Language of document : ECLI:EU:T:2022:404

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla Estiża)

29 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea La Irlandesa 1943 – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali – Data rilevanti għall-eżami ta’ raġuni assoluta ta’ invalidità – Trade mark ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku – Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Mala fide – Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑306/20,

Hijos de Moisés Rodríguez González, SA, stabbilita fi Las Palmas de Gran Canaria (Spanja), irrappreżentata minn J. García Domínguez, avukat,

rikorrenti,

vs

LUffiċċju talProprjetà Intellettwali talUnjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, D. Hanf u E. Markakis, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO, hija

LIrlanda,

u

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Ornua Co-operative Ltd, stabbilita fi Dublin (L-Irlanda), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri u A. Sanz Cerralbo, avukati,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla Estiża),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz (Relatur), C. Iliopoulos u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑3 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Hijos de Moises Rodríguez González, SA, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑2 ta’ Marzu 2020 (Każ R 1499/2016-G) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fis‑6 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

4        Fit‑3 ta’ Jannar 2014, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ġiet irreġistrata għal prodotti li ġejjin li jaqgħu fil-klassi 29 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat: “Laħam, ħut, tjur domestiku u selvaġġ; estratti tal-laħam; frott u ħxejjex ippreservati, iffriżati, imqadda u msajra; ġeli, ġammijiet, frott frisk jew imnixxef mgħolli biz-zokkor; bajd; ħalib u prodotti tal-ħalib; xaħmijiet u żjut li jittieklu”.

5        Fis‑7 ta’ Jannar 2015, l-Irlanda u l-intervenjenti, Ornua Co-operative (li l-isem tagħha kien preċedentement Irish Dairy Board Co-operative Ltd), ressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq.

6        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità allegat li t-trade mark kellha natura qarrieqa skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 59(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament 2017/1001) u li r-reġistrazzjoni tagħha kienet intalbet in mala fide fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi. Hija qieset li l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx applikabbli sa fejn il-miżura jew in-natura qarrieqa tat-trade mark ikkontestata kellha tiġi stabbilita fid-data tal-preżentata tagħha. F’dan il-każ, kull qerq eventwali jirriżulta mill-użu ta’ din it-trade mark wara t-tmiem tal-ftehim kummerċjali konkluż bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti, li kien fis-seħħ mill‑1967 sal‑2011. Issa, tali sitwazzjoni hija speċifikament imsemmija mir-raġuni ta’ revoka prevista fl-Artikolu 51(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament 2017/1001). Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet ukoll l-argument imqajjem skont l-Artikolu 52(1)(b) ta’ dan ir-regolament, billi qieset li ebda konklużjoni dwar il-mala fide ma setgħet tinsilet mill-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet ippreżentata wara l-waqfien tar-relazzjoni kummerċjali mal-intervenjenti.

8        Fit‑12 ta’ Awwissu 2016, l-Irlanda u l-intervenjenti ppreżentaw rikors quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2017, il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell bagħat il-każ quddiem il-Bord tal-Appell Estiż.

10      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO qies li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark ikkontestata kienet użata b’mod qarrieqi. Huwa kkonstata wkoll li r-reġistrazzjoni tagħha kienet intalbet b’mala fide. Konsegwentement, huwa annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata.

 Talbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

12      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      L-Irlanda ma ppreżentatx nota bħala risposta u għalhekk ma għamlet l-ebda talba f’din il-kawża.

 Fiddritt

14      Fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri s‑6 ta’ Awwissu 2013, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-każ huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Univers Agro vs EUIPO – Shandong Hengfeng Rubber & Plastic (AGATE), T‑592/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:633, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Qx World vs EUIPO – Mandelay (EDUCTOR), T‑84/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:555, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-kawża preżenti hija rregolata mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament 2017/1001.

15      Konsegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, ir-riferimenti għall-Artikolu 59(1)(a) u (b) u għall-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament 2017/1001 magħmula mill-Bord tal-Appell Estiż fid-deċiżjoni kkontestata u mill-partijiet fl-istanza għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-Artikolu 52(1)(a) u (b) u għall-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, b’kontenut identiku.

 Fuq iddokumenti prodotti għallewwel darba quddiem ilQorti Ġenerali

16      L-EUIPO u l-intervenjenti jinvokaw l-inammissibbiltà tal-Annessi A.6 sa A.8 tar-rikors. Huma jsostnu li dawn l-annessi jinkludu dokumenti li qatt ma ġew ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem l-EUIPO u li għalhekk għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita, jiġu ddikjarati inammissibbli.

17      Għandu jiġi kkonstatat, kif isostnu l-EUIPO u l-intervenjenti, li l-Annessi A.6 sa A.8 tar-rikors ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. L-Annessi A.6 u A.7 jinkludu dokumenti dwar spejjeż ta’ reklamar kif ukoll ċerti fatturi u data dwar il-bejgħ annwali taħt it-trade mark ikkontestata. Dawn huma intiżi sabiex jipprovaw il-portata tas-sehem tas-suq u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark fil-Gżejjer Kanarji (Spanja) kif ukoll il-karattru distintiv miksub minnha. L-Anness A.8 jikkonsisti f’dikjarazzjoni ġuramentata ta’ wieħed mir-rappreżentanti tar-rikorrenti, bid-data tal‑15 ta’ Mejju 2020, jiġifieri wara d-deċiżjoni kkontestata li ngħatat fit‑2 ta’ Marzu 2020.

18      Dawn id-dokumenti, prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex jistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2017/1001, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu skartati mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Marzu 2016, Karl-May-Verlag vs UASI – Constantin Film Produktion (WINNETOU), T‑501/13, EU:T:2016:161, punt 17).

 Fuq ilmertu

 Osservazzjonijiet preliminari fuq il-motivi mqajma mir-rikorrenti u fuq l-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata

19      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade marks ta’ natura li jqarrqu bil-pubbliku, u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tal-istess regolament, peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-applikazzjonijiet għal trade marks ippreżentati in mala fide.

20      Id-deċiżjoni kkontestata tibbaża r-raġunament tagħha fuq żewġ pilastri, li jikkorrispondu għall-ewwel u għat-tieni motivi.

21      Peress li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni huwa bbażat fuq diversi punti ta’ raġunament li kull wieħed minnhom huwa biżżejjed, waħdu, sabiex jiġġustifika dan id-dispożittiv, dan l-att għandu jiġi annullat biss, bħala prinċipju, jekk kull wieħed minn dawn l-argumenti huwa vvizzjat b’illegalità. F’dan il-każ, żball jew illegalità oħra li taffettwa biss wieħed mill-punti tar-raġunament ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li dan l-iżball ma setax ikollu influwenza determinanti fir-rigward tad-dispożittiv adottat mill-istituzzjoni awtriċi ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Jareš Procházková u Jareš vs EUIPO – Elton Hodinářská (MANUFACTURE PRIM 1949), T‑656/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:17, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, Vinos de Arganza vs EUIPO – Nordbrand Nordhausen (ENCANTO), T‑239/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:12, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi annullata biss jekk iż-żewġ punti tar-raġunament tal-Bord tal-Appell Estiż huma vvizzjati b’illegalità.

23      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, qabel ma ddetermina jekk it-trade mark ikkontestata kinitx qarrieqa u jekk kinitx ġiet ippreżentata b’mala fide, il-Bord tal-Appell Estiż eżamina l-karatteristiċi intrinsiċi tagħha, peress li dawn servew bħala bażi għar-raġunament stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandu l-ewwel jiġi vverifikat jekk dan l-eżami twettaqx korrettament, qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq iż-żewġ motivi ppreżentati mir-rikorrenti.

 Fuq ilkwalitajiet intrinsiċi tattrade mark ikkontestata u fuq il-prodotti koperti minnha

24      Il-Bord tal-Appell Estiż ikkonstata li t-trade mark ikkontestata kienet sinjal figurattiv, kompost mill-kliem “la” u “irlandesa”, f’karattri bojod fuq tikketta ħadra inkwadrata bl-isfar u li tinkludi, taħt dawn il-kliem, disinn fl-isfar ukoll u l-inklużjoni ta’ “1943” f’ittri żgħar.

25      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell Estiż ikkonkluda mill-fatt li l-kliem li jinsabu fit-trade mark kienu Spanjoli li l-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur medju li jitkellem bl-Ispanjol li għalih il-prodotti inkwistjoni, jiġifieri prodotti tal-ikel li jaqgħu fil-klassi 29, kienu intiżi. Fil-fehma tiegħu, l-element verbali tat-trade mark ikkontestata kien l-element dominanti u kien ifisser b’mod ċar, għal dan il-konsumatur, li xi ħadd (mara) jew xi ħaġa kienet ta’ oriġini Irlandiża.

26      Il-Bord tal-Appell Estiż żied li kien magħruf li l-kulur aħdar kien użat sabiex jirrappreżenta lill-Irlanda, pereżempju waqt festivitajiet internazzjonali bħalma huma dawk ta’ San Patrizju. Huwa nnota li l-Irlanda kienet magħrufa bl-isem “gżira ta’ Émeraude”, b’referenza għall-ħdura tal-pajsaġġi tagħha. Huwa kkonkluda li dan il-kulur jikkonferma l-perċezzjoni tal-pubbliku li l-prodotti bit-trade mark ikkontestata huma ta’ oriġini Irlandiża, u dan iktar u iktar peress li dawn il-prodotti kienu prodotti tal-ikel li setgħu jiġu prodotti fl-Irlanda u li wħud minnhom, bħal-laħam, il-ħut u l-butir, kienu magħrufa għall-kwalità tagħhom jekk kienu ta’ oriġini Irlandiża.

27      Ebda element ma jwassal sabiex tiġi kkontestata l-analiżi tal-Bord tal-Appell Estiż fir-rigward tal-karatteristiċi intrinsiċi tat-trade mark ikkontestata u dwar it-tifsira tagħha għall-pubbliku rilevanti.

28      Fil-fatt, minħabba d-daqs relattiv tiegħu u l-pożizzjoni ċentrali tiegħu, l-element verbali jiddomina fit-trade mark ikkontestata, b’mod partikolari fir-rigward tal-inklużjoni ta’ “1943” li, hija, f’ittri żgħar. Huwa jiddomina wkoll fir-rigward tad-disinn isfar li jinsab immedjatament taħtu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta trade mark tkun komposta minn elementi verbali u figurattivi, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, dawk tal-ewwel għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li huma iktar distintivi mit-tieni, għaliex il-konsumatur medju jagħmel riferiment għall-prodott inkwistjoni iktar faċilment billi jgħid l-isem minflok joqgħod jispjega l-element figurattiv tat-trademark (ara is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2015, Cosmowell vs UASI – Haw Per (GELENKGOLD), T‑599/13, EU:T:2015:262, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Mejju 2021, Grangé u Van Strydonck vs EUIPO – Nema (âme), T‑442/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:237, punt 38).

29      Ir-rikorrenti ammettiet fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali li hija kienet taqbel ma’ dawk li talbu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-inqas għat-tifsiriet li ġejjin tal-element verbali “La Irlandesa” tat-trade mark ikkontestata: “persuna li toriġina mill-Irlanda, il-pajjiż ta’ l-Irlanda” jew “mara Irlandiża”, l-artikolu definit femminili “la” jiżdied ma’ dawn il-kliem. Hija tosserva li d-dizzjunarju tal-lingwa Spanjola tal-Akkademja Irjali Spanjola u d-dizzjunarju Collins tal-lingwa Ingliża jinkludu t-tnejn li huma dawn it-tifsiriet, li huma, fil-fehma tagħha, dawk rilevanti f’din il-kawża.

30      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-element verbali dominanti tat-trade mark ikkontestata għandu tali tifsira bl-Ispanjol, li jsostni l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell Estiż skont liema dan l-element jindika b’mod ċar, għall-konsumatur medju li jitkellem bl-Ispanjol, oriġini Irlandiża.

31      Fir-rigward tal-kulur aħdar ippreżentat fit-trade mark ikkontestata, għandu jitfakkar li l-fatti magħrufa huma ddefiniti bħala fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Monolith Frost vs EUIPO – Dovgan (PLOMBIR), T‑830/16, EU:T:2018:941, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Ġunju 2020, Louis Vuitton Malletier vs EUIPO – Wisniewski (Rappreżentazzjoni ta’ disinn ta’ chequerboard), T‑105/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:258, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-Bord tal-Appell Estiż ikkonstata ġustament li kien magħruf li l-kulur aħdar kien użat sabiex jirrappreżenta lill-Irlanda. Huwa spjega b’mod konvinċenti li dan il-kulur kellu dan ir-rwol waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-festa Irlandiża ta’ San Patrizju u li l-Irlanda kienet magħrufa bl-isem ta’ “gżira ta’ Émeraude”, b’referenza għall-ħdura tal-pajsaġġi tagħha.

33      Dan ir-rwol ta’ rappreżentazzjoni tal-Irlanda fil-kulur aħdar, għalkemm mhux neċessarjament jista’ jkun magħruf minn kulħadd, jista’ madankollu jkun magħruf minn sorsi ġeneralment aċċessibbli.

34      F’dan ir-rigward, fir-rikors, ir-rikorrenti tirreferi għal argument li hija ressqet quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, skont liema l-kulur aħdar kien biss element ta’ “logħba evokattiva tas-sinjal [ikkontestata] bil-frisk (mergħat ħodor) u x-xemx (safra)”. Madankollu, dan l-argument ma jistax jirnexxi, għaliex, anki jekk jitqies li l-kulur aħdar għandu tali rwol, ma jikkontradixxix il-fatt magħruf ikkonstatat mill-Bord tal-Appell Estiż skont liema dan il-kulur kien jirrappreżenta l-Irlanda. B’żieda ma’ dan, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta l-eżattezza ta’ dan il-fatt magħruf.

35      Barra minn hekk, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-kwalità ġenerali tal-prodotti provenjenti mill-Irlanda, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti lanqas ma kkontestat li dan il-pajjiż kien jipproduċi laħam, ħut u prodotti tal-ħalib, peress li dawn it-tliet tipi ta’ prodotti huma koperti mit-trade mark ikkontestata.

36      Konsegwentement, fid-dawl tal-element verbali dominanti “La Irlandesa” u tat-tifsira tiegħu għall-pubbliku rilevanti, ikkonfermata mill-kulur aħdar ta’ madwarha, il-Bord tal-Appell Estiż ġustament ikkonkluda li, meta t-trade mark ikkontestata kienet imwaħħla fuq il-prodotti li hija kienet tkopri, mingħajr indikazzjoni oħra, il-konsumaturi li jitkellmu bl-Ispanjol jistabbilixxu mal-ewwel daqqa ta’ għajn u mingħajr riflessjoni ulterjuri rabta diretta bejn it-tifsira ta’ dan l-element verbali u kwalità ta’ dawn il-prodotti, jiġifieri l-oriġini ġeografika tagħhom, u li, billi jaraw it-trade mark imwaħħla fuq dawn il-prodotti, huma għalhekk jemmnu li dawn tal-aħħar joriġinaw mill-Irlanda.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ilksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009

37      Dan l-ewwel motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel, fir-rigward tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell Estiż talli applika għal proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità l-kundizzjonijiet applikabbli għall-raġunijiet ta’ revoka. Sussegwentement, permezz tat-tieni parti, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009. Fl-aħħar, fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel motiv, hija tqis li l-Bord tal-Appell Estiż kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv miksub tat-trade mark ikkontestata.

38      Hemm lok li qabel kollox tiġi eżaminata t-tielet parti tal-ewwel motiv, imbagħad għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tieni partijiet tiegħu.

–       Fuq ittielet parti talewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell Estiż kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv miksub tat-trade mark ikkontestata

39      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell Estiż li ma ħax inkunsiderazzjoni ċerti elementi li jindikaw li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv maż-żmien. F’dan ir-rigward, hija tinvoka t-tul ta’ żmien tal-użu tat-trade mark, mingħajr interruzzjoni mill‑1967, il-fatt li hija kienet l-unika waħda li użat din it-trade mark fi Spanja u s-sehem kbir tas-suq tal-butir li hija żammet għal żmien twil fil-Ġżejjer Kanarji taħt l-istess trade mark.

40      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

41      Għandu jiġi kkonstatat, kif jirrileva ġustament l-EUIPO, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 li jittrattaw il-karattru distintiv miksub minn trade mark minħabba l-użu tagħha, bħala eċċezzjoni għal ċerti raġunijiet assoluti għal rifjut jew għal invalidità, ma japplikawx għat-trade marks meqjusa bħala qarrieqa. Fil-fatt, la l-Artikolu 7(3) u lanqas l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 59(2) tar-Regolament 2017/1001) ma jagħmlu riferiment għall-Artikolu 7(1)(g) tal-istess regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu biss għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d), ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 2017/1001).

42      Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

–       Fuq lewwel parti talewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell Estiż ma kellux japplika għal proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità l-kundizzjonijiet applikabbli għallraġunijiet ta’ revoka, u fuq it-tieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata talArtikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009

43      Skont l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinnota li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tat-trade marks tiddistingwi bejn raġunijiet ta’ invalidità u raġunijiet ta’ revoka. Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell Estiż applika b’mod żbaljat għal proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità r-regoli dwar ir-revoka, li joħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.

44      Ir-rikorrenti tirrileva li proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jeħtieġu analiżi fid-data tal-preżentata tat-trade mark, li tirrigwarda b’mod partikolari n-natura tagħha, l-elementi li jiffurmawha u l-prodotti li hija tkopri, filwaqt li proċedimenti għal revoka jimplikaw li jiġi eżaminat l-użu tat-trade mark mill-proprjetarju tagħha wara r-reġistrazzjoni tagħha. Il-Bord tal-Appell Estiż wettaq l-iżball li jiġġustifika l-invalidità tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-użu wara r-reġistrazzjoni tagħha, minflok ma bbaża ruħu fuq id-data tal-preżentata.

45      Skont ir-rikorrenti, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet qieset ġustament li l-persuni li jitolbu dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu fittxew li jistabbilixxu n-natura qarrieqa tat-trade mark ikkontestata billi bbażaw ruħhom fuq atti ferm sussegwenti għall-preżentata tagħha quddiem l-EUIPO, li dawn l-atti setgħu jkunu rilevanti fi proċedimenti ta’ revoka, iżda mhux fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u li, fid-data rilevanti tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma kinitx teżisti kontradizzjoni manifesta bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti li hija kienet tkopri, u dan kien jeskludi kull natura qarrieqa.

46      Ir-rikorrenti tosserva li l-użu onest tat-trade mark ikkontestata għandu jiġi preżunt, ħlief fil-każ ta’ prova kuntrarja, li għandha tikkorrispondi għad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u mhux biss għall-użu li sar minnha sussegwentement mill-proprjetarju.

47      B’risposta għall-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti, l-EUIPO jsostni li, konformement mad-dritt applikabbli, il-Bord tal-Appell Estiż eżamina t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi bbaża ruħu fuq id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark ikkontestata. Skont l-EUIPO, din it-trade mark hija intrinsikament qarrieqa, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuluri tagħha, tal-elementi figurattivi tagħha u tar-reputazzjoni tal-Irlanda għall-prodotti agrikoli koperti mit-trade mark ikkontestata. Fl-assenza ta’ limitazzjoni espliċita tal-lista ta’ dawn il-prodotti għal dawk ta’ oriġini Irlandiża, it-trade mark ikkontestata tqarraq bil-pubbliku rilevanti f’dak li jirrigwarda l-oriġini ġeografika tagħhom. Il-provi prodotti wara l-applikazzjoni għal trade mark, bħall-katalgu tal‑2014, sempliċement jikkonfermaw l-evalwazzjoni li l-Bord tal-Appell Estiż wettaq meta bbaża ruħu, kif kellu jagħmel, fuq id-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata.

48      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, l-argumenti tal-intervenjenti jaqblu, essenzjalment, ma’ dawk tal-EUIPO.

49      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tosserva li r-rabta tat-trade mark ikkontestata mal-Irlanda ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tan-natura tal-prodotti jew tal-oriġini ġeografika tagħhom, peress li s-sinjal huwa pperċepit bħala evokatur, b’mod partikolari minħabba l-fatt li jinkludi elementi diġitali u figurattivi. Is-sinjal huwa għalhekk ipperċepit bħala trade mark u mhux bħala l-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika.

50      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din hija bbażata fuq deċiżjonijiet preċedenti tal-Oficina Española de Patentes y Marcas (l-Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u tat-Trade Marks) li ċaħdu l-applikazzjonijiet simili għal trade marks li jinkludu l-element “la irlandesa” ppreżentati mir-rikorrenti, kif ukoll fuq deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO li tiddikjara l-invalidità ta’ tali trade mark. Skont ir-rikorrenti, dawn id-deċiżjonijiet jikkonċernaw trade marks li huma differenti u li kienu jindikaw preċiżament il-butir, f’ċerti każijiet ukoll il-prodotti tal-ħalib, filwaqt li t-trade mark ikkontestata f’din il-kawża tindika l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 29 fl-intier tagħha.

51      B’risposta għat-tieni parti tal-ewwel motiv, l-EUIPO jqis li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat karattru evokattiv tat-trade mark ikkontestata ma jikkonvinċix. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet preċedenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, l-EUIPO jwieġeb lir-rikorrenti li dawn kienu rilevanti fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti u li l-Bord tal-Appell Estiż seta’ leġittimament jirreferi għalihom sabiex jikkonferma l-konklużjonijiet tiegħu stess.

52      Fir-rigward tal-intervenjenti, hija essenzjalment taqbel mal-argumenti tal-EUIPO fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv.

53      Għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, l-invalidità tat-trade mark tiġi ddikjarata meta din tkun ġiet irreġistrata minkejja li tkun ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku, pereżempju fir-rigward tan-natura, tal-kwalità jew tal-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz.

54      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-unika data rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark ikkontestata (digrieti tal‑24 ta’ Settembru 2009, Bateaux mouches vs UASI, C‑78/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:584, punt 18, u tat‑23 ta’ April 2010, UASI vs Frosch Touristik, C‑332/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:225, punt 41). Madankollu, il-ġurisprudenza taċċetta t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ elementi prodotti wara din id-data, bil-kundizzjoni li dawn jikkonċernaw is-sitwazzjoni fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2009, Frosch Touristik vs UASI – DSR touristik (FLUGBÖRSE), T‑189/07, EU:T:2009:172, punti 19 u 28).

55      Il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 jippreżupponu li wieħed jista’ jikkonkludi li jeżisti qerq effettiv jew ta’ riskju suffiċjentement serju ta’ qerq tal-konsumatur (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Alpirsbacher Klosterbräu Glauner vs EUIPO (Klosterstoff), T‑844/16, EU:T:2017:759, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      L-evalwazzjoni tar-raġuni msemmija fl-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 tista’ ssir biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni tat-trade mark mill-pubbliku rilevanti (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, Safe Skies vs EUIPO – Travel Sentry (TSA LOCK), T‑60/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:164, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 jimplika indikazzjoni suffiċjentement speċifika tal-karatteristiċi potenzjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark. Huwa biss meta l-konsumatur ikkonċernat ikun imwassal jemmen li l-prodotti u s-servizzi għandhom ċerti karatteristiċi, li fil-verità ma jkollhomx, li huwa mqarraq mit-trade mark (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Khadi and Village Industries Commission vs EUIPO – BNP Best Natural Products (Khadi Ayurveda), T‑683/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:860, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001), l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix irreġistrata japplikaw biss f’parti tal-Unjoni.

59      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell Estiż l-ewwel eżamina l-karatteristiċi intrinsiċi tat-trade mark ikkontestata, sabiex jistabbilixxi s-sens tiegħu għall-pubbliku rilevanti, fid-dawl tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark. Huwa qies li, billi raw it-trade mark ikkontestata mwaħħla fuq il-prodotti inkwistjoni, il-konsumaturi li jitkellmu bl-Ispanjol jaħsbu li kienu ġejjin mill-Irlanda.

60      Il-Bord tal-Appell Estiż iddeduċa minn din l-analiżi tat-trade mark ikkontestata li, “diġà fil-mument tal-preżentata tagħha”, din kienet qarrieqa għall-pubbliku rilevanti. Sabiex “jikkonferma” din il-konklużjoni, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mill-persuni li ressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, b’mod partikolari deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO tal‑25 ta’ Settembru 2002, li kienet iddikjarat l-invalidità ta’ trade mark li tinkludi l-element “la irlandesa” simili għat-trade mark ikkontestata. Il-provi kienu wkoll ikkostitwiti mill-elementi li ġejjin, prodotti wara d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark:

–        il-katalgu online tar-rikorrenti, tal‑2014;

–        ritratti ta’ prodotti tal-ikel li għandhom it-trade mark ikkontestata, immanifatturati fl‑2016 u mixtrija fi Spanja fl-istess sena.

61      Skont il-Bord tal-Appell Estiż, minn dawn il-provi jirriżulta, b’mod partikolari mill-informazzjoni dwar l-ippakkjar tal-prodotti u t-tikketti tagħhom, b’ittri żgħar ħafna jew fil-forma ta’ kodiċijiet ta’ pajjiżi jew ta’ numri marbuta mal-iġene tagħhom, li dawn il-prodotti kienu ġew immanifatturati f’pajjiżi oħra minbarra l-Irlanda. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Bord tal-Appell Estiż ir-rikorrenti ammettiet li t-trade mark ikkontestata “ma [kinitx] limitata biss għall-prodotti li joriġinaw mill-Irlanda”.

62      Il-Bord tal-Appell Estiż invoka wkoll deċiżjonijiet ġudizzjarji Spanjoli u deċiżjoni tal-Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u tat-Trade Marks, kollha preċedenti għad-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, sabiex “jikkonfermaw” in-natura qarrieqa tagħha.

63      Għandu jiġi nnotat li l-Artikoli 52 sa 54 tar-Regolament Nru 207/2009 (l-Artikoli 53 u 54 saru l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament 2017/1001) jirregolaw ir-raġunijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li dispożizzjoni distinta, l-Artikolu 51 tal-imsemmi regolament, jikkonċerna r-raġunijiet għal revoka.

64      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li n-natura qarrieqa ta’ trade mark tikkostitwixxi raġuni assoluta ta’ invalidità tagħha skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 u, barra minn hekk, raġuni ta’ revoka skont l-Artikolu 51(1)(c) tal-imsemmi regolament.

65      Issa, l-Artikolu 51(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi espliċitament li n-natura qarrieqa ta’ trade mark irreġistrata, li tiġġustifika li l-proprjetarju tagħha jiġi ddikjarat revokat mid-drittijiet tiegħu, tirriżulta mill-użu li jsir minnha, filwaqt li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tal-imsemmi regolament, li huma invalidi minħabba invalidità tat-trade mark li ġiet irreġistrata minkejja n-natura qarrieqa tagħha, ma jinkludux riferiment għal tali użu.

66      Minn dak li ntqal jirriżulta li, bħala prinċipju, l-eżami ta’ applikazzjoni għal revoka fis-sens tal-Artikolu 51(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jitlob it-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu effettiv tat-trade mark, u għalhekk ta’ elementi prodotti wara l-preżentata tagħha, filwaqt li dan ma huwiex il-każ għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, l-eżami ta’ tali talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jeħtieġ li jiġi stabbilit li s-sinjal ippreżentat għall-finijiet tar-reġistrazzjoni bħala trade mark kien fih innifsu ta’ natura li jqarraq lill-konsumatur fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, peress li l-ġestjoni ulterjuri tal-imsemmi sinjal hija irrilevanti (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punti 55 u 56).

67      Dan il-prinċipju huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza li tipprovdi li l-unika data rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark ikkontestata (digrieti tal‑24 ta’ Settembru 2009, Bateaux mouches vs UASI, C‑78/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:584, punt 18, u tat‑23 ta’ April 2010, UASI vs Frosch Touristik, C‑332/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:225, punt 41) u skont liema elementi prodotti wara d-data tal-applikazzjoni għal trade mark jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss bil-kundizzjoni li huma jikkonċernaw is-sitwazzjoni f’din id-data (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2009, FLUGBÖRSE, T‑189/07, EU:T:2009:172, punti 19 u 28).

68      Fi kliem ieħor, fil-qasam ta’ invalidità, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk it-trade mark kellhiex tiġi rreġistrata, ab initio, għal raġunijiet diġà eżistenti fid-data tal-applikazzjoni għal trade mark, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi prodotti wara jistgħu jservu biss sabiex jiċċaraw iċ-ċirkustanzi kif kienu jeżistu f’din id-data.

69      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Bord tal-Appell Estiż iddeċieda ġustament li jiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata minħabba li din kienet ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku dwar l-oriġini ġeografika tal-prodotti inkwistjoni.

70      Kif ġie kkonstatat fil-punt 36 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell Estiż ikkunsidra korrettament li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala li tindika li l-prodotti koperti minnha għandhom oriġini Irlandiża.

71      Min-naħa l-oħra, kif tosserva ġustament ir-rikorrenti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell Estiż kellu jivverifika jekk, fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kienx hemm kontradizzjoni bejn l-informazzjoni mogħtija mit-trade mark ikkontestata u l-karatteristiċi tal-prodotti indikati fl-imsemmija applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Caffè Nero Group vs EUIPO (CAFFÈ NERO), T‑29/16, mhux ippubblikata, EU:T:2016:635, punti 45 sa 50, u tat‑13 ta’ Mejju 2020, SolNova vs EUIPO – Canina Pharma (BIO-INSECT Shocker), T‑86/19, EU:T:2020:199, punti 70 sa 87). Issa, għandu jiġi rrilevat li l-lista tal-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata ma tinkludi ebda indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tagħhom u li għalhekk setgħet tkopri prodotti li joriġinaw mill-Irlanda. Għaldaqstant, b’differenza miċ-ċirkustanzi li dwarhom il-Qorti Ġenerali ħadet deċiżjoni fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq CAFFÈ NERO (T‑29/16, mhux ippubblikata, EU:T:2016:635) u BIO-INSECT Shocker (T‑86/19, EU:T:2020:199), f’dan il-każ ma kinitx teżisti, fid-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, kontradizzjoni bejnha u bejn il-prodotti koperti, b’tali mod li kien eskluż li jiġi kkonstatat li tali trade mark kellha natura qarrieqa f’din id-data.

72      Peress li, fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma kinitx teżisti kontradizzjoni bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti koperti minnha, il-Bord tal-Appell Estiż żbalja meta kkritika li r-rikorrenti ma llimitatx il-lista ta’ dawn il-prodotti għal dawk provenjenti mill-Irlanda. Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ tali limitazzjoni fiha ma kinitx meħtieġa mill-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 li hija intiża sabiex tipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks ta’ natura li jfixklu lill-pubbliku.

73      Barra minn hekk, peress li t-trade mark ikkontestata ma setgħetx titqies bħala qarrieqa fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fl‑2013, il-provi ulterjuri datati mill‑2014 u mill‑2016 meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell Estiż ma setgħux jikkonfermaw tali natura qarrieqa. Fid-dawl tal-proċess tal-kawża, ma ġiex stabbilit li dawn il-provi ulterjuri kienu jikkonċernaw is-sitwazzjoni fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark u, konsegwentement, il-ġurisprudenza illustrata fis-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2009, FLUGBÖRSE (T‑189/07, EU:T:2009:172), li setgħet tawtorizza t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali provi, ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.

74      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell Estiż irrileva li “ġie stabbilit — u [r-rikorrenti] ma ċaħditx — li t-trade mark kienet diġà ġiet użata qabel id-data tal-preżentata tagħha”. Madankollu, huwa ma jispjegax kif dan l-użu tat-trade mark ikkontestata, qabel il-preżentazzjoni, “ġie stabbilit” u kif tali użu preċedenti juri n-natura qarrieqa ta’ din it-trade mark.

75      Fir-rigward tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO tal‑25 ta’ Settembru 2002, kif ukoll tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji Spanjoli u ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u tat-Trade marks iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata u preċedenti għad-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, għandu jitfakkar li la l-prassi deċiżjonali tal-EUIPO u lanqas id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali ma jistgħu jorbtu lill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2012, Ella Valley Vineyards vs UASI – HFP (ELLA VALLEY VINEYARDS), T‑32/10, EU:T:2012:118, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Electrolux Home Products vs EUIPO – D. Consult (FRIGIDAIRE), T‑583/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:511, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn id-deċiżjonijiet ma jippermettux li jiġi eskluż il-kuntest ta’ analiżi stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u meħtieġ għall-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, peress li dan il-kuntest ma huwiex l-istess bħal dak applikabbli għall-eżami ta’ talba għal revoka.

76      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv ma hijiex fondata, iżda huwa fondat fl-ewwel u fit-tieni partijiet tiegħu eżaminati flimkien, peress li l-Bord tal-Appell Estiż wettaq żball fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009.

77      Dan l-iżball jaffettwa l-legalità tal-ewwel pilastru tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, hija tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk it-tieni pilastru tagħha huwa, huwa wkoll, ivvizzjat b’illegalità.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq il-ksur talArtikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

78      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell Estiż ma weriex li hija kienet in mala fide meta ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Hija tosserva li għal iktar minn 40 sena hija użat trade marks simili li jinkludu l-element “La Irlandesa”, li għadhom validi, u li l-mala fide tagħha ma tistax tiġi dedotta  mit-tmiem tar-relazzjoni kummerċjali tagħha mal-intervenjenti fl‑2011. Il-Bord tal-Appell Estiż ikkonċentra indebitament fuq eżempji ta’ kawżi jew ta’ reġistrazzjonijiet irrifjutati fir-rigward ta’ trade marks simili li jinkludu l-element “la irlandesa” u kkunsidra b’mod żbaljat bħala indizji tal-mala fide tar-rikorrenti ċerti karatteristiċi tat-trade mark ikkontestata, b’mod partikolari l-elementi figurattivi tagħha, il-kulur tagħha u l-fatt li hija tevoka oriġini ġeografika.

79      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

80      Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, l-invalidità tat-trade mark tiġi ddikjarata meta l-applikant ikun in mala fide meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għal trade mark.

81      Minn din l-istess dispożizzjoni jirriżulta li l-mument rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant huwa dak tal-preżentata, mill-interessat, tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 35). Madankollu, l-użu tat-trade mark ikkontestata jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkaratterizzata l-intenzjoni li kienet teżisti għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, inkluż użu sussegwenti għad-data ta’ din l-applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2012, Carrols vs UASI – Gambettola (Pollo Tropical CHICKEN ON THE GRILL), T‑291/09, EU:T:2012:39, punt 76; tat‑8 ta’ Mejju 2014, Simca Europe vs UASI – PSA Peugeot Citroën (Simca), T‑327/12, EU:T:2014:240, punt 48, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Holzer y Cia vs EUIPO – Annco (ANN TAYLOR u AT ANN TAYLOR), T‑3/18 u T‑4/18, EU:T:2019:357, punt 126).

82      Il-kunċett ta’ mala fide, imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, la huwa definit, la huwa delimitat u lanqas huwa deskritt b’xi mod fil-leġiżlazzjoni (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, SA.PAR. vs UASI – SALINI Costruttori (GRUPPO SALINI), T‑321/10, EU:T:2013:372, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Marzu 2017, Biernacka-Hoba vs EUIPO – Formata Bogusław Hoba (Formata), T‑23/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:149, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-ġurisprudenza, dan il-kunċett ma jistax jiġi limitat għal kategorija limitata ta’ fatti partikolari. Fil-fatt, l-għan ta’ interess ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li jiġu evitati r-reġistrazzjonijiet abbużivi ta’ trade mark jew li jmorru kontra użanzi onesti fl-industrija u fil-kummerċ, ikun kompromess jekk il-mala fide tkun tista’ tiġi pprovata biss permezz taċ-ċirkustanzi elenkati b’mod eżawrjenti (ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2021, Hasbro/EUIPO – Kreativni Dogadaji (MONOPOLY), T‑663/19, EU:T:2021:211, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Kull allegazzjoni ta’ mala fide għandha tiġi evalwata globalment, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha tal-każ (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, point 47).

84      Għalhekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tas-sinjal ikkontestat u l-użu tiegħu sa mill-ħolqien tiegħu, il-loġika kummerċjali li ntużat għall-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kronoloġija tal-avvenimenti li wasslu għall-imsemmija preżentata (ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2021, MONOPOLY, T‑663/19, EU:T:2021:211, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-applikant fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, element suġġettiv li għandu jiġi stabbilit b’referenza għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ ineżami (sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 41 u 42, u tat‑8 ta’ Marzu 2017, Formata, T‑23/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:149, punt 44). F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata l-intenzjoni tal-applikant għal trade mark hekk kif jista’ jiġi dedott miċ-ċirkustanzi oġġettivi u mill-azzjonijiet konkreti tagħha, mir-rwol tagħha jew mill-pożizzjoni tagħha, mill-għarfien li għandha fir-rigward tal-użu tas-sinjal preċedenti, mir-rabtiet ta’ natura kuntrattwali, prekuntrattwali jew postkuntrattwali li kellha mal-applikanti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, mill-eżistenza ta’ dmirijiet jew obbligi reċiproċi, u, b’mod iktar ġenerali, mis-sitwazzjonijiet oġġettivi kollha ta’ kunflitt ta’ interessi fejn l-applikant għal trade mark opera (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, GRUPPO SALINI, T‑321/10, EU:T:2013:372, punt 28).

86      Min iressaq it-talba għall-invalidità u biħsiebu jinvoka din ir-raġuni, għandu jipprova ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-konklużjoni li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kien f’mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Pangyrus vs UASI – RSVP Design (COLOURBLIND), T‑257/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:115, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Il-bona fide hija preżunta  sakemm jiġi ppruvat mod ieħor  (ara sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Formata, T‑23/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:149, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell Estiż jelenka diversi elementi li, fil-fehma tiegħu, jippermettu li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienet in mala fide meta applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

89      L-ewwel, il-Bord tal-Appell Estiż itenni l-konstatazzjoni tiegħu li t-trade mark ikkontestata tqarraq bil-konsumatur li jitkellem bl-Ispanjol billi jistabbilixxi rabta ġeografika ċara mal-Irlanda filwaqt li l-prodotti inkwistjoni ma joriġinawx minn dan il-pajjiż.

90      It-tieni, il-Bord tal-Appell Estiż josserva li, minħabba din in-natura qarrieqa, trade marks li jinkludu l-element “la irlandesa” simili għal dak inkwistjoni f’dan il-każ u li jkopru listi ta’ prodotti iktar speċifiċi ġew annullati jew irrifjutati mill-EUIPO u mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi Spanjoli u li, peress li dawn id-deċiżjonijiet sfavorevoli għar-rikorrenti ngħataw fl‑2000, fl‑2001 u fl‑2002, sew qabel id-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata fl‑2013, ir-rikorrenti neċessarjament kienet taf b’dan f’din id-data. Dan l-għarfien huwa kkonfermat mill-fatt li r-rikorrenti kisbet sussegwentement reġistrazzjonijiet Spanjoli ta’ trade marks simili billi inkludiet espliċitament fid-deskrizzjoni tal-prodotti restrizzjoni ġeografika relattiva għall-Irlanda, ħaġa li hija ma għamlitx fir-rigward tat-trade mark ikkontestata.

91      It-tielet, il-Bord tal-Appell Estiż jikkonstata li, matul snin twal, ir-rikorrenti kienet ir-rappreżentanta esklużiva tal-intervenjenti u kienet tixtri butir Irlandiż bl-ingrossa minn għandha, kienet tippakkjah u tbigħu fil-Gżejjer Kanarji. Hija tikkunsidra li t-trade mark Spanjola La Irlandesa rreġistrata fl‑1967 mir-rikorrenti kellha l-għan li tippromwovi fi Spanja l-bejgħ ta’ butir ta’ oriġini Irlandiża, li din it-trade mark tnisslet mir-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti, u li l-imsemmija trade mark kienet marbuta mal-oriġini Irlandiża tal-prodotti li r-rikorrenti kienet awtorizzata tbigħ fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni. Skont il-Bord tal-Appell Estiż, wara t-tmiem ta’ din ir-relazzjoni kummerċjali fl‑2011, ir-rikorrenti kompliet tbigħ prodotti taħt trade marks li jinkludu l-kliem “la” u “irlandesa” filwaqt li ma kinux għadhom ta’ oriġini Irlandiża. Ir-rikorrenti ma wrietx loġika kummerċjali leġittima li tispjega l-preżentazzjoni tat-trade mark ikkontestata, u lanqas il-loġika ekonomika tal-użu tagħha wara t-tmiem tar-relazzjoni kummerċjali mal-intervenjenti fl‑2011. Għalhekk ir-rikorrenti fittxet biss li tikseb vantaġġ indebitu minn relazzjoni kummerċjali li ntemmet, sabiex tkompli tibbenefika mill-immaġni tal-prodotti Irlandiżi.

92      Ir-raba’, il-Bord tal-Appell Estiż qies li, fid-dawl tal-użu qarrieqi tat-trade mark ikkontestata, tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO u tal-awtoritajiet Spanjoli kif ukoll tar-relazzjoni kummerċjali preċedenti u li issa ntemmet mal-intervenjenti, ir-rikorrenti, waqt il-preżentata tat-trade mark ikkontestata, kellha l-intenzjoni li tkompli tqarraq bil-pubbliku dwar l-oriġini ġeografika tal-prodotti kkonċernati u li tieħu vantaġġ mill-immaġni tajba tal-prodotti Irlandiżi. Ir-rikorrenti għalhekk kellha intenzjoni diżonesta, billi ppreżentat b’mod intenzjonat it-trade mark ikkontestata sabiex toħloq assoċjazzjoni mal-Irlanda.

93      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Bord tal-Appell Estiż iddeduċa l-mala fide tar-rikorrenti meta hija ppreżentat it-trade mark ikkontestata. Konsegwentement, huwa ddikjara li din it-trade mark kienet invalida wkoll fuq din il-bażi.

94      Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex jiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx in mala fide meta hija applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell Estiż seta’ validament jibbaża ruħu fuq provi prodotti wara d-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, peress li dawn il-provi kienu jikkostitwixxu indizji li jirrigwardaw is-sitwazzjoni fid-data rilevanti, u anki fuq l-użu tat-trade mark ikkontestata sussegwenti għall-imsemmija preżentata.

95      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-użu qarrieqi tat-trade mark ikkontestata, huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti, matul deċenni, biegħet butir ta’ oriġini Irlandiża taħt din it-trade mark fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali tagħha mal-intervenjenti, li, wara li din ir-relazzjoni ntemmet, hija kompliet tbigħ prodotti tal-ikel taħt l-imsemmija trade mark u li parti mhux negliġibbli minnhom, inklużi prodotti tal-ħalib u tas-salumerija, ma kinux ta’ oriġini Irlandiża. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma allegatx li l-prodotti kollha li hija kienet tbigħ taħt it-trade mark ikkontestata kienu ġejjin mill-Irlanda.

96      Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti biegħet prodotti taħt it-trade mark ikkontestata minkejja li parti mhux negliġibbli minnhom ma kinitx ta’ oriġini Irlandiża u għalhekk ma kinitx tikkorrispondi għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti kellu tagħhom.

97      Issa, għalkemm dan il-fatt huwa irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-ewwel motiv, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, dan huwa rilevanti għall-finijiet tal-eżami tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-mala fide tar-rikorrenti.

98      Fil-fatt, ladarba r-rikorrenti estendiet l-użu tat-trade mark ikkontestata għal prodotti li ma humiex butir ta’ oriġini Irlandiża, il-konsumaturi li jitkellmu bl-Ispanjol, li jikkostitwixxu l-pubbliku rilevanti, setgħu jitqarrqu dwar l-oriġini ġeografika ta’ dawn il-prodotti, peress li kienu ġew imdorrija matul deċenni għat-twaħħil tat-trade mark ikkontestata fuq butir li ġej mill-Irlanda. Tali aġir huwa indizju ta’ mala fide sa fejn jiżvela li, mal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrenti riedet indebitament tittrasferixxi l-vantaġġ miksub mill-assoċjazzjoni mal-Irlanda għal prodotti li ma għandhomx din l-oriġini ġeografika, b’mod partikolari wara t-tmiem tar-relazzjoni kummerċjali tagħha mal-intervenjenti li kienet tipprovdilha butir Irlandiż.

99      F’dan ir-rigward, l-informazzjoni li eventwalment tidher fuq l-ippakkjar u t-tikketti tal-prodotti mibjugħa mir-rikorrenti ma jistgħux, fihom infushom, jeliminaw ir-riskju li jqarrqu bil-konsumatur. Fil-fatt, peress li hija indikata b’ittri żgħar ħafna jew fil-forma ta’ kodiċijiet ta’ pajjiżi jew ta’ numri marbuta mal-iġene tagħhom, ma huwiex ċert jekk din l-informazzjoni hijiex sistematikament ipperċepita mill-pubbliku rilevanti.

100    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kawżi li fihom it-trade marks li jinkludu l-element “la irlandesa” simili għal dik inkwistjoni f’dan il-każ ġew annullati jew irrifjutati mill-EUIPO u mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi Spanjoli fl‑2000, 2001 u 2002, huwa minnu li dawn ma jistgħux jorbtu lill-Qorti Ġenerali u li, fi kwalunkwe każ, dawn ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk it-trade mark ikkontestata hijiex qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda jikkonfermaw li t-trade mark ikkontesta setgħet tiġi pperċepita bħala li tindika li l-prodotti li fuqhom titwaħħal huma ta’ oriġini Irlandiża. Huma jindikaw ukoll li l-użu tat-trade mark ikkontestata għal prodotti li ma għandhomx oriġini Irlandiża kien is-suġġett ta’ kontroversja dwar in-natura qarrieqa potenzjali tagħha, fatt li r-rikorrenti kienet neċessarjament taf bih fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark u li għalhekk huwa ta’ natura li jikkorrobora l-eżistenza tal-mala fide tagħha f’din id-data.

101    Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Bord tal-Appell Estiż ġustament seta’ jibbaża ruħu fuq il-provi li ġew ippreżentati lilu, li jippermettu b’mod partikolari li tiġi stabbilita l-kronoloġija tal-avvenimenti li kkaratterizzaw il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontesta, sabiex jikkonkludi li r-rikorrenti kienet adottat strateġija kummerċjali ta’ assoċjazzjoni mat-trade marks li jinkludu l-element “la irlandesa” li kienu marbuta mar-relazzjoni kummerċjali preċedenti tar-rikorrenti mal-intervenjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, Simca, T‑327/12, EU:T:2014:240, punt 63, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, ANN TAYLOR u AT ANN TAYLOR, T‑3/18 u T‑4/18, EU:T:2019:357, punt 164), sabiex tkompli tieħu vantaġġ minn din ir-relazzjoni kummerċjali li ntemmet u mit-trade marks li kienu marbuta magħha (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, Moreira/EUIPO – Da Silva Santos Júnior (NEYMAR), T‑795/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:329, punti 49 sa 51 u 55).

102    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jista’ jiġi dedott li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet tmur kontra l-prattiki onesti fil-qasam industrijali u kummerċjali. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell Estiż ġustament ikkonkluda li r-rikorrenti kienet in mala fide meta din applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

103    Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jippreġudika din il-konklużjoni.

104    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li hija użat għal iktar minn 40 sena trade marks simili rreġistrati fuq livell Ewropew jew nazzjonali li jinkludu l-element “la irlandesa”, li għadhom validi, u li skonthom il-Bord tal-Appell Estiż ma kellux jiffoka biss fuq kawżi jew applikazzjonijiet għal reġistrazzjonijiet irrifjutati, huwa biżżejjed li jitfakkar mill-ġdid li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, il-Qorti Ġenerali la hija marbuta mal-prassi deċiżjonali tal-EUIPO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, FRIGIDAIRE, T‑583/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:511, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), lanqas b’deċiżjoni meħuda fil-livell ta’ Stat Membru, li tirrikonoxxi l-karattru reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark nazzjonali (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2021, Jakober/EUIPO (Forma ta’ tazza), T‑658/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:795, punt 41). Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

105    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-mala fide tagħha ma tistax tiġi dedotta mit-tmiem tar-relazzjoni kummerċjali tagħha mal-intervenjenti fl‑2011, dan għandu jiġi miċħud minħabba li t-trade marks li jinkludu l-element “la irlandesa”, bħat-trade mark ikkontestata, kienu marbuta ma’ din ir-relazzjoni u li t-tmiem ta’ din tal-aħħar kien ċirkustanza rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-intenzjoni tar-rikorrenti waqt il-preżentazzjoni tat-trade mark ikkontestata (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Kuota International/EUIPO – Sintema Sport (K), T‑136/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:265, punt 45). Fil-fatt, ir-rikorrenti kompliet tuża t-trade mark ikkontestata wara t-terminu ta’ din ir-relazzjoni, għal prodotti li ma joriġinawx mill-Irlanda, filwaqt li l-oriġini Irlandiża tal-prodotti kienet aspett fundamentali tal-imsemmija relazzjoni u tal-użu inizjali ta’ din it-trade mark.

106    Fl-aħħar lok, fuq il-kritika magħmula lill-Bord tal-Appell Estiż li kkunsidra bħala indizji ta’ mala fide ċerti karatteristiċi tat-trade mark ikkontestata, b’mod partikolari l-elementi figurattivi tagħha, il-kulur tagħha u l-fatt li hija kienet tevoka oriġini ġeografika, minn naħa, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 24 sa 36 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell Estiż ikkonkluda ġustament li, billi raw it-trade mark ikkontestata mwaħħla fuq il-prodotti inkwistjoni, il-konsumaturi li jitkellmu bl-Ispanjol twasslu biex jemmnu li dawn il-prodotti oriġinaw fl-Irlanda, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi stess ta’ din it-trade mark. Min-naħa l-oħra, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 83 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell Estiż kellu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-każ inkwistjoni u għalhekk seta’ validament jieħu inkunsiderazzjoni, fost dawn iċ-ċirkustanzi kollha, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni.

107    Fid-dawl ta’ dak li għadu kemm intqal, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-fatt li l-ewwel motiv huwa fondat ma għandu ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni attakkata, peress li t-tieni motiv, dirett kontra t-tieni pilastru ta’ din id-deċiżjoni, huwa, min-naħa tiegħu, infondat u dan it-tieni pilastru huwa tali li jiġġustifika, waħdu, id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2020, ENCANTO, T‑239/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:12, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Jannar 2021, MANUFACTURE PRIM 1949, T‑656/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:17, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

110    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

111    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervenjenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Hijos de Moisés Rodríguez González, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Schwarcz

Iliopoulos

 

Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu,....

Firem


*      Lingwa tal‑kawża: l‑Ingliż.