Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2021 –Vanhoudt vs BEI

(Kawża T-490/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Patrick Vanhoudt (Gonderange, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: L. Levi u A. Champetier, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement,

tannulla d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2020 sa fejn tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ Kap tal-Uffiċċju tal-Viċi President tal-BEI u d-deċiżjoni li taħtar [kunfidenzjali] 1 fl-imsemmija pożizzjoni;

sa fejn huwa neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2021, ikkomunikata lir-rikorrent fit-18 ta’ Mejju 2021, li tiċħad it-talbiet għal rikors amministrattiv ta’ dan tal-aħħar tat-18 ta’ Diċembru 2021 u tas-17 ta’ Marzu 2021;

tikkundanna lill-BEI jikkumpensa d-dannu morali lir-rikorrent, liema dannu huwa evalwat, ex aequo et bono, għal EUR 4 000;

tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq irregolaritajiet proċedurali u ksur tal-linji gwida fil-qasam tal-mobbiltà interna u tal-promozzjoni. Ir-rikorrent isostni b’mod partikolari f’dan ir-rigward li qatt ma ġie informat bil-kriterji ta’ selezzjoni u lanqas bil-kompożizzjoni tal-bord ta’ selezzjoni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-avviż ta’ pożizzjoni u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent iqis li l-kandidat li ntgħażel fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni manifestament ma kienx jissodisfa l-kriterji stabbiliti.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-linji gwida u l-avviż ta’ pożizzjoni, b’mod kombinat jew separat, huma illegali sa fejn jiksru l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba.

____________

1 Data kunfidenzjali redatta.