Language of document : ECLI:EU:T:2007:217

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

11 ta’ Lulju 2007 (*)

“Direttiva 91/414/KEE – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva parakwat – Awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni – Ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali”

Fil-kawża T‑229/04,

Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, irrappreżentat minn A. Kruse, bħala aġent,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde, A. Jacobsen u J. Bering Liisberg, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä u E. Bygglin, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Ström van Lier u B. Doherty, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/112/KE ta’ l-1 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex ikun inkluż il-parakwat bħala sustanza attiva (ĠU L 321, p. 32),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċediment bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

I –  Dispożizzjonijiet tat-Trattat

1        L-Artikolu 6 KE jipprovdi li l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet Komunitarji msemmija fl-Artikolu 3KE, partikolarment bl-iskop li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli.

2        L-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem għandu jiġi assigurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni ta’ kull politika u azzjoni tal-Komunità.

3        L-Artikolu 174(2) KE jipprovdi li l-politika Komunitarja fil-qasam ta’ l-ambjent għandu jkollha bħala għan livell għoli ta’ protezzjoni filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Komunità. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-politika ambjentali tal-Komunità hija bbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni.

4        Skond l-Artikolu 174 (3) KE il-Komunità għandha tieħu in kunsiderazzjoni data xjentifika u teknika disponibbli fit-tfassil tal-politika ambjentali tagħha.

II –  Id-Direttiva 91/414/KEE

5        Id-disa’ premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1), tipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni, li b’mod partikolari, għandha tipprevjeni l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti meta ma sarux riċerki xierqa dwar ir-riskji li dawn jippreżentaw għas-saħħa, l-ilma ta’ taħt l-art u l-ambjent. Din il-premessa tindika wkoll li l-għan ta' titjib tal-produzzjoni tal-pjanti m’għandhiex tkun ta' ħsara għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent.

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/414 jiddefinixxi l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti bħala, b’mod partikolari, is-sustanzi attivi u l-preparazzjonijiet li jinkludu sustanza attiva waħda jew iktar, li huma ppreżentati fil-forma li biha jkunu sejrin jiġu forniti lill-utent, u li huma intiżi biex jeqirdu l-pjanti mhux mixtieqa. Dan l-artikolu jiddefinixxi s-sustanzi attivi bħala sustanzi jew mikro-organiżmi, li għandhom azzjoni ġenerali jew speċifika fuq l-organiżmi li jagħmlu ħsara jew fuq il-pjanti, partijiet minn pjanti jew prodotti mill-pjanti.

7        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi prodott għall-ħarsien tal-pjanti ma jiġix awtorizzat kemm-il darba:

(a) is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I u kull kundizzjoni stabbilita hemm ma tkunx ġiet issodisfatta, u, fir-rigward tal-punti li ġejjin (b), (ċ), (d) u (e), skond il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI […];

(b) ma jiġix stabbilit, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, u ma jkunx jidher minn evalwazzjoni tar-rapport li jipprovdi għalih l-Anness III, illi meta jintuża skond l-Artikolu 3(3), u wara li jiġu ikkunsidrati il-kundizzjonijiet normali kollha li taħthom jista’ jintuża, u l-konsegwenzi ta’ l-użu tiegħu:

[…]

(iii)  ma jikkawżax tbatija u uġigħ bla bżonn lill-vertebrati li jridu jiġu kkontrollati;

(iv)  ma jkollux effetti dannużi għas-saħħa tal-bnedmin jew ta’ l-annimali, sew jekk diretttament sew jekk indirettament (p.e.. permezz ta’ l-ilma tax-xorb, ikel jew għalf) jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art;

(v)       ma jkollu ebda effett inaċċettabbli fuq l-ambjent, speċjalment fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet segwenti:

–        […]

–        l-impatt tiegħu fuq speċi li l-prodott ma jkunx immirat kontrihom;

[…]”

8        Skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414:

“1.       Fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I għal perijodu ta’ żmien inizjali li ma jkunx jaqbeż l-10 snin, jekk jista’ jiġi mistenni li prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jkunu [jissodisfaw i]l-kundizzjonijiet segwenti:

(a)       il-fdalijiet tagħhom, wara użu konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent, u l-imsemmija fdalijiet, jekk ikunu sinjifikanti mil-lat tossikoloġiku jew ambjentali, ikunu jistgħu jiġu mkejla b’metodi li jkunu użati b’mod mifrux;

(b)       l-użu tagħhom, li jrid ikun konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollux effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent skond ma jiddisponi l-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v).”

9        L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li “[i]nklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tista’ tkun suġġetta għal rekwiżiti bħal ma huma [b’mod partikolari…] restrizzjonijiet li ġejjin mill-evalwazzjoni ta’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, meta jitqiesu l-kundizzjonijiet involuti ta’ natura agrarja, ta’ saħħa tal-pjanti u ambjentali (inklużi dawk klimatiċi), [… u] il-mod ta’ użu”.

10      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi b’mod partikolari li l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I ta' l-imsemmija Direttiva għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 ta’ l-istess Direttiva. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 91/414, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003 ta’ l-14 ta’ April 2003 li jaddatta għad-Deċiżjoni 1999/468/KE d-dispożizzjonijiet rigward il-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skond il-proċedura ta’ konsultazzjoni (maġġoranza kwalifikata) (ĠU L 122, p. 1), jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat regolatorju, il-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Permanenti”).

11      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414 jippreċiża li ċerti sustanzi attivi huma suġġetti għal evalwazzjoni gradwali fil-kuntest ta’ programm ta' xogħol tal-Kummissjoni.

12      L-Anness II tad-Direttiva 91/414 jelenka r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati sabiex dokument jiġi ppreżentat għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Fl-introduzzjoni ta’ dan l-Anness II, huwa indikat li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għandha b’mod partikolari tinkludi, minn naħa, dokument tekniku li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu stmati r-riskji prevedibbli, sew jekk immedjati sew jekk mifruxa fuq żmien itwal, li s-sustanza jista’ jkollha għall-bnedmin, għall-annimali u għall-ambjent u, min-naħa l-oħra r-riżultati ta’ l-istudji li saru li xi wħud minnhom huma msemmija iktar 'il quddiem u rapport sħiħ u imparzjali ta' l-istudji mwettqa kif ukoll id-deskrizzjoni sħiħa tagħhom jew spjegazzjoni aċċettabbli għall-awtorità kompetenti ladarba ċerta data jew informazzjoni partikolari ma jidhrux li huma meħtieġa jew ma jistgħux jiġu pprovduti.

13      Mill-punt 5.7 tal-parti A ta’ l-Anness II tad-Direttiva 91/414 jirriżulta li studji ta’ newrotossiċità ritardata li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi eżaminat jekk is-sustanza attiva tistax tikkawża newrotossiċità ritardata wara espożizzjoni akuta għandhom isiru għas-sustanzi ta’ struttura analoga jew li għandhom x'jaqsmu ma' l-istruttura ta’ dawk li jistgħu jikkaġunaw newrotossiċità ritardata bħall-organofosfati.

14      L-Anness VI tad-Direttiva 91/414 (iktar ’il quddiem l-“Anness VI”) jinkludi prinċipji uniformi biex jiġi żgurat li l-Istati Membri japplikaw il-kundizzjoniijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b) sa (e) ta’ l-imsemmija Direttiva b’mod uniformi u rigoruż kif mitlub minn din l-istess Direttiva fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u ta’ l-ambjent. Skond l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/414, il-prinċipji uniformi ġew stabbiliti inizjalment permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 94/43/KE tas-27 ta’ Lulju 1994, li tistabbilixxi l-Anness VI (ĠU L 227, p. 31). Din id-Direttiva ġiet annullata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑303/94, Ġabra p. I-2943). Sussegwentement, il-Kunsill adotta d-Direttiva 97/57/KE tat-22 ta’ Settembru 1997, li tistabbilixxi l-Anness VI (ĠU L 265, p. 87).

15      Il-punt A 2(ċ) ta’ l-Anness VI jipprovdi:

“Fl-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet u l-konċessjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet l-Istati Membri […] iqisu kull informazzjoni oħra relevanti ta’ natura teknika jew xjentifika illi jistgħu raġonevolment jippossjedu dwar il-prestazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew rigward l-effett negattiv tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, il-komponenti jew ir-residwi tiegħu.”

16      Skond il-punt C 2.4.1.1 ta’ l-Anness VI, "[l]-ebda awtorizzazzjoni m’għandha tiġi konċessa jekk il-kobor ta’ l-espożizzjoni ta’ l-operatur fit-tqandil u l-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skond il-kundizzjonijiet proposti għall-użu, inklużi d-doża u l-metodu ta’ l-applikazzjoni, jaqbeż il-[livell aċċettabbli ta’ espożizzjoni ta’ l-operatur]”.

17      Il-punt C 2.5.2.1 ta’ l-anness VI jipprovdi, b’mod partikolari, li meta teżisti l-possibbiltà li jiġu esposti għasafar u annimali oħra terrestri bis-sinsla li mhumiex fil-mira, m’għandha tingħata l-ebda awtorizzazzjoni jekk il-proporzjon fit-tul ta’ tossiċità/espożizzjoni huwa ta’ inqas minn 5, sakemm ma jiġix stabbilit b’mod ċar permezz ta’ evalwazzjoni approprjata tar-riskju li ma jeżisti l-ebda impatt li mhuwiex aċċettabbli wara l-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti taħt il-kundizzjonijiet proposti.

III –  Ir-Regolament (KEE) Nru 3600/92

18      L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8 (2) tad-Direttiva 91/414 (ĠU L 366, p. 10), jipprovdi, b’mod partikolari, li kull produttur li jixtieq jikseb l-inklużjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-anness I tad-Direttiva 91/414 għandu javża lill-Kummissjoni b'dan.

19      Skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 3600/92, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-lista tas-sustanzi attivi nnotifikati għal stima u taħtar Stat Membru relatur għall-evalwazzjoni ta’ kull sustanza attiva.

20      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3600/92 jipprovdi, essenzjalment, li min jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 4 ta’ l-istess Regolament għandu jibgħat lill-awtorità maħtura ta’ l-Istat Membru relatur inkartament fil-qosor u inkartament komplet fir-rigward ta’ sustanza attiva speċifika.

21      Jirriżulta mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 3600/92 li l-inkartament fil-qosor jinkludi b’mod partikolari kopja tan-notifika, il-kundizzjonijiet issuġġeriti għall-użu fil-kuntest ta’ l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u s-sunti u r-riżultati tat-testijiet li huma disponibbli kif ukoll l-isem tal-persuna jew ta’ l-istitut li jkunu wettqu dawn it-testijiet, minn naħa, għal kull punt ta’ l-Anness II tad-Direttiva 91/414 u, min-naħa l-oħra, għal kull punt ta’ l-Anness III ta’ din l-istess Direttiva li huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 ta’ l-imsemmija Direttiva, u dan għal preparazzjoni rappreżentattiva waħda jew iżjed tal-kundizzjonijiet għall-użu li ġew proposti.

22      L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 3600/92 ikompli jispeċifika li meta s-sunti jew ir-riżultati tat-testijiet mhumiex disponibbli, l-inkartament għandu jinkludi l-elementi xjentifiċi jew tekniċi li juru li din l-informazzjoni mhijiex neċessarja għall-evalwazzjoni tas-sustanza attiva skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet introduttivi ta’ l-Annessi II u III ta’ din id-Direttiva, jew inkella impenn meħud mill-produttur jew produtturi li jippreżentaw l-inkartament, li jibagħtu l-informazzjoni nieqsa iktar tard skond skeda dettaljata.

23      L-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3600/92 jindika li l-inkartament komplet għandu jinkludi l-protokolli u r-rapporti ta’ studji kompleti li jikkonċernaw l-informazzjoni kollha li tinsab fl-Artikolu 6 (2)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92.

24      L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 3600/92 jipprovdi li għal kull sustanza attiva li għaliha ġie maħtur bħala relatur l-Istat Membru, dan ta' l-aħħar għandu b’mod partikolari jeżamina l-inkartamenti msemmija fl-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament Nru 3600/92. Skond l-Artikolu 7(1)(b), l-Istat Membri relatur, immedjatament wara li jkun ġie eżaminat inkartament, għandu jara li n-notifikanti jippreżentaw l-inkartament imqassar u aġġornat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

25      L-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92 jimponi fuq l-Istat Membru relatur l-obbligu li jibgħat lill-Kummissjoni, rapport ta’ l-evalwazzjoni tiegħu ta’ l-inkartamenti msemmija fl-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament Nru 3600/92, li jipproponi li tiġi inkluża s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva, billi jiġu indikati l-kundizzjonijiet ta' din l-inklużjoni, jew li tiġi rtirata fuq bażi provviżorja s-sustanza attiva mis-suq, bil-possibbiltà li tiġi eżaminata mill-ġdid l-inklużjoni ta’ l-imsemmija sustanza fl-Anness I wara li jingħataw ir-riżultati ta’ testijiet supplementari jew ta' informazzjoni supplementari speċifikati fir-rapport, jew inkella li tiġi posposta kull deċiżjoni li tirrigwarda inklużjoni eventwali sakemm jiġu kkomunikati r-riżultati tat-testijiet supplementari jew ta' l-informazzjoni speċifikata fir-rapport.

26      Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3600/92, mill-bidu ta’ l-eżami tiegħu, l-Istat Membru relatur jista’ jistieden lil dawk li wettqu notifika sabiex itejbu jew jissupplementaw l-inkartament tagħhom. Barra minn hekk mill-bidu ta’ dan l-eżami, l-Istat Membru relatur jista’ jikkonsulta esperti ta’ Stati Membri oħra jew jitlob informazzjoni teknika jew xjentifika supplementari lil dawn ta’ l-aħħar sabiex jiffaċilita l-evalwazzjoni.

27      L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 3600/92 jipprovdi li, wara li tirċievi, b’mod partikolari, ir-rapport ta’ l-Istat Membru relatur, il-Kummissjoni tafda f'idejn il-Kumitat Permanenti l-kompitu li jeżamina l-inkartament u r-rapport ta’ l-Istat Membru relatur. Din id-dispożizzjoni tindika wkoll li, qabel ma tibgħat l-inkartament u r-rapport lill-Kumitat Permanenti, il-Kummissjoni għandha tqassam ir-rapport ta’ l-Istat Membru relatur lill-Istati Membri l-oħra, għall-informazzjoni tagħhom.

28      L-Artikolu 8 (1) tar-Regolament Nru 3600/92 jipprovdi, essenzjalment, li wara li jkun irċieva r-riżultati tat-testijiet addizzjonali jew ta’ l-informazzjoni addizzjonali, l-Istat Membru relatur għandu jeżamina din id-data, jara li s-sunt tat-testijiet addizzjonali u r-riżultati ta’ dawn it-testijiet jew l-informazzjoni addizzjonali jintbagħtu min-notifikant lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni u jibgħat l-evalwazzjoni tiegħu ta’ din l-informazzjoni lill-Kummissjoni bħala addendum għar-rapport ta’ evalwazzjoni. Dan għandu jiġi ppreżentat ukoll quddiem il-Kumitat Permanenti.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/112/KE

29      Il-parakwat huwa sustanza attiva. Huwa jagħmel parti minn wieħed mit-tliet erbiċidi l-iktar użati fid-dinja. Huwa jaġixxi bħala erbiċida mhux selettiva ta’ firxa wiesgħa li huwa partikolarment attiv kontra l-ħaxix ħażin. Huwa jeqred il-partijiet ħodor tal-pjanta billi jnixxef il-weraq. Huwa ma jattakkax l-għeruq. L-azzjoni abortiva u qerrieda sseħħ fuq il-partijiet fejn jiġi applikat il-prodott. Huwa jintuża fuq iktar minn 50 varjetà ta’ wċuħ f’iktar minn 120 pajjiż u ilu jiġi kkummerċjalizzat bħala erbiċida għal madwar sittin sena.

30      Din is-sustanza attiva ġiet ipprojbita fi tlettax-il pajjiż fosthom l-Iżvezja, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Finlandja.

31      Fix-xahar ta’ Lulju 1993, diversi produtturi tal-parakwat, fosthom l-impriża Zeneca li d-drittijiet tagħha ġew ittrasferiti lill-impriża Syngenta (iktar ’il quddiem l-“awtriċi tan-notifika”), skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3600/92, innotifikaw lill-Kummissjoni dwar ix-xewqa tagħhom li jinkludu din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

32      Bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 933/94 tas-27 ta’ April 1994 li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti u jawtorizza r-rapporteur ta’ l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 (ĠU L 107, p. 8), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq ġie maħtur bħala Stat Membru Relatur għas-sustanza attiva parakwat (iktar ’il quddiem l-“iSMR”).

33      L-awtriċi tan-notifika bagħtet lill-iSMR inkartament rigward l-inklużjoni tal-parakwat u, fil-31 ta’ Ottubru 1996, l-iSMR ikkomunika rapport ta’ eżami preliminari lill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport preliminari”). F’dan ir-rapport preliminari, l-iSMR ippropona li d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tiġi sospiża sakemm tinbagħat informazzjoni supplementari, b’mod partikolari, fuq l-effetti tas-sustanza attiva fuq ir-riproduzzjoni ta’ l-għasafar u t-tossiċità tas-sustanza attiva fuq il-liebri. Barra minn hekk, l-iSMR ippropona ċerti kundizzjonijiet rigward l-eventwali inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

34      Il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport preliminari lill-Istati Membri u lill-awtriċi tan-notifika sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

35      Ir-rapport preliminari u l-inkartament tqiegħdu wkoll taħt l-eżami ta’ grupp ta’ esperti, il-European Commission Co-ordination (ECCO), imwaqqfa mill-Kummissjoni fl-1996. Dan l-eżami twettaq fil-forma ta' konsultazzjonijiet ta’ esperti tekniċi ta’ ċerti Stati Membri, organizzati mill-Kummissjoni bejn April u Lulju ta’ l-1997. L-opinjoni ta’ dawn l-esperti ġiet mitluba dwar diversi aspetti tal-parakwat. Il-fehmiet differenti eżaminati u r-riżultat tal-laqgħat ta’ dan il-grupp ġew ippreżentati f’rapport (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ eżami ta’ l-ECCO”). Dan ir-rapport ġie kkomunikat lill-Istati Membri u lill-awtriċi tan-notifika għal kummenti u kjarifiki eventwali.

36      F’Mejju ta’ l-2000, l-iSMR stabbilixxa addendum għar-rapport preliminari li kien jinkludi b’mod partikolari l-osservazzjonijiet tiegħu rigward l-espożizzjoni ta' l-utenti, tal-liebri u ta’ l-għasafar għall-parakwat.

37      L-inkartament, ir-rapport preliminari flimkien ma’ l-addendum tiegħu, ir-rapport ta’ eżami ta’ l-ECCO kif ukoll il-kummenti u l-kjarifiki mressqa ntbagħtu lill-Kumitat Permanenti għal evalwazzjoni. L-eżami tal-Kumitat Permanenti twettaq bejn Ġunju ta’ l-2000 u Lulju ta’ l-2003.

38      Il-Kummissjoni għażlet ukoll li tibgħat id-dokumenti msemmija fil-punt preċedenti lill-Kumitat Xjentifiku tal-pjanti mwaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tagħha 97/579/KE, tat-23 ta’ Lulju 1997, li tistabbilixxi kumitati xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumaturi u tas-sigurezza ta’ l-ikel (ĠU L 237, p. 18, iktar ’il quddiem il-“Kumitat Xjentifiku”), bil-għan, b’mod partikolari, li tikseb l-opinjoni tiegħu fuq ir-riskji għall-operaturi billi tieħu in kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-espożizzjonijiet taħt forma ta’ inalazzjoni u ta’ kuntatt mal-ġilda kif ukoll fuq ir-riskji ta’ l-użu intenzjonat fuq ir-riproduzzjoni ta’ l-għasafar u tal-liebri. Fl-20 ta’ Diċembru 2001, il-Kumitat Xjentifiku ppreżenta l-opinjoni tiegħu. Wara din l-opinjoni, l-awtriċi tan-notifika bagħtet data komplementari.

39      F’Settembru ta’ l-2002, l-iSMR ippreżenta rapport li jinkludi l-kummenti tiegħu dwar l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku u dwar id-data komplementari mibgħuta mill-awtriċi tan-notifika (iktar ’il quddiem it-“tieni rapport ta’ l-iSMR”).

40      Waqt il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-parakwat, ċerti kummenti u konklużjonijiet li waslu minn intervenjenti differenti ġew imqassra u inklużi fi skeda ta' evalwazzjoni.

41      Il-proċedura ta' evalwazzjoni tal-parakwat għall-inklużjoni tiegħu fl-Anness I tad-Direttiva ġiet magħluqa fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tat-3 ta’ Ottubru 2003. Il-konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa jinsabu fir-rapport ta’ eżami tal-Kummissjoni.

II –  Id-Direttiva 2003/112/KE

42      Fl-1 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Direttiva 2003/112/KE, li temenda d-Direttiva 91/414 biex ikun inkluż il-parakwat bħala sustanza attiva (ĠU L 321, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva kkontestata”). Il-premessa numru 4 tad-Direttiva kkontestata tgħid hekk:

“Ir-rapport dwar il-parakwat u tagħrif ieħor intbagħtu […] lill-Kumitat Xjentifiku […]. [Dan i]l-Kumitat intalab ukoll biex jikkummenta dwar […] ir-riskju għall-operaturi, b’konsiderazzjoni partikolari għall-espożizzjoni potenzjali tan-nifs [permezz ta' inalazzjoni] u tal-ġilda, […] u fuq ir-riskji li l-użi maħsuba jistgħu joħolqu lill-għasafar u liebri […] Bażati fuq studji ta’ espożizzjoni fil-miftuħ, korroborati minn informazzjoni dwar stħarriġ fuq is-saħħa ta’ operaturi, il-Kumitat stabbilixxa li meta l-parakwat jintuża bħala prodott għall-ħarsien tal-pjanti kif rakkomandat skond prattiċi tajba preskritti għax-xogħol, l-użu tiegħu ma joħloqx xi riskju sinjifikanti għas-saħħa ta’ l-operaturi […] Barra hekk, il-Kumitat Xjentifiku kkonkluda li studji eżistenti jindikaw periklu għal għasafar li jbejtu fl-art biss hemm bżonn ta’ aktar tagħrif dwar espożizzjoni realistika biex issir stima definittiva Dan it-tagħrif wara ngħata u l-valutazzjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti […]kkonkluda li hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn l-espożizzjoni għal għasafar li jbejtu fl-art hi kważi xejn. Madankollu, jeżistu wkoll sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun hemm espożizzjoni. Il-valutazzjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti [..]kkonkludiet li r-riskju jkun aċċettabbli, basta li jkunu applikati miżuri xierqa biex jitnaqqsu r-riskji. Fl-aħħarnett, il-Kumitat Xjentifiku kkonkluda li l-parakwat hu mistenni li jikkaġuna effetti li jwasslu għal mewt jew kważi fuq il-liebri, biss id-data disponibbli [mhijiex] biżżejjed biex jiġi stmat il-proporzjon ta’ liebri li jintlaqtu. L-opinjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku ġew ikkunsidrati fl-abbozz ta’ din id-Direttiva u r-rapport ta’ reviżjoni. Il-valutazzjoni fi ħdan il-Kumitat [permanenti…] kkonkludiet li r-riskju jkun aċċettabbli jekk ikunu applikati miżuri xierqa għat-tnaqqis tar-riskju.”

43      Il-ħames premessa tad-Direttiva kkontestata tgħid hekk:

“Deher mid-diversi eżamijiet li saru li hemm użi ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-parakwat li huma mistennija li jissodisfaw, ġeneralment, il-ħtiġijiet preskritti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE [sakemm jittieħdu miżuri xierqa sabiex jitnaqqsu r-riskji u r-restrizzjonijiet]. Hu għalhekk xieraq li l-parakwat ikun inkluż fl-Anness 1, biex jiġi żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza jkunu jistgħu jingħataw skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva. Madankollu ċerti użi ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-parakwat joħolqu riskju mhux aċċettabbli u għalhekk m’għandhomx jiġu awtorizzati. Barra dan, hu meqjus xieraq li jkun żgurat li l-Istat Membru jimponi li min jinnotifika u kull detentur ieħor ta’ awtorizzazzjoni għall-parakwat li jistabbilixxu programm tax-xogħol tagħhom b’mod partikolari dwar sigurtà ta’ l-operatur, u li kull sena jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar inċidenti ta’ problemi dwar is-saħħa ta’ operaturi kif ukoll dwar l-impatti possibbli fuq il-liebri. Dan għandu jiffaċilita verifika dwar jekk il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji imposti mill-Istati Membri jillimatawx verament ir-riskji possibbli għall-operaturi u l-liebri għal livell aċċettabbli, u, jekk xieraq, valutazzjoni mill-ġdid skond il-progress xjentifiku, ta’ tagħrif u r-riskji potenzalment relatati għall-bniedem u l-ambjent.”

44      Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata, “[l]-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE hu emendat kif preskritt fl-Anness ta’ din id-Direttiva.” Minbarra l-inklużjoni tal-parkwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, l-Anness tad-Direttiva kkontestata jipprovdi, taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet speċifiċi”:

“Użi bħala erbicida biss jistgħu jiġu awtorizzati.

L-użi li ġejjin m’għandhomx jigu awtorizzati:

–        applikazzjonijiet knapsack u li jinżammu fl-idejn fil-kultivazzjoni ta’ ġonna domestiċi, la minn utenti dilettanti u lanqas minn professjonisti,

–        użu permezz ta’ tagħmir ta’ applikazzjoni megħjuna bl-arja,

–        applikazzjonijiet ta’ volum estremament baxx.

Għall-implementazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni [tal-Kummissjoni] dwar il-parakwat, u b’mod partikolari l-Appendicijiet I u II tiegħu, kif finalizzati mill-Kumitat Permanenti […] fit-3 ta’ Ottubru 2003, għandhom jiġu kkunsidrati. F’din l-istima ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħmlu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta’:

–        operaturi, b’mod partikolari fejn jidħlu applikazzjonijiet b’knapsack u li jinżammu bl-idejn,

–        għasafar li jbejtu fl-art[; m]eta sitwazzjonijiet ta’ użu jindikaw il-potenzjal għal espożizzjoni ta’ bajd għandha ssir stima tar-riskju u, fejn xieraq, jiġu applikati miżuri għat-tnaqqis tar-riskju,

[…]

–        liebri[; m]eta sitwazzjonijiet ta’ użu jindikaw il-potenzjal ta’ espożizzjoni għall-liebri, għandha ssir stima tar-riskju u meta approprjat, jiġu applikati miżuri għat-tnaqqis tar-riskju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet jirrappurtaw l-aktar tard fil-31 ta’ Marzu ta’ kull sena sa l-2008 dwar inċidenzi ta’ problemi tas-saħħa ta’ l-operaturi u l-impatti fuq liebri f’żona rappreżentattiva waħda jew iżjed ta’ użu, u jissupplimentaw ir-rapporti b’data dwar bejgħ u stħarriġ dwar andamenti ta’ użi, biex tkun tista’ tinkiseb stampa realistika dwar l-impatt tossikoloġiku u ekoloġiku tal-parakwat.

–        L-Istati Membri għandhom jiżguraw li konċentrati tekniċi jkun fihom vomittiv effettiv. Formolazzjonijiet likwidi għandu jkun fihom xi vomittiv effettiv, koloranti blu/ħodor u aġent jew aġenti ohra li jintnu jew li jaħdmu fuq ix-xamm. Safeners oħra, bħal sustanzi li jħaxxnu l-likwidi jistgħu jintużaw ukoll.

[F’dan il-kuntest, huma għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet tal-FAO.]”

 Il-proċedura

45      B'applikazzjoni ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2004, ir-Renju ta’ l-Iżvezja ressaq dan ir-rikors. Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt in-numru C-102/04.

46      B’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004 li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L 132, p. 5). F'dik l-okkażjoni, il-kawża ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza taħt in-numru T-229/04.

47      B’atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Ġunju 2004, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża in sostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ l-Iżvezja. L-istess talba saret mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, b’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Ġunju 2004. B’digriet tal-15 ta’ Diċembru 2004, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza dawn l-interventi. Il-partijiet intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom dwar dawn fit-termini stabbiti.

48      Skond l-Artikolu 14(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, wara li nstemgħu il-partijiet, b'mod konformi ma' l-Artikolu 51 ta’ l-imsemmija Regoli, li tirrinvija l-kawża quddiem it-Tieni Awla Estiża.

49      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’ Istanza (it-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

50      Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq talba f’dan is-sens mir-Renju ta’ l-Iżvezja, stiednet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta dokument li hija semmiet “studju Franċiż” u ressqet ukoll, bil-miktub, mistoqsijiet lill-partijiet fejn stednithom iwieġbu għal uħud minn dawn il-mistoqsijiet, bil-miktub, qabel is-seduta. Il-Kummissjoni kkonformat mat-talba sabiex tippreżenta l-istudju Franċiż. Il-partijiet ippreżentaw ir-risposti bil-miktub tagħhom fit-termini stabbiliti.

51      Instemgħu t-trattazzjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

52      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika ta’ l-Awstrija u mir-Repubblika tal-Finlandja, jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-Direttiva kkontestata;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

53      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna li r-Renju ta’ l-Iżvezja kif ukoll ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika tal-Finlandja jbatu l-ispejjeż.

 Id-dritt

54      In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mill-partijiet intervenjenti, jinvoka żewġ gruppi ta’ motivi. Il-motivi ta’ l-ewwel grupp, ta’ natura proċedurali, huma bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3600/92, ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 u ta' l-Artikolu 174(3) KE. Il-motivi tat-tieni grupp huma bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, tal-prinċipju tal-ħtieġa ta’ integrazzjoni, tal-ħtieġa ta’ livell għoli ta’ ħarsien ta’ l-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-prinċipju ta' prekawzjoni.

55      Il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu ta’ kull waħda minn dawn il-gruppi ta’ motivi.

56      Barra minn hekk, il-partijiet ressqu kunsiderazzjonijiet fuq l-inkartament xjentifiku dwar il-parakwat li r-Renju ta’ l-Iżvezja indika fis-seduta, mingħajr ma ġie kontradett mill-Kummissjoni fuq dan il-punt. Huma pproponew dawn il-kunsiderazzjonijiet bħala bażi fattwali għall-motivi u l-argumenti invokati espliċitament fl-osservazzjonijiet bil-miktub.

I –  Fuq l-istat ta’ l-inkartament xjentifiku dwar il-parakwat

A –  Osservazzjonijiet ġenerali

57      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li l-parakwat huwa s-sustanza l-iktar perikoluża għas-saħħa – f’dak li jirrigwarda tossiċità akuta – li qatt ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, peress li l-leżjonijiet ikkawżati minn din is-sustanza huma irriversibbli. F’dan ir-rigward, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (ODS) tindika li ladarba l-parakwat jidħol fil-ġisem, jew jekk jiġi mifrux taħt forma kkonċentrata fuq il-ġilda, huwa jipproduċi, wara li jgħaddi ċertu żmien, effetti gravi, u saħansitra mortali.

58      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jenfasizza li l-inġestjoni ta’ 2 ċentilitri ta’ parakwat ikkonċentrat hija fatali. Studju li jirrigwarda mewt minħabba avvelenament bil-pestiċidi fl-Ingilterra u f'Wales bejn l-1980 u l-1991 (iktar ’il quddiem l-“istudju Thompson”) jindika li inċidenti mortali seħħew matul dan il-perijodu minkejja l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji meħuda mill-awtriċi tan-notifika mis-snin 80. Dawn il-miżuri għaldaqstant iħallu riskju inaċċettabbli ta’ espożizzjoni għas-sustanza li tista’ twassal għal leżjonijiet irriversibbli jew għall-mewt tal-vittma.

59      Fir-rigward tar-riskji marbuta ma’ l-inalazzjoni tas-sustanza, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li l-istudju li sar bl-użu ta’ metodi ta’ tkejjil preċiżi ħafna juri li użu normali tal-parakwat għal żmien twil jista' jaffettwa l-kapaċità ta’ assorbiment ta’ l-ossiġnu (iktar ’il quddiem l-“istudju Dalvie”).

60      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jżid li ġew ikkonstatati avvelenamenti mortali permezz ta' espożizzjoni tal-ġilda. B'hekk, studju jindika li utent jista’ jkollu espożizzjoni mortali wara tliet sigħat u nofs li tiġi sprejjata s-sustanza bl-użu ta’ apparat li jgħaddi l-ilma minnu (iktar ’il quddiem l-“istudju Wesseling”). F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Finlandja tesponi l-każ ta’ operatur li l-qalziet tiegħu ġie mtebba' bil-parakwat waqt li kien qed iferra' s-sustanza minn kontenitur għall-ieħor u li stenna iktar minn 48 siegħa biex jaħsel it-tebgħa in kwistjoni. Għaxart ijiem wara l-inċident l-attività pulmonari tiegħu waqfet u huwa miet ħmistax-il jum wara dan l-inċident. L-istudju Wesseling jindika ukoll li hemm rabta bejn l-użu fit-tul tal-parakwat u l-kanċer tal-ġilda.

61      Il-Kummissjoni twieġeb li mhuwiex minnu li l-parakwat huwa s-sustanza li tagħmel l-iktar ħsara li qatt ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, u li huwa kkunsidrat bħala sustanza moderatament tossika mill-ODS.

62      Fir-rigward tar-riskji marbuta ma’ l-inġestjoni tas-sustanza, jirriżulta mid-data relatata mal-każijiet ta’ inġestjoni fir-Renju Unit bejn l-1980 u l-1991 li tinsab fir-rapport preliminari u li jirreferi għaliha r-Renju ta’ l-Iżvezja, li n-numru ta’ inġestjonijiet mhux intenzjonali u ta’ mewt naqas b’mod kostanti u li, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ każijiet dubbjużi fl-1987, l-ebda mewt ma ġiet irreġistrata fir-Renju Unit wara l-1983, minkejja li l-volumi ta’ bejgħ ta' prodotti li jinkludu l-parakwat żdiedu b'mod kostanti. Hija żżid li l-istudju Thompson sempliċement jindika li 33 mewt minn 3 978 ġew ipprovokati minn pestiċidi li jinkludu l-parakwat u li l-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet kienu każijiet ta’ suwiċidju.

63      Rigward il-konsegwenzi ta’ l-inalazzjoni tal-parakwat, il-Kummissjoni tosserva li testijiet komuni tal-pulmuni ppermettew li tiġi ppruvata l-produzzjoni ta' effetti mhux fuq il-funzjoni respiratorja f'każ ta’ użu fit-tul tal-parakwat, iżda fuq il-kapaċità ta’ konsum ta’ ossiġnu. Hija żżid li jirriżulta mill-istudju Dalvie li l-effetti fuq is-sistema respiratorja ta’ espożizzjoni fit-tul għal dożi żgħar ta’ parakwat ma ġewx stabbiliti totalment u li dan l-istudju ma ppermettiex li tiġi stabbilita rabta bejn espożizzjoni għal żmien twil għall-parakwat u s-sintomi indikati.

64      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ espożizzjoni tal-ġilda għall-parakwat, il-Kummissjoni ssostni li l-istudju Wesseling jippreċiża li l-parakwat huwa wieħed mill-pestiċidi li huma l-iktar użati fid-dinja, li huwa jintuża mingħajr restrizzjoni fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi u li huwa meqjus bħala mhux perikoluż mill-biċċa l-kbira ta’ l-awtoritajiet ta’ kontroll. Dan l-istudju jirrapporta inċident fatali li fih il-basket li kien jinkludi l-parakwat kien jgħaddi l-ilma minnu. Fir-rigward ta’ dan ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li fil-Komunità, huwa obbligatorju li jintuża tagħmir protettiv waqt l-applikazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-parakwat. Għaldaqstant l-istudju Wesseling mhuwiex rilevanti f’dan il-każ, minħabba li huwa marbut ma' sitwazzjoni li mhijiex tipika. Dan l-istudju lanqas ma jindika li l-użu ta' parakwat għal żmien twil huwa relatat mal-kanċer tal-ġilda. Barra minn hekk, l-ODS ma tikkunsidrax il-parakwat bħala sustanza karċinoġenika.

B –  Fuq ir-rabta bejn l-espożizzjoni għall-parakwat u l-marda ta’ Parkinson

65      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li jeżistu, fit-tagħrif dwar in-newrotossiċità tal-parakwat, indikazzjonijiet ta’ rabta bejn l-użu tas-sustanza u l-preżenza tal-marda ta’ Parkinson, marda newrodeġenerattiva fil-bniedem, anki jekk l-eżistenza ta’ rabta ċerta bejn l-użu tal-parakwat u din il-marda għadha ma ġietx stabbilita. B'hekk, studju ta’ l-2002 li sar fuq il-ġrieden jindika li l-parakwat jista’ jikkaġuna leżjonijiet fuq is-sistema nervuża meqjusa bħala karatteristika tal-marda ta’ Parkinson (iktar ’il quddiem l-“istudju McCormack”). Barra minn hekk, studju li sar fis-snin 90 jirrapporta l-importanza tar-rabta bejn l-espożizzjoni għall-parakwat u l-preżenza tal-marda ta’ Parkinson (iktar ’il quddiem l-“istudju Hertzman”).

66      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li rabta eventwali bejn il-parakwat u l-marda ta’ Parkinson qatt ma ġiet stabbilita. B'hekk, l-istudju Hertzman jikkostitwixxi analiżi retrospettiva li għamlet riċerki dwar fatturi ta’ riskji marbuta ma’ l-ambjent fil-każ tal-marda ta’ Parkinson u jindika li r-riskju jikber għall-persuni li ħadmu f'uċuħ ta' frott jew fil-fabbriki ta' inċanar.

67      L-istudju McCormak jikkonċerna ġrieden li għadhom kif twieldu, imrobbija bil-għan li jkunu suxxettibbli għall-marda ta’ Parkinson, li ġew injettati b’doża qawwija ta' parakwat. Dan l-istudju mhuwiex rilevanti, mill-aspett tossikoloġiku, għas-saħħa tal-bniedem, peress li ma jirriflettix espożizzjoni realistika, anki fil-każ l-iktar ta' żvantaġġ ta' użu. Fir-rigward ta' dan ta' l-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li d-dożi injettati kienu elf darba iktar mid-doża medja ta’ kuljum u elfejn darba iktar mil-livell aċċettabbli ta’ espożizzjoni ta’ l-operatur (iktar ’il quddiem il-“LAEO”). Dan l-istudju jikkonċerna iktar l-evalwazzjoni tal-periklu li jista’ jikkawża l-parakwat milli l-evalwazzjoni tar-riskji, mifhum bħala l-evalwazzjoni tar-riskji li huwa espost għalihom l-utent f'kundizzjonijiet realistiċi.

68      Barra minn hekk, eżami tat-tagħrif eżistenti juri li m’hemmx rabta bejn l-użu ta' parakwat u l-marda ta’ Parkinson. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għal eżami tat-tagħrif xjentifiku li sar fl-2001 għall-Advisory Committee on Pesticides (kumitat konsultattiv tar-Renju Unit fuq il-pestiċidi) (iktar ’il quddiem l-“eżami Dewhurst”). Dan jirriżulta wkoll mill-istudji epidemjoloġiċi msemmija f'noti stabbiliti mill-awtriċi tan-notifika li tqassmet fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti ta’ Lulju 2003.

C –  Fuq l-immudellar matematiku u fuq l-istudji fuq il-post rigward ir-riskju kkawżat mill-użu tal-parakwat għall-operaturi

69      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li l-immudellar matematiku u l-istudji fuq il-post rigward l-użu tal-parakwat jikkonfermaw li dan l-użu jagħti lok għal riskji.

70      Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ l-immudellar matematiku, huwa jsostni li dan jindika mingħajr dubju li l-livell ta’ espożizzjoni ta' l-utenti għall-parakwat jaqbeż il-LAEO. F’dan ir-rigward, huwa jispeċifika li skond iż-żewġ mudelli użati biex tiġi kkalkulata l-espożizzjoni ta' l-utenti professjonali għall-parakwat, filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ tagħmir personali ta’ protezzjoni kif ukoll id-diversi metodi ta’ użu tas-sustanza (bexxiexa li tinġarr fuq l-ispallejn jew imqabbda ma' trakter), l-espożizzjoni ta’ dawn in-nies taqbeż il-livell stabbilit minn 4 għal 100 darba iktar. Il-valuri kkalkolati huma bejn 20 u 100 darba ogħla mil-LAEO fil-każ ta’ użu ta’ bexxiexi li jinġarru fuq l-ispallejn minn ħaddiema li ma jilbsux ilbies protettiv filwaqt li, meta jintużaw ingwanti waqt l-immaniġġarr u l-bexx tas-sustanza, il-valuri huma madwar 60 darba ogħla mil-LAEO. Fl-aħħar nett, anki bl-użu ta’ ingwanti, protezzjoni għan-nifs, ilbies tax-xogħol, kpiepel b’burdura wiesgħa' u żraben b’saħħithom, il-livell ta’ espożizzjoni huwa ogħla mil-LAEO.

71      Fir-rigward, it-tieni nett, ta’ l-istudji fuq il-post, ir-Renju ta’ l-Iżvezja isostni li huma jindikaw l-eżistenza ta’ espożizzjonijiet li huma ogħla mil-LAEO.

72      B’hekk studju li sar fis-Sri Lanka, li fih l-utenti ma kellhomx fuqhom tagħmir ta’ protezzjoni, juri, skond metodi bażiċi ta’ analiżi, li l-kwantità assorbita mill-ġilda kienet bejn 8 u 18 ’il darba ogħla mill-LAEO. L-evalwazzjoni korrispondenti bbażata fuq analiżi ta’ urina turi livelli ta’ espożizzjoni bejn 2 u 8 darbiet ogħla mil-LAEO.

73      Studju li sar fl-1996 fil-Gwatemala fuq 20 persuna li kienu użaw tagħmir ta’ protezzjoni jindika li wieħed mill-utenti intlaqat minn livell ta’ espożizzjoni ekwivalenti għal 118 % mil-LAEO minkejja li kellu fuqu t-tagħmir tiegħu ta’ protezzjoni (iktar ’il quddiem l-“istudju Gwatemaljan”). Barra minn hekk, jingħad li utent ieħor li kien liebes it-tagħmir tiegħu ta’ protezzjoni wkoll intlaqat minn livell ta’ espożizzjoni ekwivalenti għal 92.8 % tal-limitu filwaqt li, skond dan l-istudju, dan l-utent applika l-prodott bi prudenza.

74      L-istudju Gwatemaljan huwa rilevanti peress li l-metodu ta’ bexx użat huwa applikabbli fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li anki jekk il-livell għoli ta’ espożizzjoni muri minn dan l-istudju jirriżulta mill-fatt li l-utent ikkonċernat bexxex il-prodott in kwistjoni fuq art inklinata, sitwazzjoni bħal din tista’ tqum fl-Ewropa minħabba li l-parakwat jintuża hemmhekk b’mod partikolari fl-egħlieqi tad-dwieli u taż-żebbuġ li fosthom madwar 2.5 miljun ettaru jinsabu fuq artijiet imxaqilba.

75      Studju li sar fl-1997 fuq wiċċ ta' raba' ta’ agrumi li jinsab fi Spanja u li sar fuq 20 utent lebsin tagħmir ta’ protezzjoni juri li l-espożizzjoni medja laħqet il-15 % tal-limitu, li l-75 punt perċentwali jikkorrispondi għal 48 % tal-limitu, li l-ogħla doża li l-assorbiment tagħha ġie mkejjel jikkorrispondi għal 81 % tal-limitu u li 4 utenti wrew livell ta’ espożizzjoni 'l fuq minn 50 % tal-limitu (iktar ’il quddiem l-istudju Spanjol”).

76      Studju Franċiż invokat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza juri livell ta’ espożizzjoni inaċċettabbli. B'hekk, skond ir-rapport tal-laqgħa tal-grupp ta' xogħol tal-Kumitat Permanenti ta’ Diċembru 2002, dan l-istudju jasal għall-konklużjoni li l-użu ta’ għodda ta’ l-idejn jista' jwassal għal livell ta’ espożizzjoni inaċettabbli fil-konfront ta’ l-operaturi. Jirriżulta ukoll mill-imsemmi rapport li l-istudju Franċiż jissuġġerixxi l-projbizzjoni ta' l-użu tal-parakwat fil-ġonna tal-persuni kkonċernati u l-kontroll ta' l-utenti.

77      Fir-rigward, fl-aħħar nett, ta’ l-informazzjoni ppreżentata mir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża, invokata mill-Kummissjoni fin-noti tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li tgħid li l-Istati Membri ħadu ħsieb korrettament ir-riskji assoċjati mal-parakwat korrettement, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li din l-informazzjoni mhi sostnuta minn ebda prova xjentifika u tistrieħ biss fuq l-esperjenza rispettiva ta’ dawn l-Istati Membri.

78      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-immudellar matematiku ta’ espożizzjoni għandu jiġi segwit bi studji fuq il-post meta, bħal f’dan il-każ, dan jindika l-eżistenza ta’ problemi. Hija żżid li, kif osserva l-Kumitat Xjentifiku fl-opinjoni tiegħu, l-istudji fuq il-post stabbilixxew li l-mudelli teoretiċi stmaw bħala ogħla l-espożizzjoni reali f'sitwazzjoni ta' xogħol.

79      Fir-rigward ta’ l-istudji li saru fis-Sri Lanka, fi Spanja u fil-Gwatemala, il-Kummissjoni ssostni li l-iSMR ta l-opinjoni tiegħu dwarhom fl-addenda għar-rapport preliminari u li jirriżulta minn dan il-kummentarju li l-LAEO ma jinqabiżx jekk il-kundizzjonijiet ta’ użu intenzjonati għall-parakwat jiġu osservati.

80      Hija żżid li l-istudju Franċiż jasal għall-konklużjoni li l-livell ta’ espożizzjoni jista’ jsir aċċettabbli bl-użu ta' għodda għal trakters, filwaqt li l-użu ta’ għodda ta’ l-idejn jista’ jagħmilha inaċċettabbli u li l-imsemmi studju jissuġġerixxi l-projbizzjoni ta' l-użu fil-ġonna tal-persuni kkonċernati u l-kontroll ta' l-utenti. Hija ssostni wkoll li d-data mibgħuta mir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża tindika li r-riskji marbuta ma’ l-użu tal-parakwat setgħu jiġu ġestiti b'mod xieraq.

D –  Fuq l-effetti tal-parakwat fuq is-saħħa ta’ l-annimali

81      Il-partijiet jaqblu li studji fuq il-post jindkaw li l-parakwat jista’ jiġi kkunsidrat ta' ħsara u mortali għal-liebri. Huwa wkoll stabbilit li espożizzjoni tal-bajd għall-parakwat tista’ tikkostitwixxi periklu għall-embrijuni ta’ l-għasafar.

II –  Fuq il-grupp ta’ motivi bbażati fuq trattament ta’ l-inkartament, bi ksur ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3600/92, ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 u ta’ l-Artikolu 174 (3) KE

A –  L-argumenti tal-partijiet

82      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li t-trattament ta’ l-applikazzjoni għall-inklużjoni tal-parakwat hija vvizzjata b'numru ta' nuqqasijiet gravi bi ksur tal-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 3600/92, mid-Direttiva 91/414 u mill-Artikolu 174 (3) KE.

83      Fl-ewwel lok, it-trattament ta’ l-applikazzjoni għall-inklużjoni tal-parakwat jikser il-proċeduri previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet f’dak li jikkonċerna l-eżami tal-kwistjoni tar-rabta bejn il-parakwat u l-marda ta’ Parkinson.

84      In sostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, l-ewwel nett, li l-kwistjoni ta’ rabta bejn il-parakwat u l-marda ta’ Parkinson qatt ma ġiet imsemmija, la mill-awtriċi tan-notifika, u lanqas mill-iSMR jew mill-Kummissjoni, għall-evalwazzjoni tar-riskji, filwaqt li jeżistu fit-tagħrif xjentifiku, u b’mod iżjed partikolari fl-istudji Hertzman u McCormack, indikazzjonijiet li l-parakwat jaffetwa s-sistema nervuża.

85      Fir-rigward ta’ l-istudju McCormack, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni b’mod iktar partikolari li dan jinkludi informazzjoni essenzjali fuq il-kapaċità tal-parakwat għal dannu, saħansitra li jeqred iċ-ċelluli nervużi tal-moħħ (b’mod iktar partikolari n-newroni dopaminerġiċi [dopaminergic] li jinsabu fil-pars compacta tas-sustanza sewda [substantia nigra]) u li leżjonijiet li jolqtu ċ-ċelloli nervużi huma ġeneralment magħrufa bħala l-kawża prinċipali għall-marda ta’ Parkinson fil-bniedem.

86      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, it-tieni nett, li sabiex ikun jista’ jitqies li d-dokumentazzjoni rigward ir-rabta bejn l-użu tal-parakwat u l-marda ta’ Parkinson ittieħdet in kunsiderazzjoni u ġiet eżaminata, kien meħtieġ, qabel kollox, li l-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tirreferi għal dan. Madankollu, minkejja li ċerta informazzjoni, u b’mod partikolari l-istudji Hertzman u McCormack, tqassmet u ġiet diskussa fil-laqgħa tal-grupp tax-xogħol tal-Kumitat Permanenti ta’ Lulju 2003, id-diskussjonijiet f’dan ir-rigward ma ġewx imniżżla fil-minuti ta’ din il-laqgħa. Sussegwentement, id-dokumentazzjoni rigward il-konnessjoni bejn l-użu tal-parakwat u l-marda tal-Parkinson kellha tiġi suġġetta għal evalwazzjoni bil-miktub mill-iSMR, li ma kienx il-każ. Fl-aħħar nett, kien meħtieġ li l-iSMR jagħti lill-Istati Membri l-oħra l-okkażjoni li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-evalwazzjoni tiegħu, li f’dan il-każ ma seħħx.

87      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, fit-tielet lok, li l-artikoli rigward in-nuqqas ta’ rabta bejn il-parakwat u l-marda ta’ Parkinson, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fin-noti tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma kinux disponibbli matul il-proċediment li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata ladarba, bil-kontra ta’ dokumenti oħra fejn dan ittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata s-sustanza attiva in kwistjoni, dawn l-artikoli ma kinux aċċessibbli fuq is-sit intern tal-Kummissjoni “Communication & Information Resource Center Administrator (CIRCA)”. B’mod partikolari, il-kontenut ta’ dawn l-artikoli ma ġiex imsemmi jew diskuss meta kienet qed tiġi ttrattata l-applikazzjoni għall-inklużjoni tal-parakwat. Fir-rigward ta' dan ta' l-aħħar, is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jippermettux li jinftiehem b’mod ċar il-kuntest li fih din l-istituzzjoni għamlet l-analiżi u l-evalwazzjoni tad-dokumenti li għalihom hija qed tirreferi.

88      Ir-raba’ nett, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li l-kwistjoni tar-rabta bejn l-użu tal-parakwat u l-marda tal-Parkinson kienet ta' natura kumplessa. Għaldaqstant, eżami xieraq tal-kwistjoni ta’ l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 kien jeżiġi wkoll il-konsultazzjoni minn qabel tal-Kumitat Xjentifiku. Billi naqset milli tikkonsulta dan il-kumitat, il-Kummissjoni għamlet żball manifest fit-trattament ta’ l-applikazzjoni, bi ksur ta' l-Artikolu 174 (3) KE, ta' l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, tal-punt A 2 (a) ta’ l-Anness VI, u ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 3600/92.

89      Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li l-Kummissjoni injorat il-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 3600/92, fir-rigward ta’ l-eżami ta’ l-istudju Franċiż kif ukoll fir-rigward tad-data kkomunikata mir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża.

90      F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jallega, qabel kollox, li kien biss waqt il-qari tar-risposta li huwa sar jaf bl-importanza li kellhom dawn l-istudji u din id-data fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

91      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, imbagħad, li l-informazzjoni li tgħid li saret ġestjoni korretta tar-riskji assoċjati ma’ l-użu tal-parakwat fil-Portugall u fl-Italja ġiet ikkomunikata oralment f’żewġ laqgħat tal-grupp ta' xogħol tal-Kumitat Permanenti, mingħajr l-ebda riferenza għal studju jew għal kwalunkwe rapport xjentifiku. Sabiex informazzjoni tkun tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni f’evalwazzjoni ta' riskji, din għandha tkun is-suġġett ta’ inkartament xjentifiku bil-miktub li jkun jista’ jiġi diskuss.

92      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jgħid, barra minn hekk, li l-istudju Franċiż ġie ppreżentat oralment u fil-qosor waqt laqgħa tal-grupp ta' xogħol tal-Kumitat Permanenti f’Diċembru 2002 u li dan ma ġiex imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-iSMR ma indikax jekk dan l-istudju ġiex suġġett għal xi tip ta’ eżami. Safejn l-istudju ttieħed in kunsiderazzjoni, kien jinħtieġ li l-iSMR jara, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3600/92 li l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jiħduh in kunsiderazzjoni qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni.

93      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, fl-aħħar nett, li l-istudju Franċiż kellu jkun disponibbli bil-mitkub u kellu jagħti lok, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3600/92, għal dibattitu u għal evalwazzjoni komuni qabel ma jiġi konkluż li r-riskji kienu aċċettabbli fil-kuntest ta’ użu partikolari. Barra minn hekk, minħabba li l-istudju Franċiż kien isemmi riskji inaċċettabbli fil-kuntest ta’ ċerti użi tal-parakwat, huwa kellu jintbagħat lill-Kumitat Xjentifiku għal opinjoni.

94      Ir-Repubblika tal-Finlandja żżid, essenzjalment, li la l-Kumitat Xjentifiku u lanqas il-Kumitat Permanenti ma kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom studji li jikkonċernaw l-effetti tal-parakwat fuq l-organiżmi akwatiċi.

95      Il-Kummissjoni ssostni, qabel kollox, li, skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 3600/92, huwa l-iSMR li għandu jeżamina kull informazzjoni disponibbli. Ċertament, hija l-Kummissjoni li hija responsabbli għall-koordinazzjoni tat-trattament ta’ l-applikazzjoni, għall-evalwazzjoni finali u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni fuq il-livell Komunitarju. Madankollu l-Istati Membri għandhom influwenza sinjifikanti fuq il-ġestjoni ta’ l-applikazzjoni.

96      Fir-rigward ta' l-eventwali rabta bejn il-parakwat u l-marda ta’ Parkinson, hija ssostni li l-informazzjoni kollha li għaliha jirreferi r-Renju ta’ l-Iżvezja, l-istess bħal informazzjoni oħra, ittieħdet in kunsiderazzjoni kemm minnha kif ukoll mill-iSMR. F’dan ir-rigward, hija ssostni b’mod iktar partikolari li r-Renju ta’ l-Iżvezja stess jammetti li ċerta informazzjoni fuq ir-rabta bejn il-parakwat u l-marda ta’ Parkinson diġà tqassmet u ġiet diskussa waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti f’Lulju 2003. B'dan il-mod, l-istudji Hertzman u McCormack huma msemmija fil-bulettin ta’ l-organizzazzjoni Pestizid Aktions-Netzwek eV (PAN) li kien disponibbli waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti ta’ Lulju 2003.

97      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, bħal ma jirriżulta minn messaġġ bil-posta elettronika tat-23 ta’ Mejju 2003 mibgħut minn awtorità kompetenti ta’ l-iSMR lill-Kummissjoni, l-iSMR evalwa r-rilevanza tad-dokumenti li kienu jsemmu l-parakwat b’konnessjoni mal-marda ta’ Parkinson u wasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti biex jittieħdu in kunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-parakwat setax jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet fis-seduta li l-evalwazzjoni li għamel l-iSMR kienet ibbażata fuq l-eżami Dewhurst.

98      Hija żżid li ma jeżisti l-ebda obbligu li r-rapport ta’ eżami tal-Kummissjoni għandu jinkludi l-informazzjoni kollha jew id-dokumenti kollha li kienu s-suġġetti ta' diskussjoni waqt l-evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’dritt li tqajmu minn kull parti interessata waqt il-proċediment amministrattiv.

99      Fir-rigward ta’ l-istudju Franċiż u l-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-ilmenti bbażati fuq l-irregolarità proċedurali fl-eżami ta’ dan l-istudju u ta’ din l-informazzjoni huma tardivi skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li dawn ma tqajmux meta saret ir-replika. Issa, iċ-ċirkustanzi invokati fir-replika kienu magħrufa mir-Renju ta’ l-Iżvezja waqt il-fażi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjoni u setgħu għaldaqstant jiġu invokati.

100    Sussidjarajament, hija tikkontesta l-allegazzjoni li hija kisret l-eżiġenzi proċedurali fir-rigward tat-trattament ta’ l-istudju Franċiż u ta' l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Portugiża. F’dan ir-rigward, hija tirrepeti, qabel kollox, l-argument li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 3600/92 huwa indirizzat lill-iSMR u mhux lilha. Hija ssostni, sussegwentement, li din l-istess dispożizzjoni ma tipprovdi l-ebda kundizzjoni li kull inkartament ta’ evalwazzjoni għandu jkun inkartament xjentifiku bil-miktub u sostnut minn dokumentazzjoni bil-miktub. Imbagħad, il-Kummissjoni mhijiex suġġetta għall-obbligu ġenerali li tikkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku, u dan wisq inqas peress li, f’dan il-każ, it-tagħrif ikkomunikat mill-Istati Membri ma kienx wieħed ta’ kumplessità teknika tali li kien hemm raġuni partikolari sabiex jiġi kkonsultat il-Kumitat Xjentifiku. Fl-aħħar nett, l-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Portugiża, bħall-istudju Franċiż, ikkonfermat il-konklużjonijiet ta’ l-iSMR, tal-Kumitat Permanenti u tal-Kumitat Xjentifiku, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni partikolari li tikkonsulta l-Kumitat Xjentifiku mill-ġdid.

101    Fir-rigward, fl-aħħar nett, ta’ l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Finlandja li jgħid li la l-Kumitat Xjentifiku u lanqas il-Kumitat Permanenti ma kellhom fid-dispożizzjoni tagħhom studji li jikkonċernaw l-effetti tal-parakwat fuq l-organiżmi akwatiċi, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-istudji meħtieġa mid-Direttiva 91/414 ittieħdu in kunsiderazzjoni u ġew analizzati u li jekk Stat Membru kien iqis li ċerta informazzjoni importanti kellha tiġi inkluża fl-inkartament ta’ evalwazzjoni, huwa kellu jiġbed l-attenzjoni dwar dan fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni; dan ma sarx mir-Repubblika tal-Finlandja.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

102    Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, l-ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas fit-trattament ta’ l-applikazzjoni fuq il-kwistjoni ta’ rabta eventwali bejn l-espożizzjoni għall-parakwat u l-marda ta’ Parkinson.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li r-rapport ta’ l-eżami tal-Kummissjoni juri li m’hemmx indikazzjoni ta’ newrotossiċità tal-parakwat.

104    Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ dan il-motiv, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat jekk il-proċedura li wasslet lill-Kummissjoni għal affermazzjoni bħal din hijiex konformi ma' l-eżiġenzi proċedurali stabbiliti mid-dispożizzjonijiet li r-Renju ta’ l-Iżvezja jallega li ġew miksura.

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 7(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 3600/92 li l-iSMR għandu jeżamina l-inkartament imsemmi fl-Artikolu 6(2) ta’ dan l-istess Regolament u jibgħat rapport fuq l-imsemmi inkartament lill-Kummissjoni. L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3600/92 jispeċifika li l-awtriċi tan-notifika għandha tibgħat lill-awtorità kompetenti ta’ l-iSMR inkartament fil-qosor li jinkludi, għal kull punt ta’ l-Anness II tad-Direttiva 91/414, ir-rapporti fil-qosor u r-riżultati ta’ l-esperimenti disponibbli, jew, fin-nuqqas ta’ dan, lista tar-raġunijiet li għalihom din l-informazzjoni mhijiex neċessarja għall-evalwazzjoni ta' sustanza skond il-kriterji ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, jew inkella impenn li tibgħat l-informazzjoni nieqsa iktar tard. L-Anness II tad-Direttiva 91/414 jinkludi punt 5.7 li jipprovdi li studji ta’ newrotossiċità ritardata għandhom isiru għas-sustanzi ta’struttura analoga jew relatata ma’ l-istruttura ta’ dawk li jistgħu jwasslu għal newrotossiċità ritardata bħall-organofosfati.

106    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, bl-istess mod bħal fir-Renju ta’ l-Iżvezja, li l-kwistjoni tar-rabta bejn il-parakwat u l-marda ta’ Parkinson qatt ma ġiet invokata mill-awtriċi tan-notifika. Barra minn hekk, jirriżulta mir-rapport preliminari li l-awtriċi tan-notifika ma pprovdiet l-ebda tagħrif lill-iSMR fir-rigward tan-newrotossiċità tal-parakwat u ma pprovdiet l-ebda raġuni li għaliha ma kienx hemm lok li tiġi pprovduta informazzjoni dwar dan il-punt. Barra minn hekk, filwaqt li, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3600/92, l-iSMR seta’ jistieden lill-awtriċi tan-notifika sabiex ittejjeb jew tissuplementa l-inkartament tagħha, din il-possibbiltà ma ntużatx. Fil-fatt, fir-rapport preliminari tiegħu, l-iSMR jindika espliċitament li l-informazzjoni pprovduta mill-awtriċi tan-notifika fir-rigward ta’ l-aspetti tossikoloġiċi tal-parakwat hija suffiċjenti għall-inklużjoni ta’din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

107    Ċertament, il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-iSMR fil-fatt evalwa, abbażi ta’ l-eżami Dewhurst, ir-rilevanza tad-dokumenti li jsemmu l-parakwat b'rabta mal-marda ta’ Parkinson u li kkonkluda li ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex dawn id-dokumenti jittieħdu in kunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-parakwat setax jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (ara l-punt 97 iktar ’il fuq).

108    Madankollu, anki jekk jingħad li din l-evalwazzjoni effettivament seħħet, kif jidher li jindika l-messaġġ b'posta elettronika tat-23 ta’ Mejju 2003 li għalih tirreferi l-Kummissjoni kif ukoll l-eżami Dewhurst li jinsab fil-fajl ta’ dan il-proċediment, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni ma tissoddisfax il-ħtiġijiet previsti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3600/92. Fil-fatt, kif isostni r-Renju ta’ l-Iżvezja (ara l-punt 65 iktar ’il fuq) mingħajr ma jiġi kontradett mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, l-indikazzjonijiet ta’ rabta bejn l-użu tal-parakwat u l-preżenza tal-marda ta’ Parkinson jinsabu fit-tagħrif relatat man-newrotossiċità tal-parakwat. Għaldaqstant, minkejja li l-iSMR evalwa t-tagħrif li jirrigwarda r-rabta eventwali bejn il-marda ta’ Parkinson u l-parakwat, din l-evalwazzjoni saret fl-ambitu ta’ l-eżami tan-newrotossiċità tal-parakwat. L-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92 jeżiġi li l-evalwazzjoni ta’ sustanza attiva li ssir mill-iSMR twassal għal rapport tal-Kummissjoni, li, skond l-Artikolu 7(3) ta’ l-istess Regolament għandu jintbagħat lill-Kumitat Permanenti u lill-Istati Membri l-oħra għall-informazzjoni tagħhom.

109    F’dan il-każ, kif josserva essenzjalment ir-Renju ta’ l-Iżvezja (ara l-punt 86 iktar ’il fuq), mingħajr ma jiġi kontradett mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, ir-rapporti ta’ l-iSMR ma kienu jinkludu l-ebda evalwazzjoni tat-tagħrif relatat mar-rabtiet eventwali bejn il-parakwat u l-marda ta’ Parkinson. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix u lanqas ma tallega li din l-evalwazzjoni ġiet ikkomunikata lill-Kumitat Permanenti.

110    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-affermazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ eżami tal-Kummissjoni li tgħid li m’hemmx indikazzjoni ta’ newrotossiċità tal-parakwat tirriżulta minn trattament ta’ inkartament li ma kienx jissodisfa l-ħtiġijiet proċedurali stabbiliti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3600/92. Għandu għaldaqstant jiġi milqugħ l-ilment ibbażat fuq l-irregolarità tal-proċedura fir-rigward ta’ l-eżami ta’ rabta eventwali bejn il-parakwat u l-marda ta’ Parkinson, mingħajr ma jkun meħtieġ l tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti l-oħra mressqa fil-kuntest ta’ dan l-ilment.

111    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti bbażati fuq l-irregolarità tal-proċedura fir-rigward ta’ l-eżami ta’ l-istudju Franċiż u ta’ l-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża.

112    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi eżaminat l-argument ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti.

113    Skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

114    Kif tosserva l-Kummissjoni (ara l-punt 99 iktar ’il fuq), billi ssostni fir-replika tagħha li d-data ppreżentata mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Portugiża kif ukoll l-istudju Franċiż kellhom ikunu disponibbli bil-miktub u kellhom jintbagħtu lill-Kumitat Xjentifiku, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni motivi li ma jinstabux fl-att tar-rikors u li, għaldaqstant, huma ġodda fis-sens ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

115    Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Portugiża ġew ikkomunikati oralment waqt il-laqgħat tal-grupp ta' xogħol tal-Kumitat Permanenti u li l-istudju Franċiż ġie msemmi fil-minuti ta' laqgħat ta’ dan l-istess grupp ta' xogħol ta’ Diċembru ta’ l-2000 u ta’ Frar ta’ l-2003. L-eżistenza ta’ din l-informazzjoni u ta’ dan l-istudju mhijiex għaldaqstant element li nstab waqt il-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

116    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li r-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni l-motivi ġodda msemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq, biss inkwantu li l-Kummissjoni tallega, fir-risposta tagħha, li l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Portugiża, kif ukoll l-istudju Franċiż, kienu ta' ċerta importanza sabiex tiġi ammessa l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

117    Issa, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi li fihom l-informazzjoni u l-istudju in kwistjoni ttieħdu in kunsiderazzjoni bl-ebda mod ma kienu jindikaw l-importanza li dawn l-elementi kellhom għall-Kummissjoni għall-finijiet ta’ l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 92/414. Fil-fatt, kif josserva r-Renju ta’ l-Iżvezja (ara l-punt 77 iktar ’il fuq), mingħajr ma jiġi kkontradett mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Portugiża kienet tikkonsisti fis-sempliċi affermazzjoni li, skond l-esperjenza ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri, setgħet issir ġestjoni korretta tar-riskji assoċjati mal-parakwat, mingħajr ma jkun ġie ppreżentat studju jew dokument bil-miktub li jista’ jsostni dawn l-affermazzjonijiet. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-istudju Franċiż kien sempliċement suġġett għal preżentazzjoni orali u fil-qosor quddiem il-Kumitat Permanenti u li dan ma tqegħidx għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-allegata importanza ta' l-informazzjoni u ta’ l-istudju in kwistjoni biex tiġi ammessa l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tikkostitwixxi element ta’ fatt li qam biss waqt il-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, l-ilmenti mressqa fir-rigward tat-trattament ta’ l-istudju Franċiż u ta' l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Portugiża għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli taħt l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

118    Fir-rigward tal-mertu ta’ dawn l-ilmenti, għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-ilmenti mressqa kontra t-trattament ta’ l-istudju Franċiż.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-Kummissjoni tinvoka l-istudju Franċiż bħala element importanti ta’ l-evalwazzjoni tal-parakwat u tispjega li dan l-istudju jasal għall-konklużjoni li l-livell ta’ espożizzjoni ta’ l-operaturi tal-parakwat jista’ jsir aċċettabbli billi jintużaw għodod għat-trakters, filwaqt li l-użu ta’ għodda ta’ l-idejn jista’ jagħmel l-espożizzjoni inaċċettabbli u li l-imsemmi studju jissuġġerixxi l-projbizzjoni ta’ l-użu fil-ġonna tal-persuni kkonċernati u l-kontroll ta' l-utenti.

120    Għandu jiġi osservat, sussegwentement, li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li ma jeżistix fajl ta’ evalwazzjoni bil-miktub ta’ l-istudju Franċiż u li dan l-istudju ma ġiex mibgħut lill-Kumitat Xjentifiku għal opinjoni. Barra minn hekk, kif josserva r-Renju ta’ l-Iżvezja, xejn fil-fajl ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-iSMR seta' jieħu konjizzjoni ta' l-istudju Franċiż u li huwa eżamina dan l-istudju qabel ma ġiet adottata deċiżjoni fuq l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva.

121    Peress li ma ġiex stabbilit li rapport ta’ l-iSMR fuq l-istudju Franċiż intbagħat lill-Kumitat Permanenti, għandu jiġi kkonstatat li t-trattament ta’ dan l-istudju, li l-Kummissjoni ssostni li kien importanti fl-evalwazzjoni tagħha tal-parakwat, mhuwiex konformi ma' l-eżiġenzi proċedurali previsti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3600/92. B’mod iżjed partikolari, kif ġie diġà osservat fil-punt 108 iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92 jeżiġi li l-evalwazzjoni magħmula mill-iSMR twassal għal rapport lill-Kummissjoni, li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 7(3) ta’ l-istess Regolament għandu jintbagħat lill-Kumitat Permanenti u lill-Istati Membri l-oħra għall-informazzjoni tagħhom.

122    Barra minn hekk, it-trattament ta’ l-istudju Franċiż huwa sinjifikatament differenti mit-trattament ta’ l-istudji relatati mal-livell ta’ espożizzjoni ta’ l-operaturi għall-parakwat li saru fis-Sri Lanka, fil-Gwatemala u fi Spanja. Fil-fatt, dawn l-istudji, li l-ewwel tnejn fosthom juru każijiet li fihom il-livell ta’ espożizzjoni ta’ l-operatur għall-parakwat kien ogħla mil-LAEO, kollha ġew eżaminati mill-iSMR. L-eżami ta’ dawn l-istudji mill-iSMR ġie miġbur f'sunt bil-miktub li jinsab fir-rapport preliminari, jew inkella fl-addenda ta’ dan ir-rapport. Barra minn hekk, dawn ir-rapporti tressqu quddiem il-Kumitat Permanenti kif ukoll quddiem il-Kumitat Xjentifiku.

123    Peress li l-istudju Franċiż, skond il-Kummissjoni, kien ta' ċerta importanza għall-evalwazzjoni tal-parakwat, huwa kellu jiġi suġġett għal proċedura ta’ eżami simili għal dik użata sabiex jiġi evalwat l-istudju Srilankiż, dak tal-Gwatemala u dak ta' Spanja, inkluż l-eżami tagħhom mill-Kumitat Xjentifiku.

124    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta' l-eżami ta' l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża, għandu jiġi osservat li l-inkartament ma jinkludi l-ebda indikazzjoni li din l-informazzjoni, meqjusa bħala importanti mill-Kummissjoni, kienet is-suġġett ta’ rapport ta’ l-iSMR. Għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punti 108 u 121 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta' tali rapport jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3600/92.

125    Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq irregolaritajiet fit-trattament ta’ l-istudju Franċiż u ta' l-informazzoni pprovduta mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika Portugiża għandhom jiġu milqugħa.

126    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-motiv ibbażat fuq trattament ta’ inkartament li jmur kontra l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3600/92 għandu jiġi milqugħ, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi, l-ilmenti u l-argumenti l-oħra ta’ natura proċedurali, imressqa mill-partijiet.

III –  Fuq il-grupp ta’ motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, tal-kundizzjoni ta’ integrazzjoni, tal-prinċipju ta’ livell għoli ta’ protezzjoni u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

127    Dan il-grupp ta’ motivi huwa maqsum f'żewġ partijiet. L-ewwel waħda hija dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u t-tieni parti tirrigwarda l-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali.

128    Barra minn hekk, il-partijiet sostnew ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-portata tal-prinċipji ta’ integrazzjoni, ta’ prekawzjoni u tal-livell għoli ta’ protezzjoni li fir-rigward tagħhom ir-Renju ta’ l-Iżvezja indika fis-seduta, mingħajr ma ġew kontradetti mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, li huma kienu jservu biss sabiex isostnu l-motivi u l-argumenti espliċitament invokati f'okkażjonijiet oħra.

A –  Rigward l-ewwel parti dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem

1.     L-argumenti tal-partijiet

129    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mill-partijiet intervenjenti, isostni li, fil-kuntest ta’ l-eżami tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem ikkawżati mill-użu tal-parakwat, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' prekawzjoni, il-prinċipju ta’ livell għoli ta’ protezzjoni, il-kundizzjoni ta’ integrazzjoni kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 u l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ l-anness VI. B'dan il-mod, hija qabżet biċ-ċar il-limiti tas-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mill-partijiet intervenjenti, jesponi, essenzjalment, tliet ilmenti li l-Kummissjoni tikkontesta.

a)     Fuq l-ilment ibbażat fuq espożizzjoni ta’ l-operatur li hija ogħla mil-LAEO

130    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, jesponi fl-ewwel lok, li, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ sustanza attiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI li għalihom jirreferu l-Istati Membri fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti huma applikabbli.

131    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 jirreferi, fil-fatt, almenu indirettament, għall-kriterji ta’ l-Anness VI. Skond l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414, l-eżiġenzi fundamentali stabbiliti mill-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v) tad-Direttiva 91/414 huma għaldaqstant applikabbli fl-evalwazzjoni ta’ sustanza attiva. Madankollu, mhuwiex possibbli li tiġi evalwata l-osservanza ta’ dawn l-eżiġenzi fundamentali mingħajr ma jiġu applikati l-prinċipji ta’ l-Anness VI, prinċipji li jiddeterminaw il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

132    L-applikabbiltà tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI tirriżulta wkoll minn prattika tal-Kummissjoni li, fin-nuqqas ta’ linji gwida partikolari rigward l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, tapplika dejjem il-kriterji ta’ l-Anness VI.

133    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, fit-tieni lok, li l-immudellar u l-istudji fuq il-post juru b’mod ċar li, f’dan il-każ, il-livell ta’ ħarsien ma jissodisfax l-eżiġenzi espressi fil-punt Ċ 2.4.1.1 ta’ l-Anness VI li jipprovdi li l-livell ta’ espożizzjoni ta’ l-operatur waqt l-immaniġġjar u l-applikazzjoni tal-prodott għall-ħarsien tal-pjanti taħt il-kundizzjonijiet ta’ użu proposti (u b’mod partikoari d-doża u l-metodu ta’ applikazzjoni) ma jistax ikun ogħla mil-LAEO. Minħabba li nqabeż il-LAEO, il-Kummissjoni għaldaqstant kisret l-Anness VI waqt l-eżami tal-parakwat, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 u l-prinċipju tal-livell għoli ta’ protezzjoni.

134    Ir-Repubblika tal-Finlandja żżid ukoll li kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti newroloġiċi tal-parakwat kif jirriżultaw mill-istudji xjentifiċi sabiex jiġi stabbilit il-LAEO u d-doża ta’ kuljum li tkun aċċettabbli għall-operaturi. Fil-fehma tagħha, minħabba li l-istudji li jirrigwardaw l-effetti newroloġiċi tal-parakwat ma tteħdux in kunsiderazzjoni, il-LAEO u d-doża ta’ kuljum aċċettabbli adottati sabiex jiġu evalwati r-riskji għall-operaturi huma għoljin wisq.

135    Il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni li hija kellha tapplika l-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI meta evalwat il-parakwat.

136    Qabel kollox, l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414 jirreferi għall-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v) ta’ din l-istess Direttiva, li ma jsemmix l-Anness VI. Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhijiex formalment marbuta li tapplika l-prinċipji uniformi ta’ dan l-anness meta hija tevalwa sostanza attiva. Imbagħad hija tesponi, essenzjalment, li jekk hija mhijiex marbuta ma’ dawn il-prinċipji, hija tista’ madankollu teħodhom in kunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni ta’ sustanza attiva.

137    Hija ssostni li r-riskju ta’ arbitrarjetà li, skond ir-Renju ta’ l-Iżvezja, jirriżulta fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipji ta’ l-Anness VI, ma jidhirx li huwa partikolarment possibbli fid-dawl tal-portata tal-miżuri ta’ evalwazzjoni li għalihom tiġi suġġetta sustanza attiva b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni fuq il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

138    Fir-rigward ta’ l-argument tar-Repubblika tal-Finlandja li l-fatturi ta’ sigurtà, li jirrappreżentaw il-LAEO u d-doża aċċettabbli ta’ kuljum, ġew stabbiliti fuq livelli għolja wisq minħabba n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ l-effetti newroloġiċi tal-parakwat, il-Kummissjoni ssostni li hija qieset li ma kienx hemm lok li jiġu evalwati l-effetti tal-parakwat fuq il-marda ta’ Parkinson u li l-ebda Stat Membru ma kien għamel talba f’dan is-sens.

b)     Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux suffiċjentement probatorja ta’ l-inkartament xjentifiku biex jiġi konkluż in-nuqqas ta’ riskju sinjifikanti tal-parakwat fuq saħħet il-bniedem

139    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jikkontesta din l-opinjoni li għandha l-Kummissjoni li tgħid li l-inkartament xjentifiku jindika li l-parakwat ma għandu l-ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem.

140    F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, isostni, fl-ewwel lok, li jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 li sustanza tista’ tiġi inkluża fl-Anness I biss fil-każ fejn jiġi ppruvat, lil hinn minn kull dubju raġjonevoli, li prodott li jinkludi s-sustanza attiva jista’ jintuża bis-sigurtà kollha f'almenu qasam wieħed ta’ użu rappreżentattiv. Prova tali għandha tistrieħ fuq evalwazzjoni tar-riskji sostnuta minn inkartament xjentifiku.

141    Ir-Renju tad-Danimarka jikkontesta l-fatt li l-kliem ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jindika li l-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ prova tant attenwat li sempliċi possibbiltà, li mhijiex ċerta jew li hija teorika, li prodott li jinkludi s-sustanza attiva jista’ jkun aċċettabbli huwa biżżejjed biex tiġi ammessa l-inklużjoni ta’ l-imsemmija sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Jekk jeżistu indikazzjonijiet li ċerta sustanza attiva tista’ tkun ta’ riskju ta’ tip partikolari għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tas-sustanza fl-Anness I, jinħtieġ li tiġi miġbura biżżejjed informazzjoni sabiex dan ir-riskju jkun jista’ jiġi evalwat b’mod xjentifiku u l-effikaċja ta’ restrizzjonijiet eventwali għall-użu għandha tiġi evalwata bl-istess dixxiplina xjentifika.

142    F’dan il-każ, skond ir-rikorrenti, l-inkartament xjentifiku ma jippermettix li jiġi konkluż li l-parakwat jissodisfa l-eżiġenzi stabbiliti permezz ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414.

143    Qabel kollox, l-immudellar matematiku juri mingħajr ambigwità li l-espożizzjoni ta’ l-utenti huwa ogħla mil-limitu stabbilit. L-istudju Gwatemaljan u l-istudju Franċiż juru livell ta’ espożizzjoni inaċċettabbli għall-utenti u huwa l-istudju Spanjol biss li jikkonkludi li kien hemm livell ta’ espożizzjoni aċċettabbli.

144    Sussegwentement, la l-istudju Gwatemaljan u lanqas l-istudju Franċiż ma ttieħdu in kunsiderazzjoni b'mod xieraq B'hekk, minkejja li l-istudju Gwatemaljan jindika li persuna li użat it-tagħmir ta’ protezzjoni rrakkomandat sofriet espożizzjoni ta' livell ogħla mil-LAEO, fil-fehma tiegħu, il-Kumitat Xjentifiku kkonkluda li huma biss l-individwi li ma segwewx il-proċedura ta' xogħol irrakkomandata li urew valuri ta’ espożizzjoni qrib il-limitu. Barra minn hekk, minkejja li l-istudju Franċiż jindika li l-użu ta’ bexxiexa li tintlibes fuq id-dahar għandu jiġi pprojbit u li l-użu tal-parakwat fil-ġonna tal-persuni kkonċernati mhuwiex irrakkomandat, id-direttiva kkontestata tipprojbixxi l-użu ta’ bexxiexi li jintlibsu fuq id-dahar jew li jintużaw bl-idejn biss fir-rigward tal-“ġonna domestiċi”.

145    Il-Kummissjoni ssostni li l-inkartament xjentifiku kien suffiċjentement probatorju biex jiġġustifika inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva.

146    F’dan ir-rigward, hija ssostni, fl-ewwel lok, kunsiderazzjonijiet dwar il-portata ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414. B'dan il-mod, hija tikkontesta, qabel kollox, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 li tgħid li din id-dispożizzjoni teżiġi li qabel l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, ikun ġie pprovat li prodott li jinkludi s-sustanza attiva ġie użat mingħajr periklu, mingħajr l-ebda dubju raġonevoli, f'almenu qasam wieħed ta’ użu rappreżentattiv, fid-dawl tar-riskji potenzjali kollha.

147    Minn naħa, tali eżiġenza toqrob għal nuqqas assolut ta' tolleranza. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li miżura preventiva ma tistax tiġi validament immotivata permezz ta' approċċ purament ipotetiku tar-riskju, ibbażat fuq sempliċi suppożizzjonijiet li għadhom ma ġewx ivverifikati xjentifikament. B’mod iżjed partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fis-sens ta' livell ta' nuqqas assolut ta' riskju (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punt 152).

148    Min-naħa l-oħra, tali eżiġenza tmur kontra l-kliem tad-Direttiva 91/414 u l-elementi ta’ prova li din ta’ l-aħħar teżiġi sabiex tiġi inkluża sustanza attiva. B'dan il-mod, bl-użu ta' l-espressjoni “jekk jista’ jiġi mistenni” minflok, per eżempju, il-kliem “jekk wieħed jista’ jipprova”, il-leġiżlatur ammetta li kien impossibbli li jiġu previsti s-sitwazzjonijiet kollha possibbli u immaġinabbli li fihom prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi s-sustanza attiva seta’ jintuża u li l-kundizzjonijiet ambjentali li kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sustanza attiva setgħu jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għal ieħor, raġunijiet għalfejn il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tattribwixxi wkoll rwol attiv lill-Istati Membri.

149    Fir-rigward tar-restrizzjonijiet ta' użu previsti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni tiċħad li għandu jiġi vverifikat b’mod xjentifiku li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom fil-fatt l-effett li jnaqqsu r-riskji. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li huwa b'kunsiderazzjoni ta’ l-“istat” ta’ l-għarfien xjentifiku u tekniku li jista’ jiġi stabbilit jekk “jista’ jiġi mistenni” li l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I ta' l-imsemmija Direttiva.

150    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-insuffiċjenza ta’ l-inkartament xjentifiku biex tkun sostnuta inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

151    B'dan il-mod, teżisti dokumentazzjoni xjentifika suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li, indipendentement mir-riskji li jista’ jippreżenta l-użu tal-parakwat, ir-riskji evalwati kienu aċċettabbli fid-dawl ta’ l-introduzzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex inaqqsuhom, bħall-projbizzjoni għall-persuni kkonċernati milli jużaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-parakwat u l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet għal użu professjonali ta’ din is-sustanza.

152    Barra minn hekk l-immudellar matematiku li jindika li l-LAEO ġie maqbuż mhuwiex rilevanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li meta dan l-immudellar juri l-eżistenza ta’ problemi, huwa għandu jiġi segwit bi studji fuq il-post. Issa, f’dan il-każ, l-iSMR ikkunsidra fl-addendum li l-LAEO ma ġiex maqbuż jekk il-kundizzjonijiet ta' użu previsti għall-parakwat ġew osservati. Barra minn hekk, il-Kumitat Xjentifiku wasal għall-istess riżultat bħall-iSMR billi kkonstata li anki jekk il-mudelli ta’ espożizzjoni jindikaw li l-LAEO seta’ eventwalment jiġi maqbuż, l-istudji fuq il-post f’diversi pajjiżi wrew li l-mudelli kienu stmaw bħala ogħla l-espożizzjoni reali f'sitwazzjoni ta' xogħol.

153    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li hija kkunsidrat l-istudju Spanjol biss sabiex tifforma l-opinjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-iSMR u l-Kumitat Xjentifiku kif ukoll l-esperti ta’ l-ECCO kkunsidraw li l-istudji li ġew ippreżentati kienu suffiċjenti u li wieħed seta’ jaqbel b'mod ġenerali li, fil-każ ta’ użu skond il-kundizzjonijiet proposti, il-parakwat ma kienx jippreżenta riskji sinjifikanti għas-saħħa.

154    Fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-istudju Gwatemaljan fil-proċediment li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta mill-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku li dan kellu fil-pussess tiegħu l-addendum tar-rapport preliminari li fih jinsab l-istudju Gwatemaljan. Barra minn hekk, fit-tieni rapport tiegħu, l-iSMR jindika li l-Kumitat Xjentifiku bbaża l-opinjoni tiegħu fuq l-istudji fuq il-post. Xejn ma jippermetti għaldaqstant li jiġi stabbilit li l-Kumitat Xjentifiku ma ħax in kunsiderazzjoni l-istudju Gwatemaljan.

155    Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argument li l-kundizzjonijiet ta' użu tal-parakwat previsti mid-Direttiva kkontestata ma jirriflettux il-konklużjonijiet ta’ l-istudju Franċiż. F’dan ir-rigward, hija ssostni, minn naħa, li d-Direttiva kkontestata ma tawtorizzax, b’mod ġenerali, l-għodda ta' l-idejn u, min-naħa l-oħra, li l-kisba ta’ awtorizzazzjoni sabiex jintuża prodott għall-ħarsien tal-pjanti hija suġġetta għall-osservanza ta' prattika tajba.

c)     Fuq l-ilment ibbażat fuq tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni

156    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, essenzjalment isostni li, billi ammettiet l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

157    B'hekk, il-fatt li d-direttiva kkontestata timponi, minn naħa, l-implementazzjoni ta’ programmi ta’ ġestjoni għas-sigurtà ta’ l-operaturi u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni ta’ rapport annwali lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-effett ta’ l-użu tal-parakwat fuq is-saħħa ta’ l-operaturi, jindika li l-Kummissjoni mhijiex ċerta rigward ir-riskji li jġib miegħu il-parakwat. L-ebda sustanza attiva oħra inkluża fl-Anness I ma hija suġġetta għall-provvista ta' tali rapporti annwali. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ikkonċernat, il-Kummissjoni ppruvat approċċ ġdid, li jmur kontra d-Direttiva 91/414, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ livell għoli ta’ protezzjoni.

158    Billi awtorizzat il-parakwat, l-iktar sustanza tossika li teżisti, bħala sustanza attiva, il-Kummissjoni naqqset b’mod serju l-livell ta’ protezzjoni li jirregola l-għażla ta’ sustanzi li jistgħu jiġu inklużi fl-Anness I. B’hekk, hija marret kontra l-għan tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni intiżi sabiex jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni, kif ukoll il-kliem tal-preambolu tad-Direttiva 91/414, li jgħid li l-għan ta’ titjib tal-produzzjoni veġetali m’għandux ikun ta' ħsara għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u tas-saħħa ta’ l-ambjent.

159    Il-Kummissjoni twieġeb li ma hemmx raġuni għalfejn ir-Renju ta’ l-Iżvezja jilmenta kontra l-fatt li hija teżiġi li l-proprjetarji ta’ awtorizzazzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi l-parakwat jistabbilixxu programm ta’ protezzjoni ta' l-utenti u jinfurmaw kull sena l-preżenza eventwali ta’ problemi tas-saħħa jew ta' tniġġis marbuta ma’ l-użu tal-prodott.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Fuq il-kuntest ta’ l-evalwazzjoni

160    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li, sabiex sustanza tkun tista’ tiġi inkluża fl-Anness I ta’ din l-istess Direttiva, għandu jiġi mistenni, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-istat ta’ għarfien xjentifiku u tekniku, li l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti inkluża s-sustanza attiva in kwistjoni, wara applikazzjoni li timxi skond il-prattiċi tajbin tal-protezzjoni tal-pjanti, ma tagħmilx ħsara lis-saħħa tal-bniedem, skond l-Artikolu 4(1)(b)(iv), tad-Direttiva 91/414.

161    Din id-dispożizzjoni, interpretata flimkien mal-prinċipju ta' prekawzjoni, timplika li, fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem, l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet serji li, mingħajr ma tiġi eskluża l-inċertezza xjentifika, jippermettu raġjonevolment li titqiegħed fid-dubju s-sigurtà ta’ sustanza, tmur kontra, bħala regola ġenerali, l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Fil-fatt, il-prinċipju ta' prekawzjoni huwa intiż sabiex jipprevjeni r-riskji potenzjali. Min-naħa l-oħra, riskji purament ipotetiċi, li jistrieħu fuq ipoteżi xjentifiċi li mhumiex sostnuti, m’għandhomx jiġu milqugħa (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T‑392/02, Ġabra p. II‑4555, punt 129).

162    Sabiex jiġi evalwat jekk humiex issodisfati l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, f’dak li jikkonċerna s-saħħa tal-bniedem, din l-istess dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 4(1)(b)(iv) tad-Direttiva 91/414 li jipprovdi, essenzjalment, li għandu jiġi stabbilit li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti m’għandux effett dannuż dirett jew indirett fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art.

163    Madankollu għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 91/414 li, sabiex jiġi stabbilit jekk l-eżiġenzi previsti mill-Artikolu 4(1)(b) ta’ din l-istess Direttiva humiex issodisfati, għandhom jiġu applikati l-prinċipji uniformi msemmija fl-Anness VI. Barra minn hekk, it-tieni premessa tad-Direttiva 97/57, li tistabbilixxi l-kontenut ta’ l-Anness VI, tindika li dan l-anness għandu jistabbilixxi prinċipji uniformi sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u bid-dixxiplina rikjesta mill-eżiġenzi msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) sa (e) tad-Direttiva 91/414.

164    Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 4(1)(b)(iv) tad-Direttiva 91/414 li għalih jirreferi espliċitament l-Artikolu 5(1)(b) ta’ l-istess Direttiva, jitlob l-osservanza tal-prinċipji uniformi ta’ l-anness VI.

165    Barra minn hekk, jekk ir-referenza li jagħmel l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414 ma twassalx għall-applikabbiltà tal-prinċipji uniformi msemmija fl-Anness VI, din ir-referenza m'għandhiex użu reali. Fil-fatt, f'tali każ, biex jiġi evalwat in-nuqqas ta’ effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem, b'mod konformi ma' l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414, ir-referenza li tagħmel din id-dispożizzjoni hija limitata għall-applikazzjoni ta’ kriterju li huwa kważi identiku dovut għan-nuqqas ta’ “effett dannuż fuq is-saħħa tal-bnedmin […] (per eżempju bl-għajnuna ta’ l-ilma għax-xorb, ikel […]) jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art”.

166    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ammettiet, fis-seduta, li hija diġà kienet għamlet użu mill-kriterji ta’ l-Anness VI fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ ċerti sustanzi attivi skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.

167    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li meta l-Kummissjoni teżamina sustanza attiva bil-għan li din tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, jirriżulta mill-Artikolu 5(1)(b) ta’ din id-Direttiva, li japplikaw il-kriterji ta’ l-Anness VI.

168    B’mod iżjed partikolari, il-punt C 2.4.1.1 ta’ l-Anness VI jipprovdi li ma tingħatax awtorizzazzjoni jekk il-livell ta’ espożizzjoni ta’ l-operatur waqt l-immaniġġjar u l-applikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, u b’mod partikolari d-doża u l-mod ta’ applikazzjoni, jaqbżu l-LAEO.

169    L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414 li jipprovdi li l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tista’ tiġi suġġetta għal ċerti restrizzjonijiet ta’ użu, għandu bħala effett li jippermetti l-inklużjoni ta’ sustanzi li ma jissoddisfawx l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 5(1) ta’ din l-istess Direttiva billi jimponi ċerti restrizzjonijiet li jeskludu l-użu problematiku tas-sustanza in kwistjoni.

170    Peress li din id-dispożizzjoni tidher li tattenwa l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, hija għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Għaldaqstant, qabel l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, għandu jiġi stabbilit, lil hinn minn kull dubju raġjonevoli, li r-restrizzjonijiet għall-użu tas-sustanza in kwistjoni jippermettu li jiġi żgurat użu ta’ din is-sustanza li huwa konformi ma’ l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.

171    Huwa fid-dawl tar-regoli msemmija hawn fuq li għandhom jiġu eżaminati d-diversi ilmenti ta’ din il-parti.

b)     Fuq l-ilmenti mressqa

172    Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel żewġ ilmenti bbażati, rispettivament, fuq qbiż tal-LAEO u fuq in-natura mhux suffiċjentement probatorja ta’l-inkartament biex tiġi ammessa l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

173    Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ ilmenti, il-partijiet jaqblu li l-Kumitat Permanenti stabbilixxa LAEO ta’ 0.005 milligramma għal kull kilogramma ta’ piż tal-ġisem fir-rigward ta' l-espożizzjoni għall-parakwat għal żmien qasir.

174    Huwa ukoll ammess bejn il-partijiet li l-immudellar matematiku jindika espożizzjoni ta’ l-operaturi bejn 4 u 100 darba ogħla mil-LAEO. Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, fl-opinjoni tagħha, il-Kumitat Xjentifiku indika li l-istudji fuq il-post li saru f’diversi pajjiżi wrew li l-immudellar matematiku stima bħala wisq ogħla milli fil-fatt hija l-espożizzjoni reali ta’ l-operaturi f’sitwazzjoni ta’ xogħol. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-immudellar matematiku ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, indikazzjoni serja li tippermetti raġjonevolment li jitqiegħed fid-dubju n-nuqqas ta’ periklu tal-parakwat.

175    Fir-rigward ta’ l-istudji fuq il-post, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, l-istudju Gwatemaljan, li minnu jirriżulta li wieħed mill-operaturi li pparteċipa f'dan l-istudju sofra espożizzjoni għall-parakwat li kienet ekwivalenti għal 118 % tal-LAEO stabbilit għal din is-sustanza.

176    Barra minn hekk, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta’ l-awtriċi tan-notifika fuq l-istudju Gwatemaljan, kif irrappurtati fl-addendum tar-rapport preliminari, li l-operaturi suġġetti għall-ogħla espożizzjonijiet potenzjali u sistematiċi ma jidhrux li ħalltu, imlew iċ-ċilindri tal-bexxiexa u applikaw il-prodott b’mod differenti mill-parteċipanti l-oħra fl-istudju. L-addendum tar-rapport preliminari jindika wkoll li l-operaturi kollha li pparteċipaw fl-istudju ġeneralment segwew ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-avviż fuq it-taħlita tal-prodott u l-mili tal-bexxiexa u jidher li huma osservaw ġeneralment b'mod korrett il-livelli ta’ iġjene waqt it-taħlit tal-prodott in kwistjoni.

177    L-addendum tar-rapport preliminari jgħid ukoll li l-bexx bi dritt is-sider jew ir-ras fil-kanali ta’ irrigazzjoni wassal għal kontaminazzjoni sinjifikanti tal-ħwejjeġ ta’ l-operaturi u li l-operatur li fil-konfront tiegħu ġie osservat livell ta’ espożizzjoni ta’ 118 % tal-LAEO applika l-prodott f’żona ta' kanali ta’ irrigazzjoni, li wasslitu sabiex iżomm il-pajp tal-bexxiexa bi dritt rasu.

178    Huwa minnu li l-addendum tar-rapport preliminari jindika li ċ-ċirkostanzi li fihom l-operatur sostna espożizzjoni ogħla mil-LAEO fil-kuntest ta’ l-istudju Gwatemaljan għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali li ma jirrappreżentawx l-applikazzjonijiet tal-parakwat prattikati fl-Ewropa. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-addendum tar-rapport preliminari ma jagħti l-ebda raġuni li għaliha l-applikazzjoni ta’ parakwat f’żona ta’ kanali ta’ irrigazzjoni li twassal lill-operatur sabiex iżomm il-pajp tal-bexxiexa bi dritt rasu ma tirrappreżentax il-kundizzjonijiet għall-użu fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, mingħajr ma jiġi kontradett fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li l-użu tal-parakwat fuq artijiet imxaqilba huwa wieħed mill-użi previsti għall-parakwat fl-Ewropa (ara punt 75 iktar ’il fuq).

179    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ebda restrizzjoni adottata skond l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414 ma tipprojbixxi l-użu tal-parakwat fiċ-ċirkustanzi li wasslu għal espożizzjoni ta’ l-operatur fuq livell ogħla mil-LAEO fil-kuntest ta’ l-istudju Gwatemaljan. Fil-fatt, jirriżulta mid-Direttiva kkontestata li s-sempliċi restrizzjoni espliċita fuq l-użu tal-bexxiexi li jinġarru bl-idejn għall-applikazzjoni ta’ prodotti li jinkludu l-parakwat tikkonċerna l-“ġonna domestiċi” fejn tali użu huwa pprojbit. Barra minn hekk, il-fatt li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva kkontestata jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta’ l-operaturi, b’mod partikolari għall-applikazzjonijiet b’bexxiexi li jintlibsu fuq id-dahar u tagħmir li jinżamm fl-idejn, ma jwassalx għall-projbizzjoni ta’ użu bħala dak li ta lok għall-qabża tal-LAEO fil-kuntest ta’ l-istudju Gwatemaljan. Fl-aħħar nett, l-Annessi I u II tar-rapport ta’ eżami tal-Kummissjoni li għalih jirreferu d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva kkontestata ma jsemmux projbizzjoni mill-użu problematiku. Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-istudju Gwatemaljan jirrapporta użu problematiku tal-parakwat u xejn ma jindika li dan ma jistax iseħħ fl-Ewropa.

180    Fir-rigward ta’ l-affermazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku li huma biss l-individwi li ma segwewx il-proċedura ta’ użu rrakkomandat li wrew valuri ta’ espożizzjoni viċin il-limitu, għandu jiġi osservat li, fir-rigward ta’ l-istudju Gwatemaljan, din l-affermazzjoni ma hija sostnuta minn ebda element ta’ l-inkartament. Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat fil-punt 176 iktar ’il fuq, l-addendum tar-rapport preliminari jindika li r-rakkomandazzjonijiet u l-livelli ta’ iġjene, b'mod ġenerali, ġew osservati mill-operaturi ta’ l-istudju Gwatemaljan. Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li dan l-istudju jirrapporta każ ta’ espożizzjoni problematika għall-parakwat anki meta l-proċeduri ta’ l-użu rrakkomandati ġew segwiti.

181    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar 'il fuq, l-istudju Gwatemaljan jidher bħala indikazzjoni serja li tippermetti li jkun hemm dubji raġjonevoli fuq in-nuqqas ta’ periklu li l-parakwat jippreżenta għall-operaturi inkarigati mill-applikazzjoni tiegħu.

182    Peress li l-istudju Gwatemaljan juri livell ta’ espożizzjoni li huwa ogħla mil-LAEO minħabba użu tal-parakwat fil-kundizzjonijiet proposti, l-eżiġenza stabbilita fil-punt C 2.4.1.1 ta’ l-Anness VI, li tipprojbixxi kull qbiż tal-LAEO mhijiex issodisfata. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 162 sa 168 iktar ’il fuq, il-kriterji ta’ l-Anness VI huma applikabbli fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ sustanza attiva bis-saħħa ta' l-Artikolu 5(1)(b) ta’ l-istess Direttiva. Għaldaqstant, id-Direttiva kkontestata ma tissodisfax l-eżiġenza tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem skond l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414. L-ilment ibbażat fuq espożizzjoni ta’ l-operatur li hija ogħla mil-LAEO għandu għaldaqstant jiġi milqugħ.

183    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-istudju Franċiż, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, wara l-preżentazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, deher li dan id-dokument ma jikkostitwix studju fuq il-post iżda evalwazzjoni, mill-kummissjoni Franċiża ta’ studju tat-tossiċità (iktar ’il quddiem iċ-“CET”), ta’ l-espożizzjoni ta’ l-operaturi għall-parakwat kif jirriżulta minn diversi studji. B'hekk, iċ-CET evalwat l-espożizzjoni ta’ l-operaturi fil-każ ta’ trattament bil-parakwat li sar bi trakter. Din l-evalwazzjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-kalkoli ta’ espożizzjoni li saru abbażi ta’ immudellar matematiku kif ukoll studju fuq il-post li sar fl-Istati Uniti. Iċ-CET evalwat ukoll l-espożizzjoni ta’ l-operaturi fil-każ ta’ trattament bil-parakwat li sar b’bexxiexa li tintlibes fuq id-dahar. Din l-evalwazzjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-kalkoli ta’ espożizzjoni li saru abbażi ta’ mmudellar matematiku kif ukoll ta' l-istudju Srilankiż, Gwatemaljan u Spanjol. Bħala konklużjoni ta’ l-istudju Franċiż, iċ-CET ħarġet opinjoni li fiha hija tindika li hija “iżżomm opinjoni negattiva għall-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjonijiet abbażi ta' parakwat għall-użi kollha li jeħtieġu l-użu ta’ trattament b’bexxiexa li tintlibes fuq id-dahar”. Hija żżid li hija “tipproponi opinjoni favorevoli għall-awtorizzazzjoni tal-preparazzjonijiet abbażi ta' parakwat għall-użu li jeħtieġ esklużivament it-trattament ta’ l-uċuh tar-raba' bl-għajnuna ta’ trakter”.

184    Għandu jiġi osservat li d-Direttiva kkontestata tipprojbixxi l-applikazzjonijiet b’bexxiexa li jintlibsu fuq id-dahar u b'tagħmir li jinżamm bl-idejn biss fil-“ġonna domestiċi”, b'tali mod li l-applikazzjonijiet permezz ta’ bexxiexi li jintlibsu fuq id-dahar, barra minn “ġonna domestiċi”, huma awtorizzati minkejja li ntagħat opinjoni sfavorevoli fir-rigward tagħhom miċ-CET fl-istudju Franċiż.

185    Peress li l-Kummissjoni sostniet li l-istudju Franċiż kellu rwol importanti fid-deċiżjoni tagħha li tinkludi l-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, jinħtieġ, għall-bżonnijiet ta’ dan il-proċediment, li jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni ta’ dan l-istudju li tgħid li għandha tingħata opinjoni negattiva fir-rigward ta' l-applikazzjonijiet li jeħtieġu l-użu ta’ trattament b’bexxiexa li tinġarr fuq id-dahar tikkostitwixxi indikazzjoni serja li tippermetti raġjonevolment li jitqiegħed fid-dubju n-nuqqas ta’ periklu tal-parakwat waqt tali użu.

186    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, għandhom jiġu milqugħa l-ilmenti bbażati, rispettivament, fuq espożizzjoni ogħla mil-LAEO u fuq in-natura insuffiċjentement probatorja ta’ l-inkartament biex tiġi ammessa l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

187    Fir-rigward, sussegwentement, ta’ l-ilment ibbażat fuq tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tissuġġetta l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tad-Direttiva għal ċerti restrizzjonijiet. Għaldaqstant, l-unika ċirkustanza fejn id-direttiva kkontestata tipprovdi eżiġenzi speċifiċi ma tistax titqies li tmur kontra l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414.

188    Barra minn hekk, il-fatt li l-eżiġenzi speċifiċi previsti mid-Direttiva kkontestata jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jaraw li l-possessuri ta’ awtorizzazzjonijiet jikkomunikaw, mhux iktar mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena sa l-2008, l-effetti fuq is-saħħa ta’ l-operaturi u li din l-informazzjoni tiġi kkompletata b’tagħrif fuq il-bejgħ u stħarriġ fuq it-tipi ta’ użu, sabiex tingħata stampa reali ta’ l-impatt tossikoloġiku tal-parakwat ma jindikax, minnu nnifsu, li l-Kummissjoni tippreġudika l-prinċipju ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

189    B'hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mill-partijiet intervenjenti, dawn l-eżiġenzi speċifiċi għall-parakwat ma jindikawx, minnhom infushom, la li l-Kummissjoni kienet tinsab f'dubju rigward ir-riskji li tippreżenta din is-sustanza, u lanqas li hija ddeċidiet li tissostitwixxi evalwazzjoni a priori tal-parakwat, bl-osservazzjoni tal-konsegwenzi a posteriori ta’ l-użu ta’ din is-sustanza.

190    It-tielet ilment għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

191    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti rigward il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem għandu jiġi milqugħ, bl-eċċezzjoni tat-tielet ilment.

B –  Fir-rigward tat-tieni parti rigward il-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali

1.     L-argumenti tal-partijiet

a)     Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux suffiċjentement probatorja ta’ l-inkartament xjentifiku

192    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni aċċettat l-inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fuq il-bażi ta’ inkartament li ma kienx komplet fir-rigward ta’ l-effetti dannużi tal-parakwat fuq is-saħħa tal-liebri u ta’ l-embrijuni ta’ l-għasafar u ta’ l-effikaċja tal-miżuri meħtieġa sabiex jinkisbu dawn l-effetti, fatt li, minn naħa, imur kontra l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 meta moqri b'rabta mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ livell għoli ta’ ħarsien ta’ l-ambjent u, min-naħa l-oħra, juri n-natura arbitrarja ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-parakwat seta’ jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

193    Fir-rigward tal-liebri, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, qabel kollox, li jirriżulta, mill-motivi tad-Direttiva kkontestata u mill-inkartament li fuqu huwa bbaża ruħu, li l-parakwat għandu effett letali jew kważi letali fuq dawn il-mammiferi.

194    Huwa jsostni, sussegwentement, li l-motivi tad-Direttiva kkontestata, l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku u r-rapport ta’ eżami tal-Kummissjoni jindikaw li l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tippermetti li tiġi stabbilita l-proporzjoni tal-liebri li jistgħu jiġu affetwati mill-parakwat.

195    Huwa jsostni wkoll li, fit-tieni rapport tiegħu, l-iSMR ikkunsidra sitwazzjoni relatata ma' l-użu ta’ parakwat fl-egħlieqi tal-qasbija fir-Renju Unit, li minnu jirriżulta li madwar 2 % tal-popolazzjoni totali tal-liebri jistgħu jkunu esposti fl-agħar sitwazzjoni, li, skond ir-Renju ta’ l-Iżvezja, jirrappreżenta 16 000 liebru fis-sena għat-territorju tar-Renju Unit. Din l-istima tistrieħ fuq ipoteżi ta’ bexx ta’ 0.4 % tal-medda totali ta’ ċereali, meta fil-fatt l-ebda pajjiż għadu ma qies li huwa xieraq li jillimita fil-prattika l-meded ta’ art li jistgħu jiġu ttrattati bil-pestiċidi.

196    Barra minn hekk, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mill-partijiet intervenjenti josserva li annimali oħra bħall-fniek, it-talpi, il-far [bl-Ingliż, 'vole'] u l-ġrieden ta’ l-imramma [bl-Ingliż, 'shrews'] huma esposti għall-istess riskji bħal-liebri u li dawn il-mammiferi ma tteħdux in kunsiderazzjoni meta ġew deċiżi l-miżuri intiżi sabiex ir-riskji jiġu attenwati. Il-fatt li l-istess ammont ta’ annimali bħal-liebri huma fir-riskju li jmutu jew li jsostnu leżjonijiet gravi u jsofru minn dawn il-leżjonijiet huwa inaċċettabbli.

197    Huwa jżid li l-evalwazzjoni ta’ l-iSMR turi b’mod ċar li ma kienx possibbli li jinstab użu mhux perikoluż tal-parakwat f’dak li jikkonċerna l-liebri. Minn naħa, minflok ma jiġu eżaminati l-oqsma ta’ użu proposti mill-awtriċi tan-notifika, l-iSMR ikkonkluda li r-riskji għal-liebri għandhom jiġu evalwati mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, jekk jitqies li l-iSMR jirrakkomanda użu partikolari tal-parakwat, dan ikun validu biss għall-użu tal-parakwat fl-għelieqi tal-qasbija, fid-dawl tal-fatt li huwa bbaża ruħu fuq sitwazzjoni li tikkonċerna dan il-qasam ta’ użu biss. Issa, l-awtriċi tan-notifika tikkunsidra diversi oqsma ta’ użu b'tali mod li, sabiex il-parakwat ikun jista’ jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, kellhom jiġu evalwati r-riskji f’kull waħda minn dawn l-oqsma ta’ użu.

198    Huwa josserva wkoll li, fil-fehma tiegħu, il-Kumitat Xjentifiku semma miżuri li eventwalment setgħu jnaqqsu r-riskji għal-liebri, iżda li, fin-nuqqas ta’ data xjentifika li tista’ tipprova l-effetti preżunti tal-miżuri identifikati, il-kumitat ma kellu l-ebda għażla oħra ħlief li jikkonstata li l-parakwat seta’, fid-dawl tad-data ppreżentata, jikkawża leżjonijiet, u saħansitra l-mewt ta’ ċerti individwi. Fil-fehma tiegħu, id-data miġbura fl-istudji li saru fuq il-post, li fihom liebri ġew esposti għas-sustanza, turi li r-riskji huma reali, iżda li mhuwiex possibbli li jiġi stmat il-proporzjon ta’ l-annimali affetwati. Min-naħa l-oħra, l-ebda data xjentifika ġdida ma ġiet ippreżentata in sostenn ta’ l-affermazzjoni ta’ l-awtriċi tan-notifika li tgħid li l-miżuri li setgħu jnaqqsu r-riskji għal-liebri kienu effikaċi. L-informazzjoni li tikkonċerna l-effetti eventwali tal-miżuri proposti kellhom, skond il-prassi normali fil-qasam ta’ l-inklużjoni ta’ sustanzi attivi, ikunu s-suġġett ta' eżami bil-miktub u ta' evalwazzjoni xjentifika sabiex iservu bħala bażi għall-evalwazzjoni li saret f’dan il-każ.

199    Fir-rigward ta’ l-embrijuni ta’ l-għasafar, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, qabel kollox, li l-motivi tad-Direttiva kkontestata u r-rapport ta’eżami tal-Kummissjoni jindikaw li l-parakwat għandu effetti dannużi fuq ir-riproduzzjoni ta’ l-għasafar. Huwa jsostni, b’mod iżjed partikolari, li l-Kumitat Xjentifiku kkunsidra li l-istudju fuq l-espożizzjonijiet li saru juri li l-parakwat jista’ jkun ta' periklu għall-embrijuni ta’ għasafar iżda li, sabiex jiġu evalwati dawn ir-riskji, kien meħtieġ li tinkiseb informazzjoni supplementari li tirriżulta minn studji realistiċi.

200    Skond ir-Renju ta’ l-Iżvezja, l-awtriċi tan-notifika pprovdiet informazzjoni komplementari li kienet tikkonsisti, minn naħa, minn tliet stimi ta’ dożi li bihom il-parakwat kien jagħmel ħsara lill-bajd ta’ għasafar, stimi li saru fuq il-bażi ta’ testijiet fil-laboratorju u, min-naħa l-oħra, minn diversi allegazzjonijiet rigward il-post u ż-żmien li fihom ibidu l-għasafar li jgħixu fl-art fosthom b’mod partikolari dik li tgħid li kien improbabbli li għasafar li jirriproduċu ruħhom fuq l-art jgħixu f’ġonna tas-siġar tal-frott, f'raba' taż-żebbuġ u fi dwieli. Din l-informazzjoni ġdida ma kinitx tinkludi l-istudju realist ta' espożizzjoni li sar fuq il-post u ma ġietx sostnuta bi provi. Għaldaqstant din kienet qarrieqa u inkompleta u ma ppermettietx li jiġu mwieġba l-mistoqsijiet tal-Kumitat Xjentifiku. Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jżid ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni kkuntentat ruħha b’dan l-inkartament inkomplet sabiex tawtorizza l-inklużjoni tal-parakwat juri li l-evalwazzjoni tagħha marret kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni.

201    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, barra minn hekk, li l-iSMR jindika fit-tieni rapport tiegħu li r-riskju ta’ espożizzjoni għall-għasafar li jgħixu fl-art ma tantx huwa għoli fl-egħlieqi ta’ l-alfalfa fil-ħarifa u fix-xitwa. Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li, fid-dawl tad-data disponibbli, dan jirrigwarda s-sempliċi użu li ġie kkunsidrat bħala aċċettabbli mil-lat ta’ l-għasafar, b’tali mod li dan l-użu biss kellu jiġi awtorizzat. Għaldaqstant, huwa jsostni li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma pprovat, b’mod iżjed ġenerali, li kien jeżisti użu tal-parakwat fir-rigward ta’ liema r-riskju ta’ espożizzjoni għall-għasafar li jgħixu fl-art huwa aċċettabbli.

202    Il-Kummissjoni tikkontesta n-nuqqas ta’ natura suffiċjentement probatorja ta’ l-inkartament fir-rigward tas-saħħa ta’ l-annimali biex ikun jista' jiġi inkluż il-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

203    Fir-rigward tal-liebri, il-Kummissjoni ssostni, qabel kollox, li l-esperti ta’ l-ECCO indikaw li informazzjoni supplementari kienet neċessarja sabiex ikun jista’ jiġi evalwat l-effett tal-prodott fuq il-liebri, u wara din l-osservazzjoni l-awtriċi tan-notifika kkompletat l-inkartament.

204    Hija tosserva, sussegwentement, li l-Kumitat Xjentifiku ddikjara li l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tippermetti li jiġi evalwat in-numru ta’ liebri li setgħu jiġu affetwati iżda kienu jeżistu miżuri li jippermettu li jitnaqqsu r-riskji fil-konfronti ta’ dawn l-annimali.

205    Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li, fit-tieni rapport tiegħu, l-iSMR indika li l-Kumitat Xjentifiku u l-awtriċi tan-notifika pproponew miżuri intiżi sabiex inaqqsu r-riskji għal-liebri (bexx kmieni filgħodu, peress li l-liebru huwa annimal ta' bil-lejl; tiġi miżjuda sustanza dissważiva mal-prodott; il-bexx jinbeda minn nofs l-għalqa; jiġi evitat il-bexx ta’ l-għalqa kollha fl-istess ġurnata) u li kien jaqbel, skond is-sitwazzjoni fid-diversi Stati Membri, li dawn l-Istati jiġu awtorizzati sabiex jistabbilixxu kundizzjonijiet xierqa għall-użu meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

206    Il-Kummissjoni żżid li peress li kien inċert rigward in-numru ta’ liebri kkonċernati, l-iSMR evalwa sitwazzjoni li kienet tikkonċerna l-użu tal-parakwat fl-egħlieqi tal-qasbija fir-Renju Unit. Fil-fehma tagħha, l-għażla ta’ din is-sitwazzjoni kienet iġġustifikata mill-fatt li użu bħal dan kien ikkawża inċidenti fis-snin 60, li data kienet disponibbli għar-Renju Unit u li tali użu tal-parakwat kien ikkunsidrat mill-awtriċi tan-notifika.

207    Hija ssostni wkoll li jirriżulta mit-tabella ta’ evalwazzjoni li l-awtriċi tan-notifika affermat li l-miżuri restrittivi proposti mill-Kumitat Xjentifiku kienu effikaċi. Hija ssostni, barra minn hekk, li t-tabella ta’ evalwazzjoni tindika li l-iSMR u l-Kumitat Permanenti kkunsidraw li l-informazzjoni disponibbli kienet suffiċjenti.

208    Hija tgħid, fl-aħħar nett, li kundizzjoni partikolari li tikkonċerna l-liebri ġiet introdotta fid-direttiva kkontestata.

209    Fir-rigward ta’ l-għasafar, qabel kollox il-Kummissjoni ssostni li l-Kumitat Xjentifiku sempliċement indika li l-metodu li kien jinvolvi t-tagħdis ta’ bajda fil-parakwat għal 30 sekonda kien joħroġ biċ-ċar mill-ambitu tas-sitwazzjoni realistika l-iktar sfavorevoli u li, għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tesprimi ruħha fuq ir-riskji, studji iktar realistiċi – ibbażati, per eżempju, fuq bexx – kienu neċessarji.

210    Hija tosserva, sussegwentement, li l-awtriċi tan-notifika kkomunikat data supplementari. Hija tikkontesta l-fatt li din l-informazzjoni kienet qarrieqa u insuffiċjenti u li ma kinitx twieġeb id-domandi tal-Kumitat Xjentifiku. Fir-rigward ta' dan ta' l-aħħar, hija ssostni, l-ewwel nett, li r-Renju ta’ l-Iżvezja ma enfasizzax liema domandi tal-Kumitat Xjentifiku baqgħu mingħajr tweġiba. It-tieni nett, hija ssostni li fit-tieni rapport tiegħu, l-iSMR ħa in kunsiderazzjoni l-effetti tal-bexx tal-bajd u kkunsidra li, f'diversi sitwazzjonijiet, l-espożizzjoni ta’ għasafar li jgħixu fl-art kienet negliġibbli u, għaldaqstant, ir-riskju kien aċċettabbli, iżda li fil-każijiet fejn l-espożizzjoni kienet possibbli, ir-riskju kellu jiġi evalwat, fejn huwa possibili, mill-Istat Membru.

211    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, fl-addendum tar-rapport preliminari, l-iSMR enfasizza li l-evalwazzjoni inizjali tar-riskju baqgħet aċċettabbli, li l-informazzjoni pprovduta mill-awtriċi tan-notifika kienet is-suġġetta ta' eżami kritiku, li l-imsemmija informazzjoni kienet affidabbli u setgħet isservi għal evalwazzjoni tar-riskju fuq il-livell Ewropew u li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, il-parakwat ma kienx jesponi lill-għasafar li jgħixu fl-art għal effetti inaċċettabbli.

212    Hija żżid li jirriżulta mit-tabella ta’ evalwazzjoni li l-esperti ta’ l-ECCO kkunsidraw li r-riskju għall-għasafar seta’ jiġi mnaqqas permezz tal-kundizzjonijiet għall-użu. Jirriżulta ukoll minn din it-tabella li l-iSMR li kien evalwa l-informazzjoni supplementari pprovduta mill-awtriċi tan-notifika, qies li d-data kkomunikata kienet affidabbli u rilevanti, peress li kienet tikkostitwixxi l-bażi ta’ evalwazzjoni aħjar tar-riskji għall-għasafar li jgħixu fl-art. Din it-tabella tindika, fl-aħħar nett, li l-parakwat ma kienx jippreżenta effetti inaċċettabbli jekk il-kundizzjonijiet għall-użu previsti kellhom jiġu ssodisfati.

213    Barra minn hekk, hija tenfasizza wkoll li d-direttiva kkontestata tipprovdi espliċitament, f’dak li jikkonċerna l-għasafar li jgħixu fl-art, li, meta s-sitwazzjonijiet ta’ użu jindikaw espożizzjoni potenzjali tal-bajd, evalwazzjoni tar-riskji għandha ssir u, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu implementati miżuri intiżi sabiex jitnaqqsu r-riskji.

214    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li jekk huwa minnu li d-Direttiva kkontestata ma tipprovdix miżuri partikolari għall-mammiferi l-oħra minbarra l-liebri, dan jirriżulta mill-fatt li huwa impossibbli li jittieħdu in kunsiderazzjoni r-riskji eventwali għal kull mammiferu, u din hija r-raġuni għalfejn waqt l-evalwazzjoni, approċċ prammatiku u realistiku jirriżulta fil-konċentrazzjoni ta' l-imsemmija evalwazzjoni fuq l-annimali li huma l-iktar esposti. Madankollu, l-inkartament juri li informazzjoni li tikkonċerna mammiferi oħra, bħall-far [bl-Ingliż, b'referenza kemm għal 'vole' kif ukoll għal 'rat'] ġiet ukoll eżaminata. Barra minn hekk, hija ssostni li meta Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni eventwali ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi sustanza attiva inkluża fl-Anness I, dan huwa marbut li josserva d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI; il-punt B 2.5.2.1 ta' dan l-Att jeżiġi li l-imsemmi Stat Membru jevalwa l-possibbiltà ta’ espożizzjoni ta’ l-għasafar u ta’ vertebrati li jgħixu fl-art għall-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u, jekk din il-possibbiltà hija reali, li tiġi evalwata l-importanza tar-riskju għal żmien qasir u għal żmien twil, u b’mod partikolari għar-riproduzzjoni, li għalih dawn l-organiżmi jistgħu jkunu esposti wara l-applikazzjoni tal-prodott skond il-kundizzjonijiet ta’ użu proposti. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant hija adattata għall-kundizzjonijiet speċifiċi preżenti fi Stat Membru partikolari u għal metodu ta’ użu preċiż. Barra minn hekk, l-Istat Membru jista’ jissuġġetta l-awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet partikolari, bħaż-żieda ta’ sustanza dissważiva.

b)     Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux xierqa tal-proporzjon ta' tossiċità għal żmien twil/espożizzjoni fir-rigward tal-punt C 2.5.2.1 ta’ l-Anness VI

215    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, essenzjalment, li l-punt C 2.5.2.1 ta’ l-Anness VI jindika li, fil-każ ta’ espożizzjoni potenzjali ta’ għasafar u vertebrati ta’ l-art oħra mhux imsemmija, għandu jiġi applikat valur limitat speċjali u marġni ta’ sigurtà skond liema l-proporzjon ta' tossiċità għal żmien twil/espożizzjoni għandu jkun ta' 5 jew ogħla minn 5. L-istudji li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-parakwat jindikaw li l-proporzjon ikkonċernata kienet biss ta’ 2. Huwa jżid li l-Kummissjoni ma pprovatx li kien jeżisti użu tal-parakwat li fir-rigward tiegħu r-riskju ta’ espożizzjoni għall-għasafar li jgħixu fl-art kien aċċettabbli. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx, billi tibbaża ruħa fuq l-inkartament eżistenti, tikkonkludi li ma kienx hemm riskju inaċċettabbli.

216    Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li huma l-Istati Membri u mhux il-Kummissjoni nfisha li għandhom japplikaw l-Anness VI meta jiġi awtorizzat prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

c)     Fuq l-ilment ibbażat fuq l-konċessjoni lill-Istati Membri ta’ l-evalwazzjoni u tal-ġestjoni eventwali ta’ riskji

217    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, sostnut mir-Repubblika ta’ l-Awstrija u mir-Renju tad-Danimarka, isostni li l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva kkontestata jikkonfermaw li l-Kummissjoni għażlet li ċċedi lill-Istati Membri l-evalwazzjoni tar-riskji, kif ukoll l-evalwazzjoni fundamentali tal-kwistjoni dwar jekk kienx possibbli li jinkiseb livell ta’ riskju aċċettabbli. Tali konċessjoni tmur kontra d-Direttiva 91/414.

218    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li hija għażlet li tittrasferixxi l-evalwazzjoni tar-riskji lill-Istati Membri u li tagħtihom ir-responsabbiltà li japprezzaw fundamentalment jekk huwiex possibbli li jinkiseb livell ta’ riskju aċċettabbli. F’dan ir-rigward, hija ssostni, essenzjalment, li saret evalwazzjoni Komunitarja. B'hekk, hija tosserva, fir-rigward tal-liebri, li kemm l-iSMR kif ukoll il-grupp ta’ evalwazzjoni tal-Kumitat Permanenti kkunsidraw li l-informazzjoni disponibbli kienet suffiċjenti biex jiġu evalwati r-riskji u li d-Direttiva kkontestata tipprovdi li, meta s-sitwazzjonijiet ta’ użu jindikaw espożizzjoni potenzjali tal-liebri, għandha ssir evalwazzjoni tar-riskji u, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu implementati miżuri intiżi sabiex inaqqsu r-riskji.

219    Fir-rigward ta’ l-għasafar, hija tindika li, fit-tieni rapport tiegħu, l-iSMR ikkunsidra li, f'diversi sitwazzjonijiet, l-espożizzjoni ta’ għasafar li jgħixu fl-art kienet negliġibbli u, għaldaqstant, ir-riskju kien aċċettabbli, iżda li, fil-każ fejn l-espożizzjoni kienet possibbli, ir-riskju kellu jiġi evalwat, jekk huwa possibbli mill-Istat Membru. Hija tinvoka wkoll il-konklużjoni ta’ l-addendum li jgħid li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, il-parakwat ma jesponix lill-għasafar li jgħixu fl-art għal effetti inaċċettabbli. Fl-aħħar nett hija ssemmi t-tabella ta’ evalwazzjoni li minnha jirriżulta li, skond ir-rapport ta’ eżami ta’ l-ECCO, ir-riskju għall-għasafar seta' jiġi mnaqqas permezz tal-kundizzjonijiet ta’ użu.

d)     Fuq l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ uġigħ inaċċettabbli għall-annimali esposti

220    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni, qabel kollox, li l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li sustanza attiva għandha, biex tiġi inkluża fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, tissoddisfa l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v) ta’ din id-Direttiva u li, skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(b)(v) ta’ din id-Direttiva, l-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti in kwistjoni ma jistax ikollu effett inaċċettabbli fuq l-ambjent, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-effett tiegħu fuq l-ispeċji li mhumiex imsemmija. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ikkonċernat ma jistax jikkawża tbatija u wġigħ inaċċettabbli lill-ispeċji li ma ġewx imsemmija ladarba, fir-rigward tal-vertebrati li jridu jiġu kkontrollati, l-Artikolu 4(1)(b)(iii) ta’ l-imsemmija Direttiva jipprekludi l-possibbiltà li l-prodott ikkonċernat jikkawża tbatija jew uġigħ bħal dan.

221    Huwa jsostni, sussegwentement, li huwa magħruf li l-persuni esposti għall-parakwat ibatu minn uġigħ qawwi u tbatija severa u li jirriżulta mill-inkartament xjentifiku li jista’ jiġi meqjus li dan huwa wkoll il-każ fost mammiferi oħra. Għaldaqstant, id-Direttiva kkontestata tmur kontra l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414.

222    Il-Kummissjoni ma esprimietx ruħha fuq dan l-ilment fin-noti tagħha. Madankollu hija kkontestat, fis-seduta, ir-rilevanza tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(b)(v) tad-Direttiva 91/414 għall-evalwazzjoni ta’ sustanza attiva.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Fuq il-kuntest ta’ evalwazzjoni

223    Fir-rigward tal-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li, sabiex sustanza tkun tista’ tiġi inkluża fl-Anness I ta’ din l-istess Direttiva, għandu jiġi mistenni, meta jitqies l-istat ta’ l-għarfien xjentifiku u tekniku, li l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva in kwistjoni, wara applikazzjoni skond il-prattiċi ġusti fitosanitarji, ma jkollhomx effett dannuż fuq is-saħħa ta’ l-annimali, skond l-Artikolu 4(1)(b)(iv) tad-Direttiva 91/414.

224    Għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-kuntest ta’l-ewwel parti ta’ dan il-motiv rigward il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem (ara punt 161 iktar ’il fuq), din id-dispożizzjoni, meta tinqara b’konnessjoni mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, timplika li, fir-rigward tas-saħħa ta’ l-annimali, l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet serji li, mingħajr ma tiġi eskluża l-inċertezza xjentifika, tippermetti raġjonevolment li jitqiegħed fid-dubju n-nuqqas ta’ periklu li tippreżenta sustanza, tmur kontra, bħala regola ġenerali, l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

225    Biex jiġi evalwat jekk l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 humiex issodisfatii fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali, jinħtieġ, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 162 sa 167 aktar ’il fuq, li jiġu applikati l-prinċipji uniformi msemmija fl-Anness VI.

226    B’mod iżjed partikolari, il-punt C 2.5.2.1 ta’ l-Anness VI jipprovdi, essenzjalment, li ma tingħatax awtorizzazzjoni f'każ ta’ espożizzjoni potenzjali ta’ għasafar u vertebrati terrestri oħra mhux imsemmija jekk il-proporzjon tossiċità għal żmien twil/espożizzjoni huwa inqas minn 5, sakemm evalwazzjoni xierqa tar-riskju ma tistabbilixxix b’mod konkret in-nuqqas ta’ impatt inaċċettabbli wara użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti taħt il-kundizzjonijiet proposti.

227    Fl-aħħar nett, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 169 u 170 iktar ’il fuq, qabel kull inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, għandu jiġi stabbilit, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li r-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-sustanza in kwistjoni skond l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414 jippermettu li jiġi żgurat użu ta’ din is-sustanza li jkun konformi ma' l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.

228    Huwa fir-rigward tar-regoli msemmija hawn fuq li għandhom jiġu eżaminati d-diversi lmenti mressqa fil-kuntest ta’ din il-parti.

b)     Fuq l-ilmenti mressqa

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-natura insuffiċjentment probatorja ta’ l-inkartament għall-konklużjoni ta' nuqqas ta’ effetti dannużi tal-parakwat fuq is-saħħa ta’ l-animali.

229    Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk, meta l-Kummissjoni twettaq eżami ta’ sustanza attiva skond l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414, din l-istituzzjoni hijiex marbuta li tevalwa l-użi kollha li jirrappreżentaw is-sustanza in kwistjoni, kif innotifikati mill-awtriċi tan-notifika.

230    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond it-tieni premessa tad-Direttiva kkontestata, l-effetti tal-parakwat ġew evalwati b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3600/92 għal numru ta’ applikazzjonijiet proposti mill-awtriċi tan-notifika.

231    Barra minn hekk, bħala tweġiba għad-domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni enfasizzat, fis-seduta, li hija kellha teżamina l-użu tal-parakwat inkwantu erbiċida għall-erbatax-il użu msemmija fl-Anness IV tar-rapport ta’ l-eżami tal-Kummissjoni, jiġifieri l-użu tal-parakwat fil-koltivazzjoni taċ-ċitru (citrus), ta’ ġewż u ġellewż (treenuts – hazelnut), ta’ tuffieħ (pome fruit – apple), ta’ għeneb (grape), ta’ frawli (strawberry), ta’ żebbuġ (olives), ta’ tadam u ħjar (fruiting vegetables – tomatoes/cucumbers), ta’ fażola ħadra (vegetable cropsbeans), ta’ patata (potato), ta’ alfalfa (lucerne) kif ukoll għall-użu ta’ din is-sustanza fl-egħlieqi tal-qasbija (autumn stubbles), waqt it-tħejjija ta’ l-artijiet għar-rebbiegħa (spring land preparation), fil-qasam tax-xjenza tal-foresti u tal-pjanti ornamentali (forestry, ornamentals), kif ukoll fuq artijiet mhux ikkoltivati (non-crop land).

232    Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li l-parakwat ma kellux effett dannuż fuq is-saħħa ta’ l-annimali fuq l-eżami ta’ l-erbatax-il użu intenzjonati mill-awtriċi tan-notifika.

233    Issa, sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-parakwat fuq is-saħħa tal-liebri u l-embrijuni ta’ l-għasafar, żewġ oqsma ta’ użu biss ġew eżaminati, jiġifieri l-użu tal-parakwat fl-egħlieqi tal-qasbija f’dak li jikkonċerna l-liebri u l-użu tal-parakwat fl-egħlieqi ta’ alfalfa fil-ħarifa u fix-xitwa f’dak li jikkonċerna l-għasafar.

234    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tressaq l-ebda raġuni li għaliha ma kienx meħtieġ li jsir eżami tat-tnax-il użu ieħor rappreżentattiv tal-parakwat biex jiġi evalwat l-impatt ta’ din is-sustanza fuq is-saħħa tal-liebri u ta’ l-embrijuni ta’ l-għasafar.

235    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi milqugħ l-ilment ibbażat fuq in-natura insuffiċjentement probatorja ta’ l-inkartament sabiex jiġi konkluż li l-parakwat ma kellux effetti dannużi fuq is-saħħa tal-liebri u ta’ l-embrijuni ta’ l-għasafar.

236    Għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk, kif jallega r-Renju ta’ l-Iżvezja, huwiex suffiċjentement stabbilit li l-miżuri invokati mill-Kummissjoni effettivament ippermettex li jitnaqqas ir-riskju ppreżentat mill-parakwat għas-saħħa tal-liebri.

237    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tallega li l-Kumitat Xjentifiku u l-awtriċi tan-notifika identifikaw miżuri li jistgħu jnaqqsu r-riskji għal-liebri, li l-awtriċi tan-notifika sostniet li dawn il-miżuri kienu effikaċi u li l-iSMR u l-Kumitat Permanenti kkunsidraw li l-informazzjoni disponibbli kienet suffiċjenti biex jiġi evalwat l-impatt tal-parakwat fuq is-saħħa tal-liebri.

238    Dawn l-elementi biss ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-effikaċja tal-miżuri allegati ġiet stabbilita kif rikjest mil-liġi.

239    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-konklużjoni ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tindika li wieħed seta’ jistenna li l-parakwat jikkawża effetti letali jew kważi letali fuq il-liebri u li dan ġie kkonfermat mill-istudji fuq il-post. Imbagħad, għandu jiġi enfasizzat li l-Kumitat Xjentifiku adotta din il-konklużjoni wara li ħa in kunsiderazzjoni l-miżuri li l-Kummissjoni ssostni li jippermettu li jitnaqqas ir-riskju identifikat. Għaldaqstant, huwa biss fuq il-bażi ta’ data xjentifika ġdida meta mqabbla ma' dik li kienet ittieħdet in kunsiderazzjoni mill-Kumitat Xjentifiku li l-effikaċja tal-miżuri invokati setgħet tiġi stabbilita suffiċjentement. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma tinvoka data ta’ dan it-tip. Għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għadha trid tistabbilixxi l-effikaċja tal-miżuri li hija tinvoka.

240    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-miżuri li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tallega li jistgħu jnaqqsu r-riskji għal-liebri, bħall-bexx tal-parakwat kmieni filgħodu, iż-żieda ta’ sustanza dissważiva mal-prodott, il-bexx li jinbeda minn nofs l-għalqa u jkompli lejn il-ġnub tagħha jew il-bexx ta’ parti biss mill-għalqa ma jissemmew la direttament u lanqas indirettament fid-Direttiva kkontestata bħala dispożizzjonijiet speċifiċi skond l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414.

241    B’mod iżjed partikolari, il-fatt li l-Anness tad-Diretiva kkontestata jeżiġi li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien tal-liebri u, jekk ikun hemm bżonn, jagħmlu evalwazzjoni tar-riskji u l-ġestjoni tagħhom ma jistax jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni fuq l-użu tal-parakwat skond l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414, li fir-rigward tiegħu huwa stabbilit, lil hinn minn kull dubju raġjonevoli, li hija tippermetti li jiġi żgurat użu ta' din is-sustanza li jkun konformi ma' l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.

242    Minn dan jirriżulta li l-ilment għandu jiġi milqugħ ukoll inkwantu l-Kummissjoni qed tiġi akkużata li bbażat ruħha fuq inkartament li ma jippermettix li jiġi stabbilit kif rikjest mil-liġi li l-miżuri allegati jistgħu jnaqqsu r-riskju identifikat għal-liebri.

243    Fir-rigward, fit-tielet lok, ta’ l-ilment ibbażat fuq in-natura insuffiċjentement probatorja ta’ l-inkartament f’dak li jikkonċerna l-miżuri previsti sabiex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa ta’ l-għasafar, dan l-ilment se jiġi eżaminat flimkien mat-tieni u t-tielet ilment invokati f'din il-parti (ara l-punt 252 iktar ’il fuq).

 Fuq it-tieni u t-tielet ilmenti bbażati rispettivament fuq in-natura mhux xierqa tal-proporzjon tossiċità għal żmien twil/espożizzjoni fir-rigward tal-punt C 2.5.2.1 u fuq rinunzja lill-Istati Membri ta’ l-evalwazzjoni u tal-ġestjoni tar-riskji, f'dak li jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-embrijuni ta’ għasafar

244    Fir-rigward, qabel kollox tal-proporzjon tossiċità għal żmien twil/espożizzjoni, jirriżulta mit-tweġiba tar-Renju ta’ l-Iżvezja għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li mhijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, li l-kliem “proporzjon tossiċità għal żmien twil/espożizzjoni” u “marġni ta’ sigurtà” huma sinonimi. Jirriżulta wkoll minn din it-tweġiba li, sabiex jiġu evalwati r-riskji għall-għasafar li jgħixu fl-art, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istudji li jgħidu li effetti negattivi fuq it-tfaqqis tal-bajd ġew osservati meta dan il-bajd jiġi espost għal doża tal-parakwat li jikkorrispondi għal bexx ta’ 2.24 kilogramma ta’ sustanza għal kull ettaru ta’ art imbexxex filwaqt li d-doża massima rrakkomandata mill-awtriċi tan-notifika hija ta’ 1.1 kilogramma ta’ sustanza għal kull ettaru. Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jikkonkludi minn dan, mingħajr ma jiġi kkontraddett dwar dan il-punt mill-Kummissjoni, li din l-istituzzjoni bbażat ruħha fuq marġni ta’ sigurtà ta’ 2 u mhux ta’ 5, liema marġni huwa rrakkomandat mill-punt C 2.5.2.1 ta’ l-Anness VI.

245    Madankollu, l-għażla ta’ marġni ta’ sigurtà inqas minn 5 tmur kontra l-punt C 2.5.2.1 ta’ l-Anness VI biss jekk jidher li ma saritx evalwazzjoni xierqa tar-riskju li jistabbilixxi konkretament in-nuqqas ta’ impatt inaċċettabbli wara użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi l-parakwat taħt il-kundizzjonijiet proposti.

246    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni pprovatx li kien jeżisti użu tal-parakwat li għalih ir-riskju ta’ espożizzjoni għall-għasafar li jgħixu fl-art huwa aċċettabbli, fatt li r-Renju ta’ l-Iżvezja jikkontesta kemm fil-kuntest ta’ l-ilment li jirrigwarda l-ksur tal-punt C 2.5.2.1 kif ukoll fil-kuntest ta’ l-ewwel ilment ibbażat fuq in-natura insuffiċjentement probatorja ta’ l-inkartament.

247    Fl-opinjoni tiegħu, il-Kumitat Xjentifiku indika li l-parakwat seta’ jikkostitwixxi periklu għall-embrijuni ta’ l-għasafar, iżda li, biex jiġu evalwati r-riskji, kien meħtieġ li tinkiseb informazzjoni supplementari li tirriżulta minn studji realisti.

248    Jirriżulta mit-tieni rapport ta’ l-iSMR li informazzjoni supplementari ngħatat mill-awtriċi tan-notifika permezz ta’tliet studji li jirrigwardaw il-konsegwenzi ta’ bexx bil-parakwat fuq bajd ta’ summien Ġappuniż (Coturnix coturnix japonica), ta’ kuluvert (Mallard duck) u ta’ faġan komuni (Phasianus colchicus).

249    Fit-tieni rapport tiegħu, l-iSMR jindika li jirriżulta mill-istudji msemmija fil-punt preċedenti li l-bexx tal-bajd ta’ kuluvert u ta’ faġan komuni bi kwantità ta’ parakwat darbtejn ogħla minn dak irrakkomandat iwassal għal tnaqqis ġenerali fit-tfaqqis tal-bajd. L-ISMR isostni wkoll li x'uħud mill-użi kkunsidrati mill-awtriċi tan-notifika ma tantx joħolqu riskji għall-embrijuni ta’ l-għasafar minħabba l-perijodu ta’ użu jew minħabba n-natura improbabbli ta’ tibjit fl-uċuh tar-raba' kkonċernati minn applikazzjoni tal-parakwat, iżda li ċerti wċuħ li għalihom l-użu tal-parakwat huwa mitlub jista’ jikkostitwixxi ambjent adegwat għall-għasafar li jgħixu fl-art. L-ISMR jenfasizza madankollu li m’għandux l-informazzjoni li tippermettilu li jistabbilixxi jekk l-għasafar jgħixux effettivament f'uċuħ bħal dawn u f’liema proporzjoni. L-ISMR ikompli jgħid li din l-informazzjoni hija speċifika għal kull Stat Membru u li r-riskju għandu għaldaqstant jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

250    Id-Direttiva kkontestata tindika espliċitament li l-evalwazzjoni mwettqa fi ħdan il-Kumitat Permanenti kkonkludiet li r-riskju għall-għasafar ikun aċċettabbli bil-kundizzjoni li jittieħdu miżuri xierqa intiżi sabiex jittaffew ir-riskji.

251    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tinvoka l-ebda miżura konkreta fejn ġie stabbilit, lil hinn minn kull dubju raġjonevoli, li hija xierqa sabiex tippermetti inklużjoni tal-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, b'mod konformi ma' l-eżiġenzi stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414, f’dak li jikkonċerna s-saħħa ta’ l-għasafar.

252    Minn dan jirriżulta li, meta ġie inkluż il-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, kien għadu ma ġiex stabbilit konkretament li l-parakwat ma kellux impatt inaċċettabbli għas-saħħa ta’ l-embrijuni ta’ l-għasafar, għaliex huma biss miżuri eventwali li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri li jistgħu jrendu dan ir-riskju aċċettabbli. L-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' osservanza mill-Kummissjoni ta' l-eżiġenzi tal-punt C 2.5.2.1 ta’ l-Anness VI għandu għaldaqstant jiġi milqugħ. L-istess jgħodd għall-ilment ibbażat fuq in-natura insuffiċjentement probatorja ta’ inkartament sabiex ikun jista' jiġi inkluż il-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 b'mod konformi ma' l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 5(1)(b) ta’ l-istess Direttiva f’dak li jikkonċerna s-saħħa ta’ l-għasafar. Fl-aħħar nett, jirriżulta wkoll minn dak li ntqal li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-eżami tar-riskji għall-embrijuni ta’ l-għasafar u t-tmexxija ta’ dawn ir-riskji jitħalla f'idejn l-Istati Membri, bi ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 ukoll għandu jiġi milqugħ.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq tbatija inaċċettabbli kkawżata lill-annimali esposti għall-parakwat

253    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Renju ta’ l-Iżvezja jibda bil-premessa li t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(b)(v) tad-Direttiva 91/414 li jeżiġi n-nuqqas ta’ impatt inaċċettabbli fuq l-ambjent fid-dawl, b’mod partikolari, ta' l-effett tal-prodott li jinkludi s-sustanza attiva fuq l-ispeċji li mhumiex imsemmija, huwa rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk huwa jissoddisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414, f’dak li jikkonċerna s-saħħa ta’ l-annimali.

254    Issa, dan mhuwiex il-każ. Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, is-saħħa tal-bniedem jew ta’ l-annimali, fir-rigward ta’ liema l-eżistenza ta’ effetti dannużi mhijiex tollerata u, min-naħa l-oħra, l-ambjent fir-rigward ta’ liema huma biss l-effetti inaċċettabbli li mhumiex ammessi. Bl-istess mod, l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 91/414 jittratta separatament il-kwistjoni ta’ l-effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bniedem jew ta’ l-annimali [Artikolu 4(1)(b)(iv) tad-Direttiva 91/414] u l-kwistjoni ta’ l-impatt inaċċettabbli fuq l-ambjent [Artikolu 4(1)(b)(v) tad-Direttiva 91/414]. Jirriżulta minn din l-istruttura ta’ l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/414 li, ladarba l-kwistjoni tirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ sustanza attiva mill-aspett tal-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali skond l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414, ir-referenza li tagħmel din id-dispożizzjoni għall-Artikolu 4(1)(b) ta’ l-istess Direttiva tirrigwarda biss id-dispożizzjoni ta’ dan l-Artikolu ta' l-aħħar li jikkonċerna speċifikament is-saħħa ta’ l-annimali, jiġifieri l-Artikolu 4(1)(b)(iv) tad-Direttiva in kwistjoni.

255    Għaldaqstant, minħabba l-fatt li l-Artikolu 4(1)(b)(iv) tad-Direttiva 91/414 jittratta diġà b’mod speċifiku l-kwistjoni ta’ l-effetti tal-prodott li jinkludi s-sustanza attiva fuq is-saħħa ta’ l-annimali, it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(b)(v) ta’ l-istess Direttiva dwar in-nuqqas ta’ impatt inaċċettabbli fuq l-ambjent meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-effett tiegħu fuq l-ispeċi li mhumiex imsemmija, mhuwiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-fatt jekk sustanza tissoddisfax il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva fir-rigward ta’ l-effett fuq l-ispeċi li mhumiex imsemmija.

256    Għandu jingħad barra minn hekk u f’kull każ li, anki jekk jingħad li t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(b)(v) tad-Direttiva 91/414 huwa applikabbli sabiex jiġi evalwat jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414, rigward is-saħħa ta’ l-annimali, l-ilment tar-Renju ta’ l-Iżvezja ma jistax jiġi milqugħ.

257    Ċertament, fl-ipoteżi fejn it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(b)(v) tad-Direttiva 91/414 japplika, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni titlob in-nuqqas ta’ tbatija jew ta’ wġigħ inaċċettabbli kkawżati lill-annimali li għalihom mhuwiex intiż il-prodott li jinkludi s-sustanza attiva in kwistjoni. Fil-fatt, ladarba, kif isostni r-Renju ta’ l-Iżvezja, l-Artikolu 4(1)(b)(iii) tad-Direttiva 91/414 jipprojbixxi l-fatt li l-vertebrati li għandhom jiġu kkontrollati mill-prodott in kwistjoni jsofru minn tbatija jew uġigħ inaċċettabbli, a fortiori, l-annimali li l-prodott in kwistjoni m’għandux bħala funzjoni li jikkontrolla għandhom jibbenefikaw minn ħarsien li huwa, almenu, ekwivalenti.

258    Madankollu, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jonqos milli jressaq l-iċken argument li jippermetti li jiġi konkluż li l-parakwat jikkawża tbatija jew uġigħ inaċċettabbli fuq il-liebri u sempliċement jindika li, ladarba l-parakwat jikkawża tali wġigħ u tbatija lill-bniedem, huwa għandu jitqies bħala wieħed li jikkawża effetti identiċi fuq il-mammiferi, bħal-liebri, fir-rigward ta’ liema huwa paċifiku li l-parakwat għandu effetti letali jew kważi letali.

259    Issa, anki jekk huwa probabbli li l-annimali esposti għall-parakwat fuq dożi mortali jifilħu għal uġigħ qawwi u tbatija severa, dan ma jfissirx neċessarjament li dan l-uġigħ u dawn is-sofferenzi juru ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 espliċitament invokati mir-Renju ta’ l-Iżvezja fil-kuntest ta’ dan l-ilment. Fil-fatt b'mod differenti mill-Artikolu 4(1)(b)(iv) tad-Direttiva 91/414 li ma jittollera l-ebda effett danuż dirett jew indirett, tal-prodott li jinkludi s-sustanza attiva, fuq is-saħħa ta’ l-annimali, l-Artikolu 4(1)(b)(iii) u (v) tad-Direttiva 91/414 sempliċement jipprojbixxi t-tbatija u l-uġigħ li huma ta' natura inaċċettabbli. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet huma miksura biss jekk jiġi stabbilit li l-limitu ta’ dak li huwa aċċettabbli jinqabeż, fatt li r-Renju ta’ l-Iżvezja baqa’ ma stabbilixxiex f’dan il-każ. B'dan il-mod, ir-Renju ta’ l-Iżvezja la jindika l-limitu ta’ tbatija jew ta’ wġigħ li lil hinn minnu dawn huma inaċċettabbli, u lanqas li l-limitu inqabeż f’dan il-każ.

260    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ xi element rilevanti li jippermetti li tiġi sostnuta l-affermazzjoni li espożizzjoni għall-parakwat twassal għal tbatija jew uġigħ inaċċettabbli għal-liebri, ir-raba’ lment ma jistax jiġi milqugħ.

261    Minn dan jirriżulta li t-tieni parti relatata mas-saħħa ta’ l-annimali għandha tiġi milqugħa, bl-eċċezzjoni tar-raba’ lment.

262    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, u tat-talba magħmula fil-punt 191 iktar ’il fuq, għandhom jiġu milqugħa, essenzjalment, kull waħda miż-żewġ partijiet tal-grupp ta’ motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, tal-prinċipji ta’ integrazzjoni, ta’ prekawzjoni u tal-livell għoli ta’ protezzjoni.

263    Peress li kull wieħed miż-żewġ gruppi ta’ motivi ġew milqugħa, almenu parzjalment, id-Direttiva kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

264    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

265    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tar-Renju ta’ l-Iżvezja, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/112/KE ta’ l-1 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex ikun inkluż il-parakwat bħala sustanza attiva, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Renju ta’ l-Iżvezja.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika ta’l-Awstrija u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

 

Papasavvas

Sentenza mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2007

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      J. Pirrung


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

I –  Dispożizzjonijiet tat-Trattat

II –  Id-Direttiva 91/414/KEE

III –  Ir-Regolament (KEE) Nru 3600/92

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/112/KE

II –  Id-Direttiva 2003/112/KE

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-istat ta’ l-inkartament xjentifiku dwar il-parakwat

A –  Osservazzjonijiet ġenerali

B –  Fuq ir-rabta bejn l-espożizzjoni għall-parakwat u l-marda ta’ Parkinson

C –  Fuq l-immudellar matematiku u fuq l-istudji fuq il-post rigward ir-riskju kkawżat mill-użu tal-parakwat għall-operaturi

D –  Fuq l-effetti tal-parakwat fuq is-saħħa ta’ l-annimali

II –  Fuq il-grupp ta’ motivi bbażati fuq trattament ta’ l-inkartament, bi ksur ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3600/92, ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 u ta’ l-Artikolu 174 (3) KE

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

III –  Fuq il-grupp ta’ motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, tal-kundizzjoni ta’ integrazzjoni, tal-prinċipju ta’ livell għoli ta’ protezzjoni u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

A –  Rigward l-ewwel parti dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  Fuq l-ilment ibbażat fuq espożizzjoni ta’ l-operatur li hija ogħla mil-LAEO

b)  Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux suffiċjentement probatorja ta’ l-inkartament xjentifiku biex jiġi konkluż in-nuqqas ta’ riskju sinjifikanti tal-parakwat fuq saħħet il-bniedem

c)  Fuq l-ilment ibbażat fuq tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq il-kuntest ta’ l-evalwazzjoni

b)  Fuq l-ilmenti mressqa

B –  Fir-rigward tat-tieni parti rigward il-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux suffiċjentement probatorja ta’ l-inkartament xjentifiku

b)  Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux xierqa tal-proporzjon ta' tossiċità għal żmien twil/espożizzjoni fir-rigward tal-punt C 2.5.2.1 ta’ l-Anness VI

c)  Fuq l-ilment ibbażat fuq l-konċessjoni lill-Istati Membri ta’ l-evalwazzjoni u tal-ġestjoni eventwali ta’ riskji

d)  Fuq l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ uġigħ inaċċettabbli għall-annimali esposti

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq il-kuntest ta’ evalwazzjoni

b)  Fuq l-ilmenti mressqa

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-natura insuffiċjentment probatorja ta’ l-inkartament għall-konklużjoni ta' nuqqas ta’ effetti dannużi tal-parakwat fuq is-saħħa ta’ l-animali.

Fuq it-tieni u t-tielet ilmenti bbażati rispettivament fuq in-natura mhux xierqa tal-proporzjon tossiċità għal żmien twil/espożizzjoni fir-rigward tal-punt C 2.5.2.1 u fuq rinunzja lill-Istati Membri ta’ l-evalwazzjoni u tal-ġestjoni tar-riskji, f'dak li jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa ta’ l-embrijuni ta’ għasafar

Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq tbatija inaċċettabbli kkawżata lill-annimali esposti għall-parakwat

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.