Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fil-11 ta’ Lulju 2023 D. D., B. Zh. vs “Financial Bulgaria” EOOD

(Kawża C-426/23, Financial Bulgaria)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: D. D., B. Zh.

Konvenut: “Financial Bulgaria” EOOD

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-kuntratt ta’ kreditu jipprevedi l-obbligu għall-konsumatur li jikkonkludi kuntratt ta’ garanzija, fejn il-garanti jkun persuna indikata mill-kreditur, il-kontenut tal-kuntratt ta’ garanzija ma jkunx is-“suġġett prinċipali” tal-kuntratt ma’ dan it-terz iżda jkun jagħmel parti mill-kontenut tal-kuntratt ta’ kreditu? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti jekk il-kreditur u l-garanti jkunu persuni konnessi?

Il-punt 1(i) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur ikun obbligat jipprovdi garanti fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu diġà konkluż, fejn waħda mill-possibbiltajiet sabiex jagħmel dan tkun li jqabbad persuna indikata mill-kreditur, il-kontenut tal-obbligu tal-konsumatur li jipprovdi garanti li jirriżulta minn kuntratt konkluż mhux iktar tard mill-jum li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt ta’ kreditu għandu jitqies li huwa ambigwu minħabba l-impossibbiltà li jagħżel jew li jipproponi l-persuna li tkun indikata lilu mill-kreditur bħala garanti futur?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fis-sens li s-suġġett tal-kuntratt ta’ garanzija huwa ċar, il-punt 1(i), (j) u (m) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur ikun assuma l-obbligu li jipprovdi garanti fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu diġà konkluż, fejn waħda mill-possibbiltajiet sabiex jagħmel dan tkun li jqabbad persuna indikata mill-kreditur, il-kontenut tal-obbligu tal-konsumatur taħt il-kuntratt ta’ kreditu għandu jitqies li huwa ambigwu u li jista’ jwassal għall-invalidità tal-kuntratt ta’ kreditu jew ta’ wħud mill-klawżoli tiegħu?

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn persuna li tipproponi l-kreditu tipprovdi li l-konsumatur għandu jikkonkludi kuntratt ma’ persuna indikata mill-persuna li tagħti l-kreditu sabiex tiggarantixxi l-kreditu tiegħu fil-konfront tal-konsumatur, dan jikkostitwixxi f’kull każ teħid ta’ vantaġġ mill-pożizzjoni żvantaġġata tal-konsumatur u, għalhekk, prattika kummerċjali aggressiva?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fi proċedura ġudizzjarja unilaterali bħal dik għall-ħruġ ta’ mandat, li fiha l-konsumatur ma jkunx parti, il-qorti tista’ tiġġustifika dubju dwar in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali abbażi biss tal-fatt li hemm dubju li l-klawżola setgħet ġiet aċċettata mill-konsumatur bħala riżultat ta’ prattika kummerċjali żleali, jew din tal-aħħar għandha tiġi stabbilita b’ċertezza?

L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika fil-każ li l-kuntratt ta’ kreditu jkun marbut ma’ servizz anċillari, jiġifieri l-għoti ta’ garanzija bi ħlas minn terz, u fis-sens li jagħti lill-konsumatur il-possibbiltà mhux biss li jinvoka d-drittijiet tiegħu minħabba l-aġir li jikkostitwixxi nuqqas min-naħa tal-garanti, bħalma huwa l-ħlas wara l-iskadenza ta’ terminu legali, iżda wkoll li jqajjem eċċezzjonijiet proċedurali li jeskludu l-obbligu fil-konfront tal-garanti?

L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/48, ikkunsidrat flimkien mal-prinċipju ta’ effettività jew, eventwalment, jekk jitqies li l-kuntratt ta’ kreditu u l-kuntratt ta’ garanzija huma tranżazzjonijiet konnessi, l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 93/13, ikkunsidrati flimkien mal-punt 1(b) u (c) tal-Anness ta’ din l-istess direttiva, jippermettu ġurisprudenza nazzjonali li permezz tagħha, f’sitwazzjoni fejn, fil-kuntest ta’ kuntratt konness ta’ kreditu għall-konsum, il-garanti li jkun irċieva remunerazzjoni mill-konsumatur sabiex jiggarantixxi l-kuntratt ta’ kreditu, ikun ħallas lill-kreditur prinċipali abbażi ta’ klawżola kuntrattwali minkejja l-iskadenza ta’ terminu legali, bħal dak previst fl-Artikolu 147 taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti), li, skont il-ġurisprudenza, ittemm kompletament il-garanzija, il-garanti jista’ xorta waħda jinvoka s-surroga fid-drittijiet tal-kreditur inizjali u jitlob il-ħlas mingħand id-debitur prinċipali filwaqt li jinvoka ambigwità fid-deċiżjonijiet ġudizzjarja dwar l-applikazzjoni tal-liġi?

L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-kuntratt ta’ kreditu jipprevedi l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ta’ garanzija konness mal-kuntratt ta’ kreditu, li jkun marbut ma’ żieda fl-ammont totali dovut bħala kreditu, ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta tal-kreditu għandha tiġi kkalkolata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-ħlasijiet dovuti bħala remunerazzjoni lill-garanti? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti min għażel lill-garanti u jekk dan huwiex konness mal-kreditur inizjali?

L-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni żbaljata tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jkun il-persuna li tissellef, għandha titqies bħala assenza ta’ indikazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu u fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tapplika l-konsegwenzi previsti fid-dritt nazzjonali tagħha għall-każijiet fejn ma tkunx ġiet indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum? Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-konsegwenzi jorbtu b’mod vinkolanti wkoll lill-garanti li jkun ħallas fir-relazzjonijiet tiegħu mal-konsumatur?

It-tieni sentenza tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, prevista mil-leġiżlatur nazzjonali u li timplika l-ħlas lura biss tal-kapital misluf, hija proporzjonali fil-każijiet fejn il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jkunx fih indikazzjoni preċiża tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta sa fejn ir-rata indikata ma tkunx tinkludi l-ispejjeż tal-garanti professjonali li jkun intgħażel mill-kreditur (minkejja li fit-test tal-kuntratt ta’ kreditu tkun indikata ċifra għar-rata inkwistjoni)?

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) 1 , moqri flimkien mal-punt A.14 tal-Anness I tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżerċizzju bħala professjoni ta’ attività li tinvolvi l-provvista ta’ garanzija bi ħlas, fejn il-kumpannija li taġixxi bħala garanti tħallas fil-każijiet kollha ta’ inadempjenza l-ammont totali tal-kreditu meħud mill-konsumatur, li jkun id-debitur prinċipali, u fejn ir-remunerazzjoni titħallas indipendentement mill-inadempjenza tal-konsumatur ma’ kull ħlas dovut fuq il-kreditur, jikkostitwixxi “attività ta’ assigurazzjoni” fis-sens tal-imsemmija direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħdax-il domanda, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2009/138 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li teżerċita l-attività msemmija fil-ħdax-il domanda hija suġġetta għall-obbligu li tikseb awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li jkunu responsabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni lill-assiguratur?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.

1     ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.

1     ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 219, p. 66, fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, fil-ĠU 2019, L 316, p. 107, u fil-ĠU 2022, L 108, p. 69.