Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2014 – PT Ciliandra Perkasa vs Il-Kunsill

(Kawża T-120/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PT Ciliandra Perkasa (Ġakarta tal-Punent, l-Indoneżja) (rappreżentanti: F. Graafsma u J. Cornelis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013, tad-19 ta’ Novembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU L 315, p. 2), sa fejn dan jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti; u

tikkundanna illl-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“Istituzzjonijiet”) wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostnew li l-prezzijiet tax-xiri tar-rikorrenti għaż-Żejt tal-Palma mhux Raffinat (“CPO”) huma distorti. B’mod partikolari, l-Istituzzjonijiet naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti hija produttur tal-bijodiżil integrat vertikalment kompletament u li, għaldaqstant, kwalunkwe allegazzjoni dwar l-effett tas-sistema ta’ Taxxa fuq l-Esportazzjoni Differenzjata (“DET”) ma tapplikax għaliha. Barra minn hekk, l-Istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni billi (1) ma kkunsidrawx li r-rikorrenti u l-fornituri tagħha tas-CPO jikkostitwixxu entità legali waħda għar-raġunijiet kollha prattiċi kif ukoll legali u billi (2) kkonstataw li l-prezzijiet tax-xiri tas-CPO tar-rikorrenti mill-kumpanniji relatati ma kinux skont il-prinċipju tad-distakkament.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Ftehim antidumping tad-WTO ma jippermettix li jiġu aġġustati l-ispejjez għas-sempliċi raġuni li dawn huma iktar baxxi milli fi swieq oħra jew li huma “distorti” minħabba l-intervent tal-gvern. L-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU  L 343, p. 51; iktar ʼil quddiem “ir-Regolament bażiku”) għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala mhux applikabbli sa fejn jipprovdi għal tali possibbiltà li jiġu aġġustati l-ispejjeż.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-aġġustament tal-ispejjeż tas-CPO f’dan il-każ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tissottometti l-osservazzjonijiet li ġejjin:

il-provi meħtieġa li abbażi tagħhom ġie konkluż li l-prezzijiet tas-CPO fis-suq Indoneżjan huma distorti huma nieqsa u l-Istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostnew li l-prezzijiet tas-CPO fis-suq Indoneżjan huma distorti;

meta użaw il-prezz ta’ referenza tal-esportazzjoni (“HPE”) sabiex jaġġustaw l-ispejjeż, l-Istituzzjonijiet ma aġġustawx l-ispejjeż fuq “bażi raġonevoli” kif stabbilit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku u/jew fuq bażi ta’ “fonti li ma humiex affettwati minn distorsjonijiet bħal dawn”; u

l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jippermettix li l-ispejjeż jiġu aġġustati f’sitwazzjonijiet fejn il-prezzijiet huma sempliċement u allegatament “baxxi”.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li meta stabbilixxa l-marġni ta’ profitt raġonevoli, il-Kunsill ma kkonformax mal-obbligu legali li jinsab fl-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku. Dan l-artikolu jeħtieġ li l-ammont ta’ profitt raġonevoli ma jistax jeċċedi l-profitt li normalment isir minn esportaturi jew minn produtturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti li jappartjenu għall-istess kategorija ġenerali fis-suq nazzjonali tal-pajjiż ta’ oriġini.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Istituzzjonijiet naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni u argumenti sostnuti mir-rikorrenti matul il-fażi investigattiva. Billi għamlu hekk, huma mhux biss kisru l-obbligu tagħhom ta’ diliġenza dovuta u ta’ amministrazzjoni tajba minħabba l-fatt li ma eżaminawx bir-reqqa u b’imparzjalità l-provi kollha rilevanti quddiemhom iżda wkoll naqsu milli josservaw l-obbligu li jinsab fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-obbligu li jiġu ddikjarati r-raġunijiet kif stabbilit fl-Artikolu 253 TKE (Artikolu 296 TFUE).