KONKLUŻJONJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fit‑3 ta’ Frar 2022 (1)
Kawża C‑576/20
CC
vs
Pensionsversicherungsanstalt
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali għal ħaddiema migranti – Koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali – Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 – Eżami tad-dritt għal pensjoni tax-xjuħija – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fi Stat Membru ieħor – Kundizzjonijiet – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ fatti – Attività professjonali eżerċitata biss fi Stat Membru wieħed”
I. Introduzzjoni
1. L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) għamlet rinviju ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2).
2. Dak ir-rinviju sar fil-kuntest ta’ proċeduri bejn CC (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) u l-Pensionsversicherungsanstalt (iktar ’il quddiem il-“PVA”), l-istituzzjoni responsabbli għall-iskema ta’ assigurazzjoni statutorja tax-xjuħija fl-Awstrija. Ir-rinviju jikkonċerna l-fatt li l-PVA irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ kalkolu tal-pensjoni tax-xjuħija tal-appellanti, il-perijodi ta’ żmien li hija ddedikat għat-trobbija ta’ wliedha fil-Belġju u fl-Ungerija.
3. F’dak il-kuntest id-domandi huma relatati b’mod iktar speċifiku mal-kundizzjonijiet li fihom l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, fil-każ li persuna li tkun ħadmet, ikun jeħtiġilha tapplika l-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa minn dik il-persuna fi Stat Membru wieħed jew iktar.
4. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qabel iddeċidiet, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (3), li kien ġie qabel ir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 u li ma kien fih ebda dispożizzjoni dwar dik il-kwistjoni partikolari, li dak l-ewwel Stat Membru għandu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal tali perijodi ta’ trobbija tal-ulied meta dawk il-perijodi jkollhom “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” ma’ perijodi ta’ impjieg jew li f’perijodi li fihom persuna tkun ħadmet għal rasha u li jkunu twettqu qabel minn dik l-istess persuna fit-territorju tiegħu.
5. Il-qofol tal-kwistjoni f’dan il-każ huwa jekk dik is-soluzzjoni ġudizzjarja għadhiex tapplika llum, meqjus li l-leġiżlatur adotta l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 u espressament għamel lista ta’ kriterji bil-ħsieb li jiċċara dak l-obbligu. Kif ser infisser iktar ’il quddiem, jiena nifhimha li dik id-dispożizzjoni ssostitwixxiet il-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib”.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
1. Ir‑Regolament (KE) Nru 883/2004 (4)
6. It-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, bl-isem “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika” jinkludi, inter alia, l-Artikolu 11, li jipprovdi:
“1. Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.
[...]
3. Bla ħsara għall-Artikoli 12 sa 16:
(a) persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;
[...]
(e) kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”
7. Bis-saħħa tal-Artikolu 87 tal-istess regolament:
“1. L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb taħt dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni tiegħu.
2. Kull perjodu ta’ assigurazzjoni u, fejn jixraq, kull perjodu ta' impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru konċernat għandhom jitqiesu għad-determinazzjoni tad-drittijiet miksuba taħt dan ir-Regolament.”
8. Skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004, dak ir-regolament għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu, jiġifieri r-Regolament Nru 987/2009, fl‑1 ta’ Mejju 2010. Huwa għandu jħassar ir-Regolament Nru 1408/71.
2. Ir‑Regolament Nru 987/2009
9. Ir-Regolament Nru 987/2009 jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, skont l-Artikolu 89 tal-aħħar imsemmi regolament.
10. Skont il-premessa 14 tar-Regolament Nru 987/2009:
“Ċerti regoli u proċeduri speċifiċi huma meħtieġa biex tkun definita l-leġislazzjoni applikabbli biex jittieħed kont ta’ perijodi li matulhom persuna assigurata iddedikat iż-żmien tagħha għat-trobbija ta’ tfal f’diversi Stati Membri.”
11. L-Artikolu 44 tal-istess regolament jgħid:
“1. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘perijodu għat-trobbija tal-ulied’ għandha tirriferi għal kwalunkwe perijodu li huwa kreditat taħt il-leġislazzjoni tal-pensjonijiet ta’ Stat Membru jew li jipprovdi suppliment għal pensjoni espliċitament għal raġuni li persuna tkun rabbiet tifel/tifla, irrispettivament mill-metodu użat biex tikkalkula dawk il-perijodi u jekk jakkumulawx matul iż-żmien tat-trobbija tat-tfal jew jiġux rikonoxxuti retroattivament.
2. Fejn, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004], ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu, taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004], kienet applikabbli għall-persuna kkonċernata abbażi li hu jew hi kienu qed iwettqu attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fid-data meta, taħt dik il-leġislazzjoni, beda jittieħed kont tal-perijodu għat-trobbija tat-tfal għat-tfal konċernati, għandha tibqa’ responsabbli sabiex jittieħed kont ta’ dak il-perijodu bħala perijodu għat-trobbija tat-tfal taħt il-leġislazzjoni tagħha, daqslikieku t-trobbija tat-tfal seħħet fit-territorju proprju tagħha.
[...]”
12. L-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 987/2009 jgħid dan li ġej:
“L-Artikolu 87 [tar-Regolament Nru 883/2004] għandu japplika għas-sitwazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.”
B. Id‑dritt nazzjonali
13. L-Artikolu 16(3a) tal-Allgemeines Pensionsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Pensjonijiet, iktar ’il quddiem l-“AGP”) (BGB1 I, 2004/142) jipprovdi, b’mod partikolari, li perijodi sostituti ta’ kwalifikazzjoni mogħtija għat-trobbija tal-ulied skont il-paragrafu 227a tal-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem l-“ASVG”) (BGB1 1955/189), u l-paragrafu 116a tal-Gewerbliches Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali għal Persuni fin-Negozju u fil-Kummerċ, iktar ’il quddiem il-“GSVG”) (BGBI 1978/560), għandhom ukoll jitqiesu li huma xhur ta’ assigurazzjoni biex jitħares il-perijodu minimu ta’ assigurazzjoni skont il-paragrafu 4(1) ta’ dik il-leġiżlazzjoni.
14. L-Artikolu 227a tal-ASVG jgħid:
“(1) Flimkien ma’ dan, meta persuna assigurata kienet attwalment il-persuna primarjament responsabbli għat-trobbija ta’ wildha (subparagrafu 2), tali trobbija tal-ulied fil-pajjiż, sa massimu ta’ 48 xahar kalendarju mit-twelid tat-tarbija, għandha tikkostitwixxi perijodu sostitut ta’ kwalifikazzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 1955 u qabel l-1 ta’ Jannar 2005 fil-kategorija ta’ assigurazzjoni ta’ pensjoni li tkun tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni ta’ qabel jew, jekk ma jkunx hemm dan il-perijodu, li tiegħu tkun il-kontribuzzjoni li jkun imiss. Fil-każ li jkun hemm twelid ta’ iktar minn wild wieħed fih innifsu, il-perijodu ta’ 48 xahar kalendarju jiġi estiż għal 60 xahar kalendarju.
[...]”
15. L-Artikolu 116a tal-GSVG huwa, essenzjalment, identiku għall-Artikolu 227a tal-ASVG.
III. Il‑fatti, il‑proċeduri nazzjonali u d‑domandi magħmula
16. Fil‑11 ta’ Ottubru 2017, l-appellanti applikat għand il-PVA biex tingħata pensjoni tax-xjuħija. Hija stabbilixxiet li, mill‑4 ta’ Ottubru 1976 sat‑28 ta’ Awwissu 1977, hija kienet lestiet l-ewwel perijodu ta’ 11-il xahar fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni obbligatorja tagħha bħala apprendista fl-Awstrija u, mill‑1 ta’ Jannar 1982 sat‑30 ta’ Settembru 1986, perijodu ieħor ta’ 57 xahar minħabba li kienet taħdem għal rasha f’dak l-istess Stat Membru.
17. F’Ottubru 1986 l-appellanti marret ir-Renju Unit biex tistudja. Hija qagħdet hemmhekk sakemm hija marret il-Belġju fil-bidu ta’ Novembru 1987. Waqt li kienet il-Belġju hija welldet żewġ itfal, l-ewwel tarbija f’Diċembru 1987 u t-tieni fi Frar 1990. Flimkien ma’ wliedha hija l-ewwel kienet residenti l-Belġju, imbagħad fl-Ungerija bejn il‑5 ta’ Diċembru 1991 u l‑31 ta’ Diċembru 1992, u fl-aħħar fir-Renju Unit mill‑1 ta’ Jannar 1993 sat‑8 ta’ Frar 1993.
18. Mill‑5 ta’ Diċembru 1987 (id-data li fiha kienet twieldet l-ewwel tarbija tagħha) sat‑8 ta’ Frar 1993 (id-data li fiha hija kienet marret lura l-Awstrija), l-appellanti ddedikat ruħha għat-trobbija ta’ wliedha. Matul dak il-perijodu, hija ma kinitx tagħmel xogħol bi qligħ.
19. Wara li marret lura l-Awstrija, l-appellanti ssoktat trabbi lil uliedha fuq bażi full-time. Imbagħad hija temmet perijodi addizzjonali ta’ xogħol għal rasha sa Ottubru 2017, f’liema waqt hija rtirat.
20. B’deċiżjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2017, il-PVA tat lill-appellanti pensjoni tax-xjuħija li kienet tinkludi 14-il xahar ta’ “perijodi sostituti ta’ kwalifikazzjoni” minħabba ż-żmien li hija għaddiet trabbi lil uliedha minn Jannar 1993 sa Frar 1994, fir-Renju Unit u fl-Awstrija (5).
21. L-appellanti kkontestat dik id-deċiżjoni abbażi li hija kienet intitolata għal pensjoni tax-xjuħija ogħla, minħabba li l-perijodi li hija għaddiet trabbi lil uliedha fil-Belġju u fl-Ungerija mill‑5 ta’ Diċembru 1987 sal‑31 ta’ Diċembru 1992 (iktar ’il quddiem il-“perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied”) kellhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala “perijodi sostituti ta’ kwalifikazzjoni”.
22. Il-PVA ssottomettiet li l-appellanti ma kinitx issodisfat il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għal dawk il-perijodi. L-ewwel, hija ma kinitx qiegħda tagħmel xogħol bi qligħ minnufih qabel id-data li fiha l-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied kienu jibdew jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt il-liġi Awstrijaka. It-tieni, tali perijodi kienu tlestew fi Stati Membri (jiġifieri, fil-Belġju u fl-Ungerija) li l-leġiżlazzjoni tagħhom kienet diġà tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni ż-żmien iddedikat għat-trobbija tal-ulied.
23. Il-qorti tal-ewwel istanza, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali, Vjenna, l-Awstrija) ċaħdet it-talba tal-appellanti minħabba li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009. L-Oberlandesgericht (il-Qorti Superjuri Reġjonali, Vjenna, l-Awstrija) ikkonfermat dik id-deċiżjoni. L-appellanti sussegwentement ippreżentat appell lill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li quddiemha qiegħda titlob li l-kawża tagħha tiġi kkonfermata.
24. Il-qorti tar-rinviju tispjega li r-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 huma applikabbli ratione temporis għal dan il-każ. Tikkonstata wkoll li, minħabba li l-appellanti ma kinitx impjegata jew taħdem għal rasha fl-Awstrija meta hija bdiet l-ewwel tiddedika ħinha għat-trobbija ta’ wliedha, il-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009.
25. F’dan ir-rigward, hija tinnota li l-iskop tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 ma huwiex dak li jarmonizzaw jew li anki japprossimaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, iżda biss li jikkoordinawhom. Individwi bħall-appellanti ma jistgħux, għalhekk, jistennew li ċ-ċaqliq tagħhom minn Stat Membru għal ieħor ma jkollu ebda effett fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom, u li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu ħadmu ser ikompli jittratta l-perijodu mlestija fi Stat membru wieħed jew iktar (f’dan il-każ, il-Belġju u l-Ungerija) daqslikieku jkunu lestewhom fit-territorju tagħhom.
26. Madankollu, hija tqis ukoll li ċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali jixbhu lil dawk li wasslu għas-sentenza fil-kawża Reichel-Albert (6), fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009). Abbażi tal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Reichel-Albert u f’sentenzi preċedenti oħra (jiġifieri, Elsen (7) u Kauer (8)), ikun biżżejjed li jkun hemm “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” bejn tali perijodi u l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni ta’ impjieg jew xogħol għal rasu li twettaq f’dak l-Istat Membru.
27. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li għalkemm l-appellanti ma kinitx toqgħod l-Awstrija fiż-żmien meta twieldu wliedha, kien fil-fatt f’dak l-Istat Membru biss li hija kienet ħadmet u temmet perijodi ta’ kwalifikazzjoni ta’ impjieg jew ta’ xogħol għal rasha. Hija tispjega wkoll li minħabba li r-Regolament Nru 1408/71 kien għadu fis-seħħ fiż-żmien tal-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied, hemm motivi sostanzjali, fid-dawl tal-ġurisprudenza diġà msemmija tal-Qorti tal-Ġustizzja, favur l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” għal dawn il-perijodi. Li kieku ma kienx possibbli jsir hekk, l-appellanti kienet issib ruħha f’sitwazzjoni inqas favorevoli għall-interessi tagħha stess wara li kien daħal fis-seħħ l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 milli qabel. Bidla bħal din fis-sitwazzjoni ġuridika tagħha kienet isseħħ wisq wara li hija kienet temmet il-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied.
28. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ikkontestati għandhiex tinqata’ biss fid-dawl tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009. Hija tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tistax, f’dan il-każ, tippreġudika l-aspettattivi leġittimi li l-appellanti setgħet tieħu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.
29. F’dan il-kuntest, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
“(1) L-Artikolu 44(2) tar-Regolament [Nru 987/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi milli perijodi ta’ trobbija tat-tfal mgħoddija fi Stati Membri oħra jittieħdu inkunsiderazzjoni minn Stat Membru kompetenti sabiex tingħata pensjoni tal-irtirar – li taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu l-applikant għal pensjoni wettaq attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha tul il-ħajja tax-xogħol tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-perijodi ta’ trobbija tat-tfal – biss abbażi tal-fatt li l-applikant għal pensjoni ma kienx qiegħed iwettaq attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fid-data meta, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, il-perijodu ta’ trobbija tat-tfal beda jittieħed inkunsiderazzjoni għall-wild ikkonċernat?
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:
(2) L-ewwel klawżola tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li, taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu, l-Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004] dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, ġeneralment ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tat-tfal, jew li ma għandux jeħodhom inkunsiderazzjoni biss f’każijiet speċifiċi?”
30. It-talba għal deċiżjoni preliminari, li ġġib id-data tat‑13 ta’ Ottubru 2020, ġiet irreġistrata fl‑4 ta’ Novembru 2020. L-appellanti, il-PVA, il-Gvern Ċek, Spanjol u Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub.
31. Il-partijiet kollha u l-partijiet interessati, ħlief il-Gvern Ċek, kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fil‑11 ta’ Novembru 2021.
IV. Analiżi
32. Skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-persuna kienet impjegata jew kienet taħdem għal rasha (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru A”) għandhom, biex tingħata pensjoni tax-xjuħija, iqisu perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa minn dik il-persuna fi Stat Membru ieħor (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru B”) daqslikieku tali trobbija tal-ulied tkun twettqet fit-territorju tiegħu stess (9) jekk ikunu tħarsu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
– Ma jittieħed inkunsiderazzjoni ebda perijodu għat-trobbija tal-ulied skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B;
– Il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A kienet qabel applikabbli għall-persuna kkonċernata minħabba li l-persuna kienet twettaq attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha f’dak l-Istat Membru; u
– Dik il-persuna ssoktat tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A minħabba tali attività fid-data meta, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-istess Stat Membru, il-perijodu ta’ trobbija tal-ulied ikun beda jittieħed inkunsiderazzjoni għall-wild ikkonċernat (10).
33. Permezz tad-domandi tagħha, li għandi nindirizza waħda wara l-oħra, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-iskop materjali ta’ dik id-dispożizzjoni minn żewġ aspetti.
34. L-ewwel, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, għandha dubju jekk is-soluzzjoni ġudizzjarja adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha (u, b’mod iktar speċifiku, fil-kawża Reichel-Albert) tibqax applikabbli fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, biex b’hekk, ukoll jekk it-tielet rekwiżit elenkat iktar ’il fuq ma jkunx issodisfatt, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru A jkun jeħtiġilhom, sakemm ikun hemm “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” bejn il-perijodi rilevanti ta’ impjieg jew li fihom il-persuna tkun ħadmet għal rasha, imwettqa fit-territorju tagħhom u l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B, japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom għal tali perijodi.
35. Speċifikament, hija tixtieq tkun taf jekk u, jekk huwa hekk, kemm, jibqa’ rilevanti l-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali li jinsabu fir-Regolament Nru 1408/71, li ma kienu jinkludu ebda dispożizzjoni speċifika dwar trobbija tal-ulied, f’sitwazzjoni fejn l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jittratta direttament il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ liema Stat Membru tkun applikabbli għal tali perijodi. Din id-domanda toriġina mill-fatt li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied ma jidhirx li jissodisfaw it-tielet rekwiżit stabbilit f’din id-dispożizzjoni minħabba li l-appellanti ma kinitx impjegata jew taħdem għal rasha fl-Awstrija fid-data li fiha, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, tali perijodi jibdew jittieħdu inkunsiderazzjoni. Probabbli, madankollu, tali perijodi jissodisfaw il-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha.
36. It-tieni, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika, b’rabta mal-ewwel rekwiżit elenkat fil-punt 32 iktar ’il fuq, dwar jekk l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 japplikax biss għal sitwazzjonijiet fejn Stat Membru B, bħala prinċipju, ma jipprovdix li jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied fil-leġiżlazzjoni tiegħu, jew jekk japplikax ukoll għal dawk il-każijiet fejn fil-fatt ikun hemm tali leġiżlazzjoni iżda Stat Membru B ma jkunx iqis in concreto ż-żmien mogħti għat-trobbija tal-ulied. Jekk wieħed kellu jsegwi l-ewwel aspett, imbagħad, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-dritt Awstrijak ma jkunx, f’kull każ, applikabbli għall-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied jekk id-dritt Belġjan jew Ungeriż kellu dispożizzjoni li tkun, bħala prinċipju, tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni tali perijodi. Madankollu, skont it-tieni aspett, wieħed ma jkollux biss jivverifika jekk ikunx hemm tali dispożizzjonijiet leġiżlattivi, iżda jkun ukoll neċessarju li wieħed jivverifika jekk, f’dan il-każ, il-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied ikunux fil-fatt tqiesu mill-awtoritajiet kompetenti Belġjani jew Ungeriżi.
A. Fuq l‑ewwel domanda
37. L-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda ser tkun strutturata kif ġej. L-ewwel, ser niddeskrivi fil-qosor il-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (1). Imbagħad, ser nispjega għaliex inqis li dak il-kriterju ma għadux rilevanti skont ir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 u, b’mod iktar speċifiku, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) ta’ dan l-aħħar regolament (2). Fl-aħħar, ser nagħti ftit kummenti fil-qosor dwar għaliex naħseb li l-appellanti ma tistax leġittimament tistenna li s-sitwazzjoni tagħha tkun irregolata mill-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (3).
1. L‑imgħoddi: il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kawżi Elsen, Kauer u Reichel-Albert u l‑kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib”
38. Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif nifhimha jiena, kienet iddur ma’ sistema ta’ żewġ stadji msejsa fuq:
– l-applikabbiltà, meqjusa l-kriterji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71, tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B sakemm ikun hemm “konnessjoni mill-qrib” jew “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” bejn dawk il-perijodi u perijodi ta’ xogħol bi qligħ imwettqa fl-Istat Membru A (l-ewwel stadju); u
– l-obbligu, li jirriżulta mid-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea biex tali leġiżlazzjoni tittratta l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B daqslikieku kienu twettqu fl-Istat Membru A (jiġifieri, li tittratta tali perijodi b’mod ugwali) (it-tieni stadju).
39. Is-sistema ta’ żewġ stadji kienet ġiet għall-ewwel darba deskritta fil-kawża Elsen, kawża li kienet tirrigwarda t-trobbija ta’ wild fi Franza waqt li l-omm responsabbli għat-trobbija ta’ dak il-wild ħadmet, sakemm twieldet it-tarbija, u anki wara l-leave tal-maternità, bħala ħaddiema fruntaliera fil-Ġermanja, fejn kienet suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tas-sigurtà soċjali kienet applikabbli għas-sitwazzjoni tas-Sinjura Elsen għaliex setgħet tiġi stabbilita “konnessjoni mill-qrib” bejn iż-żmien ta’ trobbija tal-ulied li wettqet fi Franza u l-perijodi li wettqet fil-Ġermanja bis-saħħa rilevanti ta’ attività tagħha f’dak l-Istat Membru (l-ewwel stadju) (11). Hija mbagħad eżaminat jekk dik il-leġiżlazzjoni kinitx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea (u speċifikament mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat), peress li kellha kundizzjoni li, essenzjalment, irrendiet id-dritt tal-pensjoni tax-xjuħija suġġett għall-kundizzjoni li t-tfal imrobbija fil-Ġermanja jkunu jistgħu jitqiesu li jkunu trabbew hemmhekk (it-tieni stadju) (12).
40. Bħala parti mill-ewwel stadju, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, skont il-kriterji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1408/71, persuna impjegata jew li tkun taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat Membru wkoll jekk tkun residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (13). Fil-proċedura inkwistjoni, is-Sinjura Elsen ma setgħetx tqieset li kienet “impjegata” fil-Ġermanja, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, matul il-perijodi li ddedikat għat-trobbija ta’ wliedha fi Franza. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li peress li kien hemm “konnessjoni mill-qrib” bejn dawn il-perijodi u l-perijodi ta’ attività fil-Ġermanja, ma setax jitqies li s-Sinjura Elsen kienet temmet kull “attività ta’ xogħol” u li b’hekk kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih kienet qiegħda tirrisjedi (Franza). Il-liġi Ġermaniża kienet għaldaqstant applikabbli għall-perijodi ta’ trobbija tal-wild mwettqa fi Franza (14).
41. Raġunament simili kien ġie adottat fil-kawża Kauer. F’din il-kawża r-rikorrenti kienet ċittadina Awstrijaka li t-tliet uliedha kienu twieldu fl-Awstrija. Hija kienet marret toqgħod il-Belġju fl-1970 fejn kienet ħadet ħsieb uliedha full-time. Hija kienet reġgħet bdiet taħdem f’Settembru 1975 meta marret lura l-Awstrija. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien ċar mis-sentenza Elsen li l-fatt li persuna bħal Kauer kienet ħadmet biss fi Stat Membru wieħed (l-Awstrija) u li kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru fiż-żmien meta wliedha kienu twieldu, kien jippermetti li tiġi stabbilita “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” bejn dawk il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minħabba li kien sar xogħol bi qligħ f’dak l-Istat Membru (15). Għalhekk, b’rabta mal-ewwel stadju, deskritt fil-punt 38 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien japplika d-dritt Awstrijak għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied li s-Sinjura Kauer kienet wettqet fil-Belġju.
42. Jiena tal-fehma li, fiż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-konklużjoni tagħha fuq l-ewwel stadju, jiġifieri li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-perijodi inkwistjoni ta’ trobbija tal-ulied kienet dik tal-Istat Membru A (l-Istat Membru tal-impjieg), minħabba l-fatt li r-rikorrenti kienet jew tagħmel xogħol bi qligħ f’dak l-Istat Membru jew, xorta oħra, kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar bħala riżultat tax-xogħol fl-imgħoddi tagħha bi qligħ fiż-żmien meta twieldet it-tarbija u l-perijodu(i) ta’ trobbija tal-ulied beda jiddekorri. Fil-fehma tiegħi kien dan il-fatt partikolari li ppermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li kien hemm “konnessjoni mill-qrib” (Elsen) jew “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” (Kauer) bejn perijodi rilevanti ta’ kwalifikazzjoni mwettqa fl-Istat Membru A u l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B (16).
43. Fil-kawża Reichel-Albert kien hemm kuntest fattwali differenti. F’din il-kawża, l-omm li rabbiet lil wildha ma kinitx suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A fil-mument tat-twelid tat-tarbija tagħha (jew anki minnufih qabel dak iż-żmien). L-appellanti fil-kawża prinċipali kienet ċittadina Ġermaniża li, bħar-rikorrenti fil-kawżi Elsen u Kauer, kienet wettqet attività bi qligħ fi Stat Membru wieħed biss (f’dan il-każ, il-Ġermanja) qabel ma marret toqgħod fi Stat Membru ieħor (il-Belġju). Madankollu, b’differenza mir-rikorrenti f’dawk iż-żewġ kawżi, hija kienet residenti għal ftit xhur fil-Belġju qabel ma welldet l-ewwel tarbija tagħha. Imbagħad hija qagħdet id-dar ma’ wliedha fil-Belġju għal diversi snin, u matul dak iż-żmien hija ma ħadmitx, qabel ma marret lura u bdiet tgħix fil-Ġermanja (17).
44. Waqt li bniet fuq il-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” li hija kienet applikat fil-kawżi Elsen u Kauer, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża kienet applikabbli għas-sitwazzjoni tas-Sinjura Reichel-Albert, minkejja li l-perijodi li matulhom kienet suġġetta għal din il-leġiżlazzjoni bħala riżultat tal-attività bi qligħ fil-Ġermanja ma kinux jippreċedu minnufih il-mument li fih twildilha l-ewwel wild fil-Belġju. Żewġ elementi, b’mod partikolari, jidhru li fil-fehma tiegħi influwenzaw il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel, is-Sinjura Reichel-Albert kienet ħadmet u kkontribwixxiet fi Stat Membru wieħed biss (il-Ġermanja), kemm qabel kif ukoll wara li hija ttrasferixxiet għal xi żmien il-post tar-residenza tagħha għal Stat Membru ieħor (il-Belġju) fejn hija qatt ma kienet ħadmet (18). It-tieni, Is-Sinjura Reichel-Albert kienet iċċaqalqet lejn il-Belġju biss għal raġunijiet familjari (19) u direttament lejn il-Ġermanja, fejn kienet ġiet impjegata sax-xahar qabel ma ċċaqalqet.
45. Kif indikajt fil-punt 38 iktar ’il fuq, it-tliet kawżi kollha msemmija iktar ’il fuq seħħew fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Dan ir-regolament kien jelenka, fl-Artikolu 13(2) tiegħu, ir-regoli ġenerali bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għal kwistjonijiet ta’ kunflitt fid-dritt fil-qasam tas-sigurtà soċjali, iżda ma kellu ebda dispożizzjoni dwar perijodi ta’ trobbija tal-ulied. Quddiem dik il-lacuna leġiżlattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet (fl-ewwel stadju, deskritt fil-punt 38 iktar ’il fuq) li perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih il-persuna tkun ħadmet ikomplu jiġu rregolati mid-dritt ta’ dak l-Istat Membru (jiġifieri, l-Istat Membru ta’ impjieg) sakemm tali perijodi jkollhom, essenzjalment, “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” ma’ perijodi “ta’ kwalifikazzjoni” rilevanti ta’ xogħol bi qligħ imwettqa f’dak it-territorju.
46. Kien biss meta ntemmet dik l-evalwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u taċ-ċittadini, u ssieltet mal-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea (it-tieni stadju). Biex nagħti eżempju wieħed biss, fil-kawża Reichel-Albert kien biss wara li kkonkludiet li kien hemm “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” bejn il-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani u l-perijodi rilevanti ta’ kwalifikazzjoni ta’ attività bi qligħ imwettqa mir-rikorrenti biex b’hekk kienet tapplika l-liġi Ġermaniża għal tali perijodi f’pajjiż barrani ta’ trobbija tal-ulied (l-ewwel stadju), li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dik l-istess liġi ma kinitx kompatibbli mal-Artikolu 21 TFUE (it-tieni stadju) minħabba li, fil-fehma tagħha, is-Sinjura Reichel-Albert, għalkemm hija qatt ma kienet impjegata jew ħadmet għal rasha fil-Belġju, kienet tkun qiegħda tirċievi trattament inqas favorevoli minn dak li hija kienet tgawdi kieku hija ma eżerċitatx il-libertà tagħha li tmur minn post għal ieħor skont it-Trattati (20).
47. Wara li ddeskrivejt fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja vis-a-vis ir-Regolament Nru 1408/71, issa ser ngħaddi għas-sitwazzjoni attwali u nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, il-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” ma huwiex rilevanti għal proċeduri bħal dawk f’din il-kawża, li għaliha japplika l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009.
2. Is‑sitwazzjoni attwali: l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 987/2009 u għaliex il‑kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” ma għadux iktar rilevanti
48. Fid-dawl tal-kronoloġija tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif deskritti fil-qosor fil-punti 16 sa 20 iktar ’il fuq, u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 987/2009, huwa ċar għalija li dan ir-regolament japplika ratione temporis għal din il-kawża (21). La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet fil-kawża prinċipali u partijiet interessati ma jikkontestaw dan il-punt. Għalhekk, din il-kawża hija differenti minn Elsen, Kauer u Reichel-Albert, għall-inqas sal-punt li, f’dawn il-kawżi, il-proċeduri kienu għalkollox esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament (22).
49. Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet interessati jaqblu wkoll li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-appellanti ma tistax toqgħod fuq l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 minħabba li hija la kienet impjegata u lanqas ma kienet taħdem għal rasha fl-Awstrija fid-data meta, skont il-liġi Awstrijaka, kienu nbdew jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied. Kif indikat fil-punt 32 iktar ’il fuq, it-tielet rekwiżit elenkat fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 huwa li l-persuna tkun għadha meqjusa li tkun qiegħda “twettaq” attività bi qligħ fl-Istat Membru A (l-Awstrija) fid-data meta, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, ikun beda jittieħed inkunsiderazzjoni il-perijodu kkontestat ta’ trobbija tal-ulied għall-wild ikkonċernat. Skont il-liġi Awstrijaka, dik id-data kienet tkun l‑1 ta’ Jannar 1988 (23). F’dak iż-żmien, l-appellanti kienet diġà telqet mill-Awstrija iktar minn sena qabel u kienet bdiet tkompli tistudja fir-Renju Unit qabel ma stabbilixxiet ruħha fil-Belġju, fejn kienu twieldu ż-żewġ uliedha.
50. Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-fatti fil-kawża prinċipali jixbhu lil dawk fil-kawża Reichel-Albert minħabba li, f’dik il-kawża wkoll, il-perijodu ta’ żmien li matulu r-rikorrenti kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A minħabba x-xogħol bi qligħ tagħha f’dak l-Istat Membru ma kienx ġie minnufih qabel it-twelid ta’ wliedha. Hija, għalhekk, trid tkun taf jekk is-soluzzjoni ġudizzjarja fil-kawża Reichel-Albert setgħetx tapplika għal din il-kawża. Hija tqis li, jekk tapplika, l-appellanti jkollha d-dritt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied li hija kienet temmet fil-Belġju u fl-Ungerija.
51. Ninnota f’dan ir-rigward ġew sottomessi żewġ tipi differenti ta’ argumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
52. Min-naħa waħda, l-appellanti, sostnuta dwar dan il-punt mill-Kummissjoni u mill-Gvern Ċek, tikkontendi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bir-ratio decidendi fil-kawża Reichel-Albert biex b’hekk, f’kawżi fattwalment simili, perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa barra l-pajjiż li materjalment ma jaqgħux fil-kuntest tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 (anki jekk jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament) xorta waħda jkollhom jiġu deċiżi skont l-Artikolu 21 TFUE u skont il-kriterju ta “konnessjoni biżżejjed mill-qrib”. Inkella, l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jkun il-kawża li dawk li japplikaw għal pensjoni tax-xjuħija jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli milli kienu jkunu qabel ma kien daħal fis-seħħ dan ir-regolament. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-appellanti tkun qiegħda ssib lilha nnifisha finanzjarjament f’sitwazzjoni agħar sempliċement minħabba li hija tkun iddeċidiet trabbi lil uliedha fi Stat Membru milli fl-Awstrija. Tabilħaqq, kieku hija baqgħet l-Awstrija, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tkun titlob li l-PVA tieħu inkunsiderazzjoni tali perijodi kollha kemm huma.
53. Min-naħa l-oħra, il-PVA u l-Gvern Awstrijak u dak Spanjol, essenzjalment, huma tal-fehma li l-kriterju ġudizzjarju fil-kawża Reichel-Albert, li kien ibbażat fuq l-eżistenza ta’ “konnessjoni mill-qrib” jew “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” bejn il-perijodi ta’ attività bi qligħ imwettqa fl-Istat Membru A u l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B, ġie ssostitwit mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, biex b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tapplika iktar dan il-kriterju.
54. Naqbel ma’ din l-aħħar pożizzjoni.
55. L-ewwel, irrid nibda billi ninnota li, sa fejn għandu x’jaqsam mal-kwistjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani, dak li l-Artikolu 21 TFUE jitlob, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq, huwa li l-Istat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu tinstab li tkun applikabbli għal sitwazzjoni partikolari meta persuna tkun eżerċitat il-libertà tagħha ta’ moviment u tkun iddeċidiet li trabbi t-tfal tagħha fi Stat Membru ieħor, jittratta din is-sitwazzjoni daqslikieku tkun twettqet fit-territorju tiegħu (24).
56. Fil-fehma tiegħi, din ir-regola tibqa’ kostanti skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009. Il-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni jillimitaw biss ix-xorta ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A tkun tista’ tinstab li tkun applikabbli għal sitwazzjoni partikolari ta’ trobbija tal-ulied barra l-pajjiż (25), iżda bl-ebda mod ma jolqtu l-obbligi li jorbtu lil Stat Membru A, jekk il-liġi ta’ dak l-Istat Membru tkun tinstab li tkun applikabbli għal tali sitwazzjoni. Bħala tali, wieħed ma jistax jinsa l-fatt li, filwaqt li ż-żewġ stadji deskritti fil-punt 38 iktar ’il fuq illum huma inklużi f’dispożizzjoni leġiżlattiva waħda, l-obbligi li joħorġu minn din tal-aħħar jibqgħu doppji: (i) l-Istat Membru A għandu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B, jekk il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jkunu ssodisfatti, u (ii) fejn dan ikun il-każ, u l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A tkun applikabbli, imbagħad dak l-Istat Membru għandu jittratta tali perijodi daqslikieku kienu twettqu fit-territorju tiegħu.
57. Dawn l-osservazzjonijiet jippermettuli nindika x’inhi l-problema vera f’din il-kawża. Mhijiex li l-appellanti setgħet tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka sempliċement għax għexet f’żewġ Stati Membri oħra waqt li hija kienet qiegħda trabbi lil uliedha (evidentement, dik mhijiex alternattiva taħt l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009). (26) Pjuttost huwa li l-kundizzjonijiet li jillimitaw l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka għas-sitwazzjoni tagħha huma ddefiniti b’mod iktar strett f’din id-dispożizzjoni milli fil-kriterju ġudizzjarju adottat fil-kawża Reichel-Albert.
58. It-tieni, huwa ċar għalija li, jekk id-dritt tal-Unjoni Ewropea qiegħed obbligi iktar wiesgħa fuq l-Istati Membri biex japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani minn dawk diġà imposti bl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, isegwi li r-rekwiżiti elenkati f’din id-dispożizzjoni jkunu jammontaw għal sett wieħed biss ta’ ċirkustanzi li bihom l-Istat Membru A jkun jeħtieġlu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B.
59. Għandi nammetti li nkun iktar dispost nadotta tali interpretazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 kieku l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet għall-inqas sa ċertu punt indeterminata jew ambigwa. Iżda, kif ninterpretaha jiena, din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprovdi almenu xi ħjiel għall-fatt li d-dritt tal-Unjoni Ewropea jista’ jimponi, fuq l-Istat Membru li fih l-applikant għal pensjoni tax-xjuħija kien impjegat jew kien jaħdem għal rasu, xi obbligu ieħor bħal dan. Kif indikajt fil-punt 45 iktar ’il fuq, il-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” kien ġie fformulat mill-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-kriterji ġenerali stabbiliti fir-Regolament Nru 1408/71, iktar milli mal-Artikolu 21 TFUE nnifsu (li, fil-kawżi Elsen, Kauer u Reichel-Albert, serva bħala bażi għall-obbligu fuq l-Istat Membru A, fit-tieni fażi, li jittratta perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani daqslikieku kienu twettqu fit-territorju tiegħu stess) (27). Peress li dan ir-regolament issa tħassar u ġie ssostitwit mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, li l-Artikolu 44(2) tagħhom jittratta speċifikament din il-kwistjoni partikolari, jidher li huwa loġiku li wieħed jikkonkludi li r-regoli li hemm f’din id-dispożizzjoni warrbu kulma l-Qorti tal-Ġustizzja ppruvat tagħmel qabel biex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li bihom il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A tkun tista’ ssir applikabbli għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B.
60. Ċertament, dan mhux, u ma jistax ikun it-tmiem tal-istorja, għaliex wieħed għandu wkoll iqis l-intenzjoni tal-leġiżlatur wara l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 u jqis jekk iċ-ċirkustanzi relatati mal-adozzjoni tiegħu jsostnux din l-interpretazzjoni. F’dan ir-rigward, ninnota li l-istorja tal-abbozzar tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 turi li ddaħħal bil-ħsieb mhux biss biex jirrifletti s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Elsen u Kauer, iżda wkoll biex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (28). Fil-fehma tiegħi, wieħed jista’, għalhekk, faċilment jassumi li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea għamel għażla konxja li ma jirreferix għall-kriterju ta’ “konnessjoni mill-qrib” jew ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” ifformulat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u minflok għażel ir-rekwiżit iktar speċifiku li l-persuna tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A minħabba l-attività tagħha bħala persuna impjegata jew li tkun taħdem għal rasha f’dak l-Istat Membru, fid-data meta l-perijodu tat-trobbija tal-ulied ikun beda jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-istess Stat Membru (29).
61. Irrid inżid ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea donnu, f’ħafna dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, mhux biss li rrifletta, iżda wkoll li ċċara (u, f’xi każijiet, forsi wkoll mar lil hinn minn) il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet ġiet żviluppata fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (30). Dan, ikolli ngħid, jidher mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 883/2004, li tikkonferma x-xewqa tal-leġiżlatur li jimmodernizza u jissemplifika d-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ qabel, peress li dan tal-aħħar kien sar iktar kumpless u sfiq wara li kienu sarulu diversi emendi u aġġornamenti biex jittieħdu inkunsiderazzjoni, inter alia, diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
62. Peress li r-Regolament Nru 987/2009 kien ġie wara Elsen u Kauer (għalkemm mhux Reichel-Albert), il-leġiżlatur seta’ abbozza l-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament, kieku xtaq jagħmel hekk, b’tali mod li jintegra b’mod sħiħ u ċar l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel tnejn minn dawn is-sentenzi. Madankollu, huwa għażel li ma jagħmilx hekk. F’dawk iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-assenza, fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, ta’ riferiment espress għall-“konnessjoni mill-qrib” jew għall-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” jindika li l-leġiżlatur minn jeddu kellu fi ħsiebu jirrestrinġi l-applikazzjoni tar-ratio decidendi fil-kawżi Elsen u Kauer u pprovda biss possibbiltà li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A tapplika għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B skont il-kundizzjonijiet elenkati espressament f’dik id-dispożizzjoni.
63. Naqbel mal-Kummissjoni li l-leġiżlatur, meta adotta l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, ma setax jantiċipa li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet, fil-kawża Reichel-Albert, ser tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kriterju ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib”. Forsi huwa kien jifformula l-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni b’mod differenti kieku dik is-sentenza ngħatat qabel ma ġiet adottata dik is-sentenza. Madankollu, ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tispekula dwar din l-eventwalità. Peress li l-leġiżlatur ittratta b’mod espress il-kwistjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, kull bidla fil-kundizzjonijiet li bihom l-Istat Membru A jkun jeħtieġlu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal tali perijodi għandha, fil-fehma tiegħi, minn dak il-waqt ’l hemm, issir ukoll b’inizjattiva tal-leġiżlatur.
64. It-tielet, ħarsa iktar mill-qrib tal-għan tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 ssaħħaħ il-fehma tiegħi li wieħed għandu jirreżisti t-tentazzjoni li jissupplimenta l-obbligi li issa jinsabu fl-Artikolu 44(2) ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament b’sett ta’ regoli mhux miktuba bbażati fuq il-ġurisprudenza. Bħalma huwa ċar mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, wieħed mill-prinċipji bażiċi tas-sistema li tikkoordina skemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali huwa li għandha tkun applikabbli l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru wieħed (31). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 joħloq eċċezzjoni għar-regoli ta’ kompetenza msemmija fit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 biex jagħmel lil Stat Membru li ma jkunx għadu iktar kompetenti skont tali regoli responsabbli jieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fi Stati Membri oħra (32).
65. Fil-fehma tiegħi, il-limiti għal tali eċċezzjoni għandhom jitfasslu b’mod biżżejjed ċar. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 jikkostitwixxu sistema sħiħa u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt li huma intiżi, min-naħa waħda, li jiżguraw li l-persuni koperti minn dan ir-regolament ma jitħallewx mingħajr kopertura ta’ sigurtà soċjali minħabba l-fatt li ma tkun applikabbli għalihom ebda leġiżlazzjoni u, min-naħa l-oħra, biex tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ għadd ta’ sistemi leġiżlattivi nazzjonali u l-kumplikazzjonijiet li jkunu jistgħu jinqalgħu (33). L-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 huwa dispożizzjoni kemxejn unika minħabba li r-regola ta’ kompetenza li hemm fih – li titlob li l-Istat Membru A japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani – tkun mingħajr ħsara għall-fatt li l-kriterji stabbiliti fit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 jkunu jistgħu perfettament jindikaw lill-Istat Membru B bħala l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tkun xorta oħra applikabbli għall-persuna kkonċernata. Għaldaqstant, huwa importanti li l-Istat Membru A jkun jista’ b’mod sħiħ jifhem il-kundizzjonijiet li bihom il-leġiżlazzjoni tiegħu ssir applikabbli għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa minn xi ħadd li, fiż-żmien rilevanti, la kien “impjegat” u lanqas “jaħdem għal rasu” f’dak l-Istat Membru (Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004), u lanqas ma kien residenti fit-territorju ta’ dak l-Istat (Artikolu 11(3)(e) ta’ dak ir-regolament). Jekk seta’ jeżisti xi dubju dwar tali obbligi, allura l-effettività (“effet utile”) tal-Artikolu 44(2) neċessarjament tiġi kompromessa.
66. B’differenza minn dak li jgħidu l-appellanti u l-Kummissjoni, inqis li l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq ifissru li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, Stat Membru ma jkunx jeħtieġlu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fi Stat Membru ieħor jew iktar għar-raġuni biss li tali perijodi jkollhom “konnessjoni mill-qrib” ma’ perijodi ta’ kwalifikazzjoni mwettqa qabel fit-territorju tiegħu. Għandu jagħmel hekk biss meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha elenkati f’dik id-dispożizzjoni, li semmejt fil-punt 32 iktar ‘il fuq.
67. Bħala l-aħħar osservazzjoni, irrid nenfasizza l-fatt li, fil-fehma tiegħi, il-konsegwenzi ekonomiċi li jsegwu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, bl-applikazzjoni tal-liġi Awstrijaka, Belġjana jew Ungeriża għall-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied, ma għandhom ikollhom l-ebda rilevanza għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda. Jekk l-appellanti ssibx jew le lilha nnifisha f’sitwazzjoni finanzjarjament agħar minħabba li l-liġi sostantiva tal-Istat Membru B, pjuttost minn dik tal-Istat Membru A, tkun tapplika għas-sitwazzjoni tagħha, ma tistax, naħseb jiena, tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-liġi indikata bħala applikabbli għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied f’pajjiż barrani tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-persuna kkonċernata f’xi każijiet, filwaqt li tkun ta’ ħsara f’oħrajn.
68. F’dan ir-rigward, infakkar li d-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea ma jagħtix garanzija lil ħaddiem li moviment għal Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat oriġinali tiegħu ma jkollu ebda implikazzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħu, peress li, fid-dawl tad-differenzi bejn l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u l-leġiżlazzjoni, tali moviment jista’ jkun iktar jew inqas vantaġġuż għall-persuna kkonċernata (34). F’dan il-kuntest, ir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 ma għandhomx l-għan li jarmonizzaw jew li jallinjaw, iżda biss li jistabbilixxu sistema ta’ koordinazzjoni dwar, inter alia, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuni impjegati li jagħmlu użu, skont ċirkustanzi varji, mid-dritt tagħhom għall-moviment liberu (35). Il-fatt li l-effett tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment jista’ sa livelli varji jkun favorevoli jew sfavorevoli għall-persuna kkonċernata, skont iċ-ċirkustanzi, huwa riżultat dirett tar-riżoluzzjoni li tinżamm id-differenza bejn il-liġijiet tal-Istati Membri (36).
3. L‑appellanti ma setgħetx leġittimament tistenna li s‑sitwazzjoni tagħha tiġi rregolata minn ġurisprudenza preċedenti tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
69. Wara li tajt ir-raġunijiet għaliex ma naħsibx li s-soluzzjoni ġudizzjarja fil-kawża Reichel-Albert tista’ tiġi applikata għal dan il-każ, irrid nindirizza, għas-saħħa tal-kompletezza, l-argumenti tal-appellanti li hija leġittimament stenniet li l-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-PVA, peress li hija kienet wettqet tali perijodi ħafna qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 987/2009 u li hija kienet tkun issodisfat il-kriterju ta’ “konnessjoni mill-qrib” jew ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” stabbilit fil-kawżi Elsen u Kauer.
70. Bi tweġiba għal dan l-argument il-PVA u l-Gvern Awstrijak jissottomettu li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-appellanti ma tistax tħaddan tali aspettattivi leġittimi. L-ewwel, fiż-żmien meta hija ċċaqalqet lejn il-Belġju u l-Ungerija, l-Awstrija ma kinitx Stat Membru u s-sentenzi fil-kawżi Kauer u Elsen kienu għadhom ma ngħatawx. It-tieni, l-appellanti ma kienet kisbet ebda dritt għal tali perijodi sakemm hija talbet biex tingħata pensjoni tax-xjuħija fl-2017.
71. Naqbel mal-PVA u mal-Gvern Awstrijak li, fiż-żmien meta l-appellanti marret toqgħod il-Belġju fl-1987 u mbagħad l-Ungerija fl-1991, ma setgħetx kienet qiegħda taħseb li hija kienet qiegħda teżerċita d-dritt tagħha ta’ libertà ta’ moviment skont l-Artikolu 21 TFUE u li, b’riżultat ta’ dan, tista’ tkun intitolata li l-perijodi li wettqet f’dawk l-Istati Membri l-oħra jiġu ttrattati mill-PVA daqslikieku jkun twettqu fit-territorju Awstrijak. Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni b’rabta mal-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u mal-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea (37), id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni ma sarux vinkolanti għall-Awstrija qabel l‑1 ta’ Jannar 1995.
72. Madankollu, kieku wieħed kellu jieqaf bl-analiżi tiegħu hemmhekk, wieħed ma jkunx qiegħed jagħti kas tal-fatt li, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ każijiet ta’ pensjoni, id-data rilevanti biex jiġi ddeterminat liema regoli jkunu applikabbli ratione temporis tkun id-data li fiha l-persuna tapplika għal pensjoni tax-xjuħija. Fil-każ tal-appellanti, id-data “strumentali” hija l‑11 ta’ Ottubru 2017. F’dak il-waqt, l-Awstrija kienet tabilħaqq tagħmel parti mill-Unjoni Ewropea.
73. Huwa ċar minn Kauer li, f’tali kundizzjonijiet, id-determinazzjoni tad-dritt għall-pensjoni tal-appellanti, ukoll abbażi tal- perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa qabel dik id-data, għandha ssir mill-awtoritajiet Awstrijaċi skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema jew mal-libertà ta’ kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jiċċaqlaq u joqgħod fit-territorju tal-Istati Membri (38). Il-każ fil-kawża prinċipali ma jikkonċernax ir-rikonoxximent ta’ drittijiet allegatament miksuba taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea qabel l-adeżjoni tal-Awstrija, imma pjuttost il-kwistjoni ta’ jekk ir-rifjut tal-PVA, f’Diċembru 2017, li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied inkwistjoni, seħħx bi ksur tar-regoli tal-Unjoni Ewropea li, f’dak il-mument, kienu saru vinkolanti għall-Awstrija (39).
74. Issa li kkjarifikajt dan il-punt, jiena tal-fehma, kontra dak li qiegħda ssostni l-appellanti, li ma tistax leġittimament tippretendi li l-kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tapplikax lil tali perijodi tissolva fid-dawl tal-kriterju ta’ “konnessjoni mill-qrib” jew ta’ “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” stabbiliti fil-kawżi Elsen u Kauer (fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fir-Regolament Nru 1408/71), pjuttost milli mir-regoli li jinsabu fir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009.
75. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-punt li “jipprevjeni, ġeneralment, milli tapplika regola ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt ir-reġim tar-regola qadima” (40). Biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom, madankollu, jiġu interpretati bħala li japplikaw għal “sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss safejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett” (41).
76. F’dan il-każ id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 (l‑1 ta’ Mejju 2010) ma tfissirx li, biex tiġi ddeterminata l-pensjoni tax-xjuħija tal-appellanti fil-kawża prinċipali, il-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied għandhom jiġu rregolati mir-regolament li kien japplika qabel, jiġifieri r-Regolament Nru 1408/71. Dan kollu joħroġ ċar mill-Artikolu 87(2) tar-Regolament Nru 883/2004, li japplika wkoll għar-Regolament Nru 987/2009 bis-saħħa tal-Artikolu 93 tiegħu, u jipprovdi, essenzjalment, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull perijodu rilevanti mwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004 fl-Istat Membru kkonċernat biex jiġu ddeterminati d-drittijiet miksuba skont dan l-istrument (42).
77. Fil-fehma tiegħi, b’mod ċar isegwi minn din id-dispożizzjoni li, fil-kawża prinċipali, l-appellanti ma tistax tistenna b’mod leġittimu li s-sitwazzjoni l-imgħoddija tagħha għandha tiġi rregolata mir-Regolament Nru 1408/71 u mill-ġurisprudenza adottata marbuta miegħu. Għaldaqstant, filwaqt li l-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 987/2009, il-kwistjoni dwar liema leġiżlazzjoni tal-Istat Membru għandha tapplika għal tali perijodi għandha tiġi solvuta skont l-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament biss.
4. Konklużjoni fuq l‑ewwel domanda
78. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel domanda kif ġej: f’sitwazzjoni fejn ir-Regolament Nru 987/2009 japplika ratione temporis, id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jitlobx li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu persuna kienet impjegata jew taħdem għal rasha, jieħu inkunsiderazzjoni perijodu ta’ trobbija tal-ulied imwettaq minn din l-istess persuna fi Stat Membru ieħor daqslikieku l-wild kien trabba fit-territorju tiegħu stess, sakemm fis-sitwazzjoni inkwistjoni ma jkunux ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009.
79. Jekk, kuntrarjament għal dak li qiegħed nipproponi, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li s-soluzzjoni ġudizzjarja fil-kawża Reichel-Albert għandha tibqa’ applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali biex b’hekk l-Awstrija jkollha tapplika l-leġiżlazzjoni tagħha għal perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fi Stati Membri oħra anki jekk l-ambitu tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma jkunx jaqbel għalkollox għalihom, għandi nżid li, fil-fehma tiegħi, dan ikun biss possibbli jekk ikunu ġew osservati żewġ rekwiżiti.
80. L-ewwel, kif indikajt fit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jkun hemm “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” bejn il-perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B u l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni mwettqa mill-applikant fl-Istat Membru A għall-pensjoni tax-xjuħija. Kif il-Kummissjoni ġustament qiegħda tissuġġerixxi, ma jistax ikun hemm rabta bħal din sakemm l-applikant ma jistabbilixxix, bħala minimu, li l-Istat Membru A kien l-aħħar Stat Membru ta’ impjieg tiegħu qabel ma jkun beda jrabbi lil ulied. Madankollu, anki fejn dak ikun il-każ, wieħed xorta waħda għandu jeżamina jekk rabta bħal din tkunx “biżżejjed mill-qrib”.
81. Dwar dan il-punt, il-PVA osservat, fil-fehma tiegħi, ġustament, li s-sitwazzjoni tal-appellanti fil-kawża prinċipali u dik ta’ Reichel-Albert fil-kawża eponimika huma, sa ċertu punt, differenti. Fil-kawża Reichel-Albert, il-Qorti tal-Ġustizzja dehret li kienet tat importanza sinjifikattiva lill-fatt li Reichel-Albert, fiż-żmien meta twieldet l-ewwel tarbija tagħha, kienet waqfet taħdem għal xi żmien u, biss għal raġunijiet marbuta mal-familja, stabbilixxiet il-post tar-residenza tagħha fil-Belġju (43). Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, it-tluq tal-appellanti mill-Awstrija fl-1987 kien motivat mill-prospett li hija tkompli tistudja fir-Renju Unit. Aktarx li dak il-perijodu tranżitorju ta’ iktar edukazzjoni jagħmel ir-rabta bejn il-perijodu ta’ assigurazzjoni fl-Awstrija qabel it-twelid ta’ wliedha u l-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied fil-Belġju u fl-Ungerija iktar dgħajfa minn dik fil-kawża Reichel-Albert (44).
82. It-tieni, l-applikant għal pensjoni tax-xjuħija jkollu juri wkoll li, kieku huwa baqa’ joqgħod fl-Istat Membru A (hawnhekk, l-Awstrija), kien jittieħed inkunsiderazzjoni ż-żmien mogħti għat-trobbija ta’ wliedu. Fi kliem ieħor, l-applikant ikollu juri li, minħabba li huwa ċċaqlaq u bidel ir-residenza għal dik ta’ Stat Membru ieħor, issa effettivament jinsab f’sitwazzjoni agħar milli kieku sempliċement baqa’ fl-Istat Membru A.
B. Fuq it‑tieni domanda
83. It-tieni domanda tibni fuq ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għall-ewwel domanda. B’din id-domanda l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob gwida dwar jekk l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jitlobx lill-Istat Membru A japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu biss f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm leġiżlazzjoni dwar perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B jew ukoll f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm tali leġiżlazzjoni iżda ż-żmien mogħti għat-trobbija tal-ulied ma jitteħidx inkunsiderazzjoni in concreto minn dak l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju ssaqsi din id-domanda fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Reichel-Albert (45). F’dik il-kawża, l-Avukat Ġenerali Jääskinen iddefenda l-argument li l-Artikolu 44(2) ma japplikax jekk l-Istat Membru B ikun jipprovdi għall-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni tali perijodi. Huwa qies il-fatt li, fil-prattika, il-persuna kkonċernata ma tkunx qiegħda tibbenefika minn dak il-vantaġġ minħabba li s-sitwazzjoni personali tagħha tkun irrelevanti (46).
84. Ma nara ebda raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tasal għal konstatazzjoni differenti f’din i l-kawża. Kif stabbilit fil-punt 56iktar ’il fuq, l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandu obbligu doppju. L-ewwel, l-Istat Membru A għandu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. Dawk il-kundizzjonijiet jinkludu r-rekwiżit li l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied ma jittiħdux inkunsiderazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B. It-tieni, jekk tkun applikabbli l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A, imbagħad dak l-Istat Membru għandu jittratta tali perijodi daqslikieku kienu twettqu fit-territorju tiegħu.
85. Nammetti li l-kliem tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 huma kemxejn ambigwi minħabba li r-rekwiżit li l-perijodu kkontestat tat-trobbija tal-ulied għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru B huwa fformulat kif ġej: “Fejn, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ [Stat Membru A] ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal […]”. Kif il-qorti tar-rinviju tispjega, dan jista’ jfisser jew li tali perijodu ma jitteħidx inkunsiderazzjoni bħala prinċipju mill-Istat Membru B minħabba li dan tal-aħħar ma jkollux leġiżlazzjoni li tkopri perijodi ta’ trobbija tal-ulied, jew in concreto minħabba li, f’każ partikolari, il-persuna kkonċernata ma kinitx tista’ jkollha tali perijodu rrikonoxxut skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B.
86. Hemm, madankollu, żewġ raġunijiet li jikkonvinċuni li ma nsegwix di n it-tieni interpretazzjoni.
87. L-ewwel, ikun wisq ikkumplikat u mhux prattiku li l-awtoritajiet tal-Istat Membru A jkunu obbligati jagħmlu evalwazzjoni tal-merti tat-talba ta’ persuna skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (l-Istat Membru B) biex jiddeterminaw jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A tkunx applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ dik il-persuna. It-tieni, tali interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 tkun qiegħda potenzjalment twassal għal sitwazzjonijiet fejn persuna tkun tista’ (i) titlob quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru B li hija jkollha dritt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa f’dak l-Istat Membru skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, u (ii) jekk tali talba tfalli, tressaq il-każ tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru A u targumenta li, minħabba li t-talba tagħha quddiem l-awtoritajiet tal-Stat Membru B ma tkunx irnexxiet, l-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament ifisser li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A tista’ tkun applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha.
88. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni ma ġietx adottata biex applikanti għal pensjoni tax-xjuħija jkunu jistgħu jittantaw xortihom quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stat Membri differenti sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu wieħed ta’ trobbija tal-ulied. Kif indikat fil-punt 64 iktar ’il fuq, l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jnaqqax eċċezzjoni għar-regoli ta’ kompetenza msemmija fit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 biex l-Istat Membru li ma jkunx għadu kompetenti skont tali regoli (l-Istat Membru A) isir responsabbli għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ trobbija tal-ulied imwettqa fi Stat Membru ieħor (l-Istat Membru B). L-għan ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex li kemm il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A kif ukoll dik tal-Istat Membru B jispiċċaw ikunu applikabbli għall-istess perijodu ta’ trobbija tal-ulied, iżda pjuttost li, f’sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru B ma jkollux leġiżlazzjoni li b’mod ġenerali tkun tipprevedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ trobbija tal-ulied, l-Istat Membru A jkun jeħtieġlu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għas-sitwazzjoni partikolari attwali.
89. Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet hawn iktar ’il fuq li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru A ma jkunx jeħtieġlu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal perijodu partikolari ta’ trobbija tal-ulied f’ċirkustanzi li fihom l-Istat Membru B (l-Istat Membru kompetenti skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004) jipprovdi, bħala prinċipju, li jittieħed inkunsiderazzjoni tali perijodu. Għalhekk, jekk il-Belġju u l-Ungerija kellhom (f’Ottubru 2017) regola jew dispożizzjoni ġenerali fis-seħħ li kienet tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni ż-żmien iddedikat għat-trobbija tal-ulied – ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina – allura, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-PVA ma tkunx jeħtiġilha tapplika l-leġiżlazzjoni Awstrijaka għall-perijodi kkontestati ta’ trobbija tal-ulied.
V. Konklużjoni
90. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari u mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej:
– F’sitwazzjoni fejn ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali japplika ratione temporis, id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jitlobx li Stat Membru jieħu inkunsiderazzjoni perijodu ta’ trobbija tal-ulied imwettaq minn persuna fi Stat Membru ieħor, jekk l-istess persuna tkun qabel ġiet impjegata jew ħadmet għal rasha fit-territorju tiegħu, daqslikieku dak il-wild kien trabba fit-territorju ta’ dak l-Istat stess, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament fis-sitwazzjoni inkwistjoni.
– Il-fatt li tali perijodu jittieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlazzjoni iżda li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-prattika, fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwistjoni, fl-Istat Membru li jkun kompetenti skont it-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2009 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali, fih innifsu ma jaffettwax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009.