Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2023 – Meta Platforms Ireland vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(Kawża T-129/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Meta Platforms Ireland Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: H. Kamann, F. Louis, M. Braun u A. Vallery, avukati, P. Nolan, B. Johnston, C. Monaghan u D. Breatnach, Solicitors, D. McGrath, E. Egan McGrath u H. Godfrey, Barristers)

Konvenut: Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni Vinkolanti 3/2022 dwar it-tilwima mibdija mill-Irish SA kontra Meta Platforms Ireland Limited u s-servizz Facebook tagħha (Artikolu 65 tal-GDPR) adottata fil-5 ta’ Diċembru 2022 fl-intier tagħha jew, sussidjarjament, fil-partijiet rilevanti tagħha; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-EDPB mar lil hinn mill-kompetenza tiegħu taħt l-Artikolu 65 GDPR.

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-EDPB kiser l-Artikolu 6(1)(f) GDPR billi interpreta l-kunċett ta’ neċessità kuntrattwali b’mod strett ħafna u billi applika dan l-istandard legali b’mod żbaljat abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Kundizzjonijiet tal-Użu ta’ Meta Ireland.

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-EDPB kiser id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-EDPB naqas milli jaġixxi bħala korp imparzjali.

Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-EDPB kiser l-Artikolu 83 GDPR u diversi prinċipji sottostanti li jirregolaw id-determinazzjoni ta’ multi taħt il-GDPR.

____________