Language of document : ECLI:EU:T:2021:850

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

1 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal‑eżami orali ta’ kompetizzjoni – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Metodu ta’ arrotondament tal-marka – Koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tad‑diversi partijiet u subpartijiet tal‑eżami orali – Sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla – Regolament (UE) 2018/1725 – Assenza parzjali ta’ lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑265/20,

JR, irrappreżentata minn L. Levi u A. Champetier, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Milanowska, C. Ehrbar u H. Kranenborg, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2020 u tad‑9 ta’ April 2020 li jirrifjutaw lir-rikorrenti l-aċċess għal ċerti dokumenti relatati mal‑kompetizzjoni interna COM/03/AD/18 (AD 6) – 1 – Amministraturi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, President, M. Kancheva u T. Perišin (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-16 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti, JR, applikat għall-kompetizzjoni interna COM/03/AD/18 (AD 6) – 1 – Amministraturi, bin-numru ta’ referenza 35‑20/11/2018 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni”), imnedija mill-Kummissjoni Ewropea.

2        Fis-6 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti għamlet l-eżami bil-miktub tal-kompetizzjoni. Hija għaddiet minn dan l-eżami.

3        Fit-23 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti għamlet l-eżami orali tal-kompetizzjoni.

4        It-Taqsima 4 tat-Titolu III tal-avviż tal-kompetizzjoni kienet tindika li l-eżami orali għall-grupp ta’ funzjonijiet AD kien jikkonsisti f’żewġ partijiet, deskritti fit‑termini li ġejjin:

“1.      Intervista […] sabiex jiġu evalwati:

–        il-kompiti prinċipali eżerċitati u l-kompetenzi miksuba matul il‑karriera professjonali [tal-kandidat] u

–        il-kapaċità u l-motivazzjoni [tal-kandidat] li jwettaq il-funzjonijiet mogħtija lill-pożizzjonijiet li għalihom tagħti aċċess il-kompetizzjoni;

2.      preżentazzjoni strutturata [li] ser tikkonsisti fi briefing fuq suġġett marbut ma’ politika tal-Unjoni Ewropea […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        Fl-imsemmija taqsima ġie ppreċiżat li l-marki globali għaż-żewġ partijiet tal‑eżami orali msemmija iktar ’il fuq kienu jikkonsistu f’marka ta’ bejn 0 u 20 punt, fejn il-minimu meħtieġ huwa ta’ 10 punti.

6        It-Taqsima 5 ta’ dan l-istess titolu tispeċifika li l-Bord tal-Għażla kellu jniżżel fil‑lista ta’ riżerva l-ismijiet tal-kandidati li jkunu kisbu l-aħjar marki fl-eżami orali kif ukoll il-minimu meħtieġ għal dan l-eżami, fil-limitu tan-numru mixtieq ta’ kandidati magħżula.

7        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija ma kinitx inkluża fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni. F’din l-ittra, il‑Kummissjoni ppreċiżat li r-rikorrenti kienet kisbet il-marka ta’ 13‑il punt minn 20 għall-eżami orali, filwaqt li l-marka minima neċessarja sabiex tiġi inkluża fil-lista ta’ riżerva kienet ta’ 14‑il punt minn 20. Il-Kummissjoni informat lir‑rikorrenti li l-Bord tal-Għażla kien ikkonkluda li l-evalwazzjoni globali għall‑eżami orali tagħha kienet “tajba”, abbażi ta’ tliet elementi ta’ evalwazzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, il-korrispondenza bejn l-esperjenza u l-assi meħtieġa mill‑kompetizzjoni interna, element li għalih ir-rikorrenti kienet kisbet l‑evalwazzjoni “b’saħħitha”, it-tieni nett, il-kapaċità u l-motivazzjoni, element li għalih ir-rikorrenti kienet kisbet l-evalwazzjoni “b’saħħitha”, u, it-tielet nett, il‑preżentazzjoni strutturata fuq tema, element li għalih ir-rikorrenti kienet kisbet l-evalwazzjoni “tajba”.

8        Permezz ta’ posta elettronika tal-20 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll talba għal informazzjoni u għal aċċess għad-dokumenti.

9        Fir-rigward tal-aħħar parti tat-talba tagħha, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħha li taċċedi għall-informazzjoni u għad-dokumenti segwenti:

–        l-ispjegazzjonijiet iddettaljati dwar il-mod kif l-evalwazzjonijiet verbali kienu ġew ikkonvertiti f’marki bħala ċifra, flimkien mat-tabelli ta’ evalwazzjoni li jippermettu li kull evalwazzjoni verbali tintrabat ma’ marka espressa f’ċifri;

–        l-evalwazzjonijiet iddettaljati magħmula fir-rigward tagħha fuq kull wieħed mit-tliet elementi evalwati u mogħtija marka fil-kuntest tal-eżami orali kif ukoll it-tabella ta’ evalwazzjoni korrispondenti;

–        kull informazzjoni utli dwar it‑tliet marki li kienu ġew attribwiti lilha;

–        il-metodu ta’ għoti ta’ piż eventwalment użat;

–        il-metodu ta’ arrotondament eventwalment użat;

–        ir-rendikont u l-iskedi ta’ evalwazzjoni relatati mal-eżami orali tagħha kif ukoll il-flip chart li hija kienet użat matul dan l-eżami bħala sostenn għall‑preżentazzjoni orali tagħha (iktar ’il quddiem il-“flip chart”);

–        kull dokument ieħor rilevanti dwar il-prestazzjoni tagħha waqt dan l-eżami.

10      Fl-10 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel risposta lir-rikorrenti, fejn ippreċiżat li t-talba tagħha għal eżami mill-ġdid kienet intbagħtet lill-Bord tal‑Għażla tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li x-xogħlijiet tal‑Bord tal-Għażla kienu sigrieti, b’tali mod li, bla ħsara għall-informazzjoni kkomunikata fuq il-“kont EPSO” tar-rikorrenti, hija la setgħet tikkomunikalha t‑tabella ta’ evalwazzjoni, la r-rapport tal-Bord tal-Għażla, u lanqas il-marki individwali tal-membri tal-Bord tal-Għażla, anki kieku dawn kienu anonimizzati.

11      Fil-31 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni posta elettronika intitolata “Applikazzjoni konfermatorja skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001”, li fiha hija tenniet it-talba tagħha għal aċċess għad‑dokumenti u għall-informazzjoni msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq. Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti invokat, b’mod partikolari, il-premessa 11 tar‑Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal‑Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), kif ukoll l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39). Barra minn hekk, hija sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx esponiet ir-raġunijiet li jiġġustifikaw li l-aċċess għad-dokumenti u għall‑informazzjoni li hija kienet semmiet fl-imsemmija talba kien jippreġudika s‑sigriet tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla, li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kellhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u li hija kienet ipprovat l-eżistenza ta’ interess leġittimu sabiex tikseb l-aċċess għall-imsemmija dokumenti u informazzjoni, b’mod partikolari sabiex tinftiehem il-marka globali li kienet ingħatat lilha.

12      Permezz ta’ posta elettronika tal-24 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni esponiet li, peress li t-talba tar-rikorrenti tal-20 ta’ Diċembru 2019 ma kinitx tagħmel riferiment għar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni ma kinitx ittrattatha bħala talba li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda skont ir‑regoli ta’ amministrazzjoni tajba. Għalhekk, il-Kummissjoni enfasizzat li l‑posta elettronika tagħha tal-10 ta’ Jannar 2020 indirizzata lir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala risposta li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

13      Il-Kummissjoni informat ukoll lir-rikorrenti bil-fatt li kull talba għal aċċess għad‑dokumenti, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, kienet irreġistrata minn din l-istituzzjoni b’indikazzjoni tal-isem u tal-indirizz tal-applikant f’database aċċessibbli għal numru relattivament kbir ta’ membri tal-persunal u talbet lir‑rikorrenti tikkonferma espliċitament li hija xtaqet li l-posta elettronika tagħha tal-20 ta’ Diċembru 2019 tiġi ttrattata bħala tali talba għal aċċess għad-dokumenti.

14      Fit-28 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni bagħtet posta elettronika lir-rikorrenti intitolata “aċċess għad-data personali tiegħek” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2020”). Fiha, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex tikkonsulta l-flip chart fl-uffiċċji tal-Kummissjoni u sabiex tiltaqa’ mal-President tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“President tal-Bord tal‑Għażla”) sabiex tikseb rendikont orali dwar il-prestazzjoni tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ngħatat tabella li tindika l-korrispondenza bejn il‑marki f’ċifri minn 1 sa 10 attribwiti mill-Bord tal-Għażla u l-evalwazzjonijiet verbali “insuffiċjenti”, “tajba”, “b’saħħitha”, “b’saħħitha ħafna”, “eċċellenti” u “eżemplari” (iktar ’il quddiem it-“tabella ta’ konverżjoni”). Il-Kummissjoni esponiet li l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tar-rikorrenti fl-istadji kollha tal‑kompetizzjoni kienet saret skont din it-tabella.

15      Fl-4 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti talbet appuntament permezz ta’ posta elettronika sabiex tikkonsulta l-flip chart u sabiex tirċievi evalwazzjoni min-naħa tal-Bord tal‑Għażla tal-prestazzjoni tagħha waqt l-eżami orali.

16      Fit-13 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti bagħtet posta elettronika lill-Kummissjoni li tenniet it-talba tagħha għal aċċess għall-flip chart u għal laqgħa mal-President tal‑Bord tal-Għażla. Hija talbet ukoll aċċess għall-metodi ta’ għoti ta’ piż u ta’ arrotondament użati mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, billi kkunsidrat li dawn kienu jagħmlu parti mid-data personali tagħha, peress li dawn kienu intrinsikament marbuta mal-marka finali tagħha u mat-tabella ta’ konverżjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha. Barra minn hekk, hija enfasizzat li r-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx jeżiġi li t-talba ta’ aċċess għal dokumenti ssir b’mod speċifiku.

17      Permezz ta’ posta elettronika tad-9 ta’ April 2020, il-Kummissjoni informat lir‑rikorrenti li l-metodi msemmija iktar ’il fuq kienu koperti mis-sigriet tax‑xogħlijiet tal-Bordijiet tal-Għażla previst fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir‑“Regolamenti tal-Persunal”).

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019 li r‑rikorrenti ma tiġix inkluża fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni, b’tali mod li din id-deċiżjoni kellha tiġi kkonfermata. Il-Bord tal-Għażla speċifika li, qabel l-eżami orali, huwa kien iddefinixxa l-kontenut tiegħu, il-kwistjonijiet previsti, il-kriterji ta’ evalwazzjoni, il-proċedura ta’ evalwazzjoni kif ukoll il-kunsiderazzjoni ta’ kull komponent ta’ dan l-eżami msemmi fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

 Fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors

19      Fis-16 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti kopja elettronika tal‑flip chart.

20      Fit-22 ta’ Lulju 2020, inżammet laqgħa permezz ta’ videokonferenza bejn ir‑rikorrenti, il-President tal-Bord tal-Għażla u rappreżentant tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Skont il-minuti ta’ din il-laqgħa, matulha, ir-rikorrenti rċeviet kumment orali tal-President tal-Bord tal‑Għażla flimkien ma’ evalwazzjonijiet iddettaljati dwar il-prestazzjoni tagħha matul il-preżentazzjoni orali u tal-intervista. Il-President tal-Bord tal-Għażla ppreċiżat ukoll lir-rikorrenti li l-partijiet tal-eżami orali kienu ġew evalwati abbażi ta’ evalwazzjoni li kienet ġiet deċiża qabel il-bidu tal-kompetizzjoni u li kien hemm arrotondament tal-punti li kien iffissat għal 0.25 punt.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża.

22      Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

23      Fil-5 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

24      Fis-17 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir‑Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

25      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-28 ta’ April 2021, il‑Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-telf eventwali ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti fir-rigward tar‑rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess għad-dokumenti li hija finalment kellha aċċess għalihom, skont l-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

26      Il-Kummissjoni u r-rikorrenti kkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri fit-termini mogħtija.

27      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Mejju 2021, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ordna lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 91(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi d‑dokument li jinkludi l-metodu ta’ għoti ta’ piż użat mill-Bord tal-Għażla għal kull komponent tal-eżami orali. Il-Kummissjoni rrispettat din it-talba fit-terminu stabbilit. Konformement mal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, dan id‑dokument ma ġiex ikkomunikat lir-rikorrenti.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2021, wara l-mewt tal-Imħallef B. Berke li seħħet fl-1 ta’ Awwissu 2021, inħatar imħallef ġdid sabiex jikkompleta l‑kulleġġ ġudikanti.

29      Il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal‑Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2020 u tad-9 ta’ April 2020;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-iskop tat-tilwima u l-interess ġuridiku tar-rikorrenti

32      Fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-28 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx kif il-prestazzjoni globali tagħha kienet ekwivalenti għal evalwazzjoni verbali “tajba”, kif din ġiet ikkonvertita f’punteġġ ta’ 13‑il punt minn 20, u lanqas kif il-metodu ta’ arrotondament ġie applikat fil-każ speċifiku tagħha. Hija tenfasizza li, anki jekk hija rċeviet formalment it-tabella ta’ konverżjoni, kopja elettronika tal-flip chart, il-kummentarju orali tal-President tal-Bord tal-Għażla u l-metodu ta’ arrotondament tal-marka finali, id-dokumenti jew l-informazzjoni hekk ikkomunikati huma inkompleti peress li ma jinkludux l-istrument li huwa intrinsikament marbut magħhom, jiġifieri l-metodu ta’ għoti ta’ piż użat. Għalhekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li t-talba tagħha ma ntlaqgħetx u li hija għad għandha interess ġuridiku.

33      Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma għadx għandha interess ġuridiku fir-rigward tal-atti tal-Kummissjoni li rrifjutaw l-aċċess għall-informazzjoni u għad‑dokumenti msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, li għalihom hija kellha finalment aċċess. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija dokumenti, skont l-Artikolu 131(1) tar‑Regoli tal-Proċedura.

34      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess, kundizzjoni essenzjali u ewlenija għal kull azzjoni ġudizzjarja, jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2021, Leino‑Sandberg vs Il-Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 32 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

35      Sabiex tiġi ggarantita l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, kull persuna li tressaq azzjoni ġudizzjarja għandu jkollha interess ġuridiku ċert u attwali. L-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 56, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Lior vs Il‑Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Lior, T‑192/01 u T‑245/04, mhux ippubblikata, EU:T:2009:365, punt 247).

36      L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, jeżisti fil‑mument tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan l-iskop tal‑kawża, bħall-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk jirnexxi, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni, C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’ċerti ċirkustanzi, rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att ikkontestat sabiex l-awtur tal-att ikkontestat jagħmel, fil-futur, l-emendi xierqa u għalhekk jiġi evitat ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità li l-att huwa allegatament ivvizzjat biha. Il-persistenza ta’ dan l-interess tippreżumi li din l-illegalità tista’ terġa’ tirrepeti ruħha fil-futur, indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari tal‑kawża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C-57/16 P, EU:C:2018:660, punt 48).

38      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-persistenza tal‑interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi tal-allegata illegalità u tan-natura tad-dannu allegatament subit (sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65).

39      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kkomunikat lir‑rikorrenti, fl-ewwel lok, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2020, it-tabella ta’ konverżjoni (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), fit-tieni lok, permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Lulju 2020, kopja elettronika tal-flip chart (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), fit-tielet lok, waqt il-laqgħa permezz tal-videokonferenza tat-22 ta’ Lulju 2020, kumment orali tal-President tal-Bord tal-Għażla b’evalwazzjonijiet iddettaljati dwar il-prestazzjoni tagħha waqt il-preżentazzjoni orali tagħha u tal-intervista (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) u, fir-raba’ lok, matul l-istess laqgħa, il-metodu ta’ arrotondament tal-marki użat mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni (ara l‑punt 20 iktar ’il fuq).

40      Għalhekk, ir-rikorrenti ġew ikkomunikati lilha d-dokumenti kollha mitluba minnha bl-unika eċċezzjoni tad-dokument li jinkludi l-metodu ta’ għoti ta’ piż tal‑komponenti tal-eżami orali (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż”). Ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li hija tibqa’ tistenna li tirċievi dan id‑dokument.

41      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni r-rikorrenti, hija ma għadx għandha interess ġuridiku kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2020 u tad-9 ta’ April 2020 sa fejn dawn irrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti ssostni li d‑dokumenti u l-informazzjoni li ġew ikkomunikati lilha huma inkompleti peress li ma jinkludux l-istrument li huwa intrinsikament marbut magħhom, jiġifieri l‑koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż użati mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni. Issa, dan l-argument juri preċiżament li t-talba tagħha għal aċċess għall-imsemmija dokumenti u informazzjoni ġiet issodisfatta, u li l-interess ġuridiku tagħha jippersisti biss sa fejn dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni tad-9 ta’ April 2020 sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għad-dokument li jinkludi l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż.

42      Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, imsemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, jirriżulta li hija ma tinvoka ebda interess residwu kif previst mill‑ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dawn l‑osservazzjonijiet, hija ma ssostnix li l-illegalità invokata tista’ terġa’ sseħħ fil‑futur. Min-naħa l-oħra, hija għandha l-għan li tikkontesta s-suffiċjenza tal‑ispjegazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla fir-rigward tal-marka li ngħatatilha, kwistjoni li tmur lil hinn mis-suġġett ta’ din il-kawża.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors sar parzjalment mingħajr skop, peress li r-rikorrenti tilfet l-interess ġuridiku tagħha f’dak li jirrigwarda d‑dokumenti li għalihom hija kellha aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il-Kummissjoni, T‑29/08, EU:T:2011:448, punt 57).

44      Minn dan isegwi li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal annullament tar-rikorrenti sa fejn, permezz tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Frar 2020 u tad-9 ta’ April 2020, hija rrifjutatilha l-aċċess għall-metodu ta’ arrotondament użat mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

45      Konsegwentement, is-suġġett ta’ dan ir-rikors huwa limitat għall-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ April 2020 sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għad-dokument li jinkludi l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tal-komponenti tal-eżami orali stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Fuq il-mertu

 Fuq il-kuntest ġuridiku applikabbli u l-motivi insostenn tar-rikors

46      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk ir-rikorrenti tibbaża l-parti l‑kbira tal-argument tagħha fuq id-dritt tagħha ta’ aċċess għad-data personali tagħha, hija tinvoka impliċitament ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kif implimentat bir-Regolament Nru 1049/2001.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ma huwiex rilevanti, għall-finijiet tad‑determinazzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli għal dan ir-rikors, il-fatt li l‑Kummissjoni ma kkunsidratx li t-talba għal aċċess tar-rikorrenti kienet ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament ġiet issodisfatta mit-talba għal informazzjoni u għal aċċess għad-dokumenti mressqa mir-rikorrenti fl-20 ta’ Diċembru 2019 (ara l-punti 8 u 9 iktar ’il fuq).

48      Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument. Peress li t‑talba tar-rikorrenti kienet ġiet ifformulata f’forma bil-miktub u b’mod suffiċjentement preċiż sabiex tippermetti lill-istituzzjoni tidentifika d-dokumenti kkonċernati, hija kellha titqies bħala applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, kif barra minn hekk seta’ jiġi dedott mill-applikazzjoni konfermatorja ppreżentata mir-rikorrenti fil-31 ta’ Jannar 2020.

49      Konsegwentement, minkejja t-titolu tal-motivi fir-rikors, mill-argumenti tar‑rikorrenti jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija tinvoka, essenzjalment, erba’ motivi, l-ewwel tnejn huma mqajma b’mod espliċitu u l-aħħar tnejn b’mod impliċitu.

50      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2018/1725. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-Artikolu 14(1) u (2) u tal‑Artikolu 17 tar-Regolament 2018/1725. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

51      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel żewġ motivi, fid-dawl tal-fatt li l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ motivi jingħaqdu flimkien. Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati, b’mod distint, it-tielet u r-raba’ motiv.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motiv, ibbażati fuq il-ksur tar-Regolament 2018/1725 u taddritt għal amministrazzjoni tajba

52      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-rifjut tal‑Kummissjoni li tagħtiha aċċess għall-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż użati mill‑Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għal kull komponent tal-eżami orali, minħabba li dan il-piż huwa kopert mis-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, iwassal għal ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

53      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li t-tabella ta’ korrispondenza kkomunikata mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2020 kif ukoll il-metodi ta’ arrotondament u ta’ għoti ta’ piż użati sabiex tingħatalha l-marka finali tagħha kienu jinkludu data personali.

54      Skont ir-rikorrenti, waqt l-eżami orali ta’ kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla jipproċedi għall-ipproċessar tad-data personali tal-kandidat billi jgħaddi r-risposti li huwa jagħti għad-domandi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-merti ta’ dan il‑kandidat fid-dawl tar-rekwiżiti tal-avviż ta’ kompetizzjoni billi jieħu inkunsiderazzjoni t-tabella ta’ korrispondenza, il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż u l-metodu ta’ arrotondament.

55      Ir-rikorrenti tikkunsidra li, peress li d-data personali tagħha kienet għalhekk is‑suġġett ta’ pproċessar min-naħa tal-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar‑Regolament 2018/1725, hija għandha dritt ta’ aċċess għall-imsemmija data sakemm ma tkunx applikabbli waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament.

56      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kisret id-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, sa fejn l-aċċess għall-fajl kien neċessarju sabiex ir‑rikorrenti teżerċita d-dritt fundamentali tad-difiża tagħha u l-kapaċità tagħha li turi li d-deċiżjoni li ma tiġix inkluża fil-lista ta’ riżerva kienet żbaljata.

57      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kisret l-obbligu tagħha li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali, bi ksur tal‑Artikolu 14(1) u (2) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2018/1725 kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

59      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali, għandu jitfakkar li dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ April 2020 sa fejn din tirrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokument li fih il‑koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tal-komponenti tal-eżami orali (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).

60      Issa, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-kunsiderazzjoni ta’ kull komponent tal‑eżamijiet ta’ kompetizzjoni, iddefinita mill-Bord tal-Għażla qabel il-bidu tagħhom u applikabbli għall-kandidati kollha, ma tistax titqies bħala data personali fir-rigward tar-rikorrenti.

61      Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2018/1725, il-kunċett ta’ data personali tfisser “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli […]; “persuna fiżika identifikabbli” hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”.

62      Issa, f’dan il-każ, il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż iddefiniti għal kull komponent tal-eżami orali ma jistgħux jitqiesu bħala informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, b’tali mod li ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2018/1725.

63      Konsegwentement, ir-Regolament 2018/1725 ma huwiex applikabbli għat-talba tar-rikorrenti għal aċċess għad-dokument li jinkludi l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tal-komponenti tal-eżami orali, b’tali mod li l-argument tagħha li l‑Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament billi rrifjutatilha l‑aċċess għall-imsemmi dokument għandu jiġi miċħud.

64      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, li jinkludu d-dritt għal amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il-Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d‑dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tiegħu jew tagħha, filwaqt li jiġu rispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u kummerċjali.

66      F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-iskambji ta’ posta elettronika bejn il-partijiet, il-komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti kif ukoll il-laqgħa li nżammet fit-22 ta’ Lulju 2020 juru li l-Kummissjoni wriet ftuħ kbir fil-konfront tar-rikorrenti u ta’ diliġenza fit-trattament tat-talba tagħha, minkejja ċ-ċirkustanzi straordinarji marbuta mal-pandemija tal-COVID 19.

67      Sussegwentement, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rikorrenti barra minn hekk sempliċement tinvoka d-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl‑Artikolu 41 tal-Karta, mingħajr madankollu ma tippreżenta fir-rikors ilmenti jew argumenti preċiżi dwar l-aċċess għall-fajl.

68      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba ma jirrigwardax il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda huwa intiż sabiex jikkontesta s-suffiċjenza tal-ispjegazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla dwar il-marka li ngħatatilha u dwar id-deċiżjoni li ma tiġix inkluża fil-lista ta’ riżerva. Tali argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala ineffettiv fil-kuntest ta’ dan ir‑rikors.

69      Għaldaqstant l-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

70      Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

71      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli qajmet l-eċċezzjoni marbuta mas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla sabiex tirrifjutalha l-aċċess għad-data mitluba mingħajr ma spjegat kif dan l‑aċċess jikkomprometti konkretament u effettivament il-prinċipju tas-sigriet tax‑xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla.

72      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-punti 110 u 111 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2018, VG vs Il-Kummissjoni (T‑314/16 u T‑435/16, EU:T:2018:841).

73      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

74      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mit‑tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal‑att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal‑istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l‑istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ġġustifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ aċċess għar-raġunijiet li ġejjin:

“Fir-rigward tat-talba tiegħek għal aċċess għall-[koeffiċjenti] ta’ kunsiderazzjoni u [għall-metodu] ta’ arrotondament, l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal‑Persunal […] jipprovdi li l-proċeduri tal-Bord tal-Għażla huma sigrieti. Il‑prinċipju tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-indipendenza tal-Bordijiet tal-Għażla u l-oġġettività tal-proċeduri tagħhom, billi jipproteġihom minn kull interferenza jew pressjoni esterna, kemm jekk joriġinaw mill-amministrazzjoni […] stess, mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi. Konsegwentement, l-osservanza ta’ dan is-sigriet tipprekludi, […] kemm l-iżvelar tal-pożizzjonijiet meħuda mill-membri individwali tal-Bord tal‑Għażla u kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha marbuta mal-evalwazzjonijiet tal-karattru personali jew komparattivi fir-rigward tal-kandidati. Nikkunsidraw li l-[koeffiċjenti] ta’ kunsiderazzjoni u [l-metodu] ta’ arrotondament huma koperti bis-sigriet tal-proċeduri tal-Bord tal-Għażla bħala elementi li jirrigwardaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva”.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokument li jinkludi l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tal-komponenti tal-eżami orali minħabba l-fatt li dawn il-koeffiċjenti kienu koperti mis-sigriet tax‑xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla bħala elementi relatati ma’ evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 74, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal-Kummissjoni b’mod li tippermetti lir-rikorrenti ssir taf il‑ġustifikazzjonijiet għar-rifjut ta’ aċċess u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata kien suffiċjentement motivat.

77      Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 6 tal-Anness III tarRegolamenti talPersunal

78      Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li kisret id-dritt tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti billi interpretat b’mod żbaljat il‑prinċipju tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, stabbilit fl-Artikolu 6 tal‑Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala li jkopri l-koeffiċjenti għall‑għoti ta’ piż ta’ kull komponent tal-eżami orali.

79      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni li tgħid li l-prestazzjoni globali tagħha tqieset bħala “tajba” ma kinitx koerenti mal-fatt li hija kienet kisbet żewġ evalwazzjonijiet verbali “b’saħħitha” u evalwazzjoni verbali waħda biss “tajba” fir-rigward tat-tliet komponenti tal-eżami orali u kienet twassal sabiex tiżvaluta b’mod arbitrarju l-prestazzjoni globali tagħha.

80      Ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma tafx jekk waħda miż-żewġ evalwazzjonijiet verbali “b’saħħitha” li hija kisbet, jew saħansitra t-tnejn, kellhiex iktar importanza mill-evalwazzjoni verbali “tajba”. Hija tippreċiża li, billi telqet mill-prinċipju li t‑tabella ta’ konverżjoni kienet l-unika tabella użata mill-Bord tal-Għażla, hija ma tistax tevalwa b’mod sħiħ ir-regolarità tal-marka finali tagħha u, għaldaqstant, il‑legalità tad-deċiżjoni li ma tiġix inkluża fil-lista ta’ riżerva mingħajr ma jiġu pprovduti lilha wkoll il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż ta’ kull komponent tal‑eżami orali, li jaffettwaw il-marka finali li hija kisbet.

81      Skont ir-rikorrenti, l-aċċess għall-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż ta’ kull komponent tal-eżami orali huwa neċessarju sabiex hija teżerċita d-dritt fundamentali tad-difiża tagħha u l-kapaċità tagħha li turi li d-deċiżjoni li ma tiġix inkluża fil-lista ta’ riżerva hija żbaljata.

82      Hija ssostni wkoll li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni hija inkoerenti sa fejn, fir-rigward tal-eżamijiet tat-tip kwestjonarji b’għażla multipla, hija tispeċifika, fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-metodu ta’ kalkolu li jkun ser jintuża billi jiġu spjegati l-marki minimi li għandhom jinkisbu, l-eżamijiet li jkunu ser jiġu indikati fuq 10 jew fuq 20 punt li jinkludu l-għoti ta’ piż u r-riżultati li jkunu ser jintużaw għall‑kalkolu tal-marka finali.

83      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn motivazzjoni żbaljata f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tas‑sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla għall-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tal-komponenti tal-eżami orali. Hija tenfasizza li, anki jekk il-Bord tal-Għażla huwa liberu li jqassam l-20 punt tal-eżami orali bejn l-imsemmija komponenti, billi jagħti lil kull wieħed minn dawn it-tliet piż partikolari, l-importanza ta’ kull komponent ma hijiex intiża li tinbidel matul jew wara l-iżvolġiment tal-eżamijiet.

84      Ir-rikorrenti tqis li l-iżvelar tal-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż ta’ kull komponent tal-eżami orali qabel jew wara l-kompetizzjoni ma jistax jaffettwa l-indipendenza tal-Bord tal-Għażla u jgħin, barra minn hekk, lill-kandidati sabiex jippreparaw ruħhom aħjar, billi jkunu jafu l-importanza ta’ kull mistoqsija.

85      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

86      L-ewwel nett, hija tenfasizza li, fil-fażijiet inizjali tal-kompetizzjonijiet, l‑importanza relattiva tal-kategoriji ta’ mistoqsijiet li jistgħu jiġu dedotti mill‑avviżi ta’ kompetizzjoni fil-każ ta’ eżamijiet tat-tip kwestjonarji b’għażla multipla ma tirriżultax minn evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati u, konsegwentement, it-tixrid minn qabel ta’ informazzjoni dwar dan is-suġġett ma jistax jaffettwa d-diskrezzjoni u l-indipendenza tal-Bord tal-Għażla, b’differenza mill-introduzzjoni ta’ koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż bejn il-partijiet differenti tal‑kompetizzjoni sabiex jiġu adattati l-kriterji ta’ selezzjoni għar-realtà tal‑kandidati kkunsidrati kollha kemm huma.

87      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Höpcke vs Il-Kummissjoni (F‑46/12, EU:F:2013:131, punt 38).

88      Fil-punt 39 tar-risposta, il-Kummissjoni tesponi li d-deċiżjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ kull komponent tal-eżami orali ttieħdet matul il-kompetizzjoni abbażi tal‑ewwel evalwazzjoni tal-kandidati li tirriżulta mill-eżamijiet preċedenti għall‑eżami orali. Sussegwentement, il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż ġew applikati għal kull kandidat sabiex tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fit-trattament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-rikorrenti li dan il-piż ma jagħmilx parti mill-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva ma huwiex fondat. Bħala element ta’ natura komparattiva, il-kunsiderazzjoni tad-diversi komponenti ta’ kompetizzjoni taqa’, skont il-Kummissjoni, kompletament fis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-Bord tal-Għażla.

89      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tirrettifika din il-preżentazzjoni billi tindika li l‑piż ta’ kull komponent tal-eżami orali ma ġiex deċiż abbażi ta’ evalwazzjoni tal‑kandidati tal-kompetizzjoni. Hija tenfasizza li effettivament ma kien hemm ebda rabta bejn il-prestazzjoni tal-kandidati matul l-eżamijiet ta’ qabel l-eżami orali (l-eżamijiet ta’ preselezzjoni) u l-iffissar tal-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż qabel l-eżamijiet orali.

90      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li l-Bord tal-Għażla stabbilixxa l‑koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni tal‑prestazzjoni fl-eżami orali qabel ma bdew ix-xogħlijiet marbuta ma’ dan l‑istadju tal-kompetizzjoni u billi ma kellu ebda informazzjoni dwar l-identità tal‑kandidati u l-prestazzjoni tagħhom fl-istadju preċedenti. Barra minn hekk, dawn il-koeffiċjenti ġew applikati b’mod uniformi għall-kandidati kollha ammessi għall-eżami orali, filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

91      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet u tal‑kriterji ta’ korrezzjoni, u jinvoka f’dan ir-rigward is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T‑19/03, EU:T:2004:49, punti 48 u 60). Din il-ġurisprudenza tapplika għall-iffissar tal-koeffiċjenti għall‑għoti ta’ piż.

92      Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li, jekk il-parteċipanti f’kompetizzjoni kellhom aċċess għall-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tad-diversi komponenti ta’ din il‑kompetizzjoni, huma jkunu jistgħu jidħlu fil-qalba tad-diskrezzjoni li għandu l‑Bord tal-Għażla sabiex jevalwa l-kandidati, diskrezzjoni wiesgħa u suġġetta għal stħarriġ ta’ leġittimità mnaqqas ħafna, billi jirreferu għas-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2005, de Stefano vs Il-Kummissjoni (T‑25/03, EU:T:2005:168, punt 34), u tat-8 ta’ Mejju 2019, Stamatopoulos vs ENISA (T‑99/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:305, punt 49). Hija tqis li l-kandidati għall-kompetizzjoni jistgħu għalhekk jaslu għal konklużjonijiet dwar l-għażla tal-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż sabiex jikkontestaw l-eżitu tal-kompetizzjoni u jistgħu jsostnu, pereżempju, li dawn il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż ġew introdotti sabiex jiffavorixxu ċerta kategorija jew oħra ta’ parteċipanti.

93      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li, għal kompetizzjonijiet simili, il‑bordijiet tal-għażla jistgħu jiddeċiedu li jużaw koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż diġà applikati f’kompetizzjonijiet preċedenti. B’hekk, jekk jiġu żvelati l‑koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż rikorrenti, il-parteċipanti fil-kompetizzjonijiet futuri simili jistgħu minn qabel ikunu liema eżamijiet huma l-iktar importanti u jkunu għalhekk ivvantaġġjati meta mqabbla mal-parteċipanti fil-kompetizzjonijiet preċedenti, li jista’ b’mod artifiċjali jinċentiva lill-Bordijiet tal-Għażla sabiex jimmodifikaw il-koeffiċjenti ta’ evalwazzjoni.

94      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) TFUE u l‑Artikolu 42 tal-Karta, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika u ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, suġġett għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet kif iddefiniti konformement mal‑Artikolu 15(3) TFUE. Skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 15, l‑imsemmija prinċipji u kundizzjonijiet jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament u mill-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

95      Peress li adottat fuq din il-bażi, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, filwaqt li jkun suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 61 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

96      B’hekk, il-premessa 11 tal-imsemmi regolament tenfasizza b’mod partikolari l‑bżonn li “[l]-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l‑konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom”.

97      Is-sistema tal-eċċezzjonijiet hija ddefinita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta jkun fihom opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, fil-każ fejn l-iżvelar tad-dokument jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

98      B’hekk mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li s-sistema tal-eċċezzjoni li hija tipprevedi hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma ffavoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess tad‑dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ ineżami (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Alexandrou vs Il-Kummissjoni, T‑515/14 P u T‑516/14 P, EU:T:2015:844, punt 75).

99      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta istituzzjoni tal-Unjoni li quddiemha titressaq talba għal aċċess għal dokument tiddeċiedi li tiċħad din it-talba abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl‑Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, din għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id‑dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Alexandrou vs Il-Kummissjoni, T‑515/14 P u T‑516/14 P, EU:T:2015:844, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ tali preżunzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nruo1049/2001, ma jistgħux, meta d-dokumenti inklużi fit-talba għal aċċess jaqgħu taħt qasam partikolari tad‑dritt tal-Unjoni, jiġu interpretati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r‑regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għal dawn id-dokumenti (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Alexandrou vs Il-Kummissjoni, T‑515/14 P u T‑516/14 P, EU:T:2015:844, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Meta, bħal f’dan il-każ, il-kwistjonijiet kontenzjużi jaqgħu fil-qasam partikolari tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal‑Persunal (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Alexandrou vs Il‑Kummissjoni, T‑515/14 P u T‑516/14 P, EU:T:2015:844, punt 93).

103    Fuq il-bażi ta’ tali interpretazzjoni, skont l-għanijiet segwiti mill-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi, mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali tad-dokument mitlub l-aċċess, li l-iżvelar tal-imsemmi dokument, bħala prinċipju, jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Alexandrou vs Il-Kummissjoni, T‑515/14 P u T‑516/14 P, EU:T:2015:844, punt 94).

104    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-preżunzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument, skont l‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Alexandrou vs Il-Kummissjoni, T‑515/14 P u T‑516/14 P, EU:T:2015:844, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tal‑komponenti tal-eżami orali humiex koperti mis-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, u, jekk ikun il-każ, li tiġi evalwata konsegwentement il-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

106    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li x-xogħol tal-Bord tal-Għażla huwa sigriet.

107    Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa relatat speċifikament mal-proċeduri ta’ kompetizzjoni, jistabbilixxi l‑prinċipju tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla sabiex tiġi ggarantita l‑indipendenza tal-Bordijiet tal-Għażla u l-oġġettività tal-ħidma tagħhom, billi jipproteġihom minn kull interferenza jew pressjoni esterna, kemm jekk joriġinaw mill-amministrazzjoni stess, mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi. L‑osservanza ta’ dan is-sigriet tipprekludi għalhekk kemm l-iżvelar tal‑pożizzjonijiet adottati mill-membri individwali tal-Bordijiet tal-Għażla kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha li jikkonċernaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva dwar il-kandidati (sentenza tat-28 ta’ Frar 1980, Bonu vs Il-Kunsill, 89/79, EU:C:1980:60, punt 5).

108    Il-ħidma ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni tinkludi, b’mod ġenerali, minn tal‑inqas żewġ stadji distinti, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-eżami tal-kandidaturi sabiex jintgħażlu l-kandidati ammessi għall-kompetizzjoni u, fit-tieni lok, l-eżami tal‑kapaċitajiet tal-kandidati fid-dawl tal-pożizzjoni li għandha timtela, sabiex titħejja lista ta’ riżerva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 26 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

109    It-tieni fażi tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla hija primarjament ta’ natura komparattiva u għalhekk koperta mis-sigriet inerenti għal dawn ix-xogħlijiet (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Il-kriterji ta’ korrezzjoni adottati mill-Bord tal-Għażla qabel l-eżamijiet jifformaw parti integrali mill-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva mwettqa mill-Bord tal-Għażla fir-rigward tal-merti rispettivi tal-kandidati. Fil-fatt, dawn il-kriterji huma intiżi sabiex tiġi żgurata, fl-interess ta’ dawn il-kandidati, ċerta omoġeneità fl-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari meta jkun hemm numru kbir ta’ kandidati. Dawn il-kriterji huma għalhekk koperti mis-sigriet tad‑deliberazzjonijiet bl-istess mod bħall-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 29).

111    L-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva mwettqa mill-Bord tal-Għażla huma riflessi fil-marki li dan tal-aħħar jagħti lill-kandidati. Dawn il-marki huma l‑espressjoni ta’ ġudizzji ta’ valur magħmula fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 30).

112    Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex imexxi x-xogħlijiet tiegħu. Għaldaqstant, meta l-avviż ta’ kompetizzjoni ma jipprevedix kriterji ta’ evalwazzjoni, huwa jista’ jiffissa tali kriterji jew, meta l-avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedi dawn il‑kriterji mingħajr ma jistabbilixxi l-piż rispettiv li għandhom jingħataw, huwa jista’ jiddetermina dan il-piż (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Mata Blanco vs Il-Kummissjoni, F‑65/10, EU:F:2012:178, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Minn dan jirriżulta li, meta avviż ta’ kompetizzjoni ma jispeċifikax il-piż ta’ kull kriterju ta’ evalwazzjoni applikabbli għal eżami partikolari, il-Bord tal-Għażla għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jiddetermina l-mod li bih in-numru totali ta’ punti li dan l-avviż jipprevedi għal dan l-eżami għandu jitqassam bejn id‑diversi elementi li jiffurmawh, skont l-importanza li huwa jagħti lil dawn l‑elementi fir-rigward tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Mata Blanco vs Il-Kummissjoni, F‑65/10, EU:F:2012:178, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Għażla qies, skont l-avviż ta’ kompetizzjoni, li l-eżami orali huwa evalwat skont żewġ partijiet (intervista u preżentazzjoni strutturata) u li l-parti relatata mal-intervista hija evalwata skont żewġ subpartijiet (esperjenza professjonali u motivazzjoni). B’hekk, it-tliet marki kwalitattivi li l-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti kienu jikkonsistu fi tliet elementi ta’ evalwazzjoni, li tnejn minnhom jirrigwardaw l-ewwel parti tal-eżami orali (laqgħa) u parti tat-tieni parti tal-eżami orali (preżentazzjoni strutturata).

115    Il-Kummissjoni ma kkontestatx il-fatt li l-partijiet tal-eżami orali ma ngħatawx kollha l-istess għoti ta’ piż mill-Bord tal-Għażla. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punt 18 iktar ’il fuq, li l-Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni adotta koeffiċjent għall-għoti ta’ piż għal kull komponent tal‑eżami orali. Il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni ġew applikati għall‑evalwazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Għażla fir-rigward tal‑prestazzjonijiet tal-kandidati f’dawn il-komponenti, sabiex tinkiseb medja mwieżna ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

116    Sabiex jiġi evalwat jekk il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni humiex koperti mis-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla previst fl-Artikolu 6 tal‑Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi vverifikat jekk il-Bord tal-Għażla, meta stabbilixxa dawn il-koeffiċjenti, wettaqx evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 108 sa 111 iktar ’il fuq.

117    Kif jirriżulta mill-punti 89 u 90 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreċiżat li l‑koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż ma ġewx stabbiliti abbażi ta’ evalwazzjoni tal‑kandidati tal-kompetizzjoni. Il-Bord tal-Għażla stabbilixxa dawn il-koeffiċjenti qabel ma bdew ix-xogħlijiet relatat mal-eżami orali u mingħajr ma kellu informazzjoni dwar l-identità tal-kandidati u l-prestazzjoni tagħhom fl-istadju preċedenti. Barra minn hekk, dawn il-koeffiċjenti ġew applikati b’mod uniformi għall-kandidati kollha ammessi għall-eżami orali, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

118    Minn dan jirriżulta li l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż ta’ kull komponent tal-eżami orali ma jagħmlux parti mill-attitudnijiet meħuda mill-membri individwali tal‑Bord tal-Għażla, peress li dawn intużaw wara l-iżvelar tal-elementi kollha li jirrigwardaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva li jikkonċernaw il-kandidati fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, li huma protetti mis-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla.

119    Il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala kriterji ta’ korrezzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji ta’ korrezzjoni imsemmija fis‑sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276), jiggwidaw lill-Bord tal-Għażla fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-kandidati fl-eżamijiet ta’ kompetizzjoni u fl-eventwali komponenti ta’ kull eżami. Dawn il-kriterji jikkostitwixxu strument li juża l-Bord tal-Għażla meta jagħmel ġudizzju ta’ valur fir-rigward ta’ dawn il-prestazzjonijiet, sabiex jiżgura l‑omoġeneità tal-evalwazzjonijiet tiegħu. F’dan is-sens, kif iddeċidiet il-Qorti tal‑Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, dawn il-kriterji jifformaw parti integrali mill‑evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva mwettqa mill-Bord tal-Għażla fir‑rigward tal-merti rispettivi tal-kandidati u għandhom, għaldaqstant, jibqgħu sigrieti (ara l-punt 110 iktar ’il fuq). Fil-fatt, sabiex jevalwa b’mod kompletament oġġettiv u liberu l-kandidati, Bord tal-Għażla għandu jkun jista’ jorganizza x‑xogħol tiegħu, billi jagħti lilu nnifsu, jekk ikun meħtieġ, kriterji u kriterji sekondarji li, jekk ikun il-każ, ikunu mwieżna bejniethom.

121    Għall-kuntrarju, il-koeffiċjenti stabbiliti minn Bord tal-Għażla sabiex jingħataw piż il-komponenti ta’ eżami previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni ma jissodisfawx l‑istess funzjoni bħal dik tal-kriterji ta’ korrezzjoni msemmija fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276). Fil-fatt, dawn il-koeffiċjenti ma humiex intiżi li jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni komparattiva tal-prestazzjonijiet tal-kandidati fl-eżami inkwistjoni. Dawn huma stabbiliti mill-Bord tal-Għażla, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, sabiex jesprimi l-importanza relattiva li dan jagħti lid-diversi komponenti tal‑eżami, imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni, fi ħdan il-marka globali mogħtija lil kandidat għal dan l-eżami kollu.

122    Ċertament, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, id‑determinazzjoni tal-piż ta’ kull parti ta’ eżami taqa’, kif issostni l-Kummissjoni, taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdi l-Bord tal-Għażla. Għalhekk, huwa fid-diskrezzjoni tal-Bord tal-Għażla li jiddetermina jekk parti mill-eżami orali hijiex iktar minn oħra fil-kalkolu tal-marka finali tal-kandidati għal dan l-eżami.

123    Madankollu, dan ma jfissirx li dan il-piż għandu jkun sigriet. Fil-fatt, mis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276), ma jirriżultax li s-sempliċi fatt li l-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tax-xogħlijiet tiegħu huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li kull element li jirrigwarda l-metodu segwit sabiex tiġi stabbilita l-marka globali li tiddetermina s-suċċess f’kompetizzjoni huwa kopert mis-sigriet tax-xogħlijiet tal‑Bord tal-Għażla.

124    Kif tfakkar fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan is‑sigriet kien jeskludi l-iżvelar tal-attitudnijiet meħuda mill-membri individwali tal-Bord tal-Għażla kif ukoll l-iżvelar tal-elementi li jirrigwardaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva fir-rigward tal-kandidati.

125    Issa, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li jevalwa l-komponenti ta’ eżami għandha tiġi distinta mill-evalwazzjonijiet li dan jirrigwarda dwar il-kompetenzi tal‑kandidati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, GY vs Il‑Kummissjoni, F‑123/15, EU:F:2016:160, punt 51).

126    Fil-fatt, tali piż ma jikkostitwixxix evalwazzjoni personali jew komparattiva tal‑merti rispettivi tal-kandidati, peress li l-adozzjoni tiegħu ma tinkludi ebda ġudizzju ta’ valur min-naħa tal-Bord tal-Għażla dwar il-konoxxenzi u l‑kapaċitajiet tagħhom. Għall-kuntrarju, il-piż ta’ kull komponent tal-eżami orali huwa ddeterminat b’mod oġġettiv, qabel dan, skont l-importanza li l-Bord tal‑Għażla jattribwixxilu fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta mal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew.

127    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż ma jistgħux jiġu koperti mis-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, sa fejn dawn ma jinkludux evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva. Dawn jikkostitwixxu sempliċement valuri matematiċi li jirriflettu l-piż mogħti lid-diversi partijiet tal-eżami orali sabiex tiġi kkalkolata l-marka finali ta’ kull kandidat.

128    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, anki jekk il-Bord tal-Għażla ma jistax ikun obbligat, billi jimmotiva l-fatt li kandidat ma għaddiex minn eżami, li jippreċiża r-risposti tal-kandidat li ġew ikkunsidrati bħala insuffiċjenti jew li jispjega għaliex dawn ir-risposti tqiesu insuffiċjenti, is-sigriet tax-xogħlijiet tiegħu u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu ma jimplikawx li l-kandidati għal kompetizzjoni li jagħmlu talba għal dan il-għan ma jistgħux, jekk ikun il-każ, jiksbu l-komunikazzjoni tal-marki miksuba lil kull wieħed mill-komponenti tal‑eżami orali msemmija f’avviż ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Wybranowski vs Il-Kummissjoni, F‑17/08, EU:F:2010:83, punti 98 u 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li diġà ġie deċiż li ma kienx hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni peress li r-rikorrent seta’ jikseb il-komunikazzjoni b’mod partikolari tal-piż lill-kriterji ta’ evalwazzjoni msemmija f’avviż ta’ kompetizzjoni dwar l-eżami orali previst minnu.(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Wybranowski vs Il‑Kummissjoni, F‑17/08, EU:F:2010:83, punti 104 u 106).

129    F’dan il-każ, mill-eżami tad-dokument ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżura istruttorja msemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq jirriżulta li dan id‑dokument jinkludi l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż taż-żewġ partijiet tal-eżami orali previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni (intervista u preżentazzjoni strutturata) kif ukoll il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż taż-żewġ subpartijiet tal-intervista previsti wkoll mill-avviż ta’ kompetizzjoni (esperjenza professjonali u motivazzjoni). L-imsemmi dokument jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-kriterji ta’ korrezzjoni użati mill-Bord tal-Għażla sabiex jevalwa l-valur tal‑prestazzjonijiet tal-kandidati f’kull parti tal-eżami orali kif ukoll il-piż ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż taż‑żewġ partijiet tal-eżami orali (intervista u preżentazzjoni strutturata) kif ukoll il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż taż-żewġ subpartijiet tal-intervista (esperjenza professjonali u motivazzjoni) ma jagħmlux parti mill-evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva li l-Bord tal-Għażla jagħmel sabiex jagħti ġudizzju ta’ valur fir-rigward ta’ dawn il-prestazzjonijiet tal-kandidati, konformement mal‑ġurisprudenza mfakkra fil-punti 108 sa 111 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux ikunu koperti mis-sigriet tal-proċeduri tal-Bord tal-Għażla msemmi fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

131    Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni dwar il-kriterji ta’ korrezzjoni użati mill-Bord tal-Għażla sabiex jagħti ġudizzju ta’ valur fir-rigward tal-prestazzjonijiet tal‑kandidati f’kull parti tal-eżami orali kif ukoll il-piż ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji huma koperti mis-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq, sa fejn dawn jagħmlu parti integrali mill-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva fuq il-merti rispettivi tal-kandidati mwettqa mill-Bord tal-Għażla.

132    Skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss tad‑dokument mitlub tirrigwarda waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

133    Skont il-ġurisprudenza, l-eżami tal-aċċess parzjali għal dokument tal‑istituzzjonijiet għandu jsir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li d-derogi ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, EU:C:2001:661, punti 27 u 28).

134    Mill-kliem innifsu tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li istituzzjoni hija marbuta li teżamina jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad‑dokumenti koperti minn talba għal aċċess, billi tillimita eventwali rifjut biss għall-informazzjoni koperta mill-eċċezzjonijiet ikkonċernati. L-istituzzjoni għandha tagħti tali aċċess parzjali jekk l-għan ta’ din l-istituzzjoni, meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, ikun jista’ jintlaħaq fil-każ li din l-istituzzjoni tillimita ruħha li tgħatti s-siltiet li jistgħu jippreġudikaw l-interess pubbliku mħares (ara s‑sentenza tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, T‑264/04, EU:T:2007:114, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha tagħti aċċess parzjali għad-dokument li jinkludi l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż tal-komponenti tal-eżami orali, li hija rrifjutat billi sostniet li l-imsemmi dokument kien jaqa’, fl-intier tiegħu, taħt is‑sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’ u d‑deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din irrifjutat l-aċċess għad‑dokument li jinkludi l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż dwar iż-żewġ partijiet tal-eżami orali previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni (intervista u preżentazzjoni strutturata) kif ukoll għaż-żewġ subpartijiet tal-intervista previsti wkoll mill-avviż ta’ kompetizzjoni (esperjenza professjonali u motivazzjoni), mingħajr informazzjoni dwar il-kriterji ta’ korrezzjoni użati mill-Bord tal-Għażla għall‑eżami orali kif ukoll tal-piż ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji.

 Fuq l-ispejjeż

137    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet fil-parti li tirrigwarda l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-9 ta’ April 2020, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta magħha, kif mitlub mir-rikorrenti. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali, issir evalwazzjoni ġusta jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati wkoll l-ispejjeż marbuta magħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2020 u tad-9 ta’ April 2020, sa fejn dawn jirrifjutaw l-aċċess għall-metodu ta’ arrotondament użat mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/03/AD/18 (AD 6) – 1 – Amministraturi.

2)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ April 2020 hija annullata peress li tiċħad l-aċċess għad-dokument li fih il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż taż-żewġ partijiet tat-test orali (intervista u preżentazzjoni strutturata) previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni interna COM/03/AD/18 (AD 6) – 1 – Amministraturi kif ukoll taż-żewġ subpartijiet tal-intervista (esperjenza professjonali u motivazzjoni), previsti wkoll mill-avviż ta’ kompetizzjoni.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Costeira

Kancheva

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Diċembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.