Language of document : ECLI:EU:C:2017:5

Kawża C491/15 P

Rainer Typke

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 3 – Kunċett ta’ dokument – Artikolu 2(3) – Dokumenti miżmuma minn istituzzjoni – Klassifikazzjoni ta’ informazzjoni miżmuma f’database – Obbligu li jiġi stabbilit dokument ineżistenti – Assenza – Dokumenti eżistenti li jistgħu jiġu estratti minn database”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tal-11 ta’ Jannar 2017

1.        Proċedura ġudizzjarja – Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Talba intiża sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar punti ta’ liġi mqajma mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Kundizzjonijiet tal-ftuħ mill-ġdid

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Talba ta’ aċċess intiża sabiex issir tfittxija f’databases – Inklużjoni – Limiti –Komunikazzjoni tal-informazzjoni li ma tistax tiġi estratta minn dawn id-databases permezz tal-għodod ta’ riċerka eżistenti – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 2(3), 3(a) u 4)

3.        Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 19)

2.      Database elettronika tista’, ċertament, tippermetti l-estrazzjoni ta’ kull informazzjoni li tinsab fiha. Madankollu, il-possibbiltà li dokument jinħoloq minn tali database ma tippermettix li jiġi konkluż li dan id-dokument għandu jiġi kklassifikat bħala eżistenti fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Fil-fatt, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet jikkonċerna biss id-dokumenti eżistenti u fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata u r-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jiġi invokat sabiex istituzzjoni tiġi obbligata toħloq dokument li ma jeżistix. Isegwi li talba ta’ aċċess li twassal lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex toħloq dokument ġdid, anki abbażi ta’ elementi li diġà jinsabu f’dokumenti eżistenti u miżmuma minnha, ma taqax taħt il-qafas tar-Regolament Nru 1049/2001.

F’dak li jikkonċerna d-dokumenti ta’ natura statika, b’mod partikolari fil-forma ta’ karta jew ta’ sempliċi fajl elettroniku, huwa biżżejjed li tiġi vverifikata l-eżistenza tal-mezz u tal-kontenut tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk dokument jeżistix. Min-naħa l-oħra, in-natura dinamika tad-databases elettroniċi bilkemm hija kompatibbli ma’ tali mod ta’ teħid ta’ azzjoni peress li dokument li jista’ jinħoloq b’mod faċli ħafna minn informazzjoni li diġà tinsab f’database ma huwiex neċessarjament dokument eżistenti fis-sens proprju tat-terminu. Konsegwentement, f’dak li jikkonċerna d-databases elettroniċi, id-distinzjoni bejn dokument eżistenti u dokument ġdid għandha ssir abbażi ta’ kriterju adattat għall-ispeċifiċitajiet tekniċi ta’ dawn id-databases u konformi mal-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 li huwa intiż, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 u mill-Artikolu 1(a) tiegħu, sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għad-dokumenti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi kklassifikata bħala dokumenti eżistenti l-informazzjoni kollha li tista’ tiġi estratta minn database elettronika fil-kuntest tal-użu komuni tagħha bl-għajnuna tal-għodod ta’ tfittxija pprogrammati minn qabel, anki jekk din l-informazzjoni ma tkunx għadha ntweriet taħt din il-forma jew qatt ma ġiet imfittxija mill-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet. Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet jistgħu jiġu mġiegħla jfasslu dokument minn informazzjoni li tinsab f’database billi jużaw l-għodod ta’ tfittxija eżistenti. Min-naħa l-oħra, għandha titqies bħala dokument ġdid u mhux bħala dokument eżistenti kull informazzjoni li l-estrazzjoni tagħha minn database teħtieġ investiment sostanzjali. Isegwi li kull informazzjoni li l-kisba tagħha teħtieġ modifika kemm tal-organizzazzjoni ta’ database elettronika, kemm tal-għodod ta’ tfittxija attwalment disponibbli għall-estrazzjoni tal-informazzjoni, għandha tiġi kklassifikata bħala dokument ġdid.

(ara l-punti 30, 31, 33-35, 37-40)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 58)