ma’ fornitur mingħajr pubbliċità minn qabel.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      SJ hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata miżmuma kompletament mill-Istat Svediż li teżerċita attività ta’ trasport bil-ferrovija. Matul Jannar 2012, SJ ikkonkludiet żewġ kuntratti, ta’ ammont rispettiv ta’ 56 u 60 miljun kroni Svediżi (SEK) (madwar EUR 5 502 306 u 5 895 328), li permezz tagħhom tat il-kuntratti għas-servizzi ta’ tindif tal-ferroviji operati minnha, mingħajr ma fetħet proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-finijiet tal-għoti ta’ dawn il-kuntratti.

18      F’Jannar 2013, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni ppreżentat rikors quddiem il-Förvaltningsrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja) intiż sabiex tiġi imposta multa fuq SJ għar-raġuni li din l-impriża kienet obbligata tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ pubbliċità fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi peress li kienet teżerċita attività marbuta mal-provvista jew mal-operat ta’ netwerks pubbliċi ta’ trasport, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Kapitolu 1 tal-LUF. Peress li qieset li l-attività tagħha ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 8, SJ ikkontestat il-konklużjonijiet tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni. Il-qorti adita laqgħet l-argumenti ta’ SJ.

19      L-appell ippreżentat mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma, l-Isvezja) ġie miċħud ukoll.

20      Dik il-qorti qieset, bħalma għamlet il-qorti tal-ewwel istanza, li, peress li t-Trafikverket (l-Amministrazzjoni tat-Trasport, l-Isvezja), bħala l- maniġer tal-infrastruttura tat-trasport, kienet tagħti l-mogħdijiet tal-ferrovija neċessarji għat-twettiq tal-attività ta’ trasport bil-ferrovija bħala tali, filwaqt li kellha biss mezzi limitati sabiex teżerċita influwenza attiva fuq il-mod kif SJ tipprovdi s-servizzi ta’ trasport tagħha, din l-amministrazzjoni ma setgħetx titqies li kienet awtorità li timponi fuq din il-kumpannija kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività tagħha. Għalhekk, il-qorti tal-appell qieset li s-servizzi pprovduti min SJ ma setgħux jitqiesu li kienu pprovduti f’kundizzjonijiet iddeterminati minn awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Kapitolu 1 tal-LUF. Minn dan hija kkonkludiet li din il-kumpannija għalhekk ma kinitx obbligata tosserva l-LUF fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratti inkwistjoni.

21      L-Awtorità tal-Kompetizzjoni ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), fejn talbet lil din il-qorti tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

22      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżisti netwerk fil-qasam ta’ servizzi ta’ trasport meta jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport fuq netwerk ferrovjarju amministrat mill-Istat għal traffiku ferrovjarju nazzjonali u internazzjonali skont dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva 2012/34, li jinvolvu l-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ infrastruttura ferrovjarja fuq il-bażi ta’ talbiet minn impriżi ferrovjarji u r-rekwiżit li t-talbiet kollha jintlaqgħu sa fejn huwa possibbli?

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li attività eżerċitata minn impriża ferrovjarja bħal dik imsemmija mid-Direttiva 2012/34 u li tinvolvi l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport lill-pubbliku fuq netwerk ferrovjarju tikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni jew operat ta’ netwerk fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva?”

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

23      Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, SJ, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2017, talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għar-raġuni li l-punti 81 u 82 tal-konklużjonijiet kienu bbażati fuq ċerti aspetti li ma kinux ġew indirizzati fil-fażijiet bil-miktub u orali ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17.

24      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet.

25      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari li saritilha u li l-kawża ma għandhiex tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument ippreżentat fit-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali dwar l-eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17.

26      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

27      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, li jiġi ddeterminat jekk SJ kinitx obbligata tiftaħ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratti għal servizzi ta’ tindif tal-ferroviji operati minnha.

28      F’dan ir-rigward, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex ikkontestat li SJ, bħala kumpannija miżmuma kompletament mill-Istat, hija impriża pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/17. Jekk jista’ jitqies li SJ teżerċita waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, hija tista’ titqies li hija tkun entità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva.

29      SJ issostni li hija ma teżerċitax tali attività. Minn naħa, hija ssostni li hija ma toperax fuq “netwerk”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-attivitajiet tagħha ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport ma jikkostitwixxux attivitajiet ta’ “provvista” jew “operat” tan-netwerk fis-sens tal-imsemmi artikolu.

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm netwerk ta’ servizzi ta’ trasport bil-ferrovija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta s-servizzi ta’ trasport jiġu pprovduti fuq infrastruttura ferrovjarja, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2012/34, minn awtorità nazzjonali li talloka l-kapaċitajiet ta’ din l-infrastruttura filwaqt li tkun marbuta tissodisfa l-applikazzjonijiet tal-impriżi ferrovjarji sakemm il-limiti ta’ dawn il-kapaċitajiet ma jkunux intlaħqu.

31      Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17, “[r]igward servizzi ta’ trasport, xibka għandha titqies li teżisti [netwerk għandu jitqies li jeżisti] fejn is-servizz provvdut huwa skond kondizzjonijiet ta’ operat preskritti minn awtorita kompetenti ta’ Stat Membru, bħal ma huma kondizzjonijiet fir-rotti li jridu jiġu servuti, il-kapaċita li jsiru disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz”.

32      Sabiex tevalwa jekk tali kundizzjonijiet jeżistux fil-kawża pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar l-impatt tal-obbligu li għandha l-Amministrazzjoni tat-Trasport, bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/17, li tissodisfa, sakemm ma jintlaħqux il-limiti ta’ dawn il-kapaċitajiet, l-applikazzjonijiet kollha għall-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ trasport imressqa minn impriżi ferrovjarji.

33      Min-naħa tagħha, SJ tosserva li hija tipprovdi servizzi ta’ trasport bil-ferrovija f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni sħiħa fis-suq u ma tibbenefika minn ebda finanzjament mill-Istat, li hija tiġġenera l-profitti tagħha mill-bejgħ ta’ biljetti, li hija ma tgawdi minn ebda prijorità fl-eżami tal-applikazzjonijiet għal kapaċitajiet ferrovjarji u li kwalunkwe trasport mwettaq minnha jirriżulta minn deċiżjoni tagħha stess.

34      Madankollu, waħedhom, dawn l-elementi, jekk jitqies li huma stabbiliti, ma jistgħux jeskludu l-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet li fihom impriża ferrovjarja, bħalma hija SJ, tipprovdi s-servizzi tagħha kienu ddeterminati minn awtorità kompetenti.

35      Fil-fatt, l-eżami tal-leġiżlazzjoni applikabbli juri li dan huwa l-każ.

36      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi li l-maniġer tal-infrastruttura, f’dan il-każ l-Amministrazzjoni tat-Trasport, għandu jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni dwar in-netwerk li tesponi l-karatteristiċi tal-infrastruttura u li tiġbor fiha informazzjoni li tispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni huwa ddefinit fl-Anness IV ta’ din id-direttiva.

37      Skont dan l-Anness IV, din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi l-prinċipji u l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-applikanti, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kriterji li għandhom jiġu applikati meta l-infrastruttura tkun ikkonġestjonata jew inkella d-dettalji dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-użu tal-infrastruttura.

38      B’hekk, kwalunkwe applikazzjoni għal kapaċitajiet tal-infrastruttura għandha, skont id-Direttiva 2012/34, titressaq quddiem il-maniġer tal-infrastruttura minn impriża ferrovjarja konformement mad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imfassla minnu u għandha tissodisfa l-prinċipji u l-kriterji li jkunu jinsabu f’din id-dikjarazzjoni. Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ użu tal-infrastruttura ferrovjarja hija suġġetta għall-osservanza mill-impriżi applikanti tar-rekwiżiti li jikkonċernaw kemm il-kapaċità tagħhom li jippreżentaw applikazzjoni u kemm il-kundizzjonijiet li fihom dawn ser joperaw din l-infrastruttura. Għaldaqstant, tali rekwiżiti jnaqqsu b’mod kunsiderevoli l-libertà kummerċjali tal-impriżi applikanti.

39      Fir-rigward tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet bħala tali, għalkemm, skont l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2012/34, għandu jagħmel l-aħjar li jista’ sabiex, sa fejn ikun possibbli, jissodisfa l-applikazzjonijiet kollha għal kapaċitajiet tal-infrastruttura, il-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja huwa obbligat, fil-każ ta’ applikazzjonijiet kompetituri, jipprova, konformement mal-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, jikkoordina dawn l-applikazzjonijiet sabiex jiżgura l-aħjar arranġament possibbli bejniethom. B’hekk, f’limiti raġonevoli, huwa jista’ jipproponi kapaċitajiet differenti minn dawk li jkunu ntalbu, u jista’ anki jsib ruħu f’pożizzjoni fejn ma jkunx jista’ jwieġeb b’mod favorevoli għal ċerti applikazzjonijiet.

40      L-Artikolu 47 tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi dispożizzjonijiet fil-każ li l-infrastruttura ferrovjarja tiġi kkonġestjonata, li fil-kuntest tagħhom il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jistabbilixxi kriterji ta’ prijorità.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li għandu jiġi ammess li l-impriża ferrovjarja għandha ċerta libertà fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività ta’ trasport tagħha, għandu jitqies, fid-dawl tal-obbligi u tar-restrizzjonijiet, ikkunsidrati fl-intier tagħhom, li jaqgħu fuqha, b’mod partikolari l-obbligu li tikseb mogħdijiet tal-ferrovija u li tosserva l-kundizzjonijiet li jkunu marbuta magħhom, li l-kundizzjonijiet li fihom tipprovdi s-servizz ta’ trasport huma ddeterminati minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, f’dan il-każ mill-Awtorità tat-Trasport fil-kawża prinċipali, li taġixxi bħala l-maniġer tal-infrastruttura.

42      Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-analiżi tal-oriġini tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17.

43      Fil-fatt, kif tindika l-Kummissjoni Ewropea, l-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/531/KEE tas-17 ta’ Settembru 1990 dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fl-oqsma tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1990, L 297, p. 1), li huwa essenzjalment riprodott fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17, kien ġie introdott sabiex l-għoti ta’ kuntratti fis-settur tas-servizzi tat-trasport b’karozzi tal-linji jiġi suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/531 u ppermetta li jiġi speċifikat li netwerk ta’ trasport ma jeżistix biss meta jkun ikkostitwit minn infrastruttura fiżika, bħal-linji tal-ferrovija, iżda wkoll meta jkun ikkostitwit minn sistema kkoordinata ta’ linji f’kundizzjonijiet partikolari, bħal fil-qasam tat-trasport b’karozzi tal-linji. Mill-banda l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jillimita, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-qasam tat-trasport imwettaq fuq netwerk fiżiku.

44      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm netwerk ta’ servizzi ta’ trasport bil-ferrovija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta s-servizzi ta’ trasport jiġu pprovduti fuq infrastruttura ferrovjarja, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2012/34, minn awtorità nazzjonali li talloka l-kapaċitajiet ta’ din l-infrastruttura, anki jekk din tkun marbuta tissodisfa l-applikazzjonijiet tal-impriżi ferrovjarji sakemm il-limiti ta’ dawn il-kapaċitajiet ma jkunux intlaħqu.

 Fuq it-tieni domanda

45      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attività eżerċitata minn impriża ferrovjarja, li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport lill-pubbliku bl-użu tan-netwerk ferrovjarju, tikkostitwixxi “provvista” jew “operat ta’ netwerks” għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

46      Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17, din id-direttiva tapplika għall-attivitajiet intiżi għall-provvista jew għall-operat ta’ netwerks intiżi li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-trammijiet, bit-trolley bus, bil-karozzi tal-linja jew bil-kejbil.

47      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tkopri żewġ tipi ta’ attivitajiet, jiġifieri l-provvista ta’ netwerks, minn naħa, u l-operat ta’ netwerks, min-naħa l-oħra.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tifsira u l-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandhom jiġu stabbiliti konformement mat-tifsira abitwali fil-lingwa kurrenti tagħhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin (C‑163/16, EU:C:2018:423, punt 20).

49      F’dan id-dawl, it-terminu “operat” għandu jinftiehem, konformement mat-tifsira abitwali tiegħu, bħala li jirreferi għall-użu ta’ oġġett jew għall-eżerċizzju ta’ dritt sabiex jiġi ġġenerat dħul minnu. B’hekk, l-operat tan-netwerk minn impriża ferrovjarja jikkonsisti fl-eżerċizzju minnha tad-dritt li tuża l-infrastruttura ferrovjarja sabiex tiġġenera dħul minnha.

50      Tali definizzjoni hija differenti minn dik li għandha tingħata lill-espressjoni “provvista ta’ netwerks”.

51      Fil-fatt, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-“provvista ta’ netwerks” hija prerogattiva tal-maniġer tal-infrastruttura u mhux tal-impriża ferrovjarja.

52      Kif osservat il-Kummissjoni, l-espressjoni “provvista ta’ netwerks” ma kinitx tinsab fid-direttivi preċedenti għad-Direttiva 2004/17, jiġifieri d-Direttiva 90/531 u d-Direttiva 93/38, u din l-espressjoni kienet ġiet introdotta fid-Direttiva 2004/17 sabiex il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti previsti minnha jkunu japplikaw ukoll għall-ġestjoni tan-netwerks fiżiċi, bħalma huma l-linji tal-ferroviji, l-installazzjonijiet ferrovjarji, il-mini, il-pontijiet u l-passaġġi fil-livell tat-triq.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-attività marbuta mal-“operat ta’ netwerks” tirreferi għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ użu tan-netwerk ferrovjarju għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, filwaqt li l-attività marbuta mal-“provvista ta’ netwerks” tirreferi għall-ġestjoni tan-netwerk.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività eżerċitata minn impriża ferrovjarja, li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport lill-pubbliku bl-eżerċizzju ta’ dritt ta’ użu tan-netwerk ferrovjarju, tikkostitwixxi “operat ta’ netwerks” għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm netwerk ta’ servizzi ta’ trasport bil-ferrovija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta s-servizzi ta’ trasport jiġu pprovduti fuq infrastruttura ferrovjarja, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, minn awtorità nazzjonali li talloka l-kapaċitajiet ta’ din l-infrastruttura, anki jekk din tkun marbuta tissodisfa l-applikazzjonijiet tal-impriżi ferrovjarji sakemm il-limiti ta’ dawn il-kapaċitajiet ma jkunux intlaħqu.

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività eżerċitata minn impriża ferrovjarja, li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport lill-pubbliku bl-eżerċizzju ta’ dritt ta’ użu tan-netwerk ferrovjarju, tikkostitwixxi “operat ta’ netwerks” għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.