Language of document : ECLI:EU:C:2017:5

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

11 ta’ Jannar 2017 (*)

“Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 3 – Kunċett ta’ dokument – Artikolu 2(3) – Dokumenti miżmuma minn istituzzjoni – Klassifikazzjoni ta’ informazzjoni miżmuma f’database – Obbligu li jiġi stabbilit dokument ineżistenti – Assenza – Dokumenti eżistenti li jistgħu jiġu estratti minn database”

Fil-Kawża C‑491/15 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2015,

Rainer Typke, residenti f’Hasbergen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn C. Cortese, avukat,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Clotuche-Duvieusart u B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, C.G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, Rainer Typke jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Lulju 2015, Typke vs Il‑Kummissjoni (T‑214/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:448), sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2013, li ċaħdet l-ewwel talba ta’ aċċess tiegħu għal dokumenti relatati mat-testijiet ta’ preselezzjoni tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/230‑231/12 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jipprevedi, fl-Artikolu 1(a) tiegħu:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet’) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

3        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Benefiċjarji u skop”, jipprovdi:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3.      Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

4.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 9, dokumenti għandhom isiru aċċessibbli għall-pubbliku jew wara applikazzjoni bil-miktub jew direttament f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru. […]

[…]”

4        L-Artikolu 3(a) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

a)      ‘dokument’ tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

5        L-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

6        Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament:

“L-applikant għandu jkollu aċċess għad-dokumenti jew billi jarhom fil-post jew billi jirċievi kopja, inkluż, fejn disponibbli, kopja elettronika, skond il-preferenza ta’ l-applikant. […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

7        R. Typke talab lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“EPSO”), abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal “tabella” li kienet tinkludi serje ta’ data anonima dwar it-testijiet ta’ preselezzjoni ta’ kompetizzjonijiet ġenerali li kien ipparteċipa għalihom (proċedura GESTDEM 2012/3258).

8        It-“tabella” mitluba kellha, fil-fehma tiegħu, tinkludi informazzjoni dwar il-kandidati għal ċerti kompetizzjonijiet tal-EPSO, il-mistoqsijiet li kienu sarulhom, it-tweġibiet mitluba u effettivament mogħtija kif ukoll il-lingwi użati. Ċerta informazzjoni, bħall-identità tal-kandidati jew il-kontenut tal-mistoqsijiet u tat-tweġibiet, kellha tiġi ssostitwita minn kodiċijiet ta’ identifikazzjoni differenti li kienu jippermettu t-tqabbil tagħha mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut konkret tagħha.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2012, l-EPSO ċaħad din l-ewwel talba b’mod partikolari minħabba li t-“tabella” mitluba mill-appellant ma kinitx teżisti.

10      Fil-21 ta’ Awwissu 2012, l-appellant ressaq applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess quddiem il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’din l-okkażjoni, huwa indika li t-talba tiegħu ma kinitx intiża sabiex l-EPSO joħloq dokument ġdid billi jgħaqqad informazzjoni minn dokumenti eżistenti, iżda sabiex jaċċedi għal serje ta’ dokumenti miżmuma mill-EPSO f’format elettroniku, mingħajr kwalunkwe informazzjoni koperta minn waħda mill-eċċezzjonijiet tad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

11      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet din l-applikazzjoni konfermatorja għar-raġuni, b’mod partikolari, li fir-realtà kienet intiża sabiex jinkiseb l-aċċess għal dokument ineżistenti.

12      Minbarra dan, l-appellant ippreżenta quddiem l-EPSO, fit-28 ta’ Diċembru 2012, it-tieni talba ta’ aċċess għal dokumenti (proċedura GESTDEM 2013/0068), segwita, fit-30 ta’ Jannar 2013, minn applikazzjoni konfermatorja. Fl-assenza ta’ deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni wara l-iskadenza tat-terminu mogħti, l-appellant ikkonkluda li kien hemm deċiżjoni impliċita ta’ rifjut.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2013, R. Typke ppreżenta rikors intiż għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni kkontestata, adottata fil-kuntest tal-proċedura GESTDEM 2012/3258, u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw it-tieni talba tiegħu, adottata fil-kuntest tal-proċedura GESTDEM 2013/0068.

14      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut kienet ġiet issostitwita minn deċiżjoni espliċita tas-27 ta’ Mejju 2013 u li, minħabba dan il-fatt, ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors sa fejn kien ippreżentat kontra din id-deċiżjoni impliċita. Peress li t-talba tal-appellant li kienet intiża sabiex ir-rikors tiegħu jiġi estiż għad-deċiżjoni espliċita tas-27 ta’ Mejju 2013 kienet tressqet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ rikors għal annullament kontra din l-istess deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħditha bħala inammissibbli.

15      Fir-rigward tat-talbiet tar-rikors imressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-talba ta’ aċċess ma kinitx intiża għal aċċess, anki parzjali, għal dokument wieħed jew iktar eżistenti miżmuma mill-EPSO, iżda, bil-kontra, sabiex il-Kummissjoni toħloq dokumenti ġodda li ma jistgħux jiġu sempliċement estratti minn database billi titwettaq tfittxija normali jew ta’ rutina bl-għajnuna ta’ għodod ta’ tfittxija eżistenti. Għal dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Permezz tal-appell tiegħu, R. Typke jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu ppreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn tikkundannah għall-ispejjeż;

–        tannulla d-deciżjoni kkontestata u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnu fl-ewwel u fit-tieni istanza.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

18      Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2016, R. Typke, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Novembru 2016, talab li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa jsostni, essenzjalment, li l-Avukat Ġenerali kien qajjem argument relatat mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ dokument eżistenti fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, liema argument ma tqajjimx mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

19      Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx ġie indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punt 40).

20      Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, R. Typke espona, matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, l-argumenti tiegħu relatati mal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-kunċett ta’ dokument eżistenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li għandha informazzjoni biżżejjed sabiex tiddeċiedi u li ma huwiex meħtieġ li din il-kawża tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx indirizzati.

21      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

22      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet diversi żbalji ta’ liġi sa fejn iddeċidiet li l-aċċess għall-informazzjoni li huwa talab kien ekwivalenti għall-ħolqien ta’ dokument ġdid.

23      Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punti 54 u 58 tas-sentenza appellata, mill-punti 110, 112, 116 u 118 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE (T‑436/09, EU:T:2011:634) jirriżulta li database relazzjonali standardizzata, bħal dik li kienet tinkludi l-informazzjoni meħtieġa mill-appellant, għandha titqies bħala dokument uniku. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball meta għamlet distinzjoni bejn l-informazzjoni li tinsab f’database u dokumenti li jistgħu jiġu estratti minnha.

24      Mill-punti 93, 94, 108 u 109 ta’ din l-istess sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ dokument fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 jinkludi wkoll kull fajl individwali kif ukoll kull okkorrenza tal-kontenut tiegħu f’database. Bl-istess mod, kull kombinazzjoni ta’ data estratta minn fajls differenti hija dokument peress li kull tfittxija hija possibbli f’database standardizzata.

25      Fit-tieni lok, fil-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ dokument eżistenti fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, mill-punt 150 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE (T‑436/09, EU:T:2011:634) jirriżulta li kull talba ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab f’database tirreferi għal “dokument eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, bil-kundizzjoni li t-tfittxija neċessarja tista’ titwettaq bl-għajnuna ta’ “għodda tar-riċerka disponibbli” għal din id-database.

26      Fil-każ ta’ database relazzjonali standardizzata, l-għodod ta’ tfittxija disponibbli huma s-sistemi ta’ ġestjoni li jirregolaw il-mistoqsijiet f’lingwaġġ ta’ mistoqsijiet strutturati (Stuctured Query Language) (iktar ’il quddiem il-“mistoqsijiet SQL”). Dawn huma mistoqsijiet ta’ tfittxija li utent jista’ jifformula kif jixtieq. Għaldaqstant, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-formulazzjoni ta’ mistoqsija SQL li ma tintużax diġà għall-ġestjoni ta’ database hija ekwivalenti għall-programmazzjoni ta’ għodda tar-riċerka ġdida li għalhekk ma hijiex “disponibbli” fis-sens tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE (T‑436/09, EU:T:2011:634).

27      Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat ikkonkludiet li t-tfittxijiet normali jew ta’ rutina fis-sens tal-punt 153 ta’ din is-sentenza huma dawk imwettqa bl-għajnuna ta’ mistoqsijiet SQL ipprogrammati minn qabel.

28      Fit-tielet u fl-aħħar lok, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “dokument eżistenti” tista’ ċċaħħad lir-Regolament Nru 1049/2001 mill-effett utli tiegħu. Għalhekk, l-aċċess għall-informazzjoni kollha li għaliha mistoqsija SQL ipprogrammata minn qabel ma teżistix huwa eskluż. Minħabba dan il-fatt, l-istituzzjonijiet jistgħu jitħajru jaħbu dokumenti elettroniċi, b’mod partikolari bit-tqassim tagħhom f’diversi partijiet li ma jinstabux mill-mistoqsijiet SQL ipprogrammati minn qabel. Minbarra dan, peress li l-istituzzjonijiet huma preklużi milli jużaw mistoqsijiet SQL ġodda, ikun diffiċli li tinħeba b’mod awtomatizzat data koperta minn eċċezzjoni waħda jew iktar previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, bħal data personali.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      Ċertament, database elettronika tista’ tippermetti l-estrazzjoni ta’ kull informazzjoni li tinsab fiha. Madankollu, il-possibbiltà li dokument jinħoloq minn tali database ma tippermettix li jiġi konkluż li dan id-dokument għandu jiġi kklassifikat bħala eżistenti fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001.

31      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet jikkonċerna biss id-dokumenti eżistenti u fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata u li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jiġi invokat sabiex istituzzjoni tiġi obbligata toħloq dokument li ma jeżistix (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 38 u 46). Isegwi li, kif ikkonstatat korrettament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, talba ta’ aċċess li twassal lill-Kummissjoni sabiex toħloq dokument ġdid, anki abbażi ta’ elementi li diġà jinsabu f’dokumenti eżistenti u miżmuma minnha, ma taqax taħt il-qafas tar-Regolament Nru 1049/2001.

32      Kien għalhekk b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 56 sa 59 tas-sentenza appellata, eżaminat il-kwistjoni dwar sa fejn l-estrazzjoni tal-informazzjoni li tinsab f’database elettronika tippermetti li jinħoloq dokument eżistenti u ma twassalx għall-ħolqien ta’ dokument ġdid.

33      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dak li jikkonċerna d-dokumenti ta’ natura statika, b’mod partikolari fil-forma ta’ karta jew ta’ sempliċi fajl elettroniku, huwa biżżejjed li tiġi vverifikata l-eżistenza tal-mezz u tal-kontenut tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk dokument jeżistix.

34      Min-naħa l-oħra, in-natura dinamika tad-databases elettroniċi bilkemm hija kompatibbli ma’ tali mod ta’ teħid ta’ azzjoni peress li dokument li jista’ jinħoloq b’mod faċli ħafna minn informazzjoni li diġà tinsab f’database ma huwiex neċessarjament dokument eżistenti fis-sens proprju tat-terminu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu.

35      Konsegwentement, f’dak li jikkonċerna d-databases elettroniċi, id-distinzjoni bejn dokument eżistenti u dokument ġdid għandha ssir abbażi ta’ kriterju adattat għall-ispeċifiċitajiet tekniċi ta’ dawn id-databases u konformi mal-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 li huwa intiż, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 u mill-Artikolu 1(a) tiegħu, “sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

36      Huwa paċifiku li, skont l-istruttura tagħha u fil-limiti tal-programmazzjoni tagħha, l-informazzjoni li d-databases elettroniċi jinkludu fihom tista’ tiġi miġbura mill-ġdid, illinkjata u ppreżentata b’modi differenti bl-għajnuna ta’ lingwaġġi ta’ programmazzjoni. Madankollu, il-programmazzjoni u l-ġestjoni informatika ta’ tali databases ma jaqgħux taħt operazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-użu komuni mill-utenti finali. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jaċċedu għall-informazzjoni li tinsab f’database billi jużaw għodod ta’ tfittxija pprogrammati minn qabel. Dawn l-għodod jippermettulhom li jwettqu faċilment operazzjonijiet standarizzati sabiex juru l-informazzjoni li abitwalment għandhom bżonn. F’dan il-kuntest, investiment sostanzjali min-naħa tagħhom, bħala prinċipju, ma huwiex neċessarju.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi kklassifikata bħala dokument eżistenti l-informazzjoni kollha li tista’ tiġi estratta minn database elettronika fil-kuntest tal-użu komuni tagħha bl-għajnuna tal-għodod ta’ tfittxija pprogrammati minn qabel, anki jekk din l-informazzjoni ma tkunx għadha ntweriet taħt din il-forma jew qatt ma ġiet imfittxija mill-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet.

38      Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet jistgħu jiġu mġiegħla jfasslu dokument minn informazzjoni li tinsab f’database billi jużaw l-għodod ta’ tfittxija eżistenti.

39      Min-naħa l-oħra, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha titqies bħala dokument ġdid u mhux bħala dokument eżistenti kull informazzjoni li l-estrazzjoni tagħha minn database teħtieġ investiment sostanzjali.

40      Isegwi li kull informazzjoni li l-kisba tagħha teħtieġ modifika kemm tal-organizzazzjoni ta’ database elettronika, kemm tal-għodod ta’ tfittxija attwalment disponibbli għall-estrazzjoni tal-informazzjoni għandha tiġi kklassifikata bħala dokument ġdid.

41      Mhux talli ma ċċaħħadx lir-Regolament Nru 1049/2001 mill-effett utli tiegħu, kif isostni l-appellant, iżda tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ dokument eżistenti tikkorrispondi mal-għan ta’ dan ir-regolament li jiġi ggarantit li l-pubbliku jkollu aċċess daqstant wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Fil-fatt, l-applikanti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab f’database bħala prinċipju jibbenefikaw minn aċċess għall-istess informazzjoni bħal dik li għandhom aċċess għaliha l-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet.

42      L-appellant isostni wkoll b’mod żbaljat li din l-istess interpretazzjoni tal-kunċett ta’ dokument eżistenti ċċaħħad lill-istituzzjonijiet mill-possibbiltà li jaħbu, bl-għajnuna ta’ mistoqsijiet SQL ġodda, id-data koperta minn eċċezzjoni waħda jew iktar previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jingħata aċċess parzjali għal dokument.

43      Huwa jonqos milli jqis, f’dan il-kuntest, li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk talba ta’ aċċess tirreferix għal dokument eżistenti, u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet tekniċi ta’ komunikazzjoni ta’ tali dokument. Sa fejn dokument mitlub jeżisti, huwa possibbli għall-istituzzjonijiet li jkollhom użu ta’ kull mezz tekniku sabiex jaħbu, f’każ ta’ bżonn, ċerta data.

44      Minbarra dan, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellant li l-istituzzjonijiet jistgħu jaħbu dokumenti elettroniċi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-possibbiltà astratta li dokument jitħassar jew jinqered tikkonċerna bl-istess mod kemm id-dokumenti li jinsabu f’mezz fiżiku kif ukoll dawk maħluqa bl-estrazzjoni minn database.

45      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tiġi eżaminata l-allegazzjoni tal-appellant li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata, kienet wettqet żbalji fil-klassifikazzjoni ġuridika tad-dokument relatat mat-talba ta’ aċċess fil-proċedura GESTDEM 2012/3258.

46      Mill-punt 67 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-database inkwistjoni tippermetti l-estrazzjoni tal-informazzjoni permezz tal-użu tal-mistoqsijiet SQL u li l-appellant ma kkontestax quddiem il-Qorti Ġenerali li l-aċċess għall-kombinazzjoni ta’ data relatata mat-talba tiegħu jippreżupponi xogħol ta’ programmazzjoni informatika, jiġifieri t-tfassil ta’ mistoqsijiet SQL ġodda.

47      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 31 sa 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ddeċidiet, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-operazzjonijiet li jimplikaw il-programmazzjoni ta’ mistoqsijiet SQL ġodda ma jistgħux jiġu assimilati ma’ tfittxija normali jew ta’ rutina fid-database ikkonċernata, imwettqa bl-għajnuna tal-għodod ta’ tfittxija li huma disponibbli għall-Kummissjoni għal din id-database u li, għalhekk, l-informazzjoni mitluba kienet teħtieġ il-ħolqien ta’ dokument ġdid.

48      Għall-istess raġunijiet, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ddeċidiet, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata li, f’dan il-każ, l-għodod ta’ tfittxija li huma disponibbli għall-Kummissjoni għad-database inkwistjoni huma l-mistoqsijiet SQL ipprogrammati minn qabel.

49      Fid-dawl ta’ dak li ġie deċiż fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tal-appellant li, fil-punti 54 u 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat stabbilixxiet distinzjoni bejn, minn naħa, l-informazzjoni li tinsab f’database u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti li jistgħu jiġu estratti minnha.

50      Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jikkunsidra li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li t-talba tiegħu ma kinitx tikkonċerna dokumenti eżistenti, hija bbażata fuq diversi premessi żbaljati.

52      Fl-ewwel lok, huwa jsostni li, fil-punti 61, 67 u 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. Skont l-appellant, it-talba tiegħu effettivament kienet tikkonċerna dokumenti eżistenti sa fejn kienet tirrigwarda l-aċċess għad-dokumenti kollha, taħt forma elettronika, li kien jippermettilu li jfassal tabella mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, huwa ma kienx irrikjeda l-ħolqien ta’ tali tabella u, minħabba dan, il-talba tiegħu ma kienet tistipula ebda selezzjoni ta’ data. Kien biss sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar ta’ din it-talba li l-appellant ippropona l-użu tal-mistoqsijiet SQL.

53      Fi kwalunkwe każ, il-komunikazzjoni tal-fajls individwali ta’ riżultati indirizzati mill-EPSO lill-kandidati li kienu għaddew mit-testijiet kienet ippermettiet lill-appellant li jfasssal it-tabella inkwistjoni.

54      Fit-tieni lok, l-appellant isostni li, fil-punti 58, 66 u 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat iddeċidiet li t-talba ta’ aċċess tiegħu tikkonċerna informazzjoni strutturata skont klassifikazzjoni mhux prevista mid-database ikkonċernata.

55      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, id-database inkwistjoni hija strutturata f’iktar minn 500 tabella normalizzati u tippermetti kull tfittxija, inkluża dik meħtieġa mill-appellant, mingħajr ebda operazzjoni kumplessa. Barra minn hekk, kull kamp tat-tabelli ta’ database normalizzata huwa assoċjat ma’ kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku. Għaldaqstant, kull parametru tat-talba tal-appellant jista’ jiġi rrappreżentat minn tali kodiċi ta’ identifikazzjoni mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi żvelat il-kontenut tal-kamp ikkonċernat.

56      Fit-tielet u fl-aħħar lok, l-appellant isostni li, fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi. Minn naħa, hija kienet b’mod żbaljat ibbażat ruħha fuq preżunzjoni ta’ legalità li hija marbuta mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li d-dokumenti mitluba ma jeżistux. L-appellant kien ikkontesta din id-dikjarazzjoni li hija kontradetta min-natura stess tad-database inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod ċar mit-talba ta’ aċċess li din tista’ tiġi ssodisfatta billi lill-appellant jingħata l-aċċess għad-dokumenti rilevanti eżistenti.

57      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni aggravju jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fatti tal-kawża li tressqu quddiemha ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi li taqa’ taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jkunux ivvizzjati minn żball sostantiv jew minn żnaturament li jidhru b’mod manifest mill-atti tal-proċess.

59      Issa, l-argumenti tal-appellant fejn jallega analiżi żbaljata mill-Qorti Ġenerali, rispettivament, tal-portata tal-talba ta’ aċċess tiegħu għal dokumenti, tad-disponibbiltà tal-informazzjoni meħtieġa, tal-kwalità u tal-organizzazzjoni tal-informazzjoni disponibbli, tal-kapaċità tal-istrumenti ta’ tfittxija eżistenti li jistgħu jissodisfaw it-talba tiegħu kif ukoll tal-portata tal-operazzjonijiet li l-Kummissjoni kellha twettaq sabiex twieġeb pożittivament għat-talba tiegħu huma intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jintwera ebda żnaturament tal-atti tal-proċess. Għaldaqstant, dawn l-argumenti huma inammissibbli.

60      Konsegwentement, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud.

61      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

63      Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

64      Peress li R. Typke tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Rainer Typke huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż..