Language of document : ECLI:EU:T:2015:806

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

26 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi adottati fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna — Iffriżar ta’ fondi — Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi — Inklużjoni tal-isem tar-rikorrent — Rikors għal annullament — Prova tal-fondatezza tal-iskrizzjoni fil-lista”

Fil-Kawża T‑290/14,

Andriy Portnov, residenti f’Kiev (l-Ukrajna), irrappreżentat minn M. Cessieux, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u J.-P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Gauci u T. Scharf, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 1), kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 26), sa fejn l-isem tar-rikorrent ġie iskritt fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, O. Czúcz u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, A. Andriy Portnov, li huwa ċittadin Ukren, okkupa diversi funzjonijiet fi ħdan l-amministrazzjoni Ukrena u, b’mod partikolari, dik ta’ konsulent tal-President Ukren.

2        Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 26, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

3        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu li:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

4        Il-modalitajiet tal-miżuri restrittivi inkwistjoni huma ddefiniti fil-paragrafi segwenti tal-istess artikolu.

5        Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 1, iktar ʼil quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

6        Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-regolament ikkontestat jimponi l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u jiddefinixxi l-modalitajiet tal-imsemmija miżuri restrittivi f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tal-imsemmija deċiżjoni.

7        L-ismijiet tal-persuni indirizzati mid-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati jidhru fil-lista li tinsab fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni u fl-anness I tal-imsemmi regolament (iktar ʼil quddiem il-“lista”) flimkien, b’mod partikolari, mal-motivazzjoni tal-iskrizzjoni tagħhom.

8        L-isem tar-rikorrent jidher fil-lista flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ex-Konsulent tal-President tal-Ukraina” u l-motivazzjoni li ġejja:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali fl-Ukraina dwar investigazzjoni ta’ reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

9        Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-deċiżjoni u r-regolament kkontestati (ĠU C 66, p. 1).

10      Skont dan l-avviż, “Il-persuni kkonċernati jistgħu jibagħtu talba lill-Kunsill, flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq terġa’ tiġi kkunsidrata”. L-avviż jiġbed ukoll l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati “għall-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali [...], f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275(2) u l-Artikolu 263(4) u (6), tat-[TFUE]”.

11      Fis-17 ta’ April 2014, ir-rikorrent ressaq quddiem il-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tal-iskrizzjoni ta’ ismu fil-lista, inkluża wkoll talba għall-komunikazzjoni tal-elementi li ġġustifikaw l-imsemmija iskrizzjoni.

12      Il-Kunsill ikkonferma li t-talba kienet pendenti u kkomunika, fl-anness tar-risposta u tal-kontroreplika, l-atti li jikkostitwixxu l-fajl tar-rikorrent, jiġifieri l-ittra tal-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali tal-Ukrajna lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà, tat-3 ta’ Marzu 2014 (iktar ʼil quddiem l-“ittra tat-3 ta’ Marzu 2014”), kif ukoll provi oħra suċċessivi għall-atti kkontestati.

13      Id-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati ġew emendati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014, li timplimenta d-deċiżjoni kkontestata (ĠU L 111, p. 91), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014, tal-14 ta’ April 2014, li jimplimenta r-Regolament ikkontestat (ĠU L 111, p. 33). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/216 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 381/2014 ma alterawx madankollu s-sitwazzjoni tar-rikorrent.

14      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet emendata wkoll bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143, tad-29 ta’ Jannar 2015, li temenda d-deċiżjoni kkontestata (ĠU L 24, p. 16), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2015. Fir-rigward tal-kriterji tad-deżinjazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni li l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata huwa ssostitwit mit-test segwenti:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a) għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

b) għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

15      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138, tad-29 ta’ Jannar 2015, li jemenda r-regolament ikkontestat (ĠU L 24, p. 1), emenda lil din tal-aħħar skont id-Deċiżjoni 2015/143.

16      Id-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati ġew emendati l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-deċiżjoni kkontestata (ĠU L 62, p. 25), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-regolament ikkontestat (ĠU L 62, p. 1). Id-Deċiżjoni 2015/364 emendat l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, billi pprorogat il-miżuri restrittivi, għal ċerti persuni li isimhom ġie iskritt fil-lista, sas-6 ta’ Marzu 2016 jew sas-6 ta’ Ġunju 2015. Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/357 konsegwentement issostitwixxa l-Anness I tar-regolament ikkontestat.

17      Wara dawn l-emendi, l-isem tar-rikorrenti ma baqax jidher fil-lista.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2014, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Huwa ppreżenta wkoll talba għal proċedura mħaffa skont l-Artikoli 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2014, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

20      Fl-24 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu. Ippreżenta wkoll talba mmotivata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18(4) tal-istruzzjonijiet tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, maħsuba sabiex il-kontenut ta’ ċerti annessi tar-risposta ma jiġix iċċitat fid-dokumenti marbuta ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Settembru 2014, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-preżentata tan-nota ta’ intervent tagħha.

22      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis-17 ta’ Settembru 2014 u fit-12 ta’ Novembru 2014. Il-Kunsill ippreżenta wkoll talba mmotivata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18(4) tal-istruzzjonijiet tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, maħsuba sabiex il-kontenut ta’ ċerti annessi tar-risposta ma jiġix iċċitat fid-dokumenti marbuta ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku.

23      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, fil-31 ta’ Marzu 2015, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent għadx għandu interess ġuridiku wara l-irtirar ta’ ismu mil-lista ta’ persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi u, f’każ li dan huwa l-każ, fir-rigward ta’ liema motivi għadu jissussisti dan l-interess. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

24      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015.

25      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat, sa fejn dan jikkonċerna lilu;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lilu;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tiddikjara li għandhom jinżammu fermi l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sad-dħul fis-seħħ tal-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat.

 Id-dritt

 Fuq il-persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrent

27      Jeħtieġ li jitfakkar li, wara emendi mwettqa fir-rigward tal-atti kkontestati bid-Deċiżjoni 2015/364 u bir-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/357, l-isem tar-rikorrenti ma baqax jidher fil-lista.

28      B’risposta għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali (punt 23 iktar ʼil fuq), il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, kkunsidra li r-rikorrent ma kienx wera’ l-persistenza tal-interess ġuridiku tiegħu.

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-iskop tal-kawża, bl-istess mod bħall-interess ġuridiku ta’ rikorrent, irid jissussisti sad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas tiegħu, ma jkunx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, fatt li jimplika li r-rikors, bl-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikonoxximent tal-illegalità tal-att ikkontestat ma jistax, bħala tali, jikkumpensa dannu materjali jew interferenza għal ħajja privata, dan madankollu huwa ta’ natura li jirriabilita lill-persuna kkonċernata jew li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali subiti minnha minħabba din l-illegalità, u li jiġġustifika b’dan il-mod il-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li t-tħassir tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kien definittiv ma tipprekludix il-persistenza tal-interess ġuridiku fir-rigward tal-effetti tal-atti li imponew dawn il-miżuri bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom u dik tat-tħassir tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑239/12 P, Ġabra, EU:C:2013:331, punti 70 sa 72 u 82).

31      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif jikkonferma r-rikorrent fir-risposta tiegħu għal-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u waqt is-seduta, mingħajr ebda kontradizzjoni mill-Kunsill, li huwa kien u huwa attwalment involut fil-ħajja politika Ukrena. Għaldaqstant, id-deżinjazzjoni pubblika tiegħu, bl-iskrizzjoni ta’ ismu fil-lista, bħala li huwa suġġett għal proċedura kriminali fl-Ukrajna dwar fatti ta’ użu ħażin ta’ fondi kapaċi tippreġudika, b’mod partikolari, ir-reputazzjoni tiegħu bħala politiku.

32      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-interess ġuridiku tar-rikorrent jippersisti minkejja t-tħassir, sa fejn dan jikkonċerna lilu, tal-miżuri restrittivi kkontestati.

 Fuq il-mertu

33      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju effettiv. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-inosservanza tal-kriterji ta’ deżinjazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni stabbiliti bid-deċiżjoni u r-regolament ikkontestati. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ fatt u l-ħames huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-proprjetà.

34      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox jiġi eżaminat it-tielet motiv.

35      Insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu ma hijiex konformi mal-kriterji ta’ deżinjazzjoni tal-persuni kkonċernati minn dawn il-miżuri stabbiliti mill-atti kkontestati. Huwa jsostni, minn naħa, li ma huwiex stabbilit li huwa ħati ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u li huwa kien suġġett għal proċedura kriminali jew għal investigazzjoni marbuta ma’ dawn il-fatti u, min-naħa l-oħra, li t-trasferiment illegali barra l-Ukrajna tal-fondi użati ħażin jikkostitwixxi ksur distint minn dak iddikjarat fl-imsemmija atti, jiġifieri l-użu ħażin tal-fondi.

36      Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrent jikkontesta, essenzjalment, il-fondatezza tal-iskrizzjoni ta’ ismu fil-lista.

37      Il-Kunsill isostni, minn naħa, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi interpretat bħala li jikkonċerna biss lill-persuni li fir-rigward tagħhom kien ġie stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li huma ħatja ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li jiġu ttrasferiti barra l-Ukrajna fondi pubbliċi użati ħażin jista’ jkun parteċipi fl-użu ħażin tal-fondi huwa stess.

38      Jeħtieġ li jitfakkar li, għalkemm il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kriterji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna jiġi inkluż fil-lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-verosimiljanzja b’mod astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom jitqies suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (ara s-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C‑605/13 P, Ġabra, EU:C:2015:248, punti 41 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, il-kriterju previst fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-miżuri restrittivi għandhom jiġu adottati fil-konfront tal-“persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina”.

40      L-isem tar-rikorrent ġie iskritt fil-lista minħabba li huwa “[p]ersuna soġġetta għal proċeduri kriminali fl-Ukraina dwar investigazzjoni ta’ reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.” Minn dan jirriżulta li l-Kunsill ikkunsidra li, tal-inqas, ir-rikorrenti kien suġġett għal investigazzjoni jew investigazzjoni preliminari, li ma kinitx wasslet (jew li kienet għadha ma wasslitx) għall-ħruġ ta’ akkuża formali.

41      Insostenn tal-motiv għall-iskrizzjoni tar-rikorrent fil-lista, il-Kunsill jinvoka l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014, li tindika li “d-dipartiment repressivi Ukreni fetħu numru ta’ proċeduri kriminali sabiex jinvestigaw l-atti kriminali mwettqa mill-ex uffiċali għolja”, fosthom ir-rikorrent. L-ittra tispeċifika ulterjorment, b’mod ġeneriku ħafna, li l-investigazzjoni inkwistjoni “ppermettiet li jiġi stabbilit l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi f’ammonti kunsiderevoli u t-trasferiment sussgewenti illegali ʼil barra mill-Ukraina”.

42      Fir-rigward tal-proċess tal-kawża, l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014 hija, fost il-provi prodotti mill-Kunsill matul din l-istanza, l-unika waħda li tippreċedi d-deċiżjoni kkontestata u r-regolament ikkontestat. Għalhekk, il-legalità tal-imsemmija atti għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ din l-unika prova.

43      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014 tikkostitwixxix prova suffiċjenti sabiex tiġi sostnuta l-konklużjoni li r-rikorrent ġie identifikat “bħala responsabbli għall-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

44      Issa, billi tipprovjeni, kif jenfasizza l-Kunsill, minn istanza ġudizzjarja għolja ta’ pajjiż terz, jiġifieri, l-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali tal-Ukrajna, l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014 tinkludi biss dikjarazzjoni ġenerali li skontha r-rikorrent, fost ex uffiċjali għolja oħra, kien suġġett għal investigazzjoni dwar fatti, mhux speċifikati iktar, ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u li jikkonċeranaw it-trasferiment illegali ta’ dawn il-fondi ʼil barra mill-pajjiż. Bl-ebda mod ma kienet tipprovdi xi speċifikazzjoni dwar dawn il-fatti, u lanqas fuq ir-responsabbiltajiet tar-rikorrent fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar.

45      Barra minn hekk, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet avvanzati mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali li l-ftuħ ta’ investigazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrent huwa bbażat neċessarjament fuq informazzjoni miksuba wara investigazzjonijiet, mhux speċifikati, imwettqa qabel l-imsemmi ftuħ, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma humiex sempliċement suppożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li deċiżjoni li tikkonċerna l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 29 TUE ma tiġix adottata b’risposta għal talba mill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati iżda tikkostitwixxi miżura awtonoma adottata bil-għan li jitwettqu l-għanijiet tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni. Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-karenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, EU:C:2013:518, punti 120 u 121, u tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, Ġabra, EU:C:2013:775, punti 65 u 66).

46      Huwa ċertament minnu, kif isostni l-Kunsill, il-Qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi, stabbilixxiet li l-identifikazzjoni ta’ persuna bħala responsabbli għal ksur, ma timplikax neċessarjament kundanna għal tali ksur (sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, Ġabra, EU:C:2015:147, punt 72, u tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, Ġabra, EU:T:2014:93, punti 57 sa 61).

47      Madankollu, fil-kuntest tal-kawżi li fuqhom kienet imsejsa l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti, tal-inqas kienu suġġetti għal digriet tal-prosekutur ġenerali ta’ pajjiż terz ikkonċernat li jordna l-qbid tal-assi tagħhom, li ġie approvat minn qorti kriminali (sentenza Ezz et vs Il-Kunsill, punt 42 iktar ʼil fuq, EU:T:2014:93, punt 132). Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti inkwistjoni f’dawn il-kawżi hija bbażata fuq elementi fattwali konkreti, li tagħhom il-Kunsill kien kiseb konjizzjoni.

48      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kunsill ma kellux informazzjoni dwar il-fatti jew l-aġir allegati speċifikament fil-konfront tar-rikorrent mill-awtoritajiet Ukreni u, min-naħa l-oħra, li l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014 li huwa jinvoka, anki jekk ma jeżaminahiex b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li tifforma parti minnu, ma tistax tikkostitwixxi bażi fattwali suffiċjentement solida fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ʼil fuq sabiex l-isem tar-rikorrent jiddaħħal fil-lista peress li ġie identifikat “bħala responsabbli” għal użu ħażin tal-fondi pubbliċi.

49      Barra minn hekk, il-provi addizzjonali pprovduti mill-Kunsill u suċċessivi għall-atti kkontestati juru li r-rikorrent kien suġġett għal investigazzjoni preliminari rreġistrata wara l-adozzjoni ta’ dawn l-atti u fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, lanqas ma huwa stabbilit li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrent kien suġġett verament għal “proċedura kriminali”, peress li kien hemm biss f’dak l-istadju sempliċi investigazzjoni preliminari. Minn dan isegwi li l-iskrizzjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista bħala “[p]ersuna suġġetta għal proċedura kriminali” hija skorretta. Barra minn hekk, minkejja li l-Kunsill, ġie mistoqsi, waqt is-seduta, fuq il-kwistjoni tal-irtirar tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti, dan ma pprovda l-ebda spjegazzjoni li tiġġustifika l-imsemmi rtirar.

50      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-iskrizzjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista ma tosservax il-kriterji ta’ deżinjazzjoni tal-persuni previsti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni stabbiliti bid-deċiżjoni kkontestata.

51      Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jintlaqa’, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent.

52      Għall-istess raġunijiet, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrent.

53      Peress li t-tielet motiv huwa fondat, hemm lok li jintlaqa’ r-rikors, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra.

54      Barra minn hekk, peress li, wara d-deċiżjoni 2015/364 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/357, l-isem tar-rikorrent ma baqax iktar fil-lista ta’ persuni indirizzati mill-miżuri restrittivi, ma hemmx lok li tingħata risposta fuq il-kwistjoni taż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

56      Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

57      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha għalhekk tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, huma annullati sa fejn dawn jikkonċernaw lil Andriy Portnov.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat, minbarra għall-ispejjeż tiegħu, għal dawk sostnuti minn A. Portnov.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fi...

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.