Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2024 mir-Repubblika Ċeka mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fis-6 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-48/22, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-140/24 P)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Appellant: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, J. Vláčil, J. Očková u J. Benešová, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv u tal-parti korrispondenti tas-sentenza fil-Kawża T-48/22;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2020 sa fejn teskludi l-ispejjeż li jammontaw għal EUR 25 596 118.58;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tmien aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 1 b’rabta mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 2 . Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li meta jsir il-kontroll dwar jekk il-persuna li titlob l-għajnuna għandhiex l-istatus ta’ bidwi attiv, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kumpanniji relatati. Effettivament, tali rekwiżit ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-kunċett ta’ gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi huwa strettament ibbażat fuq id-definizzjoni ta’ bidwi ddeterminat fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013 u għalhekk jirreferi għall-organizzazzjoni ta’ bdiewa li tieħu l-forma prevista fid-dritt nazzjonali bl-esklużjoni tal-kumpanniji relatati.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 b’rabta mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li biex tikkonfuta l-preżunzjoni negattiva dwar l-istatus ta’ bidwi attiv ma jistax jiġi applikat l-istess kriterju bil-għan li jintwera li tali attività tal-bidwi li qed jitlob l-għajnuna ma hijiex ta’ natura marġinali u li din tikkostitwixxi l-attività ekonomika prinċipali tiegħu jew l-għan prinċipali tal-attività tiegħu, anki jekk il-kontenut ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jikkoinċidi u r-Regolament Nru 630/2014 1 jipprovdi espressament il-possibbiltà għall-applikazzjoni ta’ kriterji alternattivi, fejn l-unika limitazzjoni hija jekk il-kriterju magħżul jippermettix li jintwera li tali attività ta’ bidwi li qed jitlob l-għajnuna hijiex ta’ natura esklużivament marġinali.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti billi kkonkludiet li r-Repubblika Ċeka naqset milli turi n-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni finanzjarja imposta b’rabta mal-prova tal-istatus ta’ bidwi attiv anki jekk il-provi annessi minnha stess fl-appell juru mod ieħor.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 b’rabta mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, mal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru  908/2014 1 . Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti peress li meta tat id-deċiżjoni tagħha ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-korrezzjoni finanzjarja relatata mal-mergħat permanenti ġiet imposta kuntrarjament għall-konstatazzjoni magħmula mill-istess Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 b’rabta mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikolu 34 tar-Regolment Nru 908/2014. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li t-termini previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014 ma japplikawx biss għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni bil-għan tad-determinazzjoni tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja iżda wkoll għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. B’dan il-mod hja limitat id-dritt tal-Istat Membru għal stħarriġ ġudizzjarju tal-kwistjoni dwar jekk jeżistix ksur tad-dritt tal-Unjoni jew le, li huwa rekwiżit neċessarju għall-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013. Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi kkonkludiet li, matul l-investigazzjoni ta’ verifika AA/2017/010/CZ ir-Repubblika Ċeka ma pproduċietx prova suffiċjenti tal-funzjonament korrett tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-mergħat permanenti u li din il-prova ġiet prodotta għall-ewwel darba biss fil-kuntest tal-investigazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-verifika AA/2020/012/CZ, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mir-Repubblika Ċeka fir-rikors fl-ewwel istanza li għalihom għamlet riferiment speċifiku fil-kuntest tal-motivi tagħha.

Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 b’rabta mal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1306/2013 u mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 640/2014 1 . Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-awtentikazzjoni tat-talba bis-saħħa tad-dritt Ċek li tikkonsisti fil-firma miktuba bl-idejn wara d-dekorriment tat-terminu previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 640/2014 tikkostitwixxi sottomissjoni tardiva tat-talba. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ firma miktuba bl-idejn ma huwiex kriterju ta’ ammissibbiltà tat-talba previst mid-dritt tal-Unjoni u jirriżulta biss mid-dritt nazzjonali.

It-tmien aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma vverifikatx il-korrezzjoni finanzjarja imposta b’rabta mal-approprjazzjonijiet fir-rigward tas-sistema ta’ dixxiplina finanzjarja li tirrifletti l-korrezzjonijiet finanzjarji applikati għad-diversi skemi ta’ għajnuna, minkejja li s-sentenza appellata annullat parti sinjifikattiva tal-korrezzjoni finanzjarja imposta għad-diversi skemi ta’ għajnuna. Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni neċessarja biex tiddetermina preċiżament l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja b’rabta mal-appoġġ akkoppjat volontarju (VCS), filwaqt li l-provi prodotti f’anness mar-rikors juru mod ieħor.

____________

1 Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

1 Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

1 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1).

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25).

1 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48).