Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden – il-Pajjiżi l-Baxxi) – Staatssecretaris van Financiën vs L. W. Geelen

(Kawża C-568/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 9(2)(ċ) u (e) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 52(a) – Artikolu 56(1)(k) – Provvista ta’ servizzi – Post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli – Rabta fiskali – Sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet – Attività ta’ divertiment – Kunċett – Post fejn is-servizzi huma fiżikament imwettqa)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Staatssecretaris van Financiën

Konvenut: L. W. Geelen

Dispożittiv

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta’ Mejju 2002, u l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li provvista ta’ servizzi kumplessa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet tikkostitwixxi “attività ta’ divertiment”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li għandha titqies li hija “fiżikament imwettqa”, fis-sens tagħhom, fil-post fejn il-fornitur stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu jew stabbiliment fiss li minnu s-servizz huwa pprovdut, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fil-post tad-domiċilju tiegħu jew tar-residenza abitwali tiegħu.

It-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2002/38, u l-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1777/2005 tas-17 ta’ Ottubru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva 77/388, għandhom jiġu interpretati fis-sens li provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet ma taqax, meta s-servizzi ġew ipprovduti lil benefiċjarji li jinsabu kollha fl-Istat Membru tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

____________

1     ĠU C 424, 11.2.2017.