Language of document : ECLI:EU:C:2005:270

SENTENZA TAL-QORTI (Awla Manja)

tat-3 ta’ Mejju 2005 (*)

«Liġi tal-Kumpanniji – Artikolu 5 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 5 tat-Trattat KE, li mbagħad sar l-Artikolu 10 KE) u Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KEE [li sar l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KE, li mbagħad sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 44(2)(g) KE] – L-Ewwel Direttiva 68/151/KEE, ir-Raba' Direttiva 78/660/KEE u s-Seba' Direttiva 83/349/KEE – Kontijiet annwali – Prinċipju ta' l-istampa vera u ġusta – Pieni previsti f'każ ta' informazzjoni falza dwar il-kumpanniji (falsifikazzjoni ta' kontijiet) – Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva 68/151 – Ħtieġa li l-pieni għal ksur tad-dritt Komunitarju jkunu ta' natura xierqa»

Fil-kawżi magħquda C-387/02, C-391/02 u C-403/02,

li għandhom bħala għan talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Milano (C-387/02 u C‑403/02) u mill-Corte d'appello di Lecce (C-391/02) (l-Italja), permezz tad-deċiżjonijiet tas-26, tad-29 u tas-7 ta' Ottubru 2002, li waslu lill-Qorti fit-28 ta' Ottubru, fit-12 u fit-8 ta’ Novembru 2002 rispettivament, fil-proċeduri kriminali kontra

Silvio Berlusconi (C-387/02),

Sergio Adelchi (C-391/02),

Marcello Dell’Utri et (C-403/02),

IL-QORTI (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), A. Rosas u A. Borg Barthet, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus u E. Levits, Mħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Lulju 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għas-Sur Berlusconi, minn G. Pecorella u N. Ghedini, avvocati,

–       għas-Sur Adelchi, minn P. Corleto, avvocato,

–       għas-Sur Dell’Utri, minn G. Roberti u P. Siniscalchi, avvocati,

–       għall-Procura della Repubblica, minn G. Colombo, G. Giannuzzi, E. Cillo u I. Boccassini, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn O. Fiumara, avvocato dello Stato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci u C. Schmidt, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu ta' l-1968 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (68/151/KEE) (ĠU L 65, p. 8, iżjed 'il quddiem l-«Ewwel Direttiva Kumpanniji»), b'mod partikolari, ta' l-Artikolu 6 tagħha, tar-Raba' Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju tal-1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54 (3) (g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji (78/660/KEE) (ĠU L 222, p. 11, iżjed 'il quddiem ir-«Raba' Direttiva Kumpanniji»), b'mod partikolari ta' l-Artikolu 2 tagħha, u tas-Seba' Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju ta' l-1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54 (3) (g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (83/349/KEE) (ĠU L 193, p. 1, iżjed 'il quddiem is-«Seba' Direttiva Kumpanniji»), b'mod partikolari ta' l-Artikolu 16 tagħha, kif ukoll ta' l-Artikoli 5 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 5 tat-Trattat KE, li mbagħad sar l-Artikolu 10 KE) u 54(3)(g), tat-Trattat KEE [li sar l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KE, li mbagħad sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 44(2)(g) KE)].

2       Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta' proċeduri kriminali li ttieħdu kontra s-Sinjuri Berlusconi (C-387/02), Adelchi (C-391/02) u Dell'Utri et (C-401/02) għal allegat ksur tad-dispożizzjonijiet dwar informazzjoni falza fuq il-kumpanniji (falsifikazzjoni ta' kontijiet) previsti mill-codice civile (iżjed 'il quddiem il-«Kodiċi Ċivili Taljan»).

 Il-qafas ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Bis-saħħa ta' l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jaħdmu sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment billi jikkoordinaw, sa fejn hu neċessarju u bil-ħsieb li jiżguraw l-ekwivalenza tagħhom fil-Komunità kollha, il-garanziji meħtieġa fi Stati Membri minn kumpanniji fis-sens ta' l-Artikolu 58 paragrafu 2 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 58 paragrafu 2 tat-Trattat KE, li mbagħad sar l-Artikolu 48 paragrafu 2 KE), biex jipproteġu l-interessi kemm tal-membri kif ukoll ta' terzi.

4       Diversi direttivi ġew hekk adottati mill-Kunsill fuq din il-bażi, b'mod partikolari d-direttivi segwenti, li għalihom jirreferu l-kawżi prinċipali.

5       L-Ewwel Direttiva Kumpanniji tapplika, skond l-Artikolu 1 tagħha, għall-kumpanniji, jiġifieri fil-każ ta' l-Italja, għat-tipi ta' kumpanniji li ġejjin: is-società per azioni (soċjetà anonima, iżjed 'il quddiem «SpA»), is-società in accomandita per azioni (soċjetà in akkomandita), u s-società a responsabilità limitata (kumpannija ta' responsabbiltà limitata, iżjed 'il quddiem «Srl»).

6       Din id-Direttiva tipprovdi tliet miżuri li għandhom bħala għan li jipproteġu t-terzi li jinnegozjaw ma' dawn il-kumpanniji, jiġifieri, il-kompilazzjoni ta' fajl li jiġbor fih ċertu ammont ta' informazzjoni obbligatorja miżmuma għal kull kumpannija fir-reġistru kummerċjali territorjalment kompetenti, l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar il-validità u l-effett fil-konfront ta' terzi ta' l-obbligi assunti għan-nom ta' kumpannija (inklużi obbligi assunti għall-kumpanniji li jkunu qed jiġu ffurmati), u l-iffissar ta' lista eżawrjenti tar-raġunijiet ta' nullità tal-kumpanniji.

7       Skond l-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji:

«1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw żvelar obbligatorju minn kumpaniji ta' għall-inqas id-dokumenti u dettalji li ġejjin:

[...]

(f)      Il-karta tal-bilanċ u l-kont ta' qligħ u telf għal kull sena finanzjarja. Id-dokument li fih il-karta tal-bilanċ għandu jagħti dettalji tal-persuni li huma meħtieġa bil-liġi biex jiċċertifikawh. Iżda, dwar il-Gesellschaft mit beschränkter Haftung, société de personnes à responsabilité limitée, personenvennootschap met beperkte aansprakelijkheid, société à responsabilité limitée u società a responsabilità limitata taħt il-liġi Ġermaniża, Belġjana, Franċiża, Taljana jew tal-Lussemburgu, imsemmija f’Artikolu 1, u l-besloten naamloze vennootschap taħt il-liġi tal-Olanda, l-applikazzjoni obbligatorja ta' din id-disposizzjoni għandha tiġi posposta sad-data ta' implimentazzjoni ta' Direttiva dwar koordinazzjoni tal-kontenut ta' karti tal-bilanċ u ta' kontijiet ta' qligħ u telf u dwar eżenzjoni ta' dawk il-kumpaniji li t-total tal-karta tal-bilanċ tagħhom huwa inqas minn dak speċifikat fid-Direttiva mill-obbligu li jagħmlu żvelar, sħiħ jew parti, tad-dokumenti msemmija. Il-Kunsill għandu jadotta dik id-Direttiva fi żmien sentejn wara l-adozzjoni tad-Direttiva preżenti;

[...]»

8       L-Artikolu 3(1) u (2) ta' din id-Direttiva jiddisponi:

«1.      F'kull Stat Membru għandu jinfetaħ fajl f'reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali jew reġistru tal-kumpaniji, għal kull kumpanija reġistrata fihom.

2.      Id-dokumenti u dettalji kollha li għandhom jiġu żvelati skond l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru; is-suġġett tad-dħul fir-reġistru għandu jidher f'kull każ fil-fajl.»

9       Skond l-Artikolu 6 ta' l-imsemmija Direttiva:

«L-Istati Membri għandhom ikollhom pieni xierqa fil-każ ta’:

–      nuqqas ta’ żvelar tal-karta tal-bilanċ u l-kont ta’ qligħ u telf kif meħtieġ minn Artikolu 2 (1) (f);

[...]»

10     Ir-Raba' Direttiva Kumpanniji, li tapplika, fil-każ ta' l-Italja, għall-istess tipi ta' kumpanniji bħal dawk li għalihom tapplika l-Ewwel Direttiva Kumpanniji u msemmija fil-paragrafu 5 ta' din is-sentenza, tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kompilazzjoni, il-kontenut, l-istruttura u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali tal-kumpanniji.

11     L-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva jiddisponi:

«1.      Il-kontijiet annwali għandhom jikkomprendu l-karta tal-bilanċi, il-kont ta' qligħ u telf u n-noti dwar il-kontijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jikkostitwixxu xi ħaġa sħiħa u komposta.

2.      Huma għandhom isiru b'mod ċar u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta ta' l-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija.

4.      Meta l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma tkunx biżżejjed biex tagħti stampa vera u ġusta fis-sens ta' paragrafu 3, għandha tingħata informazzjoni iżjed.

5.      Meta f'każijiet eċċezzjonali l-applikazzjoni tad-disposizzjoni ta' din id-Direttiva tkun inkompatibbli ma' l-obbligu speċifikat f'paragrafu 3, wieħed għandu jitbiegħed minn dik id-disposizzjoni sabiex tingħata stampa vera u ġusta fis-sens tal-paragrafu 3. Kull tbegħid bħal dak għandu jintwera fin-noti dwar il-kontijiet flimkien ma' spjegazzjoni tar-raġunijiet għal dan u dikjarazzjoni dwar l-effett tiegħu fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ u telf. L-Istati Membri jistgħu jfissru l-każijiet eċċezzjonali relattivi u jispeċifikaw ir-regoli rilevanti u speċjali.

6.      L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw jew jeħtieġu il-wiri fil-kontijiet annwali ta' informazzjoni oħra kif ukoll dak li għandu jintwera skond din id-Direttiva.»

12     L-Artikolu 11 ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jħallu l-kumpanniji li ma jeċċedux ċerti limiti relattivi għat-total tal-karta tal-bilanċi, għat-turnover nett u għan-numru ta' impjegati, jagħmlu karti tal-bilanċi mqassra. L-Artikolu 12 ta' l-istess Direttiva jinkludi aktar dettalji f'dan ir-rigward.

13     L-Artikolu 47(1) tar-Raba' Direttiva Kumpanniji, li jinsab fit-Taqsima 10 tagħha, intitolata «Pubblikazzjoni», jiddisponi:

«Il-kontijiet annwali, approvati kif imiss, u r-rapport annwali, flimkien ma' l-opinjoni mogħtija mill-persuna responsabbli għall-verifika tal-kontijiet, għandhom jiġu pubblikati kif speċifikat mil-liġijiet ta' kull Stat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE.

[...]»

14     Skond l-Artikolu 51 tar-Raba' Direttiva Kumpanniji, li jinsab fit-Taqsima 11 tagħha, intitolata «Verifika»:

«1.      (a)   Kumpanniji għandhom ikollhom il-kontijiet annwali tagħhom verifikati minn persuna waħda jew iktar awtorizzati bil-liġi nazzjonali biex jivverifikaw kontijiet.

         (b)   Il-persuna jew persuni responsabbli għall-verifika tal-kontijiet għandhom jivverifikaw ukoll li r-rapport annwali jaqbel mal-kontijiet annwali għall-istess sena finanzjarja.

2.      L-Istati Membri jistgħu jeħilsu lill-kumpanniji msemmija f’Artikolu 11 mill-obbligu impost minn paragrafu 1.

L-Artikolu 12 għandu japplika.

3.      Meta l-eżenzjoni prevista f’paragrafu 2 hija mogħtija l-Istati Membri għandhom jintroduċu sanzjonijiet xierqa fil-liġijiet tagħhom għal każijiet li fihom il-kontijiet annwali jew ir-rapporti annwali ta' dawk il-kumpanniji ma jsirux skond il-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.»

15     Is-Seba' Direttiva Kumpanniji, li tapplika, fil-każ ta' l-Italja, għall-istess tipi ta' kumpanniji bħal dawk li għalihom japplikaw l-Ewwel u r-Raba' Direttivi Kumpanniji u li huma msemmija fil-paragrafi 5 u 10 ta' din is-sentenza, tippreskrivi miżuri ta' koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontijiet konsolidati tal-kumpanniji.

16     L-Artikolu 16 (2) sa (6) tas-Seba' Direttiva Kumpanniji jipprovdi, għal dak li jirrigwarda l-kontijiet konsolidati, sostanzjalment l-istess dispożizzjonijiet bħal dawk ta' l-Artikolu 2 (2) sa (6) tar-Raba' Direttiva Kumpanniji rigward il-kontijiet annwali, imsemmija fil-paragrafu 11 ta' din is-sentenza.

17     L-Artikolu 38 (1), (4) u (6), li jinsab fit-Taqsima 5 tas-Seba' Direttiva Kumpanniji, intitolata «Il-pubblikazzjoni ta' kontijiet konsolidati», jiddisponi:

«1.      Kontijiet konsolidati, approvati kif imiss, u r-rapport annwali konsolidat, flimkien ma' l-opinjoni li tkun ingħatat mill-persuna responsabbli biex tivverifika l-kontijiet konsolidati, għandhom jiġu pubblikati [mill-]impriża li għamlet il-kontijiet konsolidati kif speċifikat mil-liġijiet ta' l-Istat Membru li jirregolaha skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE.

[...]

4.      Madankollu, meta l-impriża li għamlet il-kontijiet konsolidati mhijiex stabbilita bħala waħda mit-tipi ta' kumpaniji elenkati fl-Artikolu 4 u mhijiex mitluba mil-liġi nazzjonali tiegħu li tippubblika d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 bl-istess mod kif preskritt fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE, hija għandha għall-inqas tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku fil-uffiċċju prinċipali tagħha. [...]

[...]

6.      L-Istati Membri għandhom jiddisponu għal sanzjonijiet xierqa għal nuqqas ta' tħaris ta' l-obbligazzjonijiet ta' pubblikazzjoni imposti f'dan l-Artikolu.»

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-liġi tal-kumpanniji

18     Id-Digriet Leġiżlattiv tal-President tar-Repubblika Nru 61, tal-11 ta' April 2002, li jirregola r-reati kriminali u amministrattivi dwar il-kumpanniji kummerċjali, skond l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 366 tat-3 ta' Ottubru 2001 (GURI Nru 88, tal-15 ta' April 2002, p. 4, 'il quddiem id-«Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2002»), li daħal fis-seħħ fis-16 ta' April 2002, issostitwixxa t-Titolu XI tal-Ħames Ktieb tal-Kodiċi Ċivili Taljan bit-Titolu XI il-ġdid, intitolat «Dispożizzjonijiet kriminali dwar kumpanniji u konsorzji ta' kumpanniji».

19     Dan id-Digriet Leġiżlattiv ġie adottat fil-kuntest tar-riforma tal-liġi Taljana tal-kumpanniji li ġiet implimentata permezz ta' ġabra ta' digrieti leġiżlattivi adottati abbażi tas-setgħa mogħtija bil-Liġi Nru 366 tat-3 ta' Ottubru 2001 (GURI Nru 234, tat-8 ta' Ottubru 2001).

20     L-Artikolu 2621 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, intitolat «Komunikazzjonijiet foloz u tqassim illegali ta' qligħ jew ta' dividendi interim», fil-verżjoni tiegħu ta' qabel id-dħul fis-seħħ id-Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2002 ('il quddiem l-«Artikolu 2621 l-antik tal-Kodiċi Ċivili Taljan»), kien jiddisponi:

«Sakemm il-fatt ma jagħtix lok għal reat aktar gravi, jeħlu piena ta' priġunerija minn sena sa ħames snin u ta' ammenda minn 1 032 Euro sa 10 329 Euro:

1)      il-promoturi, il-membri fundaturi, l-amministraturi, id-diretturi ġenerali, l-awdituri u l-istralċjarji li, fir-rapporti, fil-karti tal-bilanċ u fil-komunikazzjonijiet l-oħra tal-kumpannija, bil-qerq juru fatti li ma jikkorrispondux għall-verità dwar il-kostituzzjoni jew is-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpannija jew jaħbu għal kollox jew parzjalment fatti relattivi għal din is-sitwazzjoni;

[...]»

21     Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2002 introduċa inter alia fl-Artikoli 2621 u 2622 tal-Kodiċi Ċivili Taljan dispożizzjonijiet kriminali ġodda li jippenalizzaw il-preżentazzjoni ta' informazzjoni falza dwar il-kumpannija, reat imsejjaħ ukoll «falsifikazzjoni ta' kontijiet» ('il quddiem, skond il-każ, l-«Artikolu 2621 il-ġdid tal-Kodiċi Ċivili Taljan», l-«Artikolu 2622 il-ġdid tal-Kodiċi Ċivili Taljan» jew «l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan», li jipprovdu:

«Artikolu 2621 (Informazzjoni falza dwar il-kumpannija)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2622, l-amministraturi, id-diretturi ġenerali, l-awdituri u l-istralċjarji li, bil-ħsieb li jqarrqu bil-membri jew bil-pubbliku u li jagħmlu qligħ indebitu għalihom infushom jew għal ħaddieħor, jippreżentaw, fil-karta tal-bilanċ, fir-rapport jew f'komunikazzjonijiet oħra dwar il-kumpannija previsti mil-liġi, destinati għall-membri jew għall-pubbliku, fatti materjali li ma jikkorrispondux mal-verità, anki jekk ikunu s-suġġett ta' valutazzjonijiet, jew iħallu barra informazzjoni, li skond il-liġi għandha tiġi komunikata, dwar is-sitwazzjoni ekonomika, ta' l-attiv, tal-passiv jew finanzjarja tal-kumpannija jew tal-grupp ta' kumpanniji li hija tifforma parti minnu, b'mod li jinduċu d-destinatarji fi żball dwar l-imsemmija sitwazzjoni, jeħlu l-piena ta' priġunerija sa sena u nofs.

L-istess piena hija applikabbli meta l-informazzjoni tirrigwarda beni li l-kumpannija tippossjedi jew tamministra fl-interess ta' terzi.

Il-piena hija eskluża jekk il-falsifikazzjoni jew l-ommissjonijiet ma jibdlux b'mod apprezzabbli r-rappreżentazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika, ta' l-attiv, tal-passiv jew finanzjarja tal-kumpannija jew tal-grupp ta' kumpanniji li hija tifforma parti minnu. Il-piena hija f'kull każ eskluża meta l-falsifikazzjoni jew l-ommissjonijiet iwasslu għal varjazzjoni fil-qligħ jew telf għas-sena finanzjarja, qabel it-taxxa, li ma jeċċedix 5% jew varjazzjoni ta' l-attiv jew passiv nett li ma jeċċedix 1%.

F'kull każ, il-fatt mhuwiex punibbli jekk ikun il-konsegwenza ta' stimi li, meħudin individwalment, ma jvarjawx aktar minn 10% mill-istima korretta.

Artikolu 2622 (Informazzjoni falza dwar il-kumpannija għad-dannu tal-membri jew tal-kredituri)

L-amministraturi, id-diretturi ġenerali, l-awdituri u l-istralċjarji li, bil-ħsieb li jqarrqu bil-membri jew bil-pubbliku u li jagħmlu qligħ indebitu għalihom infushom jew għal ħaddieħor, jippreżentaw, fil-karta tal-bilanċ, fir-rapport jew f'komunikazzjonijiet oħra dwar il-kumpannija previsti mil-liġi, destinati għall-membri jew għall-pubbliku, fatti materjali li ma jikkorrispondux mal-verità, anki jekk ikunu s-suġġett ta' valutazzjonijiet, jew iħallu barra informazzjoni, li skond il-liġi għandha tiġi komunikata, dwar is-sitwazzjoni ekonomika, ta' l-attiv, tal-passiv jew finanzjarja tal-kumpannija jew tal-grupp ta' kumpanniji li hija tifforma parti minnu, b'mod li jinduċu d-destinatarji fi żball dwar l-imsemmija sitwazzjoni, u jikkawżaw danni ta' natura ekonomika lill-membri jew lill-kredituri, jeħlu, fuq kwerela tal-persuna offiża, il-piena ta' priġunerija minn sitt xhur sa tliet snin.

Proċeduri kriminali jittieħdu wkoll fuq kwerela fil-każ fejn il-fatt jikkostitwixxi reat ieħor, anki jekk aggravat, għad-dannu tal-beni ta' persuni li ma jkunux il-membri jew il-kredituri, għajr jekk ikun sar għad-dannu ta' l-Istat, ta' entitajiet pubbliċi oħra jew tal-Komunitajiet Ewropej.

Fil-każ ta' kumpanniji soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Raba' Parti, Taqsima III, Kapitolu II tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 58 ta' l-24 ta' Frar 1998, il-fatti msemmija fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu huma punibbli bi priġunerija minn sena sa erba' snin u jistgħu jittieħdu proċeduri kriminali għar-reat ex officio.

Fil-każ li l-informazzjoni tikkonċerna beni li l-kumpannija tippossjedi jew tamministra fl-interess ta' terzi, il-piena hija dik applikabbli għall-fatti msemmija fl-ewwel u fit-tielet paragrafi ta' dan l-Artikolu.

Il-piena għall-fatti msemmija fl-ewwel u fit-tielet paragrafi hija eskluża jekk il-falsifikazzjoni jew l-ommissjonijiet ma jibdlux b'mod apprezzabbli r-rappreżentazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika, ta' l-attiv, tal-passiv jew finanzjarja tal-kumpannija jew tal-grupp ta' kumpanniji li hija tifforma parti minnu. Il-piena hija f'kull każ eskluża meta l-falsifikazzjoni jew l-ommissjonijiet jikkawżaw varjazzjoni tal-qligħ jew telf għas-sena finanzjarja, qabel it-taxxa, li ma teċċedix 5% jew varjazzjoni ta' l-attiv jew passiv nett li ma teċċedix 1%.

F'kull każ, il-fatt mhuwiex punibbli jekk huwa il-konsegwenza ta' stimi li, meħudin individwalment, ma jvarjawx aktar minn 10% mill-istima korretta.»

 Id-dritt kriminali ġenerali

22     Skond it-tieni sar-raba' paragrafi ta' l-Artikolu 2 tal-codice penale ('il quddiem il-«Kodiċi Kriminali Taljan»), intitolat «Suċċessjoni ta' liġijiet kriminali»:

«Ħadd ma jista' jiġi punit għal fatt li skond liġi adottata wara ma jkunx jikkostitwixxi reat; fil-każ fejn hemm kundanna, l-eżekuzzjoni u l-effetti tal-piena għandhom jieqfu.

Jekk il-liġi fis-seħħ fil-mument meta twettaq ir-reat u l-liġi adottata wara ma jaqblux, il-liġi applikabbli hija dik li d-dispożizzjonijiet tagħha huma l-aktar favorevoli għall-ħati, għajr fil-każ fejn tkun ingħatat sentenza definittiva.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti ma japplikawx għal-liġijiet eċċezzjonali jew temporanji.»

23     Skond l-Artikolu 39 tal-Kodiċi Kriminali Taljan, ir-reati jinqasmu essenzjalment f'delitti u kontravvenzjonijiet, u d-delitti huma soġġetti, skond l-Artikolu 17 ta' l-istess Kodiċi, għal ċerti tipi ta' pieni aktar gravi minn dawk li għalihom huma soġġetti l-kontravvenzjonijiet.

24     Mill-Artikolu 158(1) ta' dan il-Kodiċi jirriżulta li t-termini ta' preskrizzjoni jiddekorru minn meta jiġi kkunsmat ir-reat u mhux minn meta jinkixef.

25     Barra minn hekk, mill-Artikoli 157 u 160 ta' l-imsemmi Kodiċi jirriżulta li t-termini ta' preskrizzjoni huwa ta' tliet snin sa massimu ta' erba' snin u nofs għal kontravvenzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 2621 il-ġdid tal-Kodiċi Ċivili Taljan u ta' ħames snin sa massimu ta' seba' snin u nofs għal delitti bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 2621 l-antik tal-Kodiċi Ċivili Taljan u dawk previsti fl-Artikolu 2622 il-ġdid ta' l-istess Kodiċi. L-Artikolu 160 tal-Kodiċi Kriminali Taljan jistabbilixxi t-tul massimu tat-termini ta' preskrizzjoni f'każ li din tiġi interrotta.

 Il-kawżi fil-mertu u d-domandi preliminari

26     Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, fit-tliet proċeduri kriminali fil-kawżi prinċipali, ir-reati imputati lill-akkużati twettqu fiż-żmien meta kien fis-seħħ l-Artikolu 2621 l-antik tal-Kodiċi Ċivili Taljan, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2002 u ta' l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda ta' l-imsemmi Kodiċi.

27     Fil-kawża C-387/02, il-giudice per le indagini preliminari (l-imħallef għall-inkjesti preliminari) tat-Tribunale di Milano, permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Novembru 1999, bagħat lis-Sur Berlusconi quddiem l-Ewwel Awla Kriminali ta' din il-qorti. L-akkużat ġie mixli b'falsifikazzjoni, bejn l-1986 u l-1989, fil-kontijiet annwali tal-kumpannija Fininvest SpA u ta' kumpanniji oħra tal-grupp bl-istess isem, fil-kwalità tiegħu ta' President ta' dik il-kumpannija u ta' azzjonist ewlieni tal-kumpanniji ta' l-imsemmi grupp. Dawn il-falsifikazzjonijiet ippermettew żieda fir-riżervi moħbija destinati għall-finanzjament ta' ċerti operazzjonijiet meqjusa illegali.

28     Fil-kawża C-403/02, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li s-Sinjuri Dell'Utri, Luzi u Comincioli tressqu quddiem ir-Raba' Awla Kriminali tat-Tribunale di Milano bl-akkuża li għamlu, sa l-1993, karti tal-bilanċ foloz.

29     Il-kawża C-391/02 toriġina minn appell imressaq mis-Sur Adelchi kontra s-sentenza tat-Tribunale di Lecce tad-9 ta' Jannar 2001 li biha huwa ġie misjub ħati ta' falsifikazzjoni fir-rigward tal-kumpanniji La Nuova Adelchi Srl u Calzaturificio Adelchi Srl, li tagħhom huwa kien l-amministratur waħdieni. Dawn il-fatti, li ġew kommessi fl-1992 u fl-1993, jirrigwardaw operazzjonijiet doganali ta' esportazzjoni u ta' importazzjoni meqjusa bħala fittizji, kif ukoll il-ħruġ, minn dawn il-kumpanniji, ta' fatturi meqjusa bħala foloz. Dawn kien ikollhom bħala konsegwenza inevitabbli t-turija, fil-karti tal-bilanċ ta' l-imsemmija kumpanniji, ta' spejjeż jidhru ikbar mill-ispejjeż reali u ta' introjti purament apparenti u, b'hekk, turnover differenti mit-turnover reali.

30     Wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2002, l-akkużati f'dawn it-tliet proċeduri rrilevaw li l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan kellhom japplikaw għalihom.

31     Il-qrati tar-rinviju jirrilevaw li l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ġodda jkollha bħala konsegwenza li timpedixxi, għar-raġunijiet li ġejjin, li jittieħdu proċeduri kriminali għall-fatti li inizjalment kienu s-suġġett ta' proċeduri kriminali għad-delitt previst fl-Artikolu 2621 l-antik tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

32     Fl-ewwel lok, għalkemm, fil-prinċipju, il-Prosekutur Pubbliku jista' jieħu proċeduri kriminali dwar il-fatti ex officio, jiġifieri fl-assenza ta' kwerela, abbażi ta' l-Artikolu 2621 il-ġdid tal-Kodiċi Ċivili Taljan, dan ir-reat, minn issa 'l quddiem, jikkostitwixxi kontravvenzjoni li, għalhekk, hija soġġetta għal terminu massimu ta' preskrizzjoni ta' erba' snin u nofs, u mhux aktar id-delitt, soġġett għal terminu massimu ta' preskrizzjoni ta' seba' snin u nofs, previst mill-Artikolu 2621 l-antik tal-Kodiċi Ċivili Taljan. Issa fil-kawżi prinċipali, ir-reat previst fl-Artikolu 2621 il-ġdid tal-Kodiċi Ċivili Taljan huwa ineżorabbilment preskritt.

33     Fit-tieni lok, skond dawn il-qrati, din il-bidla fil-kwalifika tar-reat jimplika wkoll li r-reati konnessi, bħall-assoċjazzjoni għall-egħmil ta' reat, id-delitt tal-money laundering jew ir-riċettazzjoni, ma jkunux jistgħu jagħtu lok għal proċeduri kriminali għar-raġuni li dawn id-delitti huma marbuta ma' l-eżistenza minn qabel ta' delitt u mhux ma' dik ta' kontravvenzjoni.

34     Fit-tielet lok, jekk, fir-rigward tad-delitt previst fl-Artikolu 2622 il-ġdid tal-Kodiċi Ċivili Taljan, il-fatti in kwistjoni fil-kawżi prinċipali kienu għadhom ma ġewx preskritti, huma ma setgħux jagħtu lok għal proċeduri kriminali abbażi ta' dan l-Artikolu fl-assenza ta' kwerela min-naħa ta' membru jew kreditur li jqis ruħu offiż bil-falsifikazzjoni, billi l-preżentazzjoni ta' ilment huwa, fil-fatt, kundizzjoni neċessarja sabiex jittieħdu proċeduri kriminali abbażi ta' din id-dispożizzjoni, jekk almenu, kif ġie rilevat fil-proċeduri kriminali in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-falsifikazzjoni kienet tikkonċerna kumpanniji mhux ikkwotati fil-Borża.

35     Fl-aħħar lok, l-imsemmija qrati jirrilevaw li l-proċeduri għal dawn il-fatti jistgħu jiġu wkoll ostakolati mil-limiti previsti, f'termini identiċi, fit-tielet u fir-raba' paragrafi ta' l-Artikolu 2621 il-ġdid u fil-ħames u fis-sitt paragrafi ta' l-Artikolu 2622 il-ġdid, tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li jwasslu għall-esklużjoni tal-piena għal falsifikazzjonijiet b'effetti li ma jkunux sinifikattivi jew li jkunu ta' importanza minima, jiġifieri dawk li, b'mod partikolari, kellhom biss bħala konsegwenza varjazzjoni tal-qligħ jew telf gross għas-sena finanzjarja li ma teċċedix 5% jew ta' l-attiv jew passiv nett li ma teċċedix 1%.

36     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qrati tar-rinviju jidhrilhom, bħalma jidhirlu l-Prosekutur Pubbliku, li dawn il-proċeduri jqajmu kwistjonijiet dwar jekk in-natura tal-pieni previsti fl-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan hijiex xierqa jew le b'referenza għall-Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji, kif interpretat mill-Qorti b'mod partikolari fis-sentenza ta' l-4 ta' Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland (C-97/96, Ġabra p. I-6843), jew għall-Artikolu 5 tat-Trattat, li minnu joħroġ, skond ġurisprudenza kostanti mis-sentenza tal-21 ta' Settembru 1989, Il-Kummissjoni/Il-Greċja (68/88, Ġabra p. 2965, paragrafi 23 u 24) 'il quddiem, li l-pieni għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju għandhom ikunu ta' natura effettiva, proporzjonali u dissważiva.

37     F'dawn iċ-ċirkostanzi, it-Tribunale di Milano, fil-kawża C-387/02, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti domandi preliminari li, fid-dawl tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, jistgħu jinftiehmu kif ġej:

1)      L-Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji japplika mhux biss fil-każ ta' nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar il-kumpanniji iżda wkoll fil-każ ta' pubblikazzjoni ta' informazzjoni falza dwar il-kumpanniji?

2)      Ir-rispett tar-rekwiżit rigward in-natura effettiva, proporzjonali u dissważiva tal-pieni f'każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet Komunitarji, għandu jiġi vvalutat b'riferenza għan-natura jew għat-tip tal-piena meqjusa b'mod astratt jew b'riferenza għall-applikazzjoni konkreta tagħha, meta jitqiesu l-karatteristiċi strutturali tas-sistema ġuridika li fihom tapplika?

3)      Il-prinċipji li joħorġu mir-Raba' u s-Seba' Direttivi Kumpanniji, jipprojbixxu liġi nazzjonali li tistabbilixxi limiti li taħthom l-informazzjoni ineżatta kontenuta fil-kontijiet annwali u fir-rapporti dwar l-amministrazzjoni tas-soċjetajiet anonimi, tas-soċjetajiet in akkomandita u tal-kumpanniji ta' responsabbiltà limitata, ma tkunx rilevanti?

38     Fil-kawża C-391/02, il-Corte d'appello di Lecce ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti d-domandi preliminari li ġejjin:

«1)      Fid-dawl ta' l-obbligu impost fuq l-Istati Membri kollha li jadottaw ‘pieni xierqa’ għall-ksur previst mid-[Direttiva 68/151 u d-Direttiva 78/660], l-imsemmija Direttivi u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 44(2)(g) tat-Trattat […], 2(1)(f) u 6 tad-Direttiva 68/151 u 2(2) sa (4) tad-Direttiva 78/660, kif ikkompletata mid-Direttivi 83/349 u 90/605 meħudin flimkien, għandhom […] jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu liġi ta' Stat Membru li, filwaqt li temenda s-sistema ta' pieni preċedentement fis-seħħ fir-rigward ta' reati kontra l-liġi tal-kumpanniji, mill-aspett tal-ksur ta' l-obbligi imposti bil-għan li jipproteġu l-prinċipju tal-pubbliċità u tal- veraċità ta' informazzjoni dwar il-kumpanniji, tipprovdi sistema ta' pieni li ma tissodisfax konkretament il-kriterji tan-natura effettiva, proporzjonali u dissważiva tal-pieni intiżi sabiex jiggarantixxu din il-protezzjoni?

2)      Id-Direttivi fuq imsemmija u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 44(2)(g) tat-Trattat […], 2(1)(f) u 6 tad-Direttiva 68/151 u 2(2) sa (4) tad-Direttiva 78/660, kif ikkompletata mid-Direttivi 83/349 u 90/605 meħudin flimkien, għandhom […] jiġu interpretati fis-sens li dawn ir-regoli jipprojbixxu liġi ta' Stat Membru li teskludi li l-ksur ta' l-obbligi ta' pubbliċità u ta' veraċità ta' l-informazzjoni f'dak li jirrigwarda ċerti atti previsti mil-liġi tal-kumpanniji (fosthom il-karta tal-bilanċ u l-kont ta' qligħ u telf) jista' jagħti lok għal proċeduri kriminali meta l-preżentata ta' karta tal-bilanċ ineżatta jew indikazzjonijiet oħra foloz, jew in-nuqqas ta' informazzjoni, joħolqu varjazzjoni tal-qligħ jew telf għas-sena finanzjarja jew varjazzjoni ta' l-attiv jew passiv nett tal-kumpannija li ma jeċċedix ċertu limitu perċentwali?

3)      Id-Direttivi fuq imsemmija u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 44(2)(g) tat-Trattat […], 2(1)(f) u 6 tad-Direttiva 68/151 u 2(2) sa (4) tad-Direttiva 78/660, kif ikkompletata mid-Direttivi 83/349 u 90/605 meħudin flimkien, għandhom […] jiġu interpretati fis-sens li dawn ir-regoli jipprojbixxu liġi ta' Stat Membru li teskludi li l-ksur ta' l-obbligi ta' pubbliċità u ta' veraċità ta' l-informazzjoni dwar il-kumpanniji jista' jagħti lok għal proċeduri kriminali fil-każ fejn wieħed jipprovdi indikazzjonijiet li, għalkemm intiżi sabiex iqarrqu bil-membri jew bil-pubbliku sabiex b'hekk jagħmel qligħ indebitu, huma r-riżultat ta' stimi mbassra li, meqjusa kull waħda għaliha, jitbiegħdu mir-realtà fi grad li ma jaqbiżx limitu determinat?

4)      Indipendentement minn limiti progressivi jew minn limiti massimi, id-Direttivi fuq imsemmija u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 44(2)(g) tat-Trattat […], 2(1)(f) u 6 tad-Direttiva 68/151 u 2(2) sa (4) tad-Direttiva 78/660, kif ikkompletata mid-Direttivi 83/349 u 90/605 meħudin flimkien, għandhom […] jiġu interpretati fis-sens li dawn ir-regoli jipprojbixxu liġi ta' Stat Membru li teskludi li l-ksur ta' l-obbligi ta' pubbliċità u ta' veraċità ta' l-informazzjoni dwar il-kumpanniji jista' jagħti lok għal proċeduri kriminali, meta n-natura ineżatta jew l-ommissjonijiet frawdolenti u, f'kull każ, il-komunikazzjonijiet u informazzjoni li ma jirriflettux fedelment is-sitwazzjoni ta' l-attiv, tal-passiv u finanzjarja u l-qligħ u telf tal-kumpannija, ma jibdlux ‘b'mod apprezzabbli’ is-sitwazzjoni ta' l-attiv, tal-passiv jew finanzjarja tal-grupp (anki jekk huwa l-leġislatur nazzjonali li għandu jiddefinixxi l-kunċett ta' ‘bdil apprezzabbli’)?

5)      Id-Direttivi fuq imsemmija u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 44(2)(g) tat-Trattat […], 2(1)(f) u 6 tad-Direttiva 68/151 u 2(2) sa (4) tad-Direttiva 78/660, kif ikkompletata mid-Direttivi 83/349 u 90/605 meħudin flimkien, għandhom […] jiġu interpretati fis-sens li dawn ir-regoli jipprojbixxu liġi ta' Stat Membru li, fil-konfront ta' ksur ta' dawn l-obbligi ta' pubbliċità u ta' veraċità ta' l-informazzjoni dwar il-kumpanniji, intiżi sabiex jiggarantixxu l-‘interessi kemm tal-membri kif ukoll ta' terzi’, tirriżerva unikament għall-membri u għall-kredituri d-dritt li jitolbu l-piena, bil-konsegwenza ta' l-esklużjoni ta' protezzjoni ġeneralizzata u effettiva tat-terzi?

6)      Id-Direttivi fuq imsemmija u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 44(2)(g) tat-Trattat […], 2(1)(f) u 6 tad-Direttiva 68/151 u 2(2) sa (4) tad-Direttiva 78/660, kif ikkompletata mid-Direttivi 83/349 u 90/605 meħudin flimkien, għandhom […] jiġu interpretati fis-sens li dawn ir-regoli jipprojbixxu liġi ta' Stat Membru li, fil-konfront ta' ksur ta' dawn l-obbligi ta' pubbliċità u ta' veraċità ta' l-informazzjoni dwar il-kumpanniji, intiżi sabiex jiggarantixxu l-‘interessi kemm tal-membri kif ukoll ta' terzi’, tipprovdi mekkaniżmu b'modalitajiet partikolarment varjati f'dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jinbdew proċeduri kriminali u s-sistema ta' pieni, billi tirriżerva esklużivament għar-reati kommessi għad-dannu tal-membri u tal-kredituri l-possibbiltà (għal dawn ta' l-aħħar) li jagħtu bidu għall-proċeduri kriminali permezz ta' kwerela, kif ukoll pieni aktar gravi u effettivi?»

39     Fil-kawża C-403/02, it-Tribunale di Milano ddeċcieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti d-domandi preliminari li ġejjin:

«1)      Jista' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 68/151 […] jinftiehem fis-sens li jobbliga l-Istati Membri li jipprovdu pieni xierqa mhux biss għan-nuqqas ta' pubblikazzjoni tal-karta tal-bilanċ u tal-kont ta' qligħ u telf tal-kumpanniji, iżda wkoll għall-falsifikazzjoni tagħhom u tal-komunikazzjonijiet l-oħra tal-kumpannija destinati għall-membri jew għall-pubbliku, jew ta' kull informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika, ta' l-attiv, tal-passiv jew finanzjarja li l-kumpannija tkun obbligata tipprovdi dwarha stess jew dwar il-grupp li minnu tifforma parti?

2)      Il-kunċett tan-‘natura xierqa tal-piena’ għandu, ukoll bis-saħħa ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, jinftiehem bħala konkretament valutabbli fil-kuntest leġiżlattiv (kemm kriminali kif ukoll proċedurali) ta' l-Istat Membru, jiġifieri bħala piena ‘effikaċi, effettiva u realment dissważiva’?

3)      Fl-aħħarnett, dawn il-karatteristiċi jinsabu fid-dispożizzjonijiet meħudin flimkien ta' l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili kif emendati mid-Digriet Leġiżlattiv Nru [61/2002]: b'mod partikolari, ir-regola li tipprovdi (fl-Artikolu 2621 tal-Kodiċi Ċivili fuq imsemmi) piena kontravvenzjonali ta' priġunerija għal tmintax-il xahar għad-delitti dwar karti tal-bilanċ foloz li ma jikkawżawx danni patrimonjali jew li jikkawżaw danni iżda ma jagħtux lok għal proċeduri fl-assenza ta' kwerela skond l-Artikolu 2622 tal-Kodiċi Ċivili, tista' titqies ‘dissważiva b'mod effikaċi’ u ‘konkretament xierqa’? Fl-aħħarnett, huwa xieraq li, għad-delitti previsti fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2622 tal-Kodiċi Ċivili (jiġifieri kommessi fil-kuntest ta' kumpanniji mhux ikkwotati fil-Borża), tkun prevista l-possibbiltà li jinbdew proċeduri biss fuq kwerela ta' parti (jiġifieri kwerela ta' membri jew ta' kredituri), anki fid-dawl tal-protezzjoni konkreta ta' l-interess ġenerali tat-‘trasparenza’ tas-suq tal-kumpanniji, mill-aspett ta' l-eventwali estensjoni Komunitarja tiegħu?

40     B'ordni tal-President tal-Qorti ta' l-20 ta' Jannar 2003, il-kawżi C-387/02, C-391/02 u C-403/02 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Dwar id-domandi preliminari

 Sottomissjonijiet ippreżentati lill-Qorti

41     Is-Sinjuri Berlusconi u Dell'Utri jikkontestaw l-ammissibilità tad-domandi preliminari mressqa fil-kawżi C-387/02 u C-403/02 rispettivament. Il-Gvern Taljan ukoll jesprimi dubji f'dan ir-rigward.

42     Il-mistoqsijiet imressqa jfittxu li jeskludu l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan b'mod li jkunu jistgħu jittieħdu proċeduri kriminali abbażi ta' l-Artikolu 2621 l-antik tal-Kodiċi Ċivili Taljan, dispożizzjoni deċiżament anqas favorevoli għall-akkużati.

43     Issa, anki li kieku kellu jitqies li l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan huma inkompatibbli ma' l-Ewwel u r-Raba' Direttivi Kumpanniji, ikun eskluż li, fl-assenza ta' dispożizzjoni kriminali tad-dritt nazzjonali applikabbli, l-akkużati jkunu jistgħu jitressqu u jiġu kkundannati għal piena differenti u aktar gravi abbażi ta' l-imsemmija Direttivi.

44     Fil-fatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti joħroġ li Direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi għal individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront ta' dan ta' l-aħħar. Direttiva lanqas ma jista' jkollha l-effett, minnha nfisha u indipendentement minn liġi interna ta' Stat Membru adottata għall-implimentazzjoni tagħha, li tiddetermina jew taggrava r-responsabbiltà kriminali tal-persuni li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha.

45     Ir-risposta mitluba mill-Qorti m'għandhiex rilevanza għar-riżoluzzjoni tal-kontroversji pendenti quddiem il-qrati tar-rinviju billi, fil-kawżi prinċipali, l-Artikolu 2621 l-antik tal-Kodiċi Ċivili Taljan ma jista' f'ebda każ jiġi applikat.

46     Il-prinċipju ta' l-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-aktar favorevoli lill-akkużat, dritt fundamentali li jifforma parti, bħall-prinċipju tal-legalità li tiegħu jikkostitwixxi aspett importanti, mill-ordni ġuridiku Komunitarju, jipprojbixxi tali riżultat.

47     Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

48     L-ammissibilità ta' l-istess domandi m'hijiex milquta minn applikazzjoni eventwali tal-prinċipju tal-legalità fil-każ li mir-risposta mogħtija mill-Qorti joħroġ li l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, li jista' jkollha bħala konsegwenza li jittieħdu proċeduri kriminali abbażi ta' l-Artikolu 2621 l-antik ta' l-imsemmi Kodiċi li huwa anqas favorevoli għall-akkużati.

49     Fil-fatt, huwa utli li jiġi rilevat li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti li taw lok għall-proċeduri kriminali li ttieħdu fil-konfront ta' l-akkużati fil-kawżi prinċipali, dawn il-fatti kienu punibbli kriminalment, jiġifieri abbażi ta' l-Artikolu 2621 l-antik tal-Kodiċi Ċivili Taljan, u li kien biss aktar tard li ġew adottati dispożizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli għall-akkużati, li l-kompatibilità tagħhom mad-dritt Komunitarju hija, madankollu, f'ċerti aspetti kkontestata b'mod li l-imħallef nazzjonali jista', jekk ikun il-każ, ikun obbligat jeskludi l-applikazzjoni tagħhom.

50     F'sitwazzjoni bħal din, il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tkunx dik li tiddetermina jew taggrava r-responsabbiltà kriminali. Li jiġri jkun sempliċement li jinżammu l-effetti tal-liġi nazzjonali li tkun fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti u li tkun konformi mad-dritt Komunitarju, billi ma tkunx applikata liġi adottata aktar tard li tkun aktar favorevoli iżda kuntrarja għal dan id-dritt.

51     Il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju jipprojbixxi l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda aktar favorevoli għall-akkużat għal fatti li jkunu seħħew qabel ma ġew adottati dawn ta' l-aħħar, jekk jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippenalizzawx b'mod xieraq il-ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju u huma, għaldaqstant, inkompatibbli ma' tali dritt, hekk kif interpretat mill-Qorti.

 Il-valutazzjoni tal-Qorti

52     Permezz tad-domandi mressqa, il-qrati tar-rinviju qiegħdin essenzjalment ifittxu li jkunu jafu jekk, minħabba f'ċerti dispożizzjonijiet li jinkludu, l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan humiex kompatibbli mar-rekwiżit tad-dritt Komunitarju li l-pieni għal ksur ta' dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju jkunu ta' natura xierqa (ara paragrafu 36 ta' din is-sentenza).

 Dwar ir-rekwiżit tad-dritt Komunitarju li l-pieni jkunu ta' natura xierqa

53     Preliminarjament hemm lok li jiġi eżaminat preliminarjament jekk ir-rekwiżit li l-pieni għar-reati li jirrizultaw minn falsifikazzjoni ta' kontijiet, bħal dawk previsti fl-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan, ikunu ta' natura xierqa, huwiex impost mill-Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji jew joħroġx mill-Artikolu 5 tat-Trattat li jimplika, skond ġurisprudenza kostanti li għaliha ssir riferenza fil-paragrafu 36 ta' din is-sentenza, li l-pieni għal ksur ta' dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju għandhom ikunu ta' natura effettiva, proporzjonali u dissważiva.

54     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-pieni għar-reati li jirriżultaw minn falsifikazzjoni ta' kontijiet, bħal dawk previsti fl-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan, għandhom l-għan li jippenalizzaw ksur serju tal-prinċipju fundamentali, li r-rispett tiegħu jikkostitwixxi l-għan essenzjali tar-Raba' Direttiva Kumpanniji u li joħroġ mir-raba' premessa u mill-Artikolu 2(3) u (5) ta' din id-Direttiva, liema prinċipju jgħid li l-kontijiet annwali tal-kumpanniji li għalihom tapplika l-imsemmija Direttiva għandhom jagħtu stampa vera u ġusta ta' l-attiv, tal-passiv, tas-sitwazzjoni finanzjarja, kif ukoll tal-qligħ jew telf ta' dawn ta' l-aħħar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta' Jannar 2003, BIAO, C-306/99, Ġabra p. I-1, paragrafu 72 u ġurisprudenza ċċitata).

55     Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, applikabbli għas-Seba' Direttiva Kumpanniji li, fl-Artikolu 16(3) u (5) tagħha, tipprovdi essenzjalment, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kontijiet konsolidati, l-istess dispożizzjonijiet bħal dawk li jissemmew fl-Artikolu 2(3) u (5) tar-Raba' Direttiva Kumpanniji fir-rigward tal-kontijiet annwali.

56     Għal dak li jirrigwarda s-sistema tal-pieni prevista fl-Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji, it-termini użati f'din id-dispożizzjoni jagħtu minnhom infushom indikazzjoni li din is-sistema għandha tinftiehem li tkopri mhux biss il-każ ta' assenza ta' kull pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali, iżda wkoll dak ta' pubblikazzjoni ta' kontijiet annwali li ma jkunux ġew kompilati f'konformità mar-regoli preskritti fir-Raba' Direttiva Kumpanniji għal dak li jirrigwarda l-kontenut ta' dawn il-kontijiet.

57     Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 6 ma jillimitax ruħu li jipprovdi l-obbligu ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu pieni xierqa għal nuqqas ta' pubblikazzjoni tal-karta tal-bilanċ u tal-kont ta' qligħ u telf, iżda jipprovdi obbligu bħal dan għal nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' dawn id-dokumenti, bil-mod kif din il-pubblikazzjoni hija preskritta fl-Artikolu 2(1)(f) ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji. Issa din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi espliċitament għall-armonizzazzjoni prevista tar-regoli dwar il-kontenut tal-kontijiet annwali, li ġiet imwettqa permezz tar-Raba' Direttiva Kumpanniji.

58     Mill-istruttura tar-Raba' Direttiva Kumpanniji li tikkompleta, għall-istess tipi ta' kumpanniji, l-obbligi stabbiliti bl-Ewwel Direttiva Kumpanniji u fl-assenza minn din id-Direttiva ta' regoli ġenerali relativi għall-pieni, jirriżulta li, apparti l-każijiet koperti mill-eżenzjoni speċifika prevista fl-Artikolu 51(3) tar-Raba' Direttiva Kumpanniji, il-leġiżlatur Komunitarju ried effettivament ikopri, permezz tas-sistema ta' pieni prevista fl-Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji, il-ksur ta' l-obbligi kontenuti fir-Raba' Direttiva Kumpanniji u, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' kontijiet annwali li jikkonformaw, kwantu għall-kontenut tagħhom, mar-regoli previsti f'dan ir-rigward.

59     Min-naħa l-oħra, is-Seba' Direttiva Kumpanniji tipprovdi regola ġenerali bħal din fl-Artikolu 38(6) tagħha. Ma jistax jiġi kkontestat li din ta' l-aħħar tkopri wkoll il-pubblikazzjoni ta' kontijiet konsolidati li ma jkunux ġew kompilati konformement mar-regoli stabbiliti b'din l-istess Direttiva.

60     Din id-differenza fil-kontenut bejn ir-Raba' u s-Seba' Direttivi Kumpanniji hija spjegata bil-fatt li l-Artikolu 2(1)(f) ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji ma tirreferi b'ebda mod għall-kontijiet konsolidati. L-Artikolu 6 ta' din id-Direttiva ma jistax għalhekk jiġi meqjus bħala applikabbli f'każ ta' inadempjenza ma' l-obbligi relativi għall-kontijiet konsolidati.

61     Interpretazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 6, fis-sens li jkopri wkoll in-nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' kontijiet annwali kompilati f'konformità mar-regoli previsti għal dak li jirrigwarda l-kontenut tagħhom, hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-kuntest u mill-għanijiet tad-Direttivi in kwistjoni.

62     F'dan ir-rigward, hemm lok li jitqies b'mod mill-aktar partikolari, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-paragrafi 72 sa 75 ta' l-opinjoni tagħha, tar-rwol fundamentali tal-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali tal-kumpanniji u a fortiori tal-kontijiet annwali kompilati konformement mar-regoli armonizzati fir-rigward tal-kontenut tagħhom, bil-għan li jkunu protetti l-interessi tat-terzi, għan kjarament aċċentwat fil-preamboli kemm ta' l-Ewwel kif ukoll tar-Raba' Direttivi Kumpanniji.

63     Minn dan isegwi li r-rekwiżit li l-pieni bħal dawk previsti mill-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan għal reati li jirriżultaw minn falsifikazzjoni ta' kontijiet ikunu ta' natura xierqa huwa impost mill-Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji.

64     Madankollu, sabiex tiġi kkjarifikata l-portata tar-rekwiżit li l-pieni msemmija fl-Artikolu 6 jkunu ta' natura xierqa, ikun utli li titqies il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti relattiva għall-Artikolu 5 tat-Trattat, li minnu joħroġ rekwiżit ta' l-istess natura.

65     Skond din il-ġurisprudenza, filwaqt li l-għażla tal-pieni tibqa' f'idejn l-Istati Membri, huma għandhom jiżguraw b'mod partikolari li l-ksur tad-dritt Komunitarju jkun punibbli taħt kundizzjonijiet, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, li jkunu analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta' natura u ta' importanza simili u li, f'kull każ, jiżguraw li l-piena tkun ta' natura effettiva, proporzjonata u dissważiva (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni/Il-Greċja, fuq imsemmija, paragrafi 23 u 24; ta' l-10 ta' Lulju 1990, Hansen, C-326/88, Ġabra p. I-2911, paragrafu 17; tat-30 ta' Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, Ġabra p. I-10155, paragrafu 62, u tal-15 ta' Jannar 2004, Penycoed, C-230/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 36 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

 Dwar il-prinċipju ta' l-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-aktar ħafifa

66     Apparti l-applikabilità ta' l-Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji għan-nuqqas ta' pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali, għandu jiġi osservat li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 2 tal-Kodiċi Kriminali Taljan li jippreskrivi l-prinċipju ta' l-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-aktar ħafifa, l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan għandhom japplikaw anki jekk daħlu fis-seħħ biss wara li ġew kommessi l-atti li taw lok għall-proċeduri kriminali meħuda fil-kawżi prinċipali.

67     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li tagħhom il-Qorti tiggarantixxi r-rispett. Għal dan il-għan, din ta' l-aħħar tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li għalihom l-Istati Membri kkooperaw jew aderixxew (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, paragrafu 71 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata, u ta' l-10 ta' Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C-20/00 u C-64/00, Ġabra p. I-7411, paragrafu 65 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

68     Issa l-prinċipju ta' l-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-aktar ħafifa tifforma parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

69     Minn dan isegwi li dan il-prinċipju għandu jiġi kkunsidrat li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-ġudikant nazzjonali għandu jirrispetta meta japplika d-dritt nazzjonali adottat sabiex jimplimenta d-dritt Komunitarju u, f'dan il-każ, b'mod aktar partikolari, id-Direttivi dwar il-liġi tal-kumpanniji.

 Dwar il-possibbiltà li tiġi invokata l-Ewwel Direttiva Kumpanniji

70     Madankollu tibqa' l-mistoqsija jekk il-prinċipju ta' l-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-aktar ħafifa japplika meta din ta' l-aħħar hija kuntrarja għal regoli oħra tad-dritt Komunitarju.

71     Madankollu m'hemmx lok għall-finijiet tal-kawżi prinċipali li tingħhata tweġiba għal din il-mistoqsija billi r-regola Komunitarja in kwistjoni tinsab f'Direttiva invokata fil-konfront ta' individwu mill-awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest ta' proċeduri kriminali.

72     Ċertament, fil-każ fejn, skond it-tweġibiet li jingħatawlhom mill-Qorti, il-qrati tar-rinviju jaslu għall-konklużjoni li, minħabba f'ċerti dispożizzjoni li fihom, l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan ma jissodisfawx ir-rekwiżit tad-dritt Komunitarju li l-pieni jkunu ta' natura xierqa, minn dan għandu jsegwi, skond ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-Qorti, li l-qrati tar-rinviju jkunu obbligati li ma japplikawx, bis-saħħa ta' l-awtorità tagħhom stess, l-imsemmija Artikoli l-ġodda, mingħajr il-bżonn li jitolbu jew li jistennew it-tneħħija minn qabel ta' dawn ta' l-aħħar permezz ta' leġiżlazzjoni jew permezz ta' kull proċedura kostituzzjonali oħra (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, paragrafi 21 u 24; ta' l-4 ta' Ġunju 1992, Debus, C-13/91 u C-113/91, Ġabra p. I-3617, paragrafu 32, u tat-22 ta' Ottubru 1998, IN. CO. GE’90 et, C-10/97 sa C-22/97, Ġabra p. I-6307, paragrafu 20).

73     Madankollu, il-Qorti ddeċidiet ukoll, b'mod kostanti, li Direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi għal individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 108 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

74     Fil-kuntest speċifiku ta' sitwazzjoni fejn Direttiva hija invokata fil-konfront ta' individwu mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fil-kuntest ta' proċeduri kriminali, il-Qorti ppreċiżat li Direttiva ma jistax ikollha bħala effett, minnha nfisha u indipendentement minn liġi interna ta' Stat Membru adottata għall-implimentazzjoni tagħha, li tiddetermina jew taggrava r-responsabbiltà kriminali ta' dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen, 80/86, Ġabra p. 3969, paragrafu 13, u tas-7 ta' Jannar 2004, X, C-60/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 61 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

75     Issa, il-fatt li l-Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji qiegħed jiġi invokat fil-kawża in kwistjoni bil-għan li tiġi vverifikata l-kompatibilità ta' l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan ma' din id-dispożizzjoni jista' jkollu bħala effett l-esklużjoni ta' l-applikazzjoni tas-sistema ta' pieni l-aktar ħfief prevista mill-imsemmija Artikoli.

76     Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, f'każ li l-Artikoli 2621 u 2622 il-ġodda tal-Kodiċi Ċivili Taljan ma jiġux applikati minħabba fl-inkompatibilità tagħhom ma' l-imsemmi Artikolu 6 ta' l-Ewwel Direttiva Kumpanniji, jista' jiġri li tiġi applikata piena kriminali manifestament aktar gravi, bħal dik prevista fl-Artikolu 2621 l-antik ta' dan il-Kodiċi, li kien fis-seħħ meta twettqu l-atti li dwarhom ittieħdu l-proċeduri fil-kawżi prinċipali.

77     Tali konsegwenza tkun kuntrarja għal-limiti li joħorġu min-natura stess ta' kull Direttiva, li tipprojbixxi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza li għaliha ssir riferenza fil-paragrafi 73 u 74 ta' din is-sentenza, li Direttiva jkollha bħala effett li tiddetermina jew taggrava r-responsabbiltà kriminali ta' persuni akkużati.

78     Fid-dawl ta' dan kollu li jippreċedi, it-tweġiba għad-domandi preliminari għandha tkun li, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-Ewwel Direttiva Kumpanniji ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront ta' akkużati mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fil-kuntest ta' proċeduri kriminali, billi Direttiva, minnha nfisha u indipendentement minn liġi interna ta' Stat Membru adottata għall-implimentazzjoni tagħha, ma jistax ikollha bħala effett li tiddetermina jew taggrava r-responsabbiltà ta' l-akkużati.

 Dwar l-ispejjeż

79     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

F'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawżi principali, l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu ta' l-1968 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità, ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront ta' akkużati mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fil-kuntest ta' proċeduri kriminali, billi Direttiva, minnha nfisha u indipendentement minn liġi interna ta' Stat Membru adottata għall-implimentazzjoni tagħha, ma jistax ikollha bħala effett li tiddetermina jew taggrava r-responsabbiltà kriminali ta' l-akkużati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.