Language of document : ECLI:EU:C:2016:652

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C‑398/15

Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Lecce

vs

Salvatore Manni

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi rigward l-ipproċessar ta’ din id-data – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 6(1)(e) u Artikolu 7(c), (e) u (f) – Data suġġetta għall-pubblikazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji – L-ewwel Direttiva 68/151/KEE – Artikolu 2(1)(d) u (j) kif ukoll Artikolu 3 – Dritt li tintesa – Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8”





1.        Wara s-sentenza tagħha tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317), il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna sabiex tispjega l-konfini tad-dritt ta’ persuni fiżiċi li jiksbu t‑tneħħija jew l-anonimat tad-data personali tagħhom, din id-darba f’kuntest partikolari tal-pubblikazzjoni legali tal-informazzjoni relatata mal-kumpanniji.

2.        Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ żewġ direttivi fid-dawl tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”), b’mod li jagħmel id-dispożizzjonijiet tagħhom konċiljabbli.

3.        Il-kawża tirrigwarda, minn naħa, l-Ewwel Direttiva tal‑Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is‑salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (2), kif emendata bid-Direttiva 2003/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Lulju 2003 (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 68/151”), u, min-naħa l-oħra, id-Direttiva 95/46/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4).

4.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Lecce (Kamra tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġġjanat u tal-Argrikoltura ta’ Lecce, iktar ’il quddiem il-“Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce”) u Salvatore Manni dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tneħħi ċerta data personali relatata ma’ S. Manni mir-reġistru tal‑kumpanniji (5).

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lill-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja) li l-Artikolu 2(1)(d) u (j) kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 u l-Artikolu 6(1)(e) kif ukoll l-Artikolu 7(c), (e) u (f) tad-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu li d-data personali inkluża fir-reġistru tal-kumpanniji tista’, wara ċertu perijodu u fuq talba tal-persuna kkonċernata, titneħħa, issir anonima jew titħassar, jew issir aċċessibbli biss għal ċirku ristrett ta’ terzi, jiġifieri dawk li juru interess leġittimu li jkollhom aċċess għal tali data.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 68/151

6.        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151, il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minnha għandhom japplikaw għal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar it-tipi ta’ kumpanniji li ġejjin, jiġifieri, għar-Repubblika Taljana, “[la] società per azioni [kumpannija b’responsabbiltà limitata], [la] società in accomandita per azioni [soċjetà in akkomandita b’azzjonijiet], [et la] società a responsabilità limitata [kumpannija privata b’responsabbiltà limitata]”.

7.        L-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva, li jinsabu fit-Taqsima 1 tagħha, intitolata “Pubbliċità”, jipprevedu:

“Artikolu 2

1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw żvelar obbligatorju minn kumpaniji ta’ għall-inqas id‑dokumenti u dettalji li ġejjin:

a)      [i]d-dokument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f’dokument separat;

[…]

d)      [i]l-ħatra, it-tmiem ta’ kariga u d-dettalji tal-persuni li sew bħala korp kostitwit skont liġi u sew bħala membri ta’ kull korp bħal dak:

i)      huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fit‑trattattivi ma’ terzi u fi proċedimenti legali,

ii)      jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija.

[…]

h)      [l]-istralċ tal-kumpanija;

[…]

j)      [i]l-ħatra ta’ stralċjarji, dettalji dwarhom, u s-setgħat rispettivi tagħhom, kemm-il darba dawn is-setgħat huma espressament u esklussivament meħuda minn liġi jew mill-istatuti tal-kumpanija;

k)      [i]t-terminazzjoni ta’ l-istralċ u, fi Stati Membri meta tħassir mir‑reġistru jinvolvi konsegwenzi legali, il-fatt ta’ kull tħassir bħal dak.

Artikolu 3

1.      F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ file fir-reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali jew reġistru tal-kumpanniji, għal kull waħda minn dawk il-kumpanniji rreġistrati fih.

2.      Id-dokumenti u partikolaritajiet kollha li għandhom ikunu żvelati skont l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-file, jew jiddaħħlu fir-reġistru; is-suġġett tan-notamenti fir-reġistru għandhom f’kull każ jidhru fil-file.

[…]

3.      Kopja tad-dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew kull parti minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 ikollha tkun disponibbli meta japplikaw għaliha. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lir-reġistru permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi skont kif jagħżel l-applikant.

[…]”

8.        Id-Direttiva 68/151 ġiet abrogata u ssostitwita bid‑Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Settembru 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill‑Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (6).

9.        Id-Direttiva 2009/101 min-naħa tagħha ġiet emendata bid‑Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Ġunju 2012 (7).

10.      Mill-premessa 9 tad-Direttiva 2012/17 jirriżulta li din għandha l‑għan li ttejjeb l-aċċess transkonfinali għall-informazzjoni kummerċjali dwar il-kumpanniji u l-fergħat tagħhom miftuħa fi Stati Membri oħra billi tiżgura l-interoperabbiltà tar-reġistri.

11.      Skont il-premessa 25 ta’ din id-direttiva, kwalunke pproċessar ta’ data personali mir-reġistri tal-Istati Membri, mill-Kummissjoni Ewropea u, jekk applikabbli, minn kwalunkwe parti terza involuta fl-operat tal‑pjattaforma ċentrali Ewropea stabbilita mid-direttiva msemmija għandu jsir f’konformità mad-Direttiva 95/46.

12.      Għalhekk, id-Direttiva 2012/17 introduċiet, b’mod partikolari, l‑Artikolu 7a fid-Direttiva 2009/101, li jippreċiża:

“Il-proċessar tad-data personali li jsir fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46[…]”

13.      Madankollu, fid-dawl tad-data meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata bid-Direttiva 68/151.

2.      Id-Direttiva 95/46

14.      Id-Direttiva 95/46 li, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha bħala għan il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll it-tneħħija tal-ostakoli għall‑moviment liberu ta’ din id-data, tipprovdi, fil-premessi 2, 8 sa 10, 25, 28 u 29 tagħha:

“(2)      Billi s-sistemi ta’ l-ipproċessar ta’ data huma maħsuba biex jaqdu lill-bniedem; billi, indipendentement miċ-ċittadinanza jew residenza ta’ persuna naturali, huma għandhom jirrispettaw id‑drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, u jaghtu sehemhom għall-progress ekonomiku u soċjali, għat-tkattir tal-kummerċ u l-ġid tal-persuna;

[…]

(8)      Billi, sabiex jitneħħa t-tfixkil għat-tixrid ta’ data personali, il‑grad ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna fl‑ipproċessar ta’ dik id-data għandu jkun l-istess fl-Istati Membri kollha […]

(9)      Billi, meta jkun hemm l-istess protezzjoni li tiġi mill‑approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, l-Istati Membri ma jkunx jistgħu iżommu aktar il-moviment liberu ta’ bejniethom ta’ data personali għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal‑protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna, partikolarment tad-dritt għall-ħajja privata […]

(10)      Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u fil‑prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; billi, għal dik ir‑raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità;

[…]

(25)      Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu riflessi, minn naħa l-waħda, fl-obbligazzjonijiet imposti fuq persuni […] responsabbli għal ipproċessar, partikolarment dwar il-kwalità tad-data, sigurtà teknika, avviżi lill-awtorità ta’ superviżjoni, u ċ‑ċirkostanzi li fihom jista’ jsir l-ipproċessar, u, minn naħa l‑oħra, id-dritt mogħti lil individwu, li d-data dwaru jkun is-suġġett ta’ l-ipproċessar, li jkun mgħarraf bl-ipproċessar li jkun qed isir dwaru, li jikkonsulta d-data, jitlob korrezzjonijiet u li jagħmel ukoll oġġezzjoni għal ipproċessar f’ċerti ċirkostanzi;

[…]

(28)      Billi kull ipproċessar ta’ data personali għandu jkun ġust u skont il-liġi għall-individwi konċernati; billi, b’mod partikolari, id-data għandha tkun adekwata, rilevanti u mhux eċċessiv għall-għanijiet li għalihom ikun ipproċessat; billi dawn l-għanijiet għandhom ikunu espliċiti u leġittimi u stabbiliti waqt il-ġbir tad-data; billi l‑għanijiet ta’ l-ipproċessar wara l-ġbir m’għandhomx ikunu inkompatibbli ma’ l-għanijiet kif stabbiliti oriġinarjament;

(29)      Billi meta jkun hemm iktar ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ta’ storja, statistika jew xjenza dan mhux ġeneralment meqjus bħala inkompatibbli ma’ l-għanijiet li dwarhom id-data jkun inġabar minn qabel, sakemm Stati Membri jagħtu protezzjoni xierqa; billi din il-protezzjoni għandha teskludi l-użu tad-data sabiex jittieħdu miżuri jew deċiżjonijiet fir-rigward ta’ individwi partikolari”.

15.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal‑Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]”

16.      L-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Skop”, fil‑paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall‑ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.”

17.      Fit-Taqsima I tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)      ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

b)      miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

ċ)      adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

d)      eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

e)      miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.      Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal‑paragrafu 1.”

18.      Fit-Taqsima II tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolat “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[…]

ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s‑suġġett tagħha jkun il-kontrollur

jew

[…]

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data

jew;

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

19.      Barra minn hekk, l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess”, jipprevedi:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

[…]

b)      skont kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l‑ipproċessar tiegħu ma jkunx skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

[…]”

20.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħmel oġġezzjoni”, jipprevedi:

“Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

a)      li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil‑każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax juża dak id-data;

[…]”

B –    Id-dritt Taljan

21.      L-Artikolu 2188 tal-Codice civile (Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“Ir-reġistru tal-kumpanniji huwa stabbilit għall-finijiet tar-reġistrazzjonijiet previsti mill-liġi.

Ir-reġistru jinżamm mill-Uffiċċju tar-reġistru tal-kumpanniji, taħt is‑sorveljanza ta’ imħallef inkarigat mill-President tat-Tribunal.

Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku.”

22.      L-Artikolu 8(1) u (2) tal-Liġi Nru 580 – Riordinamento delle camere di commercio, industria, artigianato e agricoltura (Liġi Nru 580 dwar ir-riorganizzazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal‑Artiġġjanat u tal-Agrikoltura), tad-29 ta’ Diċembru 1993 (8), jipprevedi li r-reġistru ta’ kumpanniji għandhu jinżamm mill-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġġjanat u tal-Agrikoltura.

23.      Id-decreto del Presidente della Repubblica n. 581 – Regolamento di attuazione dell’articolo 8 della legge 29 dicembre 1993, n. 580, in materia di istituzione del registro delle impresa di cui all’articolo 2188 del codice civile (Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 581, dwar regolament ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 580, tad-29 ta’ Diċembru 1993, dwar it-twaqqif tar-reġistru tal-kumpanniji msemmi fl-Artikolu 2188 tal-Kodiċi Ċivili), tas-7 ta’ Diċembru 1995 (9), jirregola ċerti dettalji dwar ir-reġistru tal-kumpanniji.

24.      It-traspożizzjoni fid-dritt Taljan tad-Direttiva 95/46 saret bid‑decreto legislativo n. 196 – Codice in materia di protezione dei dati personali (Digriet Leġiżlattiv Nru 196, li jistabbilixxi kodiċi dwar il‑protezzjoni ta’ data personali), tat-30 ta’ Ġunju 2003 (10).

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25.      S. Manni huwa l-amministratur waħdieni ta’ Italiana Costruzioni Srl, kumpannija tal-bini li ngħatat kuntratt għall-kostruzzjoni ta’ kumpless turistiku.

26.      Permezz ta’ rikors tat-12 ta’ Diċembru 2007, S. Manni beda proċeduri kontra l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce, billi ddikjara li l-bini ta’ dan il-kumpless ma kienx qiegħed jinbiegħ minħabba l-fatt li mir‑reġistru tal-kumpanniji kien jirriżulta li huwa kien l-uniku amministratur u stralċjarju ta’ Immobiliaire e Finanziaria Salentina Srl (iktar ’il quddiem “Immobiliare Salentina”), li ġiet iddikjarata falluta fl‑1992 u li tneħħiet mir-reġistru tal-kumpanniji, fi tmiem proċedura ta’ likwidazzjoni, fis-7 ta’ Lulju 2005.

27.      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, S. Manni sostna li din id-data personali, li tidher fir-reġistru tal-kumpanniji, ġiet ipproċessata minn kumpanniji ta’ informazzjoni professjonali, bħal Cerved Business Information SpA, u li, minkejja talba f’dan is-sens magħmula fl-10 ta’ April 2006, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce ma pproċedietx biex tneħħiha.

28.      S. Manni għalhekk talab, minn naħa, li l-Kamra tal‑Kummerċ ta’ Lecce tiġi ordnata li tneħħi, li tagħmel anonima jew li tibblokka d-data li torbtu mal-falliment ta’ Immobiliare Salentina u, min-naħa l-oħra, li l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce tiġi kkundannata li tikkumpensa d-dannu li huwa sofra minħabba l‑preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu.

29.      B’sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2011, it-Tribunale di Lecce (Tribunal ta’ Lecce, l-Italja) laqa’ din it-talba, billi ordna lill‑Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce sabiex tagħmel anonima d-data li torbot lil S. Manni mal-falliment ta’ Immobiliare Salentina, u kkundannaha għal kumpens tad-dannu subit minn dan tal-aħħar, fl‑ammont ta’ EUR 2 000, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.

30.      It-Tribunale di Lecce (Tribunal ta’ Lecce) fil-fatt qies li, “huwa diffiċli li tiġi kkonfermata n-neċessità u l-utilità li jiġi indikat l‑isem tal-amministratur waħdieni tal-kumpannija fil-mument tal‑falliment”, minħabba l-fatt li “tirrigwarda fatti li seħħew iktar minn għaxar snin qabel u minkejja t-tneħħija tal-kumpannija mir-reġistru […] għal iktar minn sentejn”. Skont dan it-tribunal, il-“memorja storika” tal‑eżistenza tal-kumpannija u tad-diffikultajiet li tkun għaddiet minnhom […] tista’ tinkiseb fil-parti l-kbira tagħha xorta permezz ta’ data anonima”. Fil-fatt, “l-iskrizzjonijiet li jorbtu l-isem ta’ persuna fiżika ma’ fażi kritika tal-ħajja tal-impriża (bħall-falliment) ma jistgħux ikunu permanenti, sakemm ma jkunx hemm interess ġenerali speċifiku sabiex dawn jinżammu u jiġu ppubblikati”. Fin-nuqqas ta’ perijodu massimu ta’ iskrizzjoni previst mill-Kodiċi Ċivili, l-imsemmi tribunal ikkunsidra li, “la darba jkun għadda perijodu suffiċjenti” mill‑konklużjoni tal-falliment u ladarba l-impriża titħassar mir-reġistru, in-neċessità u l-użu, skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 196, tal‑indikazzjoni tal-isem tal-eks amministratur waħdieni fil-mument tal‑falliment ma jibqgħux jeżistu, filwaqt li l-interess pubbliku jista’ jiġi ssodisfatt mill-indikazzjoni tad-diffikultajiet tal-kumpannija flimkien ma’ data anonima fir-rigward tal-persuna fiżika li kienet ir‑rappreżentant legali tagħha.

31.      Adita minn appell ippreżentat mill-Kamra tal-Kummerċ kontra din is-sentenza, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni Superjuri) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-prinċipju ta’ żamma tad-data personali b’mod li tippermetti l‑identifikazzjoni tal-persuni kkonċernati għal perijodu ta’ żmien li ma jaqbiżx dak meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet li għalihom tinġabar din id-data jew tiġi pproċessata sussegwentement, previst fl-Artikolu 6[(1)](e) tad-Direttiva […] 95/46[…], trasposta bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 196 […] għandu jipprevalixxi u, għaldaqstant, jipprekludi s-sistema ta’ pubblikazzjoni mwettqa bir-reġistru tal-kumpanniji, previst b[id-] Direttiva […] 68/151[…] kif ukoll bid-dritt nazzjonali fl‑Artikolu 2188 tal-Codice Civile u bl-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 580, tad-29 ta’ Diċembru 1993, [dwar ir-riorganizzazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal‑Artiġġjanat u tal-Agrikoltura], sa fejn dan ikun jeħtieġ li kulħadd, mingħajr limitazzjonijiet ta’ żmien, ikun jista’ jsir jaf bid-data relatata mal-persuni fiżiċi li jirriżultaw minnu?

2)      Għaldaqstant, l-Artikolu 3 ta[d-]Direttiva […] 68/151 […] jippermetti li, b’deroga mit-tul ta’ żmien mhux limitat u mid‑destinatarji mhux determinati tad-data ppubblikata fir‑reġistru tal-kumpanniji, id-data stess ma tibqax suġġetta għal “pubblikazzjoni”, f’tali sinjifikat doppju, iżda minflok tkun disponibbili biss għal żmien limitat u fir-rigward ta’ destinatarji determinati, abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ fdata f’idejn l‑amministratur tad-data?”

III – L-analiżi tagħna

32.      Permezz tad-domandi tagħha, li, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 2(1)(d) u (j), kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 u l-Artikolu 6(1)(e), kif ukoll l‑Artikolu 7(c) (e) u (f) tad-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal‑Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu, jew għall-kuntrarju jeskludu, li d-data personali li hija inkluża fir-reġistru tal-kumpanniji tista’, wara ċertu perijodu u fuq talba tal-persuna kkonċernata, jew titneħħa, jew ssir anonima jew tiġi bblokkata jew issir aċċessibbli biss għal ċirku ristrett ta’ terzi, jiġifieri dawk li juru interess leġittimu li għandu jkollhom aċċess għal tali data.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna li tirrispondi għal dawn id‑domandi fil-kuntest tat-talba, magħmula minn S. Manni, sabiex id‑data personali tiegħu li tidher fir-reġistru tal-kumpanniji miżmum mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce, b’rabta ma’ kumpannija li huwa kien imexxi qabel u li kienet iddikjarata falluta, titneħħa, issir anonima jew tiġi bblokkata.

34.      Barra minn hekk, l-imsemmija domandi jirrigwardaw il‑kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-ipproċessar ta’ din id-data mill‑Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce, u mhux il-kompatibbiltà mal-istess dritt ta’ pproċessar ulterjuri tal-imsemmija data minn impriża ta’ informazzjoni professjonali.

35.      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom l-għan li jikkonċiljaw żewġ prinċipji, jiġifieri, minn naħa, il-prinċipju tal‑pubblikazzjoni tar-reġistri tal-kumpanniji, imressaq mid‑Direttiva 68/151, u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ konservazzjoni ta’ data personali għal tul ta’ żmien li ma jeċċedix dak neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom din id-data kienet ipproċessata, imressqa mid-Direttiva 95/46.

36.      Sabiex tikkonċilja dawn iż-żewġ prinċipji, il-qorti tar-rinviju tipprevedi l-possibbiltà li tillimita l-prinċipju ta’ pubblikazzjoni tar‑reġistri tal-kumpanniji billi tagħti aċċess għad-data personali li jkun hemm fihom għal perijodu limitat u/jew għal benefiċċju ta’ ċirku ristrett ta’ individwi biss.

37.      Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 95/46 (11).

38.      Id-data li għandha tidher fir-reġistri tal-kumpanniji, skont l-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151, tikkostitwixxi data personali skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, peress li hija “data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli” (12). Il-fatt li din id-data taqa’ fil-kuntest ta’ attività professjonali ma hijiex ta’ natura li titneħħa l-kwalifikazzjoni tagħha bħala data kollettiva personali (13).

39.      Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(b) tad‑Direttiva 95/46 jiddefinixxi l-“ipproċessar ta’ data personali” bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni”.

40.      Ma huwiex ikkontestat li r-reġistrazzjoni, il-ħażna u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali mill-awtorità responsabbli miż‑żamma tar-reġistru tal-kumpanniji jippreżentaw in‑natura ta’ “ipproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad‑Direttiva 95/46. Barra minn hekk, din l-awtorità hija l-korp “responsabbli” minn dan l-ipproċessar, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva.

41.      Ir-regoli ta’ protezzjoni ta’ data personali inklużi fid‑Direttiva 95/46 għandhom ikunu osservati fir-rigward tal‑ipproċessar kollu ta’ din tal-aħħar kif iddefinit fl-Artikolu 3 tagħha (14).

42.      Id-Direttiva 68/151 ma tipprovdi l-ebda terminu li fi tmiemu jkun hem lok li titneħħa, issir anonima jew tiġi bblokkata data inkluża fir-reġistri tal-kumpanniji. Din id-direttiva lanqas ma tipprovdi li jiġi limitat l‑aċċess għal din id-data, wara ċertu żmien, għal ċirku ristrett ta’ persuni. Issa, bl-implementazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri huma obbligati josservaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil‑qasam ta’ protezzjoni ta’ data personali, jiġifieri d‑Direttiva 95/46 kif ukoll l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

43.      Fir-rigward tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 95/46, l-ipproċessar ta’ data personali li jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali li huma inkarigati miż-żamma tar-reġistri tal-kumpanniji għandu jkun konformi mal-prinċipji relatati mal-kwalità tad-data msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u jissodisfaw wieħed mill-prinċipji relatati mal‑leġittimizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ informazzjoni msemmija fl‑Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fil-Karta (15).

45.      B’hekk, l-Artikolu 7 tal-Karta jiżgura d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, filwaqt li l-Artikolu 8 tagħha jirrikonoxxi espressament id‑dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-Artikolu 8(2) u (3) tal‑Karta jispeċifika li din id-data għandha tiġi pproċessata b’mod ġust, għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi, li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha, u li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti. Dawn ir-rekwiżiti huma implementati b’mod partikolari permezz tal-Artikoli 6, 7, 12, 14 u 28 tad-Direttiva 95/46.

46.      Mill-Artikolu 1 u mill-premessi 2 u 10 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li din għandha l-għan mhux biss li tiżgura l-protezzjoni effikaċi u kompleta tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, iżda wkoll livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dawn il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali. L‑importanza kemm tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll tad-dritt fundamentali tal‑protezzjoni tad-data personali, iggarantit mill-Artikolu 8 tagħha, huwa barra minn hekk enfasizzat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja (16).

47.      Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali ma jidhirx li huwa dritt assolut, iżda għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-rwol tiegħu fis-soċjetà (17). Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tagħha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il‑kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u li, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

48.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jiffokaw fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46, li jipprevedi li d-data personali għandha tinżamm “b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku”.

49.      Il-prinċipju relatat mal-kwalità tad-data msemmi fl-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46 ifisser li, hekk kif jirrikjedi l-għan li għalih inġabret id-data personali u, jekk ikun il-każ, ġiet ipproċessata ulterjorment, il-konservazzjoni ta’ din id-data taħt forma li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuni kkonċernati tibqa’ legali.

50.      Il-problema li tqajjem din il-kawża hija dik dwar jekk l‑awtoritajiet nazzjonali responsabbli miż-żamma tar-reġistri tal‑kumpanniji għandhomx jiddeċiedu, wara li jgħaddi ċertu żmien mill‑waqfien tal-attivitajiet ta’ kumpannija u fuq talba tal-persuna kkonċernata, jew li titħassar jew li ssir anonima d-data personali tagħha li tinsab f’reġistru tal-kumpanniji, jew li tillimita l-pubblikazzjoni tagħha billi tirrestrinġi ċ-ċirku tad-destinatarji tagħhom.

51.      Jiena nikkunsidra li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il‑protezzjoni tad-data personali ma jimponux tali limitazzjonijiet fuq il‑pubblikazzjoni legali offerta mir-reġistri tal-kumpanniji.

52.      Qabel kollox, nirrileva li l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa diversi prinċipji relatati mal‑leġittimizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ data msemmija fl-Artiklu 7 tad-Direttiva 95/46. Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 7(c) ta’ din id‑direttiva, dan l-ipproċessar huwa “meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur”. Fit-tieni lok, skont l‑Artikolu 7(e) tal-imsemmija direttiva, l-imsemmi pproċessar huwa “meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur”. Fit-tielet lok, skont l‑Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, ipproċessar tali huwa “meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu […] il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l‑interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1)”.

53.      L-obbligu legali li għalih huma suġġetti dawk li huma responsabbli mill-ipproċessar jirriżulta mill-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 68/151, kif trasposti fid-drittijiet tal-Istati Membri, li jimponu lil dawn tal-aħħar li jiżguraw l-iskrizzjoni fir-reġistri tal-kumpanniji ta’ data personali relatata mal-amministraturi u mal-likwidaturi tal‑kumpanniji kif ukoll l-aċċess ta’ terzi għal tali data.

54.      L-iskrizzjoni u l-pubblikazzjoni f’dawn ir-reġistri ta’ informazzjoni essenzjali relatata mal-kumpanniji għandhom l-għan li joħolqu sors ta’ informazzjoni affidabbli u b’hekk jiżguraw iċ-ċertezza legali li hija neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, b’mod partikolari dawk tal-kredituri, il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u, għaldaqstant, il-funzjonament tajjeb tas-suq. It-terzi għandhom għalhekk ikunu jistgħu jaċċedu għal informazzjoni uffiċjali u affidabbli dwar il-kumpanniji, sabiex ikun żgurat livell xieraq ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali fis-suq.

55.      Ir-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni jikkonċernaw il-kumpanniji identifikati fl‑Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151. Dawn il-kumpanniji jibbenefikaw minn status ġuridiku partikolari li joffrilhom vantaġġi marbuta mal-personalità ġuridika. Min-naħa l-oħra, huwa ta’ interess pubbliku li l-informazzjoni relatata mal-persuni fiżiċi involuti f’tali kumpanniji tista’ tiġi kkontrollata u tkun suġġetta għall-pubblikazzjoni.

56.      Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:449), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività ta’ ġbir ta’ data dwar impriżi, abbażi ta’ obbligu legali ta’ dikjarazzjoni imposta fuq dawn tal-aħħar u ta’ setgħat ta’ impożizzjoni relatati miegħu, taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Konsegwentement, tali attività ma tikkostitwixxix attività ekonomika (18).

57.      Bl-istess mod, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, attività fejn id-data hekk miġbura tinżamm u ssir aċċessibbli lill-pubbliku, kemm permezz ta’ sempliċi konsultazzjoni jew permezz tal-provvista ta’ kopji stampati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, lanqas ma tikkostitwixxi attività ekonomika, peress li ż-żamma ta’ database li fiha tali data u t‑tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku huma attivitajiet li ma jistgħux jinfirdu mill-attività ta’ ġbir ta’ din id-data. Fil-fatt, il-ġbir tal‑imsemmija data jiġi mċaħħad fil-parti l-kbira mill-utilità tiegħu fin‑nuqqas ta’ żamma ta’ database li fiha din id-data tiġi rreġistrata sabiex tkun tista’ tiġi kkonsultata mill-pubbliku (19).

58.      Jien naqbel mal-perspettiva espressa mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:251), li fihom huwa indika li “[m]a hemmx dubju li l-issejvjar f’database, f’dan il-każ fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, ta’ informazzjoni pprovduta minn impriżi abbażi ta’ obbligi legali ta’ żvelar huwa, fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-għan tiegħu u tar-regoli li għalihom huwa suġġett, konness mal-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi” (20). Huwa spjega wkoll li “[l-]issejvjar ta’ data fir‑reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, abbażi ta’ obbligu legali li dan isir, hija attività mwettqa fl-interess ġenerali taċ-ċertezza legali” (21) u li “[l]-għan espress tar-reġistri pubbliċi bħar-reġistru tal-kummerċ u tal‑kumpanniji huwa li jinħoloq sors ta’ informazzjoni li wieħed jista’ jibbaża fuqu f’relazzjonijiet legali, u għaldaqstant jipprovdu ċ-ċertezza legali meħtieġa għall-iskambju fis-suq.” (22). Finalment, in-natura opponibbli fil-konfront ta’ terzi tal-informazzjoni inkluża fir-reġistri tal-kumpanniji ma tistax tingħata ħlief permezz ta’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi, li tiddistingwi din l-informazzjoni minn dik li tista’ tinġabar minn impriżi għal finijiet kummerċjali (23).

59.      F’dan ir-rigward, kif korrettament tirrileva l-qorti tar-rinviju, għandha ssir distinzjoni bejn l-ipproċessar ta’ data personali li jsir mill-awtorità li hija responsabbli miż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji u dak li jsir minn terzi abbażi ta’ informazzjoni li tinsab f’dan ir-reġistru. Fil-fatt, huwa biss l-ewwel tip ta’ pproċessar li jikkostitwixxi manifestazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li jwassal għar‑regolarizzazzjoni tas-suq u mhux għal-parteċipazzjoni fih.

60.      Hekk kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 68/151 hija intiża sabiex tiffavorixxi l-iżvilupp tas-suq intern. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, din id-direttiva tipprovdi regoli minimi komuni dwar il‑pubblikazzjoni tal-kumpanniji u dwar l-informazzjoni minima li r‑reġistri għandhom jinkludu, sabiex ikun hemm iċ-ċertezza legali neċessarja għall-kummerċ u għall-iżvilupp stess tas-suq intern.

61.      Skont it-tieni premessa tad-Direttiva 68/151, l-għan tagħha huwa li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi persuni. B’mod partikolari, skont ir-raba’ premessa ta’ din id-direttiva, “[b]illi d-dokumenti bażiċi tal-kumpanija għandhom jiġu żvelati sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jaċċertaw il‑kontenut tagħhom u tagħrif ieħor dwar il-kumpanija, speċjalment dettalji tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija”. Mir-raba’ sas-sitt premessi tal-imsemmija direttiva jirriżulta wkoll li l-fatt li jiġu żvelati lil terzi l-atti u l-informazzjoni essenzjali relatati mal‑kumpannija, u b’mod partikolari d-data relatata mal-persuni li għandhom is-setgħa li jorbtuha, huwa strettament marbut mal-bżonn li jkunu limitati kemm jista’ jkun il-kawżi ta’ nullità ta’ obbligi meħuda f’isem il-kumpannija. Għaldaqstant, il-pubblikazzjoni tad-data inkluża fir-reġistru tal-kumpanniji għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet kummerċjali.

62.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk enfasizza l-importanza li terzi jkun jista’ jkollhom aċċess għal data relatata mal-persuni li għandhom is-setgħa li jirrappreżentaw il-kumpannija jew li jipparteċipaw fl‑amministrazzjoni, fl-istħarriġ jew fil-kontroll tagħha. Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Novembru 1974, Haaga (32/74, EU:C:1974:116), il‑Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-għan tad-Direttiva 68/151 huwa li “tiżgura ċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet bejn il-kumpannija u t-terzi fil-perspettiva ta’ intensifikazzjoni ta’ skambji ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri wara l-ħolqien tas-suq komuni” (24). F’perspettiva tali, fl‑opinjoni tagħha, “kull persuna li tixtieq tistabbilixxi u twettaq relazzjonijiet ta’ kummerċ ma’ kumpanniji li jinsabu fi Stati Membri oħra tista’ faċilment tikseb konoxxenza ta’ data essenzjali relatata mal‑kostituzzjoni ta’ kumpanniji kummerċjali u mas-setgħat ta’ persuni inkarigati li jirrappreżentawhom” (25). Huwa għalhekk, “fl-interess tat‑tranżazzjonijiet legali bejn ċittadini minn Stati Membri differenti, id‑data kollha rilevanti għandha tidher b’mod espliċitu fir-reġistri jew ġabriet uffiċċjali” (26). Kull awtorità nazzjonali responsabbli miż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji ssir għalhekk “depożitarja ta’ dak li jista’ jissejjaħ l-istat ċivil ta’ persuni ġuridiċi” (27).

63.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonferma li l-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, b’mod partikolari tal‑kredituri, kif ukoll il-protezzjoni tal-lealtà u taċ-ċertezza legali tat‑tranżazzjonijiet kummerċjali jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (28).

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, meta jimplementaw l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 68/151 li jipprevedu l-pubblikazzjoni legali tal-informazzjoni inkluża fir-reġistri tal-kumpanniji, l-Istati Membri jsegwu għalhekk mingħajr ebda dubju għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, kif mitlub mill-Artikolu 52(1) tal-Karta.

65.      Jibqa’ li jiġi stabbilit jekk tali pubblikazzjoni legali mingħajr limitu ta’ żmien u intiża għal ċirku indeterminat ta’ persuni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan ta’ interess ġenerali.

66.      F’dan ir-rigward, nirrileva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fil-livell tal-Unjoni teżiġi li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (29).

67.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ta’ data personali, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom jiżguraw bilanċ ġust bejn, minn naħa, ir‑rispett tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, l‑interessi li jirregolaw moviment liberu ta’ data personali (30). F’dan ir‑rigward, ma għandux jintesa l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 95/46 li jikkonsisti fiż-żamma ta’ bilanċ bejn il-moviment liberu tad-data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata (31).

68.      Jiena tal-fehma li, fir-rigward tal-pubblikazzjoni legali ta’ data relatata mal-kumpanniji, l-interessi li jirregolaw moviment liberu ta’ data personali jieħdu preċedenza fuq id-dritt tal-persuni li d-data tagħhom hija inkluża fir-reġistru tal-kumpanniji li jitolbu, wara ċertu żmien, it-tħassir jew l-anonimat tagħha, jew li jitolbu li l-pubblikazzjoni tagħha tkun limitata għal terzi li jkollhom interess leġittimu.

69.      Fil-fatt, għandha tiġi ppreżervata l-funzjoni essenzjali tar‑reġistru tal-kumpanniji li tikkonsisti fi stampa kompleta tal-ħajja, u anki tal-istorja ta’ kumpannija u li tippermetti lil kwalunkwe persuna li tikseb konoxxenza tal-informazzjoni li tifforma din l-istampa, irrispettivament minn fejn tinsab u mingħajr limitu ta’ żmien.

70.      Il-garanzija ta’ din il-funzjoni essenzjali tar-reġistru tal‑kumpanniji ma tikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, preġudizzju sproporzjonat għad-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali, u dan għar‑raġunijiet li ġejjin.

71.      L-ewwel nett, il-pubblikazzjoni legali rikjesta mid-Direttiva 68/151 tirrigwarda numru limitat ta’ informazzjoni li tikkonċerna, kif tispjega r-raba’ premessa ta’ din id-direttiva, “[i]d‑dokumenti bażiċi tal-kumpanija […] u tagħrif ieħor dwar il‑kumpanija, speċjalment dettalji tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija”. B’mod partikolari, id-data personali msemmija fl‑Artikolu 2(1)(d) u (j) tal-imsemmija direttiva tikkostitwixxi informazzjoni minima sabiex jiġu identifikati persuni fiżiċi li jinħbew wara l-maskra tal-personalità ġuridika li għandhom il-kumpanniji.

72.      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-pubblikazzjoni tal‑informazzjoni inkluża fir-reġistri tal-kumpanniji tibqa’ neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi tat-terzi, inkluż meta tirrigwarda kumpanniji li waqqfu l-attività tagħhom minn diversi snin, saħansitra minn diversi deċenni.

73.      F’dan ir-rigward, ma jidhirlix li hemm dubju li din l‑informazzjoni, inkluż data ta’ natura personali, għandha tkun suġġetta għall‑prinċipju ta’ pubblikazzjoni tar-reġistru mhux biss sakemm damet attiva kumpannija fuq is-suq, iżda wkoll wara t-tmiem tal-attività tagħha. Fil‑fatt, it-tmiem ta’ kumpannija u t-tħassir konsekuttiv tagħha mir-reġistru ma jeskludux li jistgħu jibqgħu fis-seħħ drittijiet u relazzjonijiet ġuridiċi relatati ma’ din il-kumpannija. Għalhekk, huwa neċessarju li persuni li jistgħu jirrivendikaw tali drittijiet fir-rigward ta’ kumpannija li tkun waqqfet l-attivitajiet tagħha, jew li kellhom tali relazzjonijiet ġuridiċi ma’ din il-kumpannija, jista’ jkollhom aċċess għall‑informazzjoni relatata mal-imsemmija kumpannija, inkluż data personali relatata mad-diretturi tagħha.

74.      Kif jirrileva l-Gvern Ġermaniż, anki data li ma tibqax attwali hija importanti għall-iskambji ekonomiċi. B’hekk, f’każ ta’ tilwima, ħafna drabi huwa neċessarju li tkun taf min hu awtorizzat jirrappreżenta kumpannija f’perijodu partikolari (32). Fl-istess sens, nikkunsidra, bħall‑Gvern Ċek u dak Pollakk, li huwa neċessarju li l-informazzjoni fir-reġistru tinżamm anki wara x-xoljiment ta’ kumpannija, peress li tali informazzjoni tista’ tibqa’ rilevanti, pereżempju sabiex tkun ivverifikata l-legalità ta’ att imwettaq diversi snin qabel mid-direttur tal-kumpannija jew sabiex terzi jkunu jistgħu jiftħu kawża kontra l-bord tad-diretturi jew kontra l-istralċjarji ta’ kumpannija.

75.      Barra minn hekk, it-terzi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jkollhom, f’kull mument, stampa affidabbli ta’ kumpannija, irrispettivament minn jekk għadhiex attiva fis-suq jew le, kif ukoll tad-diretturi tagħha, sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati r-riskji ta’ relazzjoni kummerċjali. L-għan tal-protezzjoni ta’ terzi, li jimplika li tkun tista’ tinkiseb stampa leali tal-istorja ta’ kumpannija, jimmilita għalhekk favur iż-żamma u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkluża fir-reġistru tal‑kumpanniji għal perijodu indeterminat.

76.      Hija preċiżament waħda mill-funzjonijiet tar-reġistru tal‑kumpanniji li tagħti informazzjoni b’mod affidabbli u eżawrjenti lit-terzi dwar fatti li jkunu seħħew. Kull reġistru huwa għalhekk kompost minn data attwali u minn data storika.

77.      Dan ir-reġistru għandu jiżgura aċċess sħiħ, rapidu u trasparenti għall-informazzjoni kollha relatata mal-kumpanniji li joperaw jew kienu joperaw fuq is-suq, irrispettivament minn fejn tinstab il-persuna li qed titlob dan l-aċċess. Kull persuna għandha tkun tista’ tikseb konoxxenza tal-profil komplet ta’ kull kumpannija, inkluż meta din tkun waqqfet l-attivitajiet tagħha għal diversi snin. It-tneħħija mir-reġistru ta’ ċerta informazzjoni għal din l-aħħar kategorija ta’ kumpanniji, bil‑konsegwenza li l-istampa tal-kumpannija tkun għalhekk inkompleta, tikkawża għalhekk preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi.

78.      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għall‑funzjoni statistika, il-funzjoni storika tar-reġistru tal-kumpanniji u l-għan ta’ protezzjoni ta’ terzi tagħmel neċessarja l-ġabra u ż-żamma ta’ data marbuta ma’ ismijiet. Fi kliem ieħor, l-għan li tiġi stabbilita stampa sħiħa tal‑kumpanniji huwa inkompatibbli mal-ipproċessar ta’ informazzjoni anonima (33). Informazzjoni adegwata tat-terzi teżiġi għalhekk, pereżempju, li huma jkunu jistgħu joħolqu rabta bejn il-kumpannija li kienet f’falliment u d-diretturi li kienu responsabbli minnha. Għalhekk ma naqbilx mal-pożizzjoni adottata mit-Tribunale di Lecce (Tribunal ta’ Lecce), li kkunsidra li l-istampa storika tal-eżistenza tal-kumpannija u tad-diffikultajiet li hija għaddiet minnhom setgħet issir ukoll permezz ta’ data anonima.

79.      B’mod konkret, fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-interess ta’ S. Manni sabiex l-attività tal-passat tiegħu bħala amministratur ta’ kumpannija li kellha twaqqaf l-attivitajiet tagħha wara falliment ma tibqax disponibbli għall-pubbliku tmur kontra l-interess ta’ terzi li jkunu jistgħu jinfurmaw ruħhom, anki a posteriori, sabiex ikunu jafu min kellu l-awtorità jaġixxi f’isem din il-kumpannija meta kienet għadha attiva. Għalhekk, jista’ jkun utli għal xerrej futur ta’ proprjetà immobbli li jkun jaf kemm-il sena il-kumpannija li kienet inkarigata mill‑kostruzzjoni ta’ din il-proprjetà ilha fis-suq, jekk il-persuna li tmexxi din il-kumpannija kinitx diġà responsabbli ta’ kumpanniji oħra fil-passat u x’kienet l-istorja ta’ dawn il-kumpanniji. B’mod partikolari, il-fatt li waħda mill-kumpanniji kienet fi stat ta’ falliment jista’ jikkostitwixxi, mill-perspettiva tax-xerrej, element determinanti fl-att tax-xiri.

80.      Barra minn hekk, fid-dawl tad-diversità tal-perijodu tal‑preskrizzjoni tal-azzjonijiet ċivili u kummerċjali fis-seħħ fi ħdan l‑Istati Membri, tad-diversità tal-interessi li t-terzi jista’ jkollhom sabiex jikkonsultaw ir-reġistri tal-kumpanniji u tal-fatt li r-relazzjonijiet ġuridiċi jistgħu jinvolvu atturi f’bosta Stati Membri, jidhirli li huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li l-awtoritajiet responsabbli miż‑żamma ta’ dawn ir-reġistri jiddeċiedu b’ċertezza li, f’data partikolari, ma jkunx baqa’ interessi ta’ terzi. Li f’każ konkret tiġi aċċettata talba ta’ tħassir jew ta’ anonimat ta’ data personali li tidher fir‑reġistru tal-kumpanniji tista’ għalhekk tippreġudika talbiet oħra ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni li jibqgħu neċessarji sabiex jiġu protetti l-interessi tat-terzi.

81.      Bl-istess argument, sabiex jintwera l-fatt li l-interessi tat-terzi jibqgħu anki wara t-tneħħija ta’ kumpannija mir-reġistru tal‑kumpanniji, il-Gvern Taljan irrefera għall-eżistenza ta’ termini ta’ preskrizzjoni twil ferm fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-organi tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, li barra minn hekk jistgħu jiġu interrotti fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll għan-nuqqas fl‑Italja ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet ta’ invalidità.

82.      Fl-aħħar nett, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 huwa wiesa’ ħafna u li d-data personali msemmija f’din id-direttiva hija varjata. It-tul ta’ żmien taż-żamma ta’ din tal-aħħar, iddefinita fl-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva skont il-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun ġiet ipproċessata ulterjorment, jista’ għaldaqstant ikun differenti. F’ċerti każi, jista’ jkun twil ħafna (34).

83.      Fit-tielet lok, fl-ibbilanċjar li għandu jsir bejn l-għan ta’ protezzjoni ta’ terzi u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali inkluża fir-reġistru tal-kumpanniji, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li d-data li tippermetti li jiġu identifikati persuni fiżiċi tinsab f’dan ir-reġistru għaliex dawn iddeċidew li jeżerċitaw l-attività tagħhom permezz ta’ kumpannija li għandha personalità ġuridika. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li “il-gravità tal-preġudizzju għad-dritt tal-protezzjoni ta’ natura personali għall-persuni ġuridiċi hija differenti minn dik għall-persuni fiżiċi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-persuni ġuridiċi huma diġà suġġetti għal obbligu iktar oneruż ta’ pubblikazzjoni ta’ data li tikkonċernahom” (35).

84.      Jiena naqbel mal-fehma tal-Gvern Ġermaniż li tgħid li kwalunkwe persuna li tixtieq tipparteċipa fi tranżazzjonijiet ekonomiċi permezz ta’ kumpannija kummerċjali għandha tkun lesta li tippubblika ċerta informazzjoni. Din hija l-kontroparti tal-eżerċizzju ta’ attività permezz ta’ kumpannija li tibbenefika minn personalità ġuridika. Meta jibda jopera fis-suq billi joħloq kumpannija kummerċjali, l-imprenditur jaf li d-data tiegħu ser tiġi inkluża fir-reġistru tal-kumpanniji, li għandu natura pubblika, u li ser tkun disponibbli jkunu xi jkunu l-avvenimenti li jiddefinixxu l-ħajja tal-kumpannija tiegħu.

85.      L-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151 jipprevedi l‑iskrizzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji ta’ informazzjoni relatati mal‑persuni li jokkupaw, matul perijodu partikolari, funzjonijiet fi ħdan wieħed mill-korpi tal-kumpannija jew li jokkupaw ir-rwol ta’ stralċjarju f’din il-kumpannija. Anki jekk il-pubblikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ informazzjoni tista’ tikkostitwixxi inkonvenjent għal persuna fiżika minħabba d-diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom il-kumpannija li fiha hija kienet involuta, dan l-inkonvenjent huwa aspett normali tal‑parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika.

86.      Jiena nżid, bħall-Gvern Taljan, li l-fatt li kumpannija kienet suġġetta għal proċedura kollettiva ma jikkostitwixxix, fih innifsu, informazzjoni li tippreġudika r-reputazzjoni jew l-unur tal-amministratur li rrapreżentaha. Fil-fatt, il-falliment ta’ kumpannija jista’ jkun li ġie kkawżat minn ċirkustanzi esterni li ma humiex direttament riżultat ta’ ġestjoni ħażina ta’ din il-kumpannija, pereżempju minħabba kriżi ekonomika jew tnaqqis tad-domanda fis-settur inkwistjoni.

87.      Fir-raba’ lok, ma naħsibx li s-soluzzjoni proposta mill‑Kummissjoni, li tikkonsisti fil-limitazzjoni, wara ċertu perijodu mill-waqfien tal‑attivitajiet ta’ kumpannija kummerċjali, tal-komunikazzjoni tal‑informazzjoni inkluża fir-reġistru tal-kumpanniji għal ċirku ristrett ta’ terzi li għandhom interess leġittimu li jsiru jafu din l-informazzjoni, li tipprevali fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata protetti bl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, hija fl-istadju tal-iżvilupp attwali tad-dritt tal-Unjoni, tali li tiżgura bilanċ ġust bejn l-għan ta’ protezzjoni tat-terzi u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali inkluża fir-reġistru tal-kumpanniji.

88.      F’dan ir-rigward nirrileva li l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi mfittex mid‑Direttiva 68/151 huwa fformulat b’mod wiesa’ biżżejjed sabiex ikopri mhux biss lill-kredituri tal-kumpannija li d-data tagħha hija involuta, iżda wkoll, b’mod iktar ġenerali, lill-persuni kollha li jixtiequ jakkwistaw informazzjoni li tikkonċerna din il-kumpannija.

89.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat dak li tkopri l-kategorija tat-“terzi” li d-Direttiva 68/151 għandha l-għan li tipproteġi l‑interessi tagħhom.

90.      Fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland (C‑97/96, EU:C:1997:581), il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ terzi. Hija rrilevat li t-test stess tal-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KE, li jservi bħala bażi legali għad‑Direttiva 68/151, “isemmi l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi tat-terzi b’mod ġenerali mingħajr ma jiddistingwi jew jeskludi kategoriji fosthom” (36). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-kunċett ta’ terzi msemmi f’[din id-dispożizzjoni] ma jistax għalhekk jiġi ridott biss għall-kredituri tal-kumpannija” (37). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li “[i]d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-direttiva, li jipprovdi għaż-żamma ta’ reġistru pubbliku li fih għandhom ikunu irreġistrati l-atti u l‑informazzjoni kollha suġġetti għall-pubblikazzjoni kif ukoll il‑possibbiltà għal kull persuna li takkwista kopja tal-kontijiet annwali bil-posta, jikkonfermaw il-ħsieb li l-informazzjoni għandha tingħata lil kull min hu interessat” (38).

91.      Fid-digriet tagħha tat-23 ta’ Settembru 2004, Springer (C‑435/02 u C‑103/03, EU:C:2004:552), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet b’mod iktar ċar għall-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirku ta’ terzi li għandu jiġi protett skont l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat kellux ikun iddefinit b’mod li jinkludi lil kull persuna, tkun xi tkun il-kapaċità tagħha. Filwaqt li bbażat ruħha fuq ir-raġunament li hija għamlet fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland (C‑97/96, EU:C:1997:581), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “l-obbligi fil-qasam ta’ pubblikazzjoni preskritti mill-Artikolu 3 tal-ewwel direttiva tal‑kumpanniji […] jimplikaw li kull persuna għandha l-possibbiltà li tikkonsulta l-kontijiet annwali u r-rapport annwali ta’ kumpanniji msemmija mid-[Direttiva 90/605/KEE (39)], mingħajr il-ħtieġa li tiġġustifika dritt jew interess li jeħtieġ protezzjoni” (40). Il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonfermat ukoll li l-kunċett ta’ “terzi”, fis-sens tal‑Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat, “jirreferi għal kwalunkwe terzi” u li “dan il-kunċett għandu jiġi interpratat b’mod wiesa’” (41).

92.      Barra minn hekk, is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni għandha l-iżvantaġġ kbir li tħalli fid-diskrezzjoni wiesgħa tal‑awtoritajiet responsabbli miż-żamma tar-reġistri ta’ kumpanniji mhux biss l-iffissar tal-mument li fih il-pubblikazzjoni assoluta tal‑informazzjoni li tidher f’dawn ir-reġistri tal-kumpanniji tinbidel f’pubblikazzjoni selettiva, jiġifieri intiża għal ċirku ristrett ta’ persuni li għandhom interess leġittimu li jiksbu tali informazzjoni, iżda wkoll id-deċiżjoni rigward l-eżistenza jew le ta’ tali interess leġittimu. Soluzzjoni tali tippreżenta għalhekk riskju kbir ta’ diverġenzi ta’ evalwazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli miż-żamma tar-reġistri tal-kumpanniji.

93.      Konsegwentement, il-fatt li tippermetti lill-awtoritajiet responsabbli miż-żamma tar-reġistri tal-kumpanniji li jissuġġettaw il‑komunikazzjoni ta’ data personali li tinsab f’dawn ir-reġistri għall‑eżistenza ta’ interess leġittimu jwassal b’mod inevitabbli sabiex ma jkunx hemm ugwaljanza ta’ aċċess għal tali data bejn l-operaturi ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni.

94.      Ċertament, id-Direttiva 68/151 tipprevedi miżuri ta’ koordinazzjoni li ma humiex intiżi sabiex jirregolaw l-aspetti kollha relatati mar-reġistri tal-kumpanniji tal-Istati Membri. Għalhekk, pereżempju, l-iffissar tal-kriterji ta’ riċerka li jippermettu li jkun hemm aċċess għall-informazzjoni li tidher f’dawn ir-reġistri jaqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri (42). Minkejja dan, jirriżulta b’mod ċar mill‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 68/151 li din għandha l-għan li tistabbilixxi l-bażi minima ta’ informazzjoni relatata mal-kumpanniji li għandha tkun suġġetta għall-pubblikazzjoni obbligatorja. Huwa inutli li tkun prevista tali bażi uniformi għall-Istati Membri kollha, jekk kull wieħed fosthom seta’ jirregola fiż-żmien u skont l-eżistenza jew le ta’ interess leġittimu l-aċċess għall-informazzjoni li tidher fir-reġistru ta’ kumpanniji tagħhom. Dan imur ukoll kontra l-għan tal-koordinazzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali li jikkonsisti, fir-rigward tad-direttivi bbażati fuq l-Artikolu 54 tat-Trattat, li jitneħħew l-impedimenti għal-libertà tal‑istabbiliment li jirriżultaw mill-eteroġeneità tar-regolamenti tal-Istati Membri differenti billi fl-Unjoni jiġu introdotti, fir-rigward b’mod partikolari tal-għan previst fl-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat, rekwiżiti legali minimi ekwivalenti f’dak li jikkonċerna l-portata tal-informazzjoni relatata mal-kumpanniji li għandha tingħata lill-pubbliku (43).

95.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Direttiva 95/46 għandha l‑għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 8 tagħha, li l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali jkun l-istess fl-Istati Membri kollha.

96.      Barra minn hekk, naqbel mal-Gvern Ġermaniż li jgħid li l-fatt li l-aċċess għar-reġistru tal-kumpanniji jkun jiddependi fuq il-prova ta’ interess leġittimu, anki wara ċertu żmien kif tipproponi l-Kummissjoni, jikkomprometti n-natura operazzjonali tar-reġistru tal-kumpanniji. Fil‑fatt, il-verifika tal-eżistenza ta’ tali interess leġittimu ta’ min qed jitlob l-informazzjoni ġġib magħha oneru amministrattiv sproporzjonat, fi żmien u fi spejjeż, li jpoġġu f’dubju, finalment, il-kapaċità tar-reġistru li jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

97.      Barra minn hekk, jekk il-persuni kollha, li b’xi mod jew ieħor, jipparteċipaw f’relazzjonijiet kummerċjali jkunu suġġetti għar-riskju li ma jistgħux jipprovaw l-interess tagħhom li jakkwistaw informazzjoni li tidher fir-reġistru tal-kumpanniji, dan ikollu bħala effett li jnaqqas il-fiduċja tagħhom f’dan l-istrument.

98.      Bħala konklużjoni, jiena nikkunsidra li r-reġistri pubbliċi bħar‑reġistri tal-kumpanniji ma jistgħux jilħqu l-għan essenzjali tagħhom, jiġifieri t-tisħiħ taċ-ċertezza legali permezz ta’ disponibbiltà trasparenti ta’ informazzjoni legalment affidabbli, ħlief jekk l-aċċess ikun miftuħ għal kulħadd u għal perijodu indeterminat.

99.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-bilanċ ġust bejn id‑drittijiet fundamentali protetti mid-dritt tal-Unjoni u l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jista’ jiddependi min-natura tal-informazzjoni inkwistjoni u minn natura sensittiva tagħha għall-ħajja privata tal-persuna kkonċernata kif ukoll mill-interess tal-pubbliku li jkollu din l-informazzjoni, li jista’ jvarja, b’mod partikolari, skont ir‑rwol li għandha din il-persuna fil-ħajja pubblika (44).

100. L-għażla li jagħmlu persuni fiżiċi li jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika permezz ta’ kumpannija kummerċjali timplika rekwiżit permanenti ta’ trasparenza. Għal din ir-raġuni prinċipali, spjegata minn aspetti differenti fl-argumenti preċedenti, nikkunsidra li l-interferenza fid-dritt tal-protezzjoni tad-data personali li tidher fir-reġistri tal‑kumpanniji, li tikkonsisti li tkun żgurata l-pubblikazzjoni ta’ din id‑data għal perijodu indeterminat u disponibbli għal kull persuna li titlob l-imsemmija data, hija ġġustifikata mill-interess qawwi ta’ terzi li jkollhom aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni (45).

101. Finalment, nosserva li l-analiżi preċedenti hija f’sintonija mal‑Artikolu 17(3)(b) u (d) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ April 2016, dwar il-protezzjoni tal‑persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il‑moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46 (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (46). Fil-fatt, din id‑dispożizzjoni tipprevedi li d-dritt għat-tneħħija ta’ data personali jew “dritt li tintnesa” ma japplikax meta l-ipproċessar huwa neċessarju “għal konformità ma’ obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur”, jew “għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku”.

IV – Konklużjoni

102. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi li tingħata r‑risposta segwenti lill-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja):

L-Artikolu 2(1)(d) u (j), kif ukoll l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva tal‑Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is‑salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità, kif emendata bid‑Direttiva 2003/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Lulju 2003, u l-Artikolu 6(1)(e) kif ukoll l-Artikolu 7(c), (e) u (f) tad-Direttiva 95/46/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id‑data, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li d-data personali inkluża fir-reġistru tal-kumpanniji tista’, wara ċertu żmien u fuq talba tal-persuna kkonċernata, jew titneħħa, issir anonima jew titħassar, jew issir aċċessibbli biss għal ċirku ristrett ta’ terzi, jiġifieri dawk li juru interess leġittimu li jkollhom aċċess għal tali data.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3.


3–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 304.


4–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355


5–      F’dawn il-konklużjonijiet, it-terminu “reġistru tal-kumpanniji” ifisser kull reġistru ċentrali, tal-kummerċ jew tal-kumpanniji, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 68/151.


6–      ĠU 2009, L 258, p. 11.


7–      ĠU 2012, L 156, p. 1.


8–      Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 7, tal-11 ta’ Jannar 1994.


9–      GURI Nru 28, tat-3 ta’ Frar 1996.


10–      Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 174, tad-29 ta’ Lulju 2003, iktar ’il quddiem id-“digriet leġiżlattiv Nru 196”.


11–      Dan kien ikkonfermat mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta d-Direttiva 2012/17 introduċiet l-Artikolu 7a fid-Direttiva 2009/101.


12–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten (C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 19 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).


13–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth u PAN Europe vs EFSA (C‑615/13 P, EU:C:2015:489, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “jibqa’ mingħajr effett il-fatt li d-data ppubblikata tirrigwarda attivitajiet professjonali”. Hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li tispjega li l-kliem “ħajja privata” ma kellux jiġi interpretat b’mod restrittiv u li “l-ebda raġuni ta’ prinċipju ma tippermetti li jiġu esklużi l-attivitajiet professjonali […] mill-kunċett ta’ ħajja ‘privata’” (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14–      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 40).


15–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18–      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 40).


19–      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 41).


20–      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:251, punt 47).


21–      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:251, punt 48).


22–      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:251, punt 50).


23–      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:251, punt 50).


24–      Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1974, Haaga (32/74, EU:C:1974:116, punt 6).


25–      Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1974, Haaga (32/74, EU:C:1974:116, punt 6).


26–      Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1974, Haaga (32/74, EU:C:1974:116, punt 6).


27–      Skont l-espressjoni użata minn Le Cannu, P., u Dondero, B., Droit des sociétés, 4è éd., Montchrestien, 2011, p. 220, § 360.


28–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 132).


29–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


32–      Il-Gvern Ġermaniż jagħti l-eżempju segwenti, jiġifieri li persuna li akkwistat, fl-1991, proprjetà patrimonjali mingħand il-kumpannija li ġiet ddikjarata falluta fl-1992, li tagħha S. Manni kien l-amministratur, tista’, anki llum, ikollha bżonn turi l-awtorizzazzjoni li S. Manni għandu sabiex jirrappreżenta lil din il-kumpannija jekk jiġi kkontestat t-titolu tagħha fuq il-proprjetà inkwistjoni.


33–      Ara, f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-istatistika, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 65).


34–      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35–      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 87).


36–      Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland (C‑97/96, EU:C:1997:581, punt 19).


37–      Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland (C‑97/96, EU:C:1997:581, punt 20).


38–      Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland (C‑97/96, EU:C:1997:581, punt 22).


39–      Direttiva tal-Kunsill, tat-8 ta’ Novembru 1990, li temenda d-Direttiva 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali u d-Direttiva 83/349/KEE dwar il-kontijiet ikkonsolidati rigward il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-Direttivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 110).


40–      Digriet tat-23 ta’ Settembru 2004, Springer (C‑435/02 u C‑103/03, EU:C:2004:552, punt 33) (korsiv miżjud minni).


41–      Digriet tat-23 ta’ Settembru 2004, Springer (C‑435/02 u C‑103/03, EU:C:2004:552, punt 34).


42–      Skont loġika simili, id-Direttiva 2012/17 tipprevedi, fil-premessa 11 tagħha, li, “[l]adarba l-għan [tagħha] mhuwiex li tarmonizza s-sistemi nazzjonali tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jbiddlu s-sistema interna tar-reġistri tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni u l-ħżin ta’ data, it-tariffi, u l-użu u l-iżvelar ta’ informazzjoni għal skopijiet nazzjonali”.


43–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland (C‑97/96, EU:C:1997:581, punt 22), u tal-21 ta’ Ġunju 2006, Danzer vs Il-Kunsill (T‑47/02, EU:T:2006:167, punt 49).


44 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 81).


45–      Nirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punti 81 u 97 tas-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317).


46–      ĠU 2016, L 119, p. 1.